Language of document : ECLI:EU:T:2015:449

Kawża T‑657/13

BH Stores BV

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern

(Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali ALEX — Trade marks nazzjonali verbali u figurattiva ALEX — Raġuni relattiva għal rifjut — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Ammissibbiltà tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell — Obbligu ta’ motivazzjoni — Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 — Assenza ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi msemmija mit-trade marks kunfliġġenti — Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tat-2 ta’ Lulju 2015

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Azzjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni — Legalità tad-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell li taqta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Kontestazzjoni permezz tal-invokazzjoni ta’ fatti ġodda — Inammissibbiltà — Teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ta’ ġurisprudenza tal-Unjoni jew ta’ ġurisprudenza nazzjonali jew internazzjonali mhux invokata quddiem il-Bordijiet tal-Uffiċċju — Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65)

2.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet — L-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 — Portata indentika għal dik tal-Artikolu 296 TFUE

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75)

3.      Trade mark Komunitarja — Deċiżjonijiet tal-Uffiċċju — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Prassi deċiżjonali preċedenti tal-Uffiċċju

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009)

4.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

5.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti — Trade mark verbali ALEX u trade marks verbali u figurattivi ALEX

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

6.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Xebh bejn il-prodotti jew servizzi kkonċernati — Sovrappożizzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ prodotti li għandhom destinazzjonijiet differenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 25, 26)

2.      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandhom ikunu mmotivati. Hija ġurisprudenza stabbilita li dan l-obbligu għandu l-istess portata bħal dak stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u li l-motivazzjoni rikjesta mill-imsemmi artikolu għandu juri b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att. Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju għandu bħala għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-kontroll tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni.

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ma huwiex rikjest li l-bordijiet tal-appell jipprovdu espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti, u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha magħmula mill-partijiet quddiemhom. Għaldaqstant il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu r-raġunijiet għalfejn id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ġiet adottata u lill-qorti kompetenti jkollha biżżejjed elementi sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Jeħtieġ sempliċement li l-bordijiet tal-appell jesponu l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li jkollhom importanza essenzjali fil-formulazzjoni tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 29-31)

3.      Id-deċiżjonijiet li l-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) huma mitluba jieħdu, skont ir-Regolament Nru 207/2009, dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għalhekk, il-legalità tal-imsemmija deċiżjonijiet għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament, hekk kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni, u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għal dawn id-deċiżjonijiet.

Madankollu, l-Uffiċċju għandu l-obbligu li jeżerċita l-kompetenzi tiegħu b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ l-aħħar prinċipji, l-Uffiċċju għandu, fil-kuntest tal-verifika ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda dwar applikazzjonijiet simili u jistaqsi b’attenzjoni partikolari dwar il-punt jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens. Minkejja dan, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba għandhom jiġu rrikonċiljati mal-osservanza tal-legalità. Konsegwentement, ebda parti fi proċedimenti quddiem l-Uffiċċju ma tista’ tinvoka favuriha illegalità eventwalment imwettqa favur ħaddieħor sabiex tikseb deċiżjoni identika. Qabel kollox, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet u għandu jseħħ f’kull każ speċifiku.

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li s-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma, ikkostitwita minn numru ta’ regoli u li ssegwi għanijiet speċifiċi għaliha, fejn l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-reġistrazzjonijiet diġà mwettqa fl-Istati Membri ma jikkostitwixxux elementi li, mingħajr ma jkunu determinanti, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

(ara l-punti 42, 90, 92)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 48, 49, 95)

5.      Ma jeżistix għall-membri tal-pubbliku inġenerali fil-Ġermanja, probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, bejn is-sinjal verbali ALEX, li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja għal “ġugarelli għall-banju għat-trabi” u “ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal” li jaqgħu fil-klassi 28 skont il-Ftehim ta’ Nice, u t-trade marks verbali u figurattiva ALEX, irreġistrati preċedentement fil-Ġermanja għal “tagħmir sportiv” li jaqa’ taħt l-istess klassi, peress li l-prodotti ma humiex simili.

