Language of document : ECLI:EU:T:2014:625

Kawża T‑401/11 P

Livio Missir Mamachi di Lusignano

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Dannu personali ta’ qraba ta’ uffiċjal deċedut — Dannu subit mill-uffiċjal qabel mewtu — Kompetenzi rispettivi tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Regola ta’ konkordanza bejn it-talba għad-danni u l-ilment imressaq kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ din it-talba”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) tal-10 ta’ Lulju 2014

1.      Proċedura ġudizzjarja — Tqassim tal-kompetenzi bejn il-varji qrati tal-Unjoni — Rikors ippreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jirrigwarda d-dannu subit mill-qraba ta’ uffiċjal deċedut kemm fil-kwalità tagħhom ta’ aventi kawża kif ukoll f’isimhom personali u jure proprio — Inkompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jieħu konjizzjoni tat-talba għall-kumpens għad-danni personali — Kompetenza tal-Qorti Ġenerali — Possibbiltà għar-rikorrenti li l-Qorti Ġenerali tiġi adita b’azzjoni waħda biss intiża għall-kumpens tal-kapijiet kollha ta’ dannu subiti

(Artikoli 257 TFUE, 268 TFUE, 270 TFUE u 340 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3); Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Identiċità tas-suġġett u tal-kawża — Motivi u argumenti li ma jidhrux fl-ilment, iżda li huma relatati strettament miegħu — Ammissibbiltà — Talba għall-interessi moratorji mressqa għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni appellata — Ammissibbiltà — Natura strettament kumpensatorja tar-rikors — Assenza ta’ effett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Fil-qasam tad-delimitazzjoni tal-kompetenzi rispettivi tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, tilwima bejn uffiċjal u l-istituzzjoni li minnha huwa dipendenti jew kien dipendenti tipproċedi, meta toriġina mir-rabta tal-impjieg li torbot jew kienet torbot lill-persuna interessata mal-istituzzjoni, fil-kuntest tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u tinsab, konsegwentement, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 268 TFUE u 340 TFUE, li jirregolaw is-sistema ġenerali tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, fid-dawl ta’ tilwima bejn l-aventi kawża ta’ uffiċjal deċedut u l-istituzzjoni li minnha jiddependi jew kien jiddependi dan l-uffiċjal, għalkemm dawn aġixxew bil-għan li jiksbu kumpens għal dannu li huwa personali, kemm jekk dan id-dannu jkun materjali u kemm jekk morali, il-kundizzjoni suġġettiva personali, marbuta mal-istatus tal-uffiċjal proprjetarju tad-drittijiet inkwistjoni fi kwalunkwe każ hija nieqsa u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, għaldaqstant, fil-prinċipju, ma huwiex kompetenti ratione personae biex jieħu konjizzjoni tagħha taħt l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dawn il-kundizzjonijiet, meta l-imsemmija aventi kawża jitolbu l-kumpens ta’ diversi danni kkawżati mill-istess att, huma neċessarjament obbligati jippreżentaw żewġ rikorsi, wieħed quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-ieħor quddiem il-Qorti Ġenerali, skont jekk dawn ikunux drittijiet tal-uffiċjal inkwistjoni jew jekk jitolbux kumpens għal dannu, materjali jew morali, li huwa personali għalihom, peress li dawn iż-żewġ rikorsi għad-danni huma suġġetti għall-kundizzjonijiet ta’ mertu differenti.

Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet marbuta maċ-ċertezza legali, mal-amministrazzjoni t-tajba tal-ġustizzja, mal-ekonomija tal-ġudizzju u mal-prevenzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji kunfliġġenti, huwa possibbli għall-imsemmija aventi kawża li jgħaqqdu t-talbiet tagħhom billi jippreżentaw rikors wieħed biss. Dan ir-rikors uniku għandu jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li din tal-aħħar ma hijiex biss il-qorti ġeneralista jew ta’ dritt komuni, u li għandha fuq din il-bażi ġurisdizzjoni sħiħa, bil-kontra tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li huwa l-qorti ta’ eċċezzjoni, iżda hija wkoll il-qorti ta’ grad superjuri, li magħha huwa anness it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, skont il-kliem tal-Artikolu 257 TFUE. Issa, b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu immedjatament jastjeni milli jassumi l-kompetenza tiegħu sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi l-kawża.

(ara l-punti 47, 51, 65, 66, 73-75)

2.      Fis-sistema ta’ rimedji previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija ammissibbli talba għad-danni li tkun tressqet għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, minkejja li l-ilment amministrattiv minn qabel jkun semma’ biss l-annullament tad-deċiżjoni allegatament dannuża, għaliex talba għall-annullament tista’ timplika talba għall-kumpens tad-dannu subit. Bl-istess mod, talba għall-interessi moratorji fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni appellata ma għandhiex bżonn, biex tkun ammissibbli quddiem il-Qorti Ġenerali, li tkun issemmiet espressament fl-ilment amministrattiv minn qabel. Dawn is-soluzzjonijiet huma validi mhux biss għall-kontenzjuż tal-annullament, iżda wkoll għall-kontenzjuż strettament kumpensatorju.

(ara l-punti 92-94)