Language of document : ECLI:EU:T:2015:356

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

3 ta’ Ġunju 2015

Kawża T‑658/13 P

BP

vs

Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)

“Appell — Servizz pubbliku — Membru tal-persunal bil-kuntratt — Persunal tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali — Nuqqas ta’ tiġdid għal żmien indeterminat ta’ kuntratt għal żmien determinat — Dritt għal smigħ — Assenjazzjoni mill-ġdid f’dipartiment ieħor sal-iskadenza tal-kuntratt — Evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt — Żnaturament tal-provi — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tat-30 ta’ Settembru 2013, BP vs FRA (F‑38/12, ĠabraSP, EU:F:2013:138), u intiż għall-annullament tagħha.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tat-30 ta’ Settembru 2013, BP vs FRA (F‑38/12, ĠabraSP, EU:F:2013:138), hija annullata sa fejn din ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), li tinsab f’ittra tas-27 ta’ Frar 2012, li l-kuntratt ta’ impjieg ta’ BP bħala membru tal-persunal bil-kuntratt ma jiġix imġedded. Id-deċiżjoni tal-FRA, li tinsab f’ittra tas-27 ta’ Frar 2012, li l-kuntratt ta’ impjieg ta’ BP bħala membru tal-persunal bil-kuntratt ma jiġix imġedded, hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. BP u FRA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom sostnuti kemm fil-kuntest tal-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll dawk sostnuti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

Sommarju

Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Reklutaġġ — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Adozzjoni ta’ deċiżjoni mingħajr l-għoti minn qabel tal-possibbiltà li l-persuna kkonċernata tesprimi ruħha fuq l-elementi kollha li l-amministrazzjoni għandha — Ksur tad-dritt għal smigħ

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 85(1); Regolament tal-Kunsill Nru 168/2007, Artikolu 24(1))

Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi żgurata anki fl-assenza ta’ kwalsiasi regoli dwar il-proċedura inkwistjoni. Dan il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi osservat ħafna iktar fir-rigward ta’ deċiżjoni, adottata f’kuntest ta’ diffikultajiet fir-relazzjonijiet, li l-kuntratt ta’ impjieg ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt ma jiġġeddidx.

Fil-fatt, dan il-prinċipju jeżiġi li l-persuna kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni li tkun tista’ tesponi b’mod effettiv l-opinjoni tagħha dwar l-elementi li jistgħu jintużaw kontriha fl-att li għandu jiġi adottat, deċiżjoni li kuntratt ta’ impjieg ma jiġġeddidx tista’ tittieħed biss wara li l-persuna kkonċernata tkun tqiegħdet f’pożizzjoni li tesponi b’mod effettiv l-opinjoni tagħha fir-rigward ta’ abbozz ta’ deċiżjoni, fil-kuntest ta’ skambju bil-miktub jew orali mniedi mill-Awtorità tal-Ħatra li għandha l-oneru tal-prova. F’dan ir-rigward, il-persuna kkonċernata għandha tkun f’pożizzjoni li tesprimi ruħha f’għarfien sħiħ tal-elementi kollha li l-imsemmija awtorità għandha, u b’mod partikolari dwar il-kontenut ta’ opinjoni tas-superjur tagħha dwar it-tiġdid tal-kuntratt li ntbagħat lill-imsemmija awtorità. Issa, anki jekk l-imsemmija opinjoni hija att preparatorju, b’tali mod li ma tikkawżax preġudizzju, dan il-fatt madankollu ma jipprekludix li jiġi meqjus li, inkwantu dan huwa speċifikament att preparatorju, dan jifforma parti mill-atti li abbażi tagħhom l-Awtorità tal-Ħatra tadotta d-deċiżjoni tagħha li l-kuntratt ta’ impjieg ma jiġġeddidx, b’tali mod li qabel ma tadotta pożizzjoni din l-awtorità għandha tisma’ lill-persuna kkonċernata fir-rigward tal-osservazzjonijiet magħmula f’din l-opinjoni.

(ara l-punti 51, 52, 56, 57 u 61)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lirestal et C‑32/95 P, Ġabra, EU:C:1996:402, punt 21; tad-9 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs De Bry, C‑344/05 P, Ġabra, EU:C:2006:710, punti 37 u 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, C‑59/06 P, ĠabraSP, EU:C:2007:756, punti 46 u 47

It-Tribunal għas-Servizz pubbliku: sentenza tad-9 ta’ Lulju 2002, Aimone vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑70/01, ĠabraSP, EU:T:2002:178, punt 36