Language of document : ECLI:EU:T:2015:449

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

2 ta’ Lulju 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali ALEX — Trade marks nazzjonali verbali u figurattiva ALEX — Raġuni relattiva għal rifjut — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Ammissibbiltà tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell — Obbligu ta’ motivazzjoni — Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 — Assenza ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi msemmija mit-trade marks kunfliġġenti — Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni”

Fil-Kawża T‑657/13,

BH Stores BV, stabbilita fi Curaçao (Territorju awtonomu tal-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn T. Dolde, avukat, u M. Hawkins, solicitor,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn L. Rampini, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Alex Toys LLC, stabbilita f’Wilmington, Delaware (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn G. Macías Bonilla, P. López Ronda, G. Marín Raigal u E. Armero, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tas‑16 ta’ Settembru 2013 (Każ R 1950/2012‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn BH Stores BV u Alex Toys LLC,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn M. Jaeger, President, M. van der Woude (Relatur), M. Kancheva, C. Wetter u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Diċembru 2013,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ April 2014,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Marzu 2014,

wara r-rinviju tal-kawża preżenti quddiem is-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali,

wara li rat li ma kienx possibbli għal wieħed mill-Membri tal-Awla li jservi fil-kulleġġ ġudikanti u d-deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali li jinnomina lilu nnifsu, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, biex jikkompleta l-Awla,

wara s-seduta tal‑10 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Fis‑27 ta’ Diċembru 2013, Panline U.S.A. Inc. (li ġiet issostitwita mill-intervenjenti, Alex Toys LLC, wara t-trasferiment tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, fil‑21 ta’ Mejju 2013) ressqet applikazzjoni għal reġistrazzjoni Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal‑20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas‑26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija t-trade mark verbali ALEX.

3        Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 16, 20 u 28 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni segwenti:

–        Klassi 16: “Timbri tal-lastku u kuxxinetti tal-linka għat-timbri; kaxex tal-istensil; rigi;kartolini ta’ għeluq is-snin li joħorġu f’forma tridimensjonali; markers tal-feltru; settijiet taż-żebgħa tat-tfal li jkun fihom żebgħa tas-swaba’, żebgħa gouache, akkwarelli, pniezel taż-żebgħa, kikkri taż-żebgħa, u fradal tat-tfal; oġġetti biex tħassar il-bord; ġibs; krejons tax-xama’ u tal-plastik; kolla għall-użu ta’ kartolerija jew domestiku; imqassijiet tat-tfal; lapsijiet tal-kulur; karta tal-origami; numru ta’ folji tal-karti mehmuża flimkien għat-tpinġija; kotba tat-tpinġija u biex taqta’ minnhom; ktieb għat-tpinġija bil-kulur;u kotba tal-attività għat-tfal”;

–        Klassi 20: “Għamara għat-tfal”;

–        Klassi 28: “Kittijiet tal-arti u tas-snajja’ tat-tfal biex isiru l-ġojjelli, żibeġ tal-ispaga, kards, dijorami tal-ġungla, katini taċ-ċwievet, aċċessorji tal-ħwejjeġ, origami u kirigami, stikers, arti bit-tleqqija, arti bir-ramel, skulturi tal-annimali, mudelli, collages, xarbiet maġiċi, fwejjaħ personali, ġellijiet tal-banju, djarju personali u kotba tar-rikordji tal-vaganzi, albums tar-ritratti, mudelli fuq il-ħarir, aċċessorji tal-moda (inklużi kurdun, żibeġ tal-imħabba u żibeġ li jixgħelu); kittijiet tal-arti u tas-snajja’ tat-tfal għall-użu fit-tpinġija biż-żebgħa, fit-tpinġija, fl-istensiling, fl-għoti ta’ kulur, fl-immudellar bit-tafal, fl-assemblaġġ ta’ dinożawri u fit-tpinġija u t-tagħlim tal-alfabett u n-numri (bl-użu ta’ flash‑cards, numri u ittri tal-plastik manjetiċi); kittijiet tad-delizzju tas-snajja’ tal-karti; kittijiet tal-karti tal-maskerati; kittijiet biex tagħmel arloġġi tal-idejn u ċineg tal-arloġġ tal-idejn; fradal tat-tfal mibjugħa bħala parti minn kittijiet tal-arti u tas-snajja’; ġugarelli għall-banju għat-trabi; u ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 21/2008, tas‑26 ta’ Mejju 2008.

5        Fis‑26 ta’ Awwissu 2008, Arcandor Akt (li ġiet issostitwita mir-rikorrenti, BH Stores BV, wara trasferiment ulterjuri), ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 kif emendat (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks preċedenti li ġejjin:

–        It-trade mark Ġermaniża verbali ALEX, iddepożitata fit‑2 ta’ Settembru 1982, irreġistrata fit‑3 ta’ Ġunju 1983, imġedda fit‑3 ta’ Settembru 2002 u fl‑1 ta’ Ottubru 2012, taħt in-numru 1049274, tindika “tagħmir sportiv”, inkluż fil-klassi 28;

–        It-trade mark Ġermaniża verbali ALEX, iddepożitata fil‑5 ta’ Lulju 1990, irreġistrata fil‑15 ta’ Jannar 1992 u mġedda fl‑1 ta’ Awwissu 2010, taħt in-numru DD 648968, tindika “bjankerija għall-kamra tal-baju, bħax-xugamani għall-idejn, ix-xugamani għall-baju, l-ingwanti għall-ħasil u x-xugamani għall-mistednin” inklużi fil-klassi 24 u t-“tagħmir sportiv” inkluż fil-klassi 28;

–        It-trade mark Ġermaniża figurattiva, iddepożitata fl‑4 ta’ Mejju 1999, irreġistrata fit‑2 ta’ Awwissu 1999 u mġedda fl‑1 ta’ Ġunju 2009, taħt in-numru 39925705, tindika r‑“roti (biċikletti)” inklużi fil-klassi 12, il-“basktijiet, barżakki ta’ fuq id-dahar, basktijiet tal-ivvjaġġar u bagalji” inklużi fil-klassi 18 u t-“tagħmir sportiv” inkluż fil-klassi 28, riprodotta hawn taħt:

Image not found

7        Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk previsti fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009] u fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009].

8        Fis‑7 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti ddepożitat il-prova tal-użu tat-trade marks preċedenti tagħha.