Fl-ewwel lok, il-ġugarelli msemmija mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandhom natura differenti minn dik tat-“tagħmir sportiv” imsemmi mit-trade marks preċedenti. B’mod partikolari, l-eżistenza ta’ forma semplifikata u ta’ daqs ridott għall-“ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal” ġustament tippermetti li ssir distinzjoni mat-“tagħmir sportiv”, u mhux li jkun hemm konfużjoni ma’ dan tal-aħħar. Il-“ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal”, hekk kif jindika t-titolu, huma intiżi għal tfal relattivament żgħar u jiddistingwu ruħhom mit-“tagħmir sportiv” (anki jekk jimitawhom) permezz ta’ tekniċità limitata, apparenza differenti (daqs ridott, inqas piż), sigurtà adattata għat-tfal konformement mad-Direttiva 2009/48 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli kif ukoll prezz ġeneralment inferjuri. Konfezzjoni tal-golf fil-minjatura, bħala eżempju ta’ prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ċċitat mir-rikorrenti, hija adattata għad-daqs tat-tfal fejn il-mazza tonqos fil-preċiżjoni li jkollha l-mazza ta’ vera tal-golf u tkun magħmula bil-plastik ħafif. Dan ir-raġunament japplika, a fortiori għall-“ġugarelli għall-banju għat-trabi”, li ma għandhomx ekwivalenti “sportiv”.

Fit-tieni lok, il-prodotti kunfliġġenti kellhom essenzjalment skop differenti. It-“tagħmir sportiv” huwa intiż għall-eżerċizzju tal-ġisem permezz tal-eżerċizzju fiżiku filwaqt li l-ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal huma intiżi kemm għad-divertiment kif ukoll għall-edukazzjoni tat-tfal. Barra minn hekk, il-“ġugarelli għall-banju” huma intiżi “b’mod ċar biss sabiex jiddevertu lit-trabi”. Fil-fatt, l-għan ta’ divertiment pur tal-“ġugarelli għall-banju għat-trabi” huwa wisq iktar evidenti milli għall-“ġugarelli ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal”.

In-natura u l-iskop tal-prodotti msemmija mit-trade marks kunfliġġenti huma differenti, huma ma humiex interkambjabbli u għaldaqstant ma humiex kompetituri. Fi kwalunkwe każ, filwaqt li xi drabi tista’, jekk ikun il-każ, teżisti ċerta interkambjabbiltà bejn il-prodotti inkwistjoni, din teżisti f’sens wieħed biss, jiġifieri fis-sens li huma biss il-konsumaturi ta’ ċerti ġugarelli koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li jistgħu jibdew jużaw it-“tagħmir sportiv” korrispondenti koperti mit-trade marks preċedenti, f’każ ta’ żieda fil-prezz tal-imsemmija ġugarelli. Huwa evidenti li, anki li kieku l-prezz tat-“tagħmir sportiv” kellu jiżdied, il-konsumaturi ta’ “tagħmir sportiv” ma jibdewx jużaw l-imsemmija ġugarelli sabiex jissostitwixxu “tagħmir sportiv” ta’ vera.

Fit-tielet lok, kanali ta’ distribuzzjoni u ta’ manifattura tal-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti huma differenti.

Peress li ma jeżistix xebh bejn l-prodotti kunfliġġenti ma jista’ jkun hemm ebda probabbiltà ta’ konfużjoni, anki li kieku kellha tittieħed inkunsiderazzjoni l-identiċità tas-sinjali, peress li kundizzjoni indispensabbli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti ma kinitx issodisfatta.

(ara l-punti 50, 51, 59, 61, 67, 70, 71, 74, 80, 97)

6.      Il-fatt li skop (pereżempju l-attività fiżika) ma jkunx esklużiv għal skop ieħor (pereżempju d-divertiment) u li żewġ skopijiet jistgħu “jitħalltu bejniethom” fi prodott ma jipprekludix l-identifikazzjoni ta’ finalità dominanti jew fi kliem ieħor “ewlenija” fi prodott. Kif ukoll, b’“użu”, għandu jinftiehem l-użu ġeneralment previst ta’ prodott u mhux użu sekondarju jew okkażjonali. Għalhekk l-eżistenza ta’ ċertu “passaġġ kontinwu” jew ta’ żona ta’ intersezzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ prodotti li għandhom skopijiet essenzjalment differenti ma jfissirx madankollu li hemm xebh bejn il-prodotti kollha kkonċernati minn dawn il-kategoriji. Barra minn hekk li l-fatt li żewġ prodotti jistgħu, sa ċertu mod, jissodisfaw l-istess ħtieġa, ma jipprekludix li l-konsumatur rilevanti jista’ jipperċepihom bħala prodotti distinti.

(ara l-punti 64-66)