Language of document : ECLI:EU:T:2017:874

Kawża T-401/11 P-RENV-RX

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Stefano Missir Mamachi di Lusignano e.a.

vs

IlKummissjoni Ewropea

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Qtil ta’ uffiċjal u tal-konjuġi tiegħu – Regola ta’ konkordanza bejn it-talba, l-ilment u r-rikors għad-danni – Obbligu li tiġi żgurata s-sigurtà tal-persunal fis-servizz tal-Unjoni – Rabta kawżali – Danni materjali – Responsabbiltà in solidum – Teħid inkunsiderazzjoni tal-benefiċċji previsti fir-Regolamenti tal-Persunal – Dannu morali – Responsabbiltà ta’ istituzzjoni fid-dannu morali ta’ uffiċjal deċedut – Responsabbiltà ta’ istituzzjoni fid-dannu morali tal-aventi kawża ta’ uffiċjal deċedut”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) tas-7 ta’ Diċembru 2017

1.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Rabta kawżali – Diversi kawżi tad-dannu – Applikazzjoni tat-teoriji tal-kawżalità adegata u tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

2.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Rabta kawżali – Qtil ta’ uffiċjal minn terz b’konsegwenza tan-nuqqas tal-istituzzjoni tiegħu milli twettaq l-obbligu ta’ protezzjoni tagħha – Ksur tar-rabta kawżali minħabba l-intervent ta’ terz – Assenza – Klassifikazzjoni tal-istituzzjoni bħala koawtur tad-dannu

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

3.      Appell – Aggravji – Aggravju indirizzat kontra raġuni superfluwa – Aggravju ineffettiv – Ċaħda

(Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

4.      Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Portata – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali, Artikolu 24)

5.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Konstatazzjoni tar-responsabbiltà in solidum ta’ istituzzjoni fir-rigward tad-dannu mġarrab minn uffiċjal – Inklużjoni

(Artikolu 270 TFUE; Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali, Artikolu 24)

6.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dannu – Dannu li jista' jiġi kkumpensat – Dannu kkawżat minn diversi awturi – Responsabbiltà in solidum tal-koawturi

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

7.      Appell – Aggravji – Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Kriterji adottati mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiffissa l-ammont tal-allowance mogħtija bħala kumpens għad-dannu – Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali

8.      Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Kundizzjonijiet – Dannu – Dannu morali marbut mas-sofferenza fiżika u psikoloġika mġarrba minn uffiċjal maqtul qabel il-mewt tiegħu – Dannu irreparabbli

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

9.      Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Kundizzjonijiet – Dannu – Dannu morali mġarrab mill-aventi kawża ta’ uffiċjal maqtul minħabba l-insuffiċjenza tal-benefiċċji previsti mir-Regolamenti tal-Persunal sabiex jiġi żgurat il-kumpens tad-dannu mġarrab minnhom – Dannu reparabbli – Limiti

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

10.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dannu – Dannu li jista’ jiġi kkumpensat – Dannu morali kkawżat mill-mewt ta’ persuna qrib – Inklużjoni – Evalwazzjoni ex æquo et bono

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

1.      Bħala prinċipju, żewġ teoriji tal-kawżalità jistgħu jiġu applikati fil-każ li jkun hemm iktar minn kawża waħda tal-istess dannu, jiġifieri t-teorija tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet u dik tal-kawżalità adegwata. Fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, żviluppat tendenza li tiffavorixxi t-teorija tal-kawżalità adegwata. Fil-fatt, l-Unjoni tista’ tinżamm responsabbli biss għad-dannu li jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir illegali tal-istituzzjoni kkonċernata u r-rikorrent għandu jistabbilixxi li, mingħajr in-nuqqas imwettaq, id-dannu ma kienx jimmaterjalizza u li dan in-nuqqas kien il-kawża determinanti tad-dannu mġarrab.

