Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta’ April 2018 – Manéa vs CdT

(Kawża T-225/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Camelia Manéa (Echternach, il-Lussemburgu) (rappreżentant: M.-A. Lucas, avukat)

Konvenut: Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2017 tad-Direttriċi taċ-Ċentru tat- Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea li ma ġġeddidx, b’effett mit-12 ta’ Novembru 2015, il-kuntratt ta’ reklutaġġ għal żmien determinat tar-rikorrenti bħala membru tal-persunal temporanju, li għaldaqstant intemm effettivament fil-31 ta’ Jannar 2016;

tordna r-reintegrazzjoni tar-rikorrenti bħala membru tal-persunal temporanju taċ-Ċentru b’effett mill-1 ta’ Jannar 2019 jew, jekk dan ma huwiex possibbli, tikkundanna lill-konvenut iħallasha kumpens għad-dannu materjali u morali li rriżultalha mit-telf ta’ reklutaġġ għal żmien indeterminat, somma li tikkorrispondi għar-remunerazzjoni li hija kienet tirċievi li kieku hija baqgħet fis-servizz taċ-Ċentru għal erba’ snin, imnaqqsa jekk ikun il-każ b’ remunerazzjonijiet jew kumpens li hija tista’ tirċievi barra minn hekk, u sabiex tħallas lis-sistema komunitarja tal-pensjonijiet il-kontribuzzjonijiet korrispondenti;

tikkundanna liċ-Ċentru tat-Traduzzjoni jħallasha bħala kumpens għad-danni morali u materjali li rriżultawlha mid-deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2015 is-somma ta’ EUR 11 136 bħala dannu morali tagħha, is-somma ta’ EUR 12 000 bħala t-telf ta’ remunerazzjoni tagħha, u s-somma ta’ EUR 9 674 rappreżentanti l-ispejjeż ta’ assistenza tagħha;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu li r-rikorrenti terġa’ titpoġġa fis-sitwazzjoni legali eżistenti qabel l-att irtirat, fuq żbalji ta’ fatt, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni jew fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, u fuq il-ksur tal-interess tas-servizz, sa fejn id-deċiżjoni l-ġdida ta’ nuqqas ta’ reklutaġġ mill-ġdid tar-rikorrenti sa mill-31 ta’ Jannar 2016 kienet ibbażata fuq elementi li, kuntrarjament għal dak li hija qieset, ma kinux jeżistu meta qamet il-kwistjoni tar-reklutaġġ mill-ġdid tagħha f’Novembru 2015.

It-tieni motiv, ibbażat, fl-ewwel lok, fuq il-ksur tal-politika tal-persunal iddefinita mill-Kunsill ta’ Amministrazzjoni, sa fejn ġie meqjus fid-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ reklutaġġ mill-ġdid li kien fl-interess tas-servizz li tiġi implementata politika ta’ sostituzzjoni tal-membri tal-persunal temporanji b’membri tal-persunal bil-kuntratt. Fit-tieni lok, dan il-motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni sa fejn ġie meqjus li s-sostituzzjoni tar-rikorrenti minn membru tal-persunal bil-kuntratt kienet iġġustifikata bir-riorganizzazzjoni tad-Dipartiment ta’ Appoġġ għat-Traduzzjoni, u, fit-tielet lok, fuq żball ta’ fatt sa fejn ġie meqjus li dan kien il-każ.

It-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u/jew fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, sa fejn ġie deċiż, retroattivament u għar-raġuni unika tal-interess tas-servizz, li r-rikorrenti ma tiġix irreklutata mill-ġdid minflok tiġi kkumpensata, filwaqt li, skont hi, il-modifika tad-deċiżjoni rtirata kienet impossibbli jew partikolarment diffiċli. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ma hijiex neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-miżura, ma tikkostitwixxix rieżami komplet taċ-ċirkustanzi tal-każ, tmur kontra l-aspettattivi leġittimi u ma tissodisfax l-obbligu li jiġu kkumpensati d-danni li jirriżultaw minn irregolaritajiet oħrajn li d-deċiżjoni inizjali kienet ivvizzjata bihom.

____________