Language of document : ECLI:EU:C:2017:877

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ Novembru 2017 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Talba għal miżuri provviżorji – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi”

Fil-Kawża C‑441/17 R,

li għandha bħala suġġett talba għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 TFUE u l-Artikolu 160(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressqa fl-20 ta’ Lulju 2017,

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Hermes, H. Krämer, K. Herrmann u E. Kružíková, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

IrRepubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn J. Szyszko, Ministru għall-Ambjent, kif ukoll minn B. Majczyna u D. Krawczyk, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano (Relatur), Viċi President, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, A. Rosas, C. G. Fernlund u C. Vajda, Presidenti tal-Awla, E. Juhász, A. Arabadjiev, C. Toader, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, M. Wathelet,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna lir-Repubblika tal-Polonja, sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq il-mertu, twaqqaf, minbarra fil-każ ta’ theddida għas-sigurtà pubblika, l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva fil-habitats 91D0 - foresta mistagħdra - u 91E0 - foresti alluvjali b’siġar taż-żafżafa, tal-luq, tal-alnu u tal-fraxxnu -, u fil-ħażniet li għandhom iktar minn mitt sena tal-habitat 9170 - foresta subkontinentali, tal-ballut u tal-karpin - kif ukoll fil-habitats tat-tektieka s-siġar dorsoblank (Dendrocops Leucotos), tat-tektieka s-siġar ta’ tliet swaba’ (Picoides tridactylus), tal-kokk nani (Glaucidium passerinum), tal-kokk ta’ Tengmalm (Aegolius funereus), tal-kuċċardi (Pernis apivorus), taż-żanżarell pitiross (Ficedula parva), taż-żanżarell tal-kullar (Ficedula albicollis) u tal-ħamiem tal-barr (Colomba oenas) u fil-habitats tal-ħanfus saprossiliku – il-Cucujus cinnaberinus, il-Boros Schneideri, il-Phryganophilus Ruficollis, il-Pytho Kolwensis, il-Rhysodes Sulcatus uil-Buprestis Splendens, u twaqqaf it-tneħħija ta’ prinjoli mejtin li għandhom iktar minn mitt sena u l-qtugħ ta’ siġar fil-kuntest taż-żieda fl-isfruttar tal-foresta fis-sit PLC200004 Puszcza Białowieża (Polonja, iktar ’il-quddiem is-“Sit Natura 2000 Puszcza Białowieska”), liema attivitajiet jirriżultaw mid-deċiżjoni tal-Ministru għall-Ambjent tar-Repubblika tal-Polonja tal-25 ta’ Marzu 2016 u mill-Artikolu 1(2) u (3) tad-Deċiżjoni Nru 51 tad-Direttur Ġenerali tal-Lasy Państwowe (Uffiċċju tal-Foresti, il-Polonja), tas-17 ta’ Frar 2017 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 51”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Lulju 2017 u intiż li jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha:

–        taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE, tat-13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘habitats’”), billi approvat, fil-25 ta’ Marzu 2016, emenda għall-pjan ta’ ġestjoni forestali tad-distrett forestali ta’ Białowieża (il-Polonja) u implementat l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali previsti f’din l-emenda mingħajr ma żgurat ruħha li dan ma jippreġudikax l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska;

–        taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats” kif ukoll taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), kif emendata bid-Direttiva 2013/17 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘għasafar’”), billi naqset milli tistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali tal-Anness I u tal-ispeċi tal-Anness II tad-Direttiva “habitats”, kif ukoll tal-għasafar tal-Anness I tad-Direttiva “għasafar” u tal-ispeċi migratorji li jirrikorru regolarment li ma humiex inklużi fl-imsemmi anness, li għalihom intgħażlu s-sit ta’ importanza komunitarja u ż-żona ta’ protezzjoni speċjali tal-għasafar tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska;

–        taħt l-Artikolu 12(1)(a) u (d) tad-Direttiva “habitats”, billi naqset milli tiżgura protezzjoni stretta tal-ħanfus saprossiliku [il-Cucujus cinnaberinus, il-Buprestis splendens, il-Phryganophilus ruficollis u l-Pytho kolwensis imsemmija fil-punt (a) tal-Anness IV tal-imsemmija direttiva, jiġifieri billi ma pprojbitx effettivament il-qtil intenzjonat jew id-disturb tagħhom u d-deterjorazzjoni jew il-qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni tagħhom fid-distrett forestali ta’ Białowieża, u

–        taħt l-Artikolu 5(b) u (d) tad-Direttiva “għasafar”, billi naqset milli tiżgura l-protezzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari t-tektiek is-siġar dorsoblank (Dendrocops Leucotos), it-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’ (Picoides tridactylus), il-kokka nana (Glaucidium passerinum) u l-kokka ta’ Tengmalm (Aegolius funereus), jiġifieri billi ma żguratx li ma jkunx hemm qtil jew disturb ta’ tali speċi matul il-perijodi ta’ tgħammir u ta’ trobbija u li ma jkunx hemm qerda, ħsara jew tneħħija intenzjonali tal-bejtiet u tal-bajd tagħhom fid-distrett forestali ta’ Białowieża.

3        Il-Kummissjoni talbet ukoll, skont l-Artikolu 160(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għoti tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punt 1 ta’ dan id-digriet qabel mal-konvenuta tkun ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha minħabba r-riskju ta’ dannu gravi u irreparabbli għall-habitats u l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska.