Barra minn hekk, meta, minn naħa, l-aġir li bih tkun akkużata istituzzjoni jagħmel parti minn proċess usa’ li fih ikunu pparteċipaw terzi u, min-naħa l-oħra, id-dannu allegat ikollu bħala kawża immedjata intervent ta’ wieħed minn dawn it-terzi, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika jekk dan l-intervent sarx inevitabbli minħabba s-sempliċi fatt li kien adottat l-aġir inkwistjoni jew jekk, għall-kuntrarju, dan l-intervent kienx l-espressjoni ta’ rieda awtonoma. Fil-każ ta’ rieda awtonoma, il-qorti għandha tikkonstata l-ksur tar-rabta kawżali. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza dwar it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE tillimita r-responsabbiltà tal-Unjoni għad-danni li jirriżultaw b’mod dirett, jekk mhux ukoll b’mod suffiċjentement dirett, mill-aġir illegali tal-istituzzjoni kkonċernata, u dan jeskludi, b’mod partikolari, li l-imsemmija responsabbiltà tkopri d-danni li ma jkunux ħlief konsegwenza mbiegħda ta’ dan l-aġir. F’din il-loġika, is-sempliċi fatt li l-aġir illegali kkostitwixxa kundizzjoni meħtieġa għall-materjalizzazzjoni tad-dannu, sa fejn dan ma kienx iseħħ fl-assenza ta’ dan l-aġir, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita rabta kawżali.

Madankollu, dawn il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ma jeskludux b’mod assolut l-applikazzjoni tat-teorija tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet u jippermettu biss li jiġi kkonstatat li, jekk in-nuqqas imwettaq mill-istituzzjoni jkun imbiegħed mid-dannu u jekk il-qorti tikkonstata l-ksur tar-rabta kawżali, it-teorija tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet għandha titwarrab. Għaldaqstant, għall-kuntrarju, fl-eventwalità li d-dannu jirriżulta direttament jew b’mod suffiċjentement dirett min-nuqqas tal-istituzzjoni u għalhekk fl-eventwalità li dan in-nuqqas ma jkunx tant imbiegħed mid-dannu li jwassal għall-ksur tar-rabta kawżali, il-qorti tal-Unjoni tista’ tapplika t-teorija tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet

(ara l-punti 64, 67-70)

2.      Fil-każ li istituzzjoni tkun responsabbli għal nuqqas milli twettaq obbligu ta’ protezzjoni li kkontribwixxa sabiex jiġi kkawżat id-dannu speċifiku li l-imsemmi obbligu kien intiż li jevita, għandu jiġi kkunsidrat li dan in-nuqqas, anki jekk ma jistax jitqies li huwa l-unika kawża tad-dannu, jista’ jikkontribwixxi b’mod suffiċjentement dirett għall-materjalizzazzjoni tiegħu. B’hekk, l-azzjonijiet ta’ terz, prevedibbli jew imprevedibbli, jistgħu jitqiesu mill-qorti tal-Unjoni bħala li la jistgħu jimplikaw ksur tar-rabta kawżali u lanqas ma jistgħu jikkostitwixxu ċirkustanza li teżonera totalment lill-istituzzjoni mir-responsabbiltà tagħha sa fejn iż-żewġ kawżi, jiġifieri n-nuqqas tal-istituzzjoni u l-azzjonijiet ta’ terz, ikkontribwixxew għall-materjalizzazzjoni tal-istess dannu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-każ ta’ nuqqas li jikkonsisti fin-nuqqas li jitwettaq obbligu ta’ protezzjoni li kkontribwixxa sabiex jiġi kkawżat id-dannu speċifiku li l-imsemmi obbligu kien intiż li jevita, anki jekk l-istituzzjoni ma setgħetx titqies li kienet responsabbli b’mod prinċipali għad-dannu, din tal-aħħar għandha titqies bħala koawtur tad-dannu.

