Language of document : ECLI:EU:T:2015:771





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tat-8 ta’ Ottubru 2015 – Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni

(Kawżi T‑659/13 u T‑660/13)

“Trasport – Direttiva 2010/40/UE – Sistemi ta’ trasport intelliġenti – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 885/2013 – Forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali – Artikolu (3)(1), Artikolu 8 u Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament ta’ Delega Nru 885/2013 – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 886/2013 – Data u proċeduri għall-forniment ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq mingħajr ħlas għall-utenti – Artikolu 5(1), Artikolu 9 u Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament ta’ Delega Nru 886/2013”

1.                     Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Setgħa mogħtija lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ atti ddelegati – Obbligu li ma jiġux emendati elementi essenzjali tal-att leġiżlattiv bażiku – Indikazzjoni mir-Regolamenti Nru 885/2013 u Nru 886/2013 taż-żoni u tat-taqsimiet tan-netwerk tat-toroq trans-Ewropew suġġetti għall-użu ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti – Ammissibbiltà (Artikolu 290 TFUE; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 885/2013, Artikolu 3(1), u Nru 886/2013, Artikolu 5(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/40, Artikolu 5(1)) (ara l-punti 40-43)

2.                     Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Setgħa mogħtija lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ atti ddelegati –Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni sabiex tikkompleta l-leġiżlazzjoni tal-qasam ikkonċernat – Stabbiliment bir-Regolamenti Nru 885/2013 u Nru 886/2013 ta’ obbligu għall-Istati Membri li jindikaw organu inkarigat milli jikkontrolla l-osservanza mill-operaturi tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dawn ir-regolamenti – Ammissibbiltà (Artikolu 290 TFUE; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 885/2013, Artikolu 8 (1), u Nru 886/2013, Artikolu 9(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/40, Artikolu 6(1) u Anness II) (ara l-punti 47, 49, 62, 63, 66, 72-74)

Suġġett

Fil-Kawża T‑659/13, prinċipalment, talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 885/2013, tal-15 ta’ Mejju 2013, li jissupplimenta d-Direttiva ITS 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali (ĠU L 247, p. 1), u, sussidjarjament, talba għall-annullament tal-Artikolu 3(1), tal-Artikolu 8 u tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament ta’ Delega Nru 885/2013, kif ukoll, fil-Kawża T‑660/13, prinċipalment, talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 886/2013, tal-15 ta’ Mejju 2013, li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-dejta u l-proċeduri għall-forniment, fejn possibbli, ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza b’xejn lill-utenti (ĠU L 247, p. 6) u, sussidjarjament, talba għall-annullament tal-Artikolu 5(1), tal-Artikolu 9 u tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament ta’ Delega Nru 886/2013.

Dispożittiv

1)

Il-Kawżi T‑659/13 u T‑660/13 huma magħqudin għall-finijiet tas-sentenza.

2)

Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)

Ir-Repubblika Ċeka hija kkundannata għall-ispejjeż.