4        Permezz tad-digriet tas-27 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑441/17 R, mhux ippubblikat, EU:C:2017:622), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba provviżorjament sal-adozzjoni tad-digriet li jtemm dawn il-proċeduri għal miżuri provviżorji.

5        Fl-4 ta’ Awwissu 2017, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub dwar it-talba għal miżuri provviżorji.

6        Fil-11 ta’ Settembru 2017, l-osservazzjonijiet orali tal-partijiet instemgħu waqt seduta quddiem il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja.

7        Wara din is-seduta, il-Kummissjoni, fit-13 ta’ Settembru 2017, issupplimentat it-talba tagħha għal miżuri provviżorji, billi talbet lill-Qorti tal-Qorti tal-Ġustizzja tordna wkoll lir-Repubblika tal-Polonja tħallas pagamenti ta’ penalità fil-każ li hija ma tikkonformax mal-ordnijiet mogħtija fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri.

8        Fid-19 ta’ Settembru 2017, ir-Repubblika tal-Polonja talbet li l-Kummissjoni tiġi mistiedna tipproduċi l-provi li fuqhom kienet ibbażata t-talba supplimentari tagħha.

9        Fuq stedina tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni, fil-21 ta’ Settembru 2017, ipproduċiet il-provi mitluba.

10      F’osservazzjonijiet ippreżentati fit-28 ta’ Settembru 2017, ir-Repubblika tal-Polonja kkonkludiet li t-talba supplimentari tal-Kummissjoni kienet inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondata.

11      Barra minn hekk, f’dawn l-istess osservazzjonijiet u billi tibbaża ruħha fuq it-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Polonja talbet li din il-kawża tiġi assenjata lill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja.

12      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex obbligata tilqa’ talba bħal din meta din tkun tressqet fi stadju avvanzat ħafna tal-proċeduri, li huwa l-każ hawnhekk (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑310/04, EU:C:2006:521, punt 23), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’applikazzjoni tal-Artikolu 161(1) tar-Regoli tal-Proċedura, madankollu għadda l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, fid-dawl tal-importanza tagħha, assenjatha, konformement mal-Artikolu 60(1) tal-imsemmija regoli, lill-Awla Manja.

13      Fis-17 ta’ Ottubru 2017, l-osservazzjonijiet orali tal-partijiet instemgħu quddiem l-Awla Manja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva “habitats”

14      Skont l-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva “habitats” għandha bħala għan li tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri fejn japplika t-Trattat FUE.

15      It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2), ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Il-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità, li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.”

16      L-Artikolu 6(1)(3) u (4) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

[…]

3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.      Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

17      L-Artikolu 12(1)(a) u (d) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

a)      l-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

[…]

d)      deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.”

 Id-Direttiva “għasafar”

18      Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva “għasafar”:

“1.      Din id-Direttiva hija dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat. Din tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom.

2.      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-għasafar, il-bajd, il-bejtiet u l-ambjent naturali tagħhom.”

19      L-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

[…]

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I, billi jżommu f’moħħhom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva, rigward iż-żoni ta’ tgħammir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-artijiet niedja u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza internazzjonali.”

20      L-Artikolu 5(b) u (d) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7 u 9, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ġenerali ta’ protezzjoni għall-ispeċi kollha tal-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1, li tipprojbixxi partikolarment:

[…]

b)      il-qerda, jew il-ħsara intenzjonata lill-bejtiet u l-bajd tagħhom jew it-tneħħija tal-bejtiet tagħhom;

[…]

d)      it-tfixkil intenzjonat ta’ dawn l-għasafar partikolarment waqt il-perjodu tat-tgħammir u tkabbir, sakemm dan it-tfixkil jista jkun sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ din id-Direttiva.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

21      Mit-talba għal miżuri provviżorji jirriżulta li, permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni approvat l-għażla tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva “habitats”, bħala sit ta’ “importanza għall-Komunità” minħabba l-preżenza ta’ habitats naturali u ta’ habitats ta’ ċerti speċi ta’ annimali u ta’ għasafar. Dan is-sit jikkostitwixxi wkoll żona ta’ protezzjoni speċjali tal-għasafar magħżula skont id-Direttiva “għasafar”.

22      Skont l-imsemmija talba, is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska huwa wieħed mill-foresti naturali l-aħjar ikkonservati tal-Ewropa, li huwa kkaratterizzat minn kwantitajiet kbar ta’ injam mejjet u ta’ siġar antiki, li wħud minnhom għandhom iktar minn mitt sena. It-territorju tiegħu jinkludi habitats naturali li huma kkonservati tajjeb ħafna ddefiniti bħala “ta’ priorità”, fis-sens tal-Anness I tad-Direttiva “habitats”, bħalma huma foresti mistagħdra (Kodiċi Natura 2000 91D0) u foresti alluvjali b’siġar taż-żafżafa, tal-luq, tal-alnu u tal-fraxxnu (Kodiċi Natura 2000 91E0), kif ukoll ħabitats oħra ta’ “importanza għall-Komunità”, b’mod partikolari foresti subkontinentali, tal-ballut u tal-karpin (Kodiċi Natura 2000 9170).