(ara l-punti 72, 84)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 92)

4.      Il-premessa meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal hija l-fatt li l-uffiċjal ikun ġarrab dannu minħabba l-kwalità u l-funzjonijiet tiegħu. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża li tapplika fil-każ li l-uffiċjal ma jkunx ġarrab id-dannu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

(ara l-punt 106)

5.      Il-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà ta’ istituzzjoni meta din tkun ikkawżat, waħedha jew flimkien ma’ terz, dannu lil uffiċjal. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal turi li n-natura tar-responsabbiltà ta’ terz ma għandha ebda impatt fuq l-obbligu in solidum tal-istituzzjoni li tkun koawtur ta’ dannu kkawżat lil uffiċjal fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. Din id-dispożizzjoni turi li l-qorti tal-Unjoni tista’ tintalab tieħu konjizzjoni ta’ tilwima li tikkonċerna l-kwistjoni tar-responsabbiltà in solidum ta’ istituzzjoni minħabba l-azzjonijiet ta’ terz, fejn in-natura tar-responsabbiltà tat-terz ma għandha ebda impatt fuq il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà in solidum ta’ istituzzjoni.

(ara l-punt 113)

6.      Mid-drittijiet tal-Istati Membri joħroġ prinċipju ġenerali komuni li jipprovdi li l-qorti nazzjonali għandha tirrikonoxxi r-responsabbiltà in solidum tal-koawturi tal-istess dannu, filwaqt li jitqies li huwa ġust il-fatt li l-persuna leża ma tkunx meħtieġa, minn naħa, tiddetermina s-sehem tad-dannu li kull wieħed mill-koawturi huwa responsabbli għalih u, min-naħa l-oħra, iġġorr ir-riskju li l-koawtur li hija tressaq kawża kontrih jirriżulta li jkun insolventi. Il-prinċipju ta’ responsabbiltà in solidum japplika kemm għad-dannu materjali u kemm għad-dannu morali.

(ara l-punti 118, 195)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 129)

8.      Mid-drittijiet tal-Istati Membri ma joħroġx prinċipju ġenerali komuni li jindika li, f’ċirkustanzi fejn uffiċjal li jkun qiegħed jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’pajjiż terz jinqatel fir-residenza mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu, qorti nazzjonali kienet ser tikkumpensa dannu morali li jikkonsisti fis-sofferenza fiżika u psikoloġika li tkun esperjenzat il-vittma sal-mument tal-mewt tagħha stess.

(ara l-punti 175, 176)

9.      Mid-drittijiet tal-Istati Membri joħroġ prinċipju ġenerali komuni fis-sens li, f’ċirkustanzi fejn uffiċjal li jkun qiegħed jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’pajjiż terz jinqatel fir-residenza mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu, il-preżenza ta’ skema li tiggarantixxi l-ħlas awtomatiku ta’ benefiċċji lill-aventi kawża tal-uffiċjal deċedut ma hijiex ostakolu għall-fatt li l-imsemmija aventi kawża, jekk iqisu li d-danni mġarrba ma humiex koperti jew ma humiex kompletament koperti mill-imsemmija skema, jiksbu wkoll kumpens għad-dannu tagħhom permezz ta’ rikors quddiem qorti nazzjonali. F’dan ir-rigward, mid-drittijiet tal-Istati Membri joħroġ ukoll prinċipju ġenerali komuni fis-sens li d-dannu morali mġarrab ma jistax ikun is-suġġett ta’ kumpens doppju. Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika sa fejn skema li tiggarantixxi l-ħlas awtomatiku ta’ benefiċċji tkopri kompletament, parzjalment jew bl-ebda mod id-dannu morali mġarrab mill-aventi kawża qabel ma tiddetermina l-ammont tal-kumpens għall-imsemmi dannu.

(ara l-punti 194, 195)

10.    Mid-drittijiet tal-Istati Membri joħroġ prinċipju ġenerali komuni fis-sens li huwa rrikonoxxut li l-aventi kawża, b’mod partikolari l-ulied u l-ġenituri tal-persuna deċeduta, ikunu ġarrbu dannu morali li jista’ jiġi kkumpensat, li jikkonsisti fit-tbatija morali kkawżata mill-mewt ta’ persuna qrib tagħhom. Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tad-dannu morali, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tuża tabelli stabbiliti fi Stat Membru wieħed. F’dan ir-rigward, il-qorti tal-Unjoni għandha tiffissa l-ammont ex æquo et bono, filwaqt li tesponi l-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni għal dan il-għan.

(ara l-punti 198, 200)