9        Fis‑16 ta’ Mejju 2012, l-intervenjenti llimitat il-lista tal-prodotti inklużi fil-klassi 28 billi indikat, wara l-enumerazzjoni ta’ dawn il-prodotti, riferiment ġdid, bil-mod kif ġej:

–        Klasii 28: “[…] ġugarelli għall-banju għat-trabi; u ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal; fejn ebda wieħed mill-prodotti ċċitati iktar ’il fuq ma jinkludi tagħmir sportiv”.

10      Fit‑3 ta’ Ottubru 2012, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha.

11      Fit‑22 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrenti ppreżentat appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Il-Bord tal-Appell indika li huwa kien qed jillimita l-eżami tiegħu għal oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ġaladarba r-rikorrenti ma ppreżentatx iżjed argumenti abbażi tal-Artikolu 8(5) tal-istess regolament. Huwa indika wkoll li r-rikorrenti ma kinitx tikkontesta l-fatt li t-trade marks preċedenti kienu ntużaw biss għal “tagħmir sportiv”, u li l-oppożizzjoni kienet limitata għall-“ġugarelli għall-banju għat-trabi” u għall-“ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal”, inklużi fil-klassi 28. Il-Bord tal-Appell qies li l-pubbliku rilevanti kien kompost mill-membri tal-pubbliku inġenerali fil-Ġermanja. Hija indikat li kien paċifiku li, fir-rigward tat-trade marks verbali preċedenti, it-trade marks kunfliġġenti kienu identiċi u li, fir-rigward tat-trade mark figurattiva preċedenti, it-trade marks kunfliġġenti kienu simili. Il-Bord tal-Appell qies, billi rrefera għas-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, i‑content vs UASI – Decathlon (BETWIN) [T‑514/11, Ġabra (Estratti), EU:T:2013:291, punti 34 sa 39], li t‑“tagħmir sportiv” u l-“ġugarelli għall-banju għat-trabi; u ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal” kienu prodotti differenti u li, għalhekk, ma setgħet teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni, peress li kundizzjoni indispensabbli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri li l-prodotti jkunu identiċi jew jixxiebhu, ma ġietx issodisfatta.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż, inklużi dawk esposti fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u quddiem it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI.

14      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż esposti mill-UASI u mill-intervenjenti, inklużi dawk esposti mill-intervenjenti fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u ta’ appell quddiem UASI.

15      Waqt is-seduta, u wara domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali, l-intervenjenti indikat li kienet ser titlob lill-Qorti Ġenerali, prinċipalment, sabiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata inkwantu hija ddikjarat ir-rikors tar-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell ammissibbli u, sussidjarjament, sabiex tiċħad ir-rikors u tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata fl-ipoteżi fejn il-Qorti Ġenerali tikkonferma l-ammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Bord tal-Appell.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell

16      L-intervenjenti ssostni li l-appell ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell kien inammissibbli, minħabba l-ksur tat-terminu ta’ erba’ xhur mid-data ta’ notifika tad-deċiżjoni biex tiġi ppreżentata l-espożizzjoni tal-motivi, prevista mill-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009. Hija ssostni li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni nnotifikat id-deċiżjoni tagħha lir-rikorrenti fit‑3 ta’ Ottubru 2012 u li din tal-aħħar kienet ippreżentat il-motivi tar-rikors tagħha fis‑7 ta’ Frar 2013, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu mogħti, fejn skont l-intervenjenti dan it-terminu skada fl‑4 ta’ Frar 2013 (peress li t‑3 ta’ Frar 2013 kien nhar ta’ Ħadd). Hija sostniet ulterjorment li din l-irregolarità ma ssemmietx fid-deċiżjoni kkontestata.

17      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors ma tħallietx barra mill-Bord tal-Appell, peress li hija indikat, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikors kien konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 58, 59 u 60 ta-Regolament Nru 207/2009 u r-Regola 48(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat‑13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) u li għalhekk, kien ammissibbli.

18      It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-espożizzjoni tal-motivi tas‑7 ta’ Frar 2013 ġietx ippreżentata fit-terminu previst mill-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009, f’dan il-każ għandu jsir riferiment għall-Artikolu 7(4) tad-deċiżjoni EX‑11‑13 tal-President tal-UASI, tat‑18 ta’ April 2011, dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi minn u lejn l-UASI, li kienet applikabbli fil-mument meta ngħatat id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:

“Ħlief fil-każ ta’ determinazzjoni eżatta tad-data ta’ notifika, din titqies li seħħet fil-ħames ġurnata ta’ ħidma wara d-data ta’ ħolqien tad-dokument mis-sistemi tal-[UASI]. Id-data ta’ ħolqien tad-dokument hija indikata fuqu. Id-dokument huwa ddepożitat fil-MAILBOX kemm jista’ jkun malajr qabel it-tmiem ta’ dan it-terminu ta’ ħamest ijiem.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

19      Ir-rikorrenti u l-UASI jsostnu li, f’dan il-każ, id-data li fiha d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni nħolqot mis-sistemi tal-[UASI] hija dik tat‑3 ta’ Ottubru 2012 u li, għalhekk, in-notifika tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni titqies li saret ħamest ijiem wara, jiġifieri fit-8 ta’ Ottubru 2012.

20      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-data tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni hija t‑3 ta’ Ottubru 2012, b’tali mod li l-ħolqien tad-dokument mis-sistemi tal-UASI taħt l-Artikolu 7(4) tad-deċiżjoni EX-11-3 ma setax seħħ qabel.

21      Skont ir-Regola 70(1) u (2) tar-Regolament Nru 2868/95, moqrija flimkien mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009, f’dan il-każ, it-terminu għat-tressiq ta’ nota li tesponi l-motivi tar-rikors konsegwentement skada mhux iktar tard mit‑8 ta’ Frar 2013.

22      Għalhekk, l-espożizzjoni tal-motiv tas‑7 ta’ Frar 2013 ġiet ippreżentata fit-terminu meħtieġ u l-Bord tal-Appell ġustament iddikjara li l-appell tar-rikorrenti kien ammissibbli.

23      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-motiv tal-intervenjenti bbażat fuq l-inammissibbiltà tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ammissibbiltà tad-dokumenti prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

24      L-intervenjenti tqis li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni provi ġodda tar-rikorrenti, sa fejn dawn il-provi huma prodotti għall-ewwel darba fil-kuntest ta’ din il-kawża u sa fejn il-portata tagħhom ma hijiex tali li tbiddel ir-raġunament u l-konklużjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata.