23      Fid-dawl tal-kwantità sostanzjali ta’ injam mejjet, li huwa karatteristika tal-foresta naturali u mhux tal-foresti sfruttati, fit-territorju ta’ foresta bħas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska jeżistu ħafna speċi tal-ħanfus saprossiliku, bħall-Cucujus cinnaberinus, il-Boros Schneideri, il-Buprestis splendens, il-Phryganophilus Ruficollis, il-Pytho Kolwensis u r-Rhysodes Sulcatus, li jinsabu fl-Anness II u fl-Anness IV(a) tad-Direttiva “habitats”, kif ukoll, b’mod partikolari, speċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”, li l-habitat tagħhom huwa kkostitwit mill-prinjoli moribondi u mejtin, inklużi dawk okkupati mill-ħanfus tal-prinjol (Ips Typographus),bħat-tektiek is-siġar dorsoblank (Dendrocops Leucotos), it-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’ (Picoides tridactylus), il-kokka nana (Glaucidium passerinum) u l-kokka ta’ Tengmalm (Aegolius funereus). B’teħid inkunsiderazzjoni tal-valur naturali tagħha, il-foresta ta’ Białowieża hija inkluża wkoll fil-Lista tal-Patrimonju Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO).

24      Kif tindika l-Kummissjoni fit-talba tagħha għal miżuri provviżorji, is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, li huwa mifrux fuq 63 147 ettaru, jaqa’ taħt l-awtorità ta’ żewġ entitajiet differenti, jiġifieri, minn naħa, l-Białowieski Park Narodowy (Direttur tal-Park Nazzjonali ta’ Białowieża), li jamministra territorju li jirrappreżenta 17 % tas-superfiċje tas-sit, u min-naħa l-oħra, l-Uffiċċju tal-Foresti, li jamministra d-distretti forestali ta’ Białowieża, ta’ Browsk u ta’ Hajnówka. Id-distrett forestali ta’ Białowieża waħdu jirrappreżenta 19 % tas-superfiċje tas-sit.

25      Filwaqt li invoka l-propagazzjoni tal-ħanfus tal-prinjol, il-Ministru għall-Ambjent approva, fil-25 ta’ Marzu 2016, anness għall-pjan ta’ ġestjoni forestali tad-distrett forestali ta’ Białowieża, li kien ġie adottat fid-9 ta’ Ottubru 2012 (iktar ’il quddiem l-“anness tal-2016”), sabiex tiġi permessa ż-żieda fl-isfruttar tal-injam f’dan id-distrett forestali kif ukoll sabiex jitwettqu attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva f’żoni li fihom sa dak il-mument kwalunkwe intervent kien eskluż, bħalma huma l-iżbir sanitarju, l-afforestazzjoni u r-restawrazzjoni.

26      Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 51, beda x-xogħol tat-tneħħija ta’ siġar nixfin u ta’ siġar okkupati mill-ħanfus tal-prinjol fit-tliet distretti forestali ta’ Białowieża, ta’ Browsk u ta’ Hajnówka, fuq madwar 34 000 etturu tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska.

27      Skont il-Kummissjoni, diversi xjentifiċi u organizzazzjonijiet ambjentali jqisu li l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali msemmija fil-punt preċedenti għandhom impatt negattiv fuq iż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi ta’ annimali u ta’ għasafar li għall-konservazzjoni tagħhom intgħażel is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija ddeċidiet li tressaq din it-talba għal miżuri provviżorji.

 Fuq it-talba għal miżuri provviżorji

28      L-Artikolu 160(3) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw “is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba”.

29      Għaldaqstant, il-miżuri provviżorji jistgħu jingħataw mill-Imħallef għall-miżuri provviżorji biss jekk ikun stabbilit li l-għoti tagħhom huwa ġġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u dawn ikunu urġenti fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu serju u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, li dawn jiġu adottati u jipproduċu l-effetti tagħhom sa minn qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu wkoll, jekk ikun il-każ, jevalwa l-interessi preżenti (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs Malta, C‑76/08 R, mhux ippubblikat, EU:C:2008:252, punt 21, u tal-10 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑573/08 R, mhux ippubblikat, EU:C:2009:775, punt 11, kif ukoll id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Diċembru 2014, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C-431/14 P-R, EU:C:2014:2418, punt 19).

30      Il-kundizzjonijiet stipulati b’dan il-mod huma kumulattivi, b’tali mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tkun nieqsa (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs Malta, C‑76/08 R, mhux ippubblikat, EU:C:2008:252, punt 22, u tal-10 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C-573/08 R, mhux ippubblikat, EU:C:2009:775, punt 12).

 Fuq il-fumus boni juris

31      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ fumus boni juris, din tiġi ssodisfatta meta tkun teżisti, fl-istadju tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kontroversja legali jew fattwali importanti li s-soluzzjoni tagħha ma tkunx immedjatament evidenti, b’tali mod li, prima facie, ir-rikors fil-kawża prinċipali ma jkunx nieqes minn bażi serja (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 1989, Publishers Association vs Il-Kummissjoni, 56/89 R, EU:C:1989:238, punt 31, u tat-8 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Artegodan et, C-39/03 PR, EU:C:2003:269, punt 40, kif ukoll id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Diċembru 2014, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-431/14 PR, EU:C:2014:2418, punt 20).