25      L-Annessi 14 sa 18 tar-rikors, siltiet minn siti internet, prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, u li l-estratti tagħhom huma riprodotti fil-corpus tar-rikors, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell tal-UASI fis-sens tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009, b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, id-dokumenti hawn fuq imsemmija għandhom jiġu esklużi mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat il-valur probatorju tagħhom [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, Ġabra, p. II‑420, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata]. L-istess jgħodd fir-rigward tal-Anness 9 tan-nota ta’ intervent.

26      L-Annessi 13 u 19 tar-rikors, minkejja li ġew riprodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, ma humiex provi fihom infushom, iżda jirrigwardaw il-prassi deċiżjonali tal-UASI u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Unjoni Ewropea, fejn, anki jekk din tiġi wara l-proċedimenti quddiem l-UASI, parti f’kawża għandha d-dritt li tirreferi għaliha [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ARTHUR ET FELICIE, punt 25 iktar ’il fuq, EU:T:2005:420, punt 20, u tat‑8 ta’ Diċembru 2005, Castellblanch vs UASI – Champagne Roederer (CRISTAL CASTELLBLANCH), T‑29/04, Ġabra, EU:T:2005:438, punt 16]. Fil-fatt, la l-partijiet u lanqas il-Qorti Ġenerali stess ma huma preklużi milli jiġu ispirati, fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, minn elementi misluta mill-ġurisprudenza tal-Unjoni, nazzjonali jew internazzjonali. Possibbiltà bħal din li wieħed jirreferi għal deċiżjonijiet tal-qorti tal-Unjoni, nazzjonali jew internazzjonali ma tissemmiex mill-ġurisprudenza li tgħid li r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell fir-rigward tal-elementi prodotti mill-partijiet quddiemhom, ġaladarba dan ma huwiex każ fejn il-bord tal-appell jiġi akkużat talli ma ħax punti ta’ fatt inkunsiderazzjoni f’sentenza tal-qorti tal-Unjoni, jew sentenza nazzjonali jew internazzjonali speċifika, iżda huwa każ fejn jiġu invokati deċiżjonijiet insostenn ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur mill-bord tal-appell ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2006, Vitakraft‑Werke Wührmann vs UASI – Johnson’s Veterinary Products (VITACOAT), T‑277/04, Ġabra, EU:T:2006:202, punti 70 u 71].

 Fuq il-mertu

27      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl‑Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, u, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) ta’ dal-istess regolament.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009

28      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu inkwantu, minflok ma eżamina l-fatti u l-argumenti mressqa mill-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u ta’ appell, u minflok ma espona l-fatti deċiżivi u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li wasslu għad-deċiżjoni kkontestata, huwa sempliċement irrefera għas-sentenza BETWIN, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2013:291), billi kkopja parzjalment mill-ġdid il-punti 36 sa 38 tagħha, sabiex ikkonkluda li l-prodotti inkwistjoni kienu differenti, mingħajr ma eżamina jekk il-fatti u r-raġunament wara l-għoti ta’ din is-sentenza kinux applikabbli wkoll f’dan il-każ.

29      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom ikunu mmotivati. Hija ġurisprudenza stabbilita li dan l-obbligu għandu l-istess portata bħal dak stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u li l-motivazzjoni rikjesta mill-imsemmi artikolu għandu juri b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att. Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-UASI għandu bħala għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-kontroll tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni [sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 2004, KWS Saat vs UASI, C‑447/02 P, Ġabra, EU:C:2004:649, punti 64 u 65, u tat‑28 ta’ Novembru 2013, Herbacin cosmetic vs UASI – Laboratoire Garnier (HERBA SHINE), T‑34/12, EU:T:2013:618, punt 42].

30      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat [ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2011, Bayerische Asphaltmischwerke vs UASI – Koninklijke BAM Groep (bam), T‑426/09, EU:T:2011:633, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata].

31      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ma huwiex rikjest li l-bordijiet tal-appell jipprovdu espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti, u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha magħmula mill-partijiet quddiemhom. Għaldaqstant il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu r-raġunijiet għalfejn id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ġiet adottata u lill-qorti kompetenti jkollha biżżejjed elementi sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha [ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T‑304/06, Ġabra, EU:T:2008:268, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Jeħtieġ sempliċement li l-bordijiet tal-appell jesponu l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li jkollhom importanza essenzjali fil-formulazzjoni tad-deċiżjoni [ara s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2010, Matratzen Concord vs UASI – Barranco Schnitzler (MATRATZEN CONCORD), T‑351/08, EU:T:2010:263, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata].

32      F’dan il-każ, mill-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li, fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell qies li l-konklużjoni tas-sentenza BETWIN, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2013:291), li ma jeżisti ebda xebh bejn it-“tagħmir sportiv” u l-“ġugarelli, logħob u oġġetti tal-logħob” kienet applikabbli, “b’estensjoni”, għall-prodotti kunfliġġenti f’dan il-każ, jiġifieri t-“tagħmir sportiv”, il-“ġugarelli għall-banju għat-trabi” u l-“ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal”.

33      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell reġa’ semma’ l-motivi esposti fis-sentenza BETWIN, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2013:291), billi speċifika, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa kien iqis li dawn kienu rilevanti sabiex jiġu kkonfutati b’mod definittiv l-argumenti magħmula mill-persuna li għamlet l-oppożizzjoni.

34      Fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell fakkar li, anki jekk tista’ tiġi stabbilita rabta bejn it-“tagħmir sportiv”, minn naħa, u ċerti ġugarelli (perżempju l-“ġugarelli għall-banju għat-trabi” u l-“ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal”), min-naħa l-oħra, sa fejn ċertu “tagħmir sportiv” jista’ jintuża bħala ġugarelli u ċerti ġugarelli jistgħu wkoll jikkostitwixxu “tagħmir sportiv”, ipoteżi bħal din ma tqegħidx inkwistjoni l-fatt li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti, essenzjalment, għandhom użu differenti, jiġifieri l-eżerċizzju tal-ġisem permezz tal-eżerċizzju fiżiku għat-“tagħmir sportiv”, id-divertiment tat-trabi għall-“ġugarelli għall-banju” u d-divertiment u l-edukazzjoni tat-tfal għall-“ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal”.

35      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell indika, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minkejja li huwa possibbli li t-“tagħmir sportiv” ikun intiż għat-tfal taħt forma ta’ ġugarelli jew li jiġi kkonfezzjonat sabiex iservi bħala prodott li jikkomplementa l-logħob, b’tali mod li jista’ jiġi mmanifatturat mill-istess impriżi u propost mill-istess kanali ta’ distribuzzjoni, dawn huma kategoriji ta’ prodotti li, b’mod ġenerali, huma mmanifatturati minn impriżi speċjalizzati u jinbiegħu fi ħwienet speċjalizzati jew inkella li, fir-rigward taċ-ċentri kummerċjali l-kbar, jinbiegħu f’dipartimenti speċjalizzati li, anki jekk jistgħu jkunu viċini, huma xorta waħda distinti.

36      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-fatti deċiżivi u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fil-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huma esposti b’mod ċar fid-deċiżjoni kkontestata u jippermettu lir-rikorrenti ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha, minn naħa, u lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità, min-naħa l-oħra.

37      Qabel kollox, xejn ma jipprekludi, bħala prinċipju, lill-Bord tal-Appell milli jadotta l-motivi ta’ sentenza ta’ qorti tal-Unjoni, jekk huwa jqis li dawn huma applikabbli fil-każ inkwistjoni. B’hekk, għalkemm huwa minnu li l-Bord tal-Appell uża b’mod estensiv il-punti 36 sa 38 tas-sentenza BETWIN, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2013:291), huwa madankollu indika b’mod ċar liema kienu l-fatti u r-raġunament wara din is-sentenza li fil-fehma tiegħu kienu applikabbli għal dan il-każ.

38      Fit-tielet lok, l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti lanqas ma jippermettu li jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009.

39      Qabel kollox, ir-rikorrenti ssostni li, fis-sentenza BETWIN, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2013:291), il-Qorti Ġenerali ddeplorat assenza ta’ provi li jsostnu r-raġunament tad-deċiżjoni kkontestata, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

40      Issa, għandu jiġi osservat li l-kwistjoni dwar jekk is-sentenza BETWIN, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2013:291), hijiex applikabbli f’dan il-każ, taqa’ taħt l-eżami tat-tieni motiv, jiġifieri l-eżami fuq il-mertu tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, u mhux l-eżami tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

41      Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell kiser l-obbligu tiegħu li jieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti tal-partijiet li jagħmlu riferiment għad-deċiżjonijiet preċedenti tal-UASI u li jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu b’relazzjoni ma’ din il-prassi deċiżjonali. Hija tikkritika wkoll l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali li ngħatat tlett ijiem qabel id-deċiżjoni kkontestata, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Knut IP Management vs UASI – Zoologischer Garten Berlin (KNUT – DER EISBÄR) (T‑250/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza KNUT”, EU:T:2013:448).

42      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-deċiżjonijiet li l-Bordijiet tal-Appell tal-UASI huma mitluba jieħdu, skont ir-Regolament Nru 207/2009, dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għalhekk, il-legalità tal-imsemmija deċiżjonijiet għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament, hekk kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni, u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għal dawn id-deċiżjonijiet (sentenzi tas‑26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C-412/05 P, Ġabra, EU:C:2007:252, punt 64 u 65, u ARTHUR ET FELICIE, punt 25 iktar ’il fuq, EU:T:2005:438, punt 71).

43      F’dan il-każ, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 31 u 42 iktar ’il fuq, u sa fejn il-Bord tal-Appell espona, b’mod suffiċjenti biżżejjed, il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fil-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ma kellux obbligu li jadotta motivazzjoni speċifika sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward tad-deċiżjonijiet preċedenti tal-UASI ċċitata fin-noti tal-partijiet jew b’rabta mal-ġurisprudenza tal-Unjoni.

44      Barra minn hekk, b’mod iktar speċifiku fir-rigward tal-argument relatat mas-sentenza KNUT, punt 41 iktar ’il fuq (EU:T:2013:448), għandu jiġi kkonstatat li, jekk jitqies li l-Bord tal-Appell seta’ jieħu konjizzjoni ta’ din is-sentenza fil-ħin, wieħed ma jistax jirrikjedi minnu li jikkummenta kull sentenza tal-qorti tal-Unjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li huwa esprima ruħu b’mod ċar favur is-sentenza BETWIN, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2013:291), li tirrigwarda l-istess suġġett bħall-każ inkwistjoni.

45      Għaldaqstant, l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

46      Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li kien hemm assenza ta’ xebh bejn il-prodotti kkonċernati kif ukoll assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

47      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009, trade marks preċedenti tfisser it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru, li d-data li fiha ġew iddepożitati tippreċedi dik tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

48      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari l-interdipendenza tax-xebh tas-sinjali u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra, EU:T:2003,199, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata].

49      Meta l-protezzjoni tat-trade mark preċedenti tkun mifruxa mal-Unjoni Ewropea kollha, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tat-trade marks kunfliġġenti mill-konsumatur tal-prodotti inkwistjoni f’dan it-territorju. Madankollu, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, hija meħtieġa sempliċement l-eżistenza f’parti mill-Unjoni ta’ raġuni relattiva għal rifjut fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Mast‑Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO avec cadre et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, Ġabra, EU:T:2006:397, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata].

50      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell qies li l-pubbliku rilevanti kien jinkludi l-membri tal-pubbliku inġenerali fil-Ġermanja, l-Istat Membru li fih it-trade marks preċedenti huma protetti, mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-partijiet.

51      Bl-istess mod, huwa paċifiku li, fir-rigward tat-trade marks verbali preċedenti, it-trade marks kunfliġġenti huma identiċi u, fir-rigward tat-trade mark figurattiva preċedenti, it-trade marks kunfliġġenti huma simili.

52      Hemm lok li dawn l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell jiġu vvalidati.

–       Fuq il-paragun tal-prodotti

53      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-iskop tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura konkorrenti jew komplementari tagħhom (sentenza tad‑29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra, EU:C:1998:442, punt 23). Fatturi oħra jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħall-kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti kkonċernati [ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T-443/05, Ġabra EU:T:2007:219, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata].

54      F’dan il-każ, għandhom jiġu pparagunati “ġugarelli għall-banju għat-trabi” u l-“ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal”, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, mat‑“tagħmir sportiv” kopert mit-trade marks preċedenti.

55      Qabel ma jiġu diskussi l-argumenti fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li, b’mod ġenerali, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli ma identifikax il-prodotti li jaqgħu taħt il-kategorija tal-“ġugarelli għall-banju għat-trabi” u l-“ġugarelli tal-attività tat-tfal [edukattivi u tal-iżvilupp]”. Jeħtieġ sempliċement li jitfakkar f’dan ir-rigward li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, peress li l-modalitajiet ta’ kkummerċjalizzazzjoni speċifiċi tal-prodotti koperti mit-trade marks jistgħu jvarjaw matul iż-żmien u jsegwu r-rieda tal-proprjetarji ta’ dawn it-trade marks, l-analiżi prospettiva tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn żewġ trade marks mat tistax tiddependi mill-intenzjonijiet kummerċjali, imwettqa jew le, u min-natura tagħhom suġġettivi, tal-proprjetarji tat-trade marks [sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2007, T.I.M.E. ART vs UASI, C‑171/06 P, EU:C:2007:171, punt 59, u tad‑9 ta’ Settembru 2008, Honda Motor Europe vs UASI – Seat (MAGIC SEAT), T‑363/06, Ġabra, EU:T:2008:319, punt 63]. Għaldaqstant il-Bord tal-Appell ma kellux obbligu jidentifika l-prodotti speċifiċi msemmija mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, sa fejn dawn setgħu jvarjaw.

56      Prinċipalment, ir-rikorrenti tqajjem erba’ kategoriji ta’ argumenti intiżi sabiex juru li l-prodotti inkwistjoni jixxiebhu: in-natura tagħhom, l-iskop tagħhom, il-kanali ta’ distribuzzjoni u ta’ manifattura tagħhom, kif ukoll il-prassi deċiżjonali tal-UASI.

57      Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura tal-prodotti, ir-rikorrenti ssostni li t-“tagħmir sportiv” imsemmi mit-trade marks preċedenti u l-“ġugarelli għall-banju għat-trabi” u l-“ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal”, imsemmija mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, huma tal-istess natura, peress li ta’ spiss għandhom l-istess kompożizzjoni (ġilda, plastik, injam, metall), li l-użu tagħhom huwa l-istess, peress li dan l-użu jeħtieġ is-saħħa fiżika, u li għandhom l-istess stat fiżiku solidu. Ir-rikorrenti ssostni wkoll, billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza KNUT, punt 41 iktar ’il fuq (EU:T:2013:448), li numru kbir ta’ “tagħmir sportiv” huwa propost taħt forma semplifikata u b’daqs ridott bħala ġugarelli tal-attività tat-tfal, b’tali mod li ta’ spiss diffiċilment wieħed ikun jista’ jagħmel distinzjoni bejn “tagħmir sportiv” u ġugarelli tal-attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza KNUT, punt 41 iktar ’il fuq, EU:T:2013:448, punt 47).

58      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-prodotti inkwistjoni, kif ukoll tal-provi li hija pproduċiet f’dan ir-rigward quddiem l-UASI, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li t-“tagħmir sportiv” kopert mit-trade marks preċedenti u l-ġugarelli koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jistgħu jkunu komposti mill-istess materjali, li barra minn hekk huma varjati ħafna, ma huwiex biżżejjed, waħdu, biex jiġi stabbilit xebh tal-prodotti, fid-dawl tal-varjetà kbira tal-prodotti li jistgħu jiġu mmanifatturati bil-ġilda, plastik, injam, jew metall. Fil-fatt, l-istess materjal jista’ jintuża sabiex tiġi mmanifatturata sensiela kbira ta’ prodotti effettivament differenti.

59      It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-eżistenza ta’ forma semplifikata u ta’ daqs ridott għall-“ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal” ġustament tippermetti li ssir distinzjoni mat-“tagħmir sportiv”, u mhux li jkun hemm konfużjoni ma’ dan tal-aħħar. F’dan il-każ, il-“ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal”, hekk kif jindika t-titolu, huma intiżi għal tfal relattivament żgħar u jiddistingwu ruħhom mit-“tagħmir sportiv” (anki jekk jimitawhom) permezz ta’ tekniċità limitata, apparenza differenti (daqs ridott, inqas piż), sigurtà adattata għat-tfal konformement mad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑18 ta’ Ġunju 2009, dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 170, p. 1), kif ukoll prezz ġeneralment inferjuri. Konfezzjoni tal-golf fil-minjatura, bħala eżempju ta’ prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ċċitat mir-rikorrenti, hija adattata għad-daqs tat-tfal fejn il-mazza tonqos fil-preċiżjoni li jkollha l-mazza ta’ vera tal-golf u tkun magħmula bil-plastik ħafif. Dan ir-raġunament japplika, a fortiori għall-“ġugarelli għall-banju għat-trabi” li ma għandhomx ekwivalent “sportiv”.

60      It-tielet nett, fir-rigward tal-argumenti li l-prodotti inkwistjoni huma użati bl-istess mod, u billi tintuża s-saħħa fiżika, u għandhom l-istess stat fiżiku, fatti bħal dawn ma humiex sinjifikattivi f’dan il-każ, inkwantu dan huwa każ ta’ numru ta’ prodotti fejn l-għan ewlieni tagħhom huwa totalment distint minn sport (għodda għall-idejn, strumenti għat-tindif, ta’ kostruzzjoni, eċċ.).

61      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-ġugarelli msemmija mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandhom natura differenti minn dik tat-“tagħmir sportiv” imsemmi mit-trade marks preċedenti.

62      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-iskop tal-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti, ir-rikorrenti ssostni li din hija identika, inkwantu kollha kemm huma huma maħluqa fil-perspettiva ta’ attività fiżika, u ta’ divertiment. Hija ssostni b’mod partikolari li, bħal ma tindika s-sentenza KNUT, punt 41 iktar ’il fuq (EU:T:2013:448), jeżisti ċertu “passaġġ kontinwu” bejn it-“tagħmir sportiv”, minn naħa, u l-logħob, min-naħa l-oħra, sa fejn, b’mod partikolari, huwa magħruf li “tagħmir sportiv” jintuża għal ċertu logħob u ċertu logħob jista’ wkoll jixxebbah ma’ “tagħmir sportiv” (sentenza KNUT, punt 41 iktar ’il fuq, EU:T:2013:448, punt 47).

63      L-ewwel nett, hekk kif jirriżulta mis-sentenza KNUT, punt 41 iktar ’il fuq (EU:T:2013:448), innifsu, ma teżistix, bħala prinċipju, relazzjoni ta’ interkambjabbiltà u ta’ kumplimentarità bejn, minn naħa, il-prodotti “tagħmir ta’ ġinnastika u ta’ sport mhux inkluż fi klassijiet oħra” tal-klassi 28 u, min-naħa l-oħra, il-“pupi (ġugarelli), logħob, ġugarelli, annimali peluche” tal-istess klassi, sa fejn il-prodotti inkwistjoni għandhom skop differenti. Fil-fatt, filwaqt li t-tagħmir ta’ ġinnastika u ta’ sport huma intiżi qabel kollox għat-titjib fil-forma fiżika, il-logħob kif ukoll il-ġugarelli għandhom, bħala prinċipju, il-funzjoni li jservu għad-divertiment (sentenza KNUT, punt 41 iktar ’il fuq, EU:T:2013:448, punti 44 u 45).

64      Fil-fatt, il-fatt li skop (pereżempju l-attività fiżika) u li żewġ skopijiet jistgħu “jitħalltu bejniethom” fi prodott, hekk kif tenfasizza r-rikorrenti, ma jipprekludix l-identifikazzjoni ta’ finalità dominanti jew fi kliem ieħor “ewlenija” fi prodott. B’hekk l-intervenjenti tosserva ġustament li, b’“użu”, għandu jinftiehem l-użu ġeneralment previst ta’ prodott u mhux użu sekondarju jew okkażjonali.

65      Għalhekk l-eżistenza ta’ ċertu “passaġġ kontinwu” jew ta’ żona ta’ intersezzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ prodotti li għandhom skopijiet essenzjalment differenti ma jfissirx madankollu li hemm xebh bejn il-prodotti kollha kkonċernati minn dawn il-kategoriji.

66      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li żewġ prodotti jistgħu, sa ċertu mod, jissodisfaw l-istess ħtieġa, ma jipprekludix li l-konsumatur rilevanti jista’ jipperċepihom bħala prodotti distinti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2008, Coca‑Cola vs UASI – San Polo (MEZZOPANE), T‑175/06, Ġabra, EU:T:2008:212, punt 66].

67      F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies ġustament li l-prodotti kunfliġġenti kellhom essenzjalment skop differenti, billi rrefera għall-punti 35 u 36 tas-sentenza BETWIN, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2013:291).

68      Fil-fatt mis-sentenza BETWIN, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2013:291), jirriżulta li, anki jekk ma huwiex eskluż li, għal ċertu “tagħmir ta’ sport u ta’ ġinnastika”, minn naħa, u ċerti “ġugarelli, logħob u oġġetti tal-logħob”, min-naħa l-oħra, tista’ tiġi stabbilita relazzjoni sa fejn ċertu “tagħmir sportiv” jista’ jintuża għal-“logħob” u ċertu “logħob” jista’ wkoll jikkostitwixxi “tagħmir sportiv”, fl-assenza ta’ indikazzjonijiet preċiżi mill-istanzi tal-UASI fir-rigward tal-prodotti speċifiċi kkonċernati u fir-rigward tal-mod li bih jintużaw, tali ipoteżi ma tqegħidx inkwistjoni l-fatt li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti għandhom, essenzjalment, skop differenti. Fil-fatt, anki jekk, min-natura tagħhom, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti huma intiżi għad-divertiment tal-pubbliku, huma jservu wkoll għal għanijiet oħra. It-“tagħmir ta’ sport u ta’ ġinnastika” huwa intiż sabiex jeżerċita l-ġisem permezz tal-eżerċizzju fiżiku, filwaqt li l-“ġugarelli, logħob u oġġetti” huma intiżi qabel kollox għad-divertiment tal-utenti tagħhom (sentenza BETWIN, punt 12 iktar ’il fuq, EU:T:2013:291, punti 35 u 36).

69      B’mod ulterjorment iktar evidenti mill-“ġugarelli, logħob u oġġetti tal-logħob” ikkonċernati fis-sentenza BETWIN, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2013:291), il-“ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal” huma qabel kollox intiżi sabiex jiddevertu lil min jużahom, f’perspettiva edukattiva (tagħlim ta’ għarfien bażiku dwar il-kliem, ittri, ċifri, eċċ.) u ta’ żvilupp ġenerali, li tista’ ċertament tinkludi l-iżvilupp fiżiku, iżda mhux b’mod li l-kisba ta’ forma fiżika jsir l-iskop ewlieni tagħhom. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li t-terminu “ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal” jimplika prinċipalment attività fiżika. Issa, mhux biss it-terminu “attività” tista’ tindika wkoll attività intellettwali, iżda ż-żieda tal-kliem “għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal” ikabbar l-idea li l-attività intiża ma għandhiex għan ewlieni purament fiżiku, iżda bil-kontra għan li qabel kollox hu pedagoġiku.

70      Għaldaqstant il-Bord tal-Appell ġustament qies, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-“tagħmir sportiv” huwa intiż għall-eżerċizzju tal-ġisem permezz tal-eżerċizzju fiżiku filwaqt li l-ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal huma intiżi kemm għad-divertiment kif ukoll għall-edukazzjoni tat-tfal.

71      Il-Bord tal-Appell qies ukoll ġustament, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-“ġugarelli għall-banju” huma intiżi “b’mod ċar biss sabiex jiddevertu lit-trabi”. Fil-fatt, l-għan ta’ divertiment pur tal-“ġugarelli għall-banju għat-trabi” huwa wisq iktar evidenti milli għall-“ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal”.

72      It-tieni nett, il-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti ma humiex kompetituri, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti.

73      Hija targumenta b’mod partikolari li l-konsumaturi jistgħu faċilment jiskambjaw l-iskop ta’ dan it-tip ta’ prodotti (hija tagħti l-eżempju tal-blalen jew ta’ settijiet ta’ volleyball tal-baħar).

74      Issa, mill-punti 61, 70 u 71 iktar ’il fuq jirriżulta li peress li n-natura u l-iskop tal-prodotti msemmija mit-trade marks kunfliġġenti huma differenti, huma ma humiex interkambjabbli u għaldaqstant ma humiex kompetituri. Fi kwalunkwe każ, filwaqt li xi drabi tista’, jekk ikun il-każ, teżisti ċerta interkambjabbiltà bejn il-prodotti inkwistjoni, din teżisti f’sens wieħed biss, jiġifieri fis-sens li huma biss il-konsumaturi ta’ ċerti ġugarelli koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li jistgħu jibdew jużaw it-“tagħmir sportiv” korrispondenti koperti mit-trade marks preċedenti, f’każ ta’ żieda fil-prezz tal-imsemmija ġugarelli. Huwa evidenti li, anki li kieku l-prezz tat-“tagħmir sportiv” kellu jiżdied, il-konsumaturi ta’ “tagħmir sportiv” ma jibdewx jużaw l-imsemmija ġugarelli sabiex jissostitwixxu “tagħmir sportiv” ta’ vera.

75      It-tielet nett, ir-rikorrenti b’mod żbaljat issostni li, fis-sentenza BETWIN, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2013:291), il-Qorti Ġenerali eskludiet kategorikament biss il-prodotti inkwistjoni li għandhom skop simili, iżda ddikjarat sempliċement li ma setax ikun hemm preżunzjoni tal-eżistenza ta’ tali xebh “fl-assenza ta’ indikazzjonijiet speċifiċi [...] fir-rigward tal-prodotti speċifiċi kkonċernati u fir-rigward tal-mod kif dawn jintużaw” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din il-preċiżazzjoni, fil-punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2013:291), ma għandhiex effett fuq il-portata tal-affermazzjoni li tinsab fi ħdan l-istess punt, li tgħid li t-“tagħmir sportiv” u l-“logħob, ġugarelli u oġġetti tal-logħob”, huma intiżi, essenzjalment, għal skop differenti. B’dan kollu l-Qorti Ġenerali fakkret biss li l-UASI ma kinitx ipproduċiet il-prova kuntrarja. Barra minn hekk, mill-punt 55 iktar ’il fuq jirriżulta li l-analiżi prospettiva tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn żewġ trade marks għandha ssir fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-prodotti li toħroġ mill-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trade marks.

76      Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, ir-rikorrenti pproduċiet provi quddiem l-UASI li jirrigwardaw il-prodotti speċifiċi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (settijiet ta’ mini-golf, “rakketti wow”, “jungle croquet”, tampolini, frisbees, eċċ.). Dawn tal-aħħar ma jippermettux, kuntrarjament għal dak li tindika, li juri li l-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti għandhom l-istess skop, jew huma interkambjabbli, sa fejn minnhom jirriżulta li l-logħob ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal tal-intervenjenti huma indirizzati għat-tfal iż-żgħar ukoll, liema fatt ikabbar il-finalità pedagoġika u ta’ divertiment tagħhom.

77      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li ċertu “tagħmir sportiv” għandu bħala skop ewlieni u prinċipali d-“divertiment” pjuttost milli “l-eżerċizzju tal-ġisem permezz ta’ eżerċizzji fiżiċi” (bħall-klabbs tal-golf, il-bowling, il-biljard, id-darts, il-frisbee), għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, mill-punti 57 sa 61 iktar ’il fuq jirriżulta li n-natura tagħhom hija differenti minn dik tal-prodotti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Barra minn hekk, l-UASI ma għandux obbligu jiddeċiedi għall-kategorija ġenerali kollha tat-“tagħmir sportiv” fir-rigward ta’ ċerti prodotti speċifiċi li hija tinkludi (ara l-punti 64 u 65 iktar ’il fuq).

78      Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni ulterjorment li l-prodotti inkwistjoni għandhom klijentela manifestament komuni, jiġifieri t-tfal, u li, anki fir-rigward tal-adulti li jixtruhom għat-tfal tagħhom, il-konsumaturi li fil-ħsieb tagħhom tinħoloq konfużjoni huma identiċi.

79      Għandu jiġi osservat li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala li ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jiġi stabbilit xebh bejn prodotti, sa fejn il-prodotti kollha indirizzati għall-istess konsumaturi ma humiex neċessarjament identiċi jew li jixxiebhu.

80      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kanali ta’ distribuzzjoni u ta’ manifattura tal-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, dawn huma differenti.

81      Il-Bord tal-Appell ikkonstata ġustament li f’dan il-każ dawn huma kategoriji ta’ prodotti li, b’mod ġenerali, huma mmanifatturati minn impriżi speċjalizzati u jinbiegħu fi ħwienet speċjalizzati.

82      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat, bħal fis-sentenza BETWIN, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2013:291), li, għalkemm huwa possibbli li t-“tagħmir sportiv”, minn naħa, u l-“ġugarelli għall-banju għat-trabi” u “ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal”, min-naħa l-oħra, jiġu mmanifatturati mill-istess impriżi u proposti mill-istess kanali ta’ distribuzzjoni, fenomeni bħal dawn huma fenomeni marġinali u ma jistgħux, mingħajr provi oħra ta’ sostenn, iwasslu lill-Qorti Ġenerali tikkunsidra li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti għandhom l-istess kategoriji ta’ distribuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BETWIN, punt 12 iktar ’il fuq, EU:T:2013:291, punt 38).

83      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-prodotti inkwistjoni jistgħu jinbiegħu fl-istess stabbilimenti kummerċjali, bħal fiċ-ċentri kummerċjali jew fis-supermerkati, ma huwiex partikolarment sinjifikattiv, ġaladarba wieħed f’dawn il-postijiet ta’ bejgħ wieħed jista’ jsib prodotti ta’ natura differenti ħafna, mingħajr ma l-konsumaturi jattribwixxulhom awtomatikament l-istess oriġini [ara s-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2010, 2nine vs UASI – Pacific Sunwear of California (nollie), T‑364/08, EU:T:2010:115, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata].

84      It-tielet nett, il-provi prodotti mir-rikorrenti ma humiex tali li jaqilbu l-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti ssostni l-provi li hija pproduċiet fl-Anness 4 tal-espożizzjoni tal-motivi tagħha tas‑7 ta’ Frar 2013 quddiem il-Bord tal-Appell, sabiex turi li ċ-ċentri kummerċjali l-kbar tar-Renju Unit u ta’ Spanja jbigħu tagħmir sportiv maġenb ġugarelli ta’ attivitajiet.

85      Qabel kollox, fir-rigward tas-siti taċ-ċentri kummerċjali l-kbar ġeneralisti bħal “Jarrold” jew “El Corte Ingles”, minn dawn il-provi jirriżulta li t-tagħmir sportiv jinbiegħ fil-kategorija “fitness” filwaqt li l-ġugarelli għal użu estern jinbiegħu taħt il-kategorija “ġugarelli”, jew “ġugarelli għal użu estern”, li, filwaqt li jistgħu jkunu viċini ta’ xulxin, madankollu jikkorrispondu għal żewġ dipartimenti separati, hekk kif josserva l-Bord tal-Appell fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata.

86      Sussegwentement, għandu jitfakkar li, fi kwalunkwe każ, il-pubbliku rilevanti huwa kkostitwit mill-membri tal-pubbliku inġenerali fil-Ġermanja u li, konsegwentement, provi relatati mad-distributuri li jinsabu f’pajjiżi oħra għandhom biss valur limitat ħafna, jekk mhux saħansitra ebda valur, fl-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti.

87      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-provi tar-rikorrenti prodotti quddiem l-UASI u intiżi sabiex juru li manifatturi sportivi bħal “Nike” jew “Adidas”, jimmanifatturaw ukoll ġugarelli ta’ attivitajiet, għandu jiġi kkonstatat li fawn il-ġugarelli ma humiex relatati ma’ ġugarelli ta’ attività għall-edukazzjoni u l-iżvilupp, iżda pjuttost għal prodotti promozzjonali, u li, fi kwalunkwe każ, dawn il-każijiet huma marġinali, peress li jirrigwardaw biss trade marks sportivi reputati ħafna u ma humiex tali li jinvalidaw il-konklużjoni li, bħala regola ġenerali, il-prodotti tat-trade marks kunfliġġenti huma mmanifatturati minn impriżi distinti u speċjalizzati.

88      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-prassi stabbilita tal-UASI, liema fatt jikkonferma li jeżisti xebh minn tal-inqas limitat bejn it-“tagħmir sportiv” u l-“ġugarrelli, logħob u oġġetti tal-logħob”, u lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni deċiżjoni tal-Qorti Federali Ġermaniża ċċitata fis-sentenza KNUT, punt 41 iktar ’il fuq (EU:T:2013:448), jew ulterjorment is-sentenza KNUT innifisha, kif ukoll deċiżjonijiet ulterjuri tal-UASI.

89      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-prassi deċiżjonali tal-UASI u tal-ġurisprudenza tal-Unjoni, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq jirriżulta li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 207/2009 u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għalihom.

90      Madankollu, għandu jitfakkar li l-UASI għandu l-obbligu li jeżerċita l-kompetenzi tiegħu b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ l-aħħar prinċipji, l-UASI għandu, fil-kuntest tal-verifika ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda dwar applikazzjonijiet simili u jistaqsi b’attenzjoni partikolari dwar il-punt jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens. Minkejja dan, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba għandhom jiġu rrikonċiljati mal-osservanza tal-legalità. Konsegwentement, ebda parti fi proċedimenti quddiem l-UASI ma tista’ tinvoka favuriha illegalità eventwalment imwettqa favur ħaddieħor sabiex tikseb deċiżjoni identika. Qabel kollox, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet u għandu jseħħ f’kull każ speċifiku [ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, Ġabra, EU:C:2011:139, punti 73 sa 77 u l-ġurisprudenza ċċitata].

91      F’dan il-każ, għar-raġunijiet preċedenti, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni billi kkunsidra li l-prodotti inkwistjoni kienu differenti. Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet esposti mir-rikorrenti u dawk esposti mill-intervenjenti sempliċement jiżvelaw l-eżistenza ta’ prassi deċiżjonali mhux għal kollox koerenti fi ħdan l-UASI kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti.

92      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-uffiċċji nazzjonali tat-trade marks fi ħdan l-Unjoni u b’mod iktar speċifiku l-Qorti Federali Ġermaniża tal-Privattivi fil-“kawża 32 W (pat) 6/01”, imsemmija fis-sentenza KNUT, punt 41 iktar ’il fuq (EU:T:2013:448), iqisu li dawn il-prodotti jixxiebhu, għandu jitfakkar li s-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma, ikkostitwita minn numru ta’ regoli u li ssegwi għanijiet speċifiċi għaliha, fejn l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2000, Messe München vs UASI (electronica), T‑32/00, Ġabra, EU:T:2000:283, punt 47]. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-reġistrazzjonijiet diġà mwettqa fl-Istati Membri ma jikkostitwixxux elementi li, mingħajr ma jkunu determinanti, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja [sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2000, Procter & Gamble vs UASI (Forma ta’ sapuna), T‑122/99, Ġabra, EU:T:2000:39, punt 61, u tad‑19 ta’ Settembru 2001, Henkel vs UASI (Tabella tonda ħamra u bajda), T‑337/99, Ġabra, EU:T:2001:221, punt 58].

93      Għandu jingħad ukoll li fir-rigward tar-raġunament ibbażat fuq is-sentenza KNUT, punt 41 iktar ’il fuq (EU:T:2013:448), mill-punti 59 u 65 iktar ’il fuq jirriżulta li dan ma jistax jiġi traspost għall-każ inkwistjoni.

94      Barra minn hekk, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti relatati mal-limitazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), sa fejn ma huwiex iżjed neċessarju, fid-dawl tal-analiżi preċedenti, li tingħata deċiżjoni dwar l-effett ta’ din il-limitazzjoni fir-rigward tax-xebh bejn il-prodotti.

–       Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

95      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, probabbiltà ta’ konfużjoni tippresupponi jew identiċità jew xebh tat-trade marks kunfliġġenti kif ukoll identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi li jkopru. Dan jirrigwarda kundizzjonijiet kumulattivi [ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T‑316/07, Ġabra, EU:T:2009:14, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata].

96      Ir-rikorrenti ssostni li huwa biss meta l-prodotti jkunu manifestament u indubbjament neqsin minn xebh li ma tiġix sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u li l-oppożizzjoni tiġi miċħuda mingħajr ma jiġi evalwat ix-xebh bejn is-sinjali u l-probabbiltà ta’ konfużjoni. Madankollu dan ma jirriżultax fil-każ preżenti.

97      Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata kkunsidrat ġustament li l-prodotti kunfliġġenti kienu differenti, fejn b’dan kollu indikat b’mod ċar li ma kien hemm ebda xebh bejniethom. Għalhekk hija kkunsidrat ġustament li ma setgħet teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni, anki li kieku kellha tittieħed inkunsiderazzjoni l-identiċità tas-sinjali, peress li kundizzjoni indispensabbli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti ma kinitx issodisfatta.

98      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, it-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

99      Peress li ebda wieħed mill-motivi mqajma mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħha ma kien fondat, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

100    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

101    Barra minn hekk, l-intervenjenti talbet il-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti minnha fil-proċedimenti amministrattivi quddiem l-UASI. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell jitqiesu li huma spejjeż li jistgħu jiġu rkuprati. Madankollu, l-istess ma jgħoddx għall-ispejjeż sostnuti għall-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Għaldaqstant, it-talba tal-intervenjenti li r-rikorrenti, peress li tilfet il-kawża, tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-proċedimenti amministrattivi quddiem l-UASI tista’ tintlaqa’ biss għall-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-intervenjenti għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2006, Devinlec vs UASI – TIME ART (QUANTUM), T‑147/03, Ġabra, EU:T:2006:10, punt 115].

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      BH Stores BV hija kkundannata għall-ispejjeż, inkluż għall-ispejjeż indispensabbli sostnuti minn Alex Toys LLC għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI).

Jaeger

Van der Woude

Kancheva

Wetter

 

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Lulju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.