32      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li l-attivitajiet ta’ qtugħ ta’ siġar, b’mod partikolari tal-prinjoli, okkupati mill-ħanfus tal-prinjol, ta’ tneħħija ta’ siġar mejtin u moribondi jew ta’ injam mejjet u ta’ ħażniet li għandhom iktar minn mitt sena kif ukoll ta’ tisġir mill-ġdid fuq is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, implementati fuq il-bażi tal-Anness tal-2016 u tad-Deċiżjoni Nru 51 (iktar ’il-quddiem l-“attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni”), jiksru d-dritt tal-Unjoni f’diversi aspetti.

33      Fl-ewwel lok, l-adozzjoni tal-Anness tal-2016 ma kinitx konformi mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”. Fil-fatt, dan l-anness ikkostitwixxa “pjan” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li l-awtoritajiet Pollakki, qabel ma adottawh, kien imisshom żġuraw ruħhom, skont l-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, li dan ma kienx jippreġudika l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. Issa, dawn l-awtoritajiet, fl-ebda mument tal-proċess deċiżjonali ma ħadu inkunsiderazzjoni l-opinjonijiet mogħtija minn diversi organi xjentifiċi, li huma madankollu kienu jafu bihom, li jipprovdu, essenzjalment, li l-imsemmija attivitajiet kienu ta’ natura li jikkawżaw dannu lil dan is-sit. Barra minn hekk, permezz tal-Anness tal-2016, l-awtoritijiet Pollakki speċifikatament wettqu attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva li sa dak il-mument l-esklużjoni tagħhom kienet meqjusa li hija miżura ta’ konservazzjoni tal-imsemmi sit, u dan minkejja li l-azzjoni tal-ħanfus tal-prinjol, jiġifieri l-okkupazzjoni tal-prinjoli u l-propagazzjoni tiegħu, ma hijiex meqjusa li hija theddida għall-habitats protetti tiegħu.

34      Fit-tieni lok, skont il-Kummissjoni, l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni jiksru l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats” kif ukoll l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “għasafar”, peress li jostakolaw, saħansitra jċaħħdu minn effett, il-miżuri ta’ konservazzjoni tal-habitats naturali msemmija fl-Anness I tad-Direttiva “habitats”, inklużi l-foresti mistagħdra (Kodiċi Natura 2000 91D0), il-foresti alluvjali b’siġar taż-żafżafa, tal-luq, tal-alnu u tal-fraxxnu (Kodiċi Natura 2000 91E0) u l-foresti subkontinentali, tal-ballut u tal-karpin (Kodiċi Natura 2000 9170), tal-ispeċi ta’ annimali msemmija fl-Anness II ta’ din id-direttiva, inklużi l-ispeċi tal-ħanfus saprossiliku, bħall-Cucujus cinnaberinus, il-Boros schneideri, il-Buprestis splendens, il-Pytho kolwensis, ir-Rhysodes sulcatus u l-Phryganophilus ruficollis, u tal-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”, inklużi t-tektiek is-siġar dorsoblank (Dendrocops Leucotos), it-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’ (Picoides tridactylus), il-kokka nana (Glaucidium passerinum) u l-kokka ta’ Tengmalm (Aegolius funereus) kif ukoll, kif speċifikat il-Kummissjoni waqt is-seduta tal-11 ta’ Settembru 2017, il-kuċċardi, iż-żanżarell pitiross, iż-żanżarell tal-kullar u l-ħamiem tal-barr. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-eżekuzzjoni tal-imsemmija attivitajiet tmur kontra l-miżuri ta’ konservazzjoni barra minn hekk previsti għall-habitats ikkonċernati, peress li dawn il-miżuri jirrakkomandaw b’mod speċifiku li “tiġi eskluża kull attività ta’ ġestjoni”, li “jiġu esklużi mill-attivitajiet ta’ ġestjoni l-ħażniet kollha ta’ speċi komposti mill-inqas minn 10 % tal-ispeċi li għandhom iktar minn mitt sena”, li “jiġu kkonservati s-siġar mejtin” kif ukoll li “jiġu kkonservati l-prinjoli mejtin li għandhom iktar minn mitt sena sakemm ikunu kompletament mineralizzati.”

35      Fit-tielet lok, skont il-Kummissjoni, l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni jikkontribwixxu għad-degradazzjoni u għad-distruzzjoni tal-habitat tal-popolazzjonijiet ta’ ħanfus saprossiliku msemmija fil-punt preċedenti u għalhekk għall-għajbien ta’ speċi, fatt li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 12(1)(a) u (d) tad-Direttiva “habitats”.

36      L-istess japplika, fir-raba’ u l-aħħar lok, fir-rigward ta’ ċerti speċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”. Fil-fatt, mhux talli attivitajiet bħal dawn ma jipprekludux, iżda talli huma jistgħu anki jipprovokaw id-distruzzjoni jew id-dannu intenzjonali tal-bejtiet u tal-bajd tal-għasafar ikkonċernati, kif ukoll id-disturb ta’ dawn tal-aħħar, b’mod partikolari matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni, bi ksur tal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(b) u (d) ta’ din id-direttiva.

37      Ir-Repubblika tal-Polonja tirribatti li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-ilmenti tagħha huma prima facie fondati. Hija tosserva b’mod partikolari li dawn huma bbażati, fir-realtà, fuq suppożizzjonijiet u fuq kunsiderazzjonijiet li ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-ħafna opinjonijiet xjentifiċi li jesprimu perspettiva opposta għal dik difiża minn din l-istituzzjoni.

38      Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti invokati mill-Kummissjoni ma jidhrux, prima facie, li huma neqsin minn bażi serja u li ma jistax għalhekk jiġi eskluż li l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni ma josservawx ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni li jirriżultaw mid-direttivi “habitats” u “għasafar”.

39      Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel motiv tar-rikors, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, minn naħa, ir-Repubblika tal-Polonja, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri għal miżuri provviżorji, ma kkonstestatx il-fatt li l-awtoritajiet Pollakki ma kinux aċċertaw ruħhom li, skont l-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni ma jippreġudikawx l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. Min-naħa l-oħra, il-fatt stess li l-opinjonijiet xjentifiċi invokati mill-partijiet ma jaqblux bejniethom jobbliga lill-Imħallef għal miżuri provviżorji, li l-evalwazzjoni tiegħu hija neċessarjament sommarja (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Lulju 2003, Le Pen vs Il-Parlament, C-208/03 PR, EU:C:2003:424, punt 97), ma jqisx l-argumenti tal-Kummissjoni bħala infondati.

40      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-awtorizzazzjoni ta’ pjan fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” tista’ tingħata biss sakemm l-awtoritajiet kompetenti, ladarba identifikati l-aspetti kollha tal-imsemmi pjan jew proġett li jistgħu, minnhom innifishom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit ikkonċernat, u fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku fil-qasam, ikunu kisbu ċ-ċertezza li l-pjan jew il-proġett ma għandux effetti li jikkawżaw ħsara fit-tul għall-integrità ta’ dan is-sit. Dan huwa l-każ meta ma jibqa’ ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tal-assenza ta’ tali effetti (sentenza tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fir-rigward tal-argumenti mqajma insostenn tal-motivi l-oħra tar-rikors, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-Repubblika tal-Polonja b’risposta għal dawn l-argumenti tagħmel ħilitha sabiex tipprova li hemm urġenza li jitkomplew l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni, l-analiżi tagħha madankollu ma hijiex ta’ natura li tirrendi infondati l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 12(1)(a) u (d) tad-Direttiva “habitats”, kif ukoll tal-Artikolu 4(1) u (2) u tal-Artikolu 5(b) u (d) tad-Direttiva “għasafar”.

42      Konsegwentement, fid-dawl ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li huwa wieħed mill-pedamenti tal-politika ta’ protezzjoni ta’ livell għoli li trid tintlaħaq mill-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ambjent, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 191(2) TFUE, u li fid-dawl tiegħu għandha tiġi interpretata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fuq il-protezzjoni tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-573/08 R, mhux ippubblikat, EU:C:2009:775, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jitqies li r-rikors fil-kawża prinċipali ma jistax jitqies prima facie li huwa nieqes minn bażi serja.

 Fuq l-urġenza

43      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-urġenza, għandu jitfakkar li l-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, l-urġenza għandha tiġi evalwata fir-rigward tan-neċessità għal deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li jkun hemm dannu gravi u irreparabbli kkawżat lill-parti li titlob il-protezzjoni provviżorja (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs Malta, C-76/08 R, mhux ippubblikat, EU:C:2008:252, punt 31, u tal-10 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C-573/08 R, mhux ippubblikat, EU:C:2009:775, punt 17).

44      Hija din il-parti li tinvoka tali dannu li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tiegħu. Għalkemm ma hijiex meħtieġa, f’dan ir-rigward, ċertezza assoluta li d-dannu ser iseħħ, iżda hija suffiċjenti l-eżistenza ta’ probabbilità li dan ser iseħħ, xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrent għandu jipproduċi l-prova tal-fatti meqjusa li jibbażaw il-perspettiva ta’ tali dannu (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs Malta, C-76/08 R, mhux ippubblikat, EU:C:2008:252, punt 32, u tal-10 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C-573/08 R, mhux ippubblikat, EU:C:2009:775, punt 18).

45      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni jistgħu jikkawżaw dannu irreparabbli u gravi lill-ambjent.

46      B’mod partikolari, id-dannu li jirriżulta mill-qtugħ u mit-tneħħija tas-siġar xjuħ u tal-injam mejjet, inklużi siġar moribondi li għadhom weqfin, huwa irreparabbli, peress li, wara li jkunu twettqu dawn l-attivitajiet, ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit mill-ġdid l-istat inizjali taż-żoni affettwati minn dawn l-attivitajiet. Barra minn hekk, it-tkomplija tal-imsemmija attivitajiet thedded li tħarbat fundamentalment l-istruttura u l-funzjonijiet tal-ħażniet ta’ siġar affettwati fil-habitats ikkonċernati, li ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti mill-ġdid fl-istat preċedenti tagħhom permezz ta’ indennizz jew permezz ta’ xi forom oħra ta’ kumpens. Dawn l-istess attivitajiet għandhom għalhekk bħala konsegwenza l-metamorfosi irreversibbli ta’ foresta naturali f’foresta sfruttata, bir-riskju tat-telf ta’ habitats ta’ speċi rari.

47      Id-dannu huwa serju wkoll minħabba l-fatt li l-Anness tal-2016 ippreveda li l-volum ta’ injam maqtugħ ser jiżdied sa 188 000 m³ qabel is-sena 2021, filwaqt li dan kien ġie ffissat għal 63 471 m³ għas-sena 2012. Sussegwentement, sa mill-bidu tas-sena 2017, fil-foresta ta’ Białowieża, il-qtugħ tas-siġar ipproduċa b’kollox iktar minn 35 000 m³ ta’ injam, li jinkludi iktar minn 29 000 m³ ta’ prinjol, u affettwa 29 000 siġra. Barra minn hekk, il-qtugħ ta’ ħażniet li għandhom iktar minn mitt sena pproduċa, sa’ Mejju 2017, iktar minn 10 000 m³ ta’ injam fit-tliet distretti forestali ta’ Białowieża, ta’ Browsk u ta’ Hajnówka. Minbarra dan, il-Ministru għall-Ambjent speċifika huwa stess li l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni ser jitwettqu fuq superfiċje ta’ 34 000 ettaru fil-foresta ta’ Białowieża. Fl-aħħar nett, dawn l-attivitajiet jikkompromettu l-konservazzjoni tan-natura primarja u, għaldaqstant, l-integrità ta’ waħda mill-foresti naturali rari tal-Ewropa li l-preservazzjoni tagħha hija madankollu ta’ importanza kbira.

48      Sabiex tikkontesta n-natura urġenti tal-miżuri provviżorji mitluba, ir-Repubblika tal-Polonja tirribatti li l-Kummissjoni stess ma kinitx diliġenti fit-trattament ta’ din il-kawża, peress li ħalliet disa’ xhur jgħaddu minn meta rċiviet it-tweġiba għall-ittra ta’ intimazzjoni qabel ma bagħtet l-opinjoni motivata. Barra minn hekk, l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni ilhom jitwettqu fis-sit ikkonċernat għal iktar minn mitt sena u ma hemm xejn li jiġġustifika l-waqfien immedjat tagħhom, iktar u iktar għaliex il-livell ta’ sfruttar tal-injam imsemmi fl-Anness tal-2016 huwa kunsiderevolment inqas mil-livelli preċedenti.

49      Minbarra dan, l-argument tal-Kummissjoni li l-imsemmija attivitajiet jikkawżaw dannu gravi u irreparabbli ma huwiex issostanzjat. Għall-kuntrarju, il-waqfien ta’ dawn l-attivitajiet u l-propagazzjoni tal-ħanfus tal-prinjol iwasslu għal effetti negattivi sinjifikattivi għall-ekosistema tal-foresta ta’ Białowieża. Dan iwassal għal degradazzjoni kunsiderevoli u fit-tul tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitats naturali prezzjużi, protetti fil-kuntest tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, bħalma huma, b’mod partikolari, il-foresti subkontinentali tal-ballut u tal-karpin.

50      Fir-realtà, l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni huma miżuri ta’ konservazzjoni relatati mal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u huma barra minn hekk tal-istess natura bħal dawk imwettqa fi Stati Membri oħra. Minbarra dan, dawn huma limitati għal parti mit-territorju tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska u ma jirrigwardawx il-parti strettament protetta tiegħu.

51      Fir-rigward tal-istudji xjentifiċi msemmija mill-Kummissjoni, li jirrigwardaw in-natura dannuża tal-imsemmija attivitajiet, ir-Repubblika tal-Polonja tosserva li, skont studji serji oħra, huwa speċifikament in-nuqqas ta’ intervent kontra l-ħanfus tal-prinjol fil-foresta ta’ Białowieża li jirrendi estremament probabbli li jseħħ dannu gravi u irreparabbli għall-habitats naturali u għall-habitats tal-ispeċi annimali, inklużi għasafar, li għall-konservazzjoni tagħhom intgħażel is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tispeċifika li l-maġġoranza tal-opinjonijiet xjentifiċi bbażati fuq id-data miġbura fil-foresta ta’ Białowieża juru n-neċessità li tittieħed azzjoni kontra l-ħanfus tal-prinjol, filwaqt li l-opinjonijiet kuntrarji huma bbażati l-iktar fuq data li ġejja minn ekosistemi oħra li ma tiħux, għaldaqstant, inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi u n-natura unika tal-foresta ta’ Białowieża.

52      Ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li ġie deċiż li jiġu applikati, fil-foresta ta’ Białowieża, żewġ miżuri alternattivi ta’ konservazzjoni tal-habitats. L-ewwel waħda minn dawn il-miżuri, jiġifieri l-projbizzjoni tal-attivitajiet attivi ta’ protezzjoni, b’mod partikolari tal-qtugħ tas-siġar kif ukoll tat-tneħħija tas-siġar mejtin u dawk affettwati mill-ħanfus tal-prinjol, hija attwalment applikata f’żona wiesgħa ta’ din il-foresta. Għall-kuntrarju, it-tieni waħda mill-imsemmija miżuri, li tikkonsisti fl-implementazzjoni ta’ attivitajiet attivi ta’ protezzjoni, tapplika biss f’ċerti partijiet tad-distretti forestali ta’ Białowieża, ta’ Browsk u ta’ Hajnówka. Għalhekk, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari d-distrett forestali ta’ Białowieża, 58 % tas-superfiċje tiegħu hija eskluża, skont l-Anness tal-2016, minn dawn l-attivitajiet, filwaqt li l-parti minn dan id-distrett forestali kkonċernat mill-imsemmija attivitajiet tirrappreżenta biss 5.4 % tas-superfiċje totali tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska.

53      Fl-aħħar nett, skont ir-Repubblika tal-Polonja, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-data li tirrigwarda l-popolazzjoni attwali tat-tektiek is-siġar dorsoblank (Dendrocops leucotos), tat-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’ (Picoides tridactylus), tal-kokka nana (Glaucidium passerinum) u tal-kokka ta’ Tengmalm (Aegolius funereus), l-effetti negattivi possibbli tal-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni ma jikkostitwixxux theddida għall-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi. Barra minn hekk, it-tendenza attwali hija anki dik ta’ żieda ta’ din il-popolazzjoni.

54      F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-urġenza, għandu jitfakkar li l-proċeduri għal miżuri provviżorji ma humiex intiżi sabiex tiġi stabbilita r-realtà ta’ fatti kumplessi u kontroversjali ħafna. L-Imħallef għal miżuri provviżorji ma għandux il-mezzi neċessarji sabiex iwettaq il-verifiki mitluba u, f’ħafna każijiet, ikollu diffikultà li jagħmel hekk fi żmien utli (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs Malta, C-76/08 R, mhux ippubblikat, EU:C:2008:252, punt 36, u tal-10 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C-573/08 R, mhux ippubblikat, EU:C:2009:775, punt 22).

55      Għandu jitfakkar ukoll li l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jippreżupponi, għall-finijiet biss tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu gravi u irreparabbli, li l-ilmenti mressqa fuq il-mertu mill-applikant għal miżuri provviżorji jistgħu jintlaqgħu. Fil-fatt, id-dannu gravi u irreparabbli li s-seħħ probabbli tiegħu għandu jiġi stabbilit huwa dak li jirriżulta, jekk ikun il-każ, mir-rifjut li jingħataw il-miżuri provviżorji mitluba fil-każ fejn ir-rikors fuq il-mertu jiġi sussegwentement milqugħ u għalhekk dan għandu jiġi evalwat fuq il-bażi ta’ din il-premessa, mingħajr ma dan il-fatt jimplika xi pożizzjoni meħuda mill-Imħallef għal miżuri provviżorji fir-rigward tal-fondatezza tal-ilmenti mressqa (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑426/13 P(R), EU:C:2013:848, punti 51 u 52, kif ukoll tal-14 ta’ Jannar 2016, ACG Glass Europe et vs Il‑Kummissjoni, C‑517/15 P‑R, EU:C:2016:21, punt 30).

56      Sabiex tiġi stabbilita l-urġenza, il-Kummissjoni ssostni li l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni, li t-twettiq tagħhom ma huwiex ikkontestat mir-Repubblika tal-Polonja, għandhom effetti negattivi fuq il-habitats ikkonċernati, li huma, essenzjalment, ikkostitwiti minn siġar xjuħ, moribondi jew mejtin, effettwati mill-ħanfus tal-prinjol jew le.

57      Issa, billi tali attivitajiet jikkonsistu speċifikament fit-tneħħija ta’ dawn is-siġar, jidher fil-fatt probabbli ħafna li huma jkollhom effett fuq dawn il-habitats. Dan huwa barra minn hekk muri mill-fatt li waħda mill-miżuri ta’ konservazzjoni tal-imsemmija habitats kienet, sal-adozzjoni tal-Anness tal-2016, speċifikament l-esklużjoni ta’ attivitajiet bħal dawn f’ċerti żoni.

58      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja ma tikkontestax il-fatt li l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva huma ta’ natura, minn naħa, li f’qasir żmien ibiddlu habitats naturali msemmija fl-Anness I tad-Direttiva “habitats”, bħall-foresti mistagħdra (Kodiċi Natura 2000 91D0), il-foresti alluvjali b’siġar taż-żafżafa, tal-luq, tal-alnu u tal-fraxxnu (Kodiċi Natura 2000 91E0) u l-foresti subkontinentali tal-ballut u tal-karpin (Kodiċi Natura 2000 9170), kif ukoll tal-ispeċi ta’ annimali protetti msemmija fl-Anness II u fl-Anness IV(a) ta’ din id-direttiva, bħall-ħanfus saprossiliku, u, min-naħa l-oħra, li jaffettwaw speċi ta’ għasafar inklużi fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”, b’mod partikolarit-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’ (Picoides tridactylus), it-tektiek is-siġar dorsoblank (Dendrocops leucotos), il-kokka nana (Glaucidium passerinum) u l-kokka ta’ Tengmalm (Aegolius funereus).

59      Issa, konsegwenzi bħal dawn jistgħu jikkostitwixxu dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-Unjoni u għall-patrimonju komuni. Fil-fatt, ladarba jseħħ, id-dannu li jirriżulta mill-qtugħ u mit-tneħħija tas-siġar xjuħ u tal-injam mejjet, inklużi siġar moribondi weqfin, ma jkunx jista’ jissewwa sussegwentement, fil-każ li jiġu kkonstatati n-nuqqasijiet li l-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Polonja bihom, u dan, minħabba l-impossibbiltà manifesta - kif ġustament issostni l-Kummissjoni - li jiġi stabbilit mill-ġdid l-istat inizjali taż-żoni affettwati minn tali attivitajiet. Barra minn hekk, il-gravità tad-dannu invokat mill-Kummissjoni hija attestata mill-fatt li dawn l-attivitajiet, fid-dawl ukoll tal-iskala u tal-intensità tagħhom, jistgħu jikkawżaw, jekk jitkomplew, il-metamorfosi irreversibbli, fir-rigward ta’ superfiċje mhux negliġibbli, ta’ foresta naturali f’foresta sfruttata, fatt li jista’ jwassal għal telf ta’ habitats ta’ speċi rari, inklużi ħafna ħniefes fil-periklu ta’ estinzjoni u għasafar. Għalkemm il-partijiet ma humiex qegħdin jaqblu dwar il-kwistjoni jekk il-kwantità ta’ injam maqtugħ tirrappreżentax żieda jew tnaqqis meta mqabbla mal-perijodu qabel il-modifika li daħlet fis-seħħ permezz tal-Anness tal-2016, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-urġenza fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri għal miżuri provviżorji, li, jekk wieħed jillimita ruħu jqis id-data pprovduta mir-Repubblika tal-Polonja stess fl-osservazzjoni tagħha bil-miktub, din il-kwantità tista’ togħla għal 188 000 m3, li huwa livell sinjifikattiv ta’ sfruttar tal-injam.

60      Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 42 ta’ dan id-digriet, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

61      Konsegwentement, fl-assenza, prima facie, ta’ informazzjoni xjentifika ta’ natura li teskludi, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni jikkawżaw effetti dannużi u irreversibbli fuq il-habitats protetti tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska msemmija fir-rikors tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-urġenza tal-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni hija stabbilita.

 Fuq l-ibbilanċjar tal-interessi

62      Għandu jiġi ddeterminat ukoll, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ dan id-digriet, jekk l-ibbilanċjar tal-interessi jitlobx l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba jew iċ-ċaħda tat-talba.

63      Skont il-Kummissjoni, l-interess pubbliku għaż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats naturali u tal-ispeċi tal-foresti naturali tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska jipprevali fuq l-interess tal-Polonja li tiġġieled kontra l-ħanfus tal-prinjol, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

64      Fil-fatt, qabelxejn, il-pjan ta’ ġestjoni forestali fis-seħħ qabel il-modifika li ġiet introdotta permezz tal-Anness tal-2016 la rrikonoxxa l-propagazzjoni tal-ħanfus tal-prinjol bħala theddida għall-istat ta’ konservazzjoni tal-habitats tal-imsemmi sit u lanqas ma kkunsidra li l-ġlieda kontra l-ħanfus tal-prinjol permezz tal-qtugħ tal-ħażniet ta’ siġar u tat-tneħħija tal-prinjoli okkupati kienet tikkostitwixxi miżura ta’ konservazzjoni xierqa. Jirriżulta għall-kuntrarju minn dan il-pjan ta’ ġestjoni forestali li, għall-habitats tal-kokka ta’ Tengmalm (Aegolius funereus), tal-kokka nana (Glaucidium passerinum) u tat-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’ (Picoides tridactylus), it-tneħħija tal-prinjoli li għandhom mitt sena u li huma okkupati mill-ħanfus tal-prinjol kienet tirrappreżenta periklu.

65      Sussegwentement, fl-istat attwali ta’ għarfien, il-fażijiet ta’ propagazzjoni tal-ħanfus tal-prinjol għandhom jitqiesu li huma parti miċ-ċiklu naturali tal-foresti qodma li fihom il-prinjoli. Għalhekk, skont l-istudji xjentifiċi, ma huwiex mixtieq li wieħed jiġġieled b’mod attiv kontra l-propagazzjoni tiegħu permezz tal-qtugħ b’mod estensiv tas-siġar okkupati u tas-siġar nixfin f’foresti li l-funzjoni prinċipali tagħhom hija l-preservazzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità. Is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti biss fil-foresti sfruttati, fejn il-kriterju ta’ evalwazzjoni tal-istat tal-foresti huwa l-kwalità tal-ħażniet u l-valur kummerċjali tal-materja prima li huma jirrappreżentaw, peress li l-ħanfus tal-prinjol ikun f’dan il-każ organiżmu li jikkawża ħsara.

66      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza li l-attrattività rikreattiva, turistika jew tal-pajsaġġ tal-foresta ta’ Białowieża ma hija bl-ebda mod ippreġudikata bil-propagazzjoni tal-ħanfus tal-prinjol.

67      Min-naħa tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Anness tal-2016 la ġie adottat minħabba interessi ekonomiċi u lanqas għall-iskop uniku tal-ġlieda, fil-kuntest tal-ġestjoni normali tar-riżorsi forestali, kontra l-ħanfus tal-prinjol. Skont dan l-Istat Membru, dan l-anness għandu biss bħala għan li jillimita r-riskji ta’ degradazzjoni tal-habitats naturali tal-foresta ta’ Białowieża.

68      Filwaqt li l-awtoritajiet Pollakki japplikaw żewġ miżuri ta’ protezzjoni alternattivi, waħda attiva u l-oħra passiva, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni għall-kuntrarju tuniformizza l-metodi ta’ konservazzjoni tal-habitats fl-Unjoni kollha, u dan favur il-miżura ta’ protezzjoni passiva biss, irrispettivament mir-riperkussjonijiet previdibbli fuq l-ambjent.

69      Fil-fatt, bil-waqfien tal-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni jinħoloq ir-riskju, skont ir-Repubblika tal-Polonja, tad-distruzzjoni ta’ habitats naturali importanti, protetti taħt id-dritt tal-Unjoni u taħt id-dritt Pollakk, fatt li jista’ jikkawża dannu irreparabbli għall-ambjent.

70      Għal dan il-għan, fuq il-bażi tad-dritt Pollakk, li jipprevedi obbligu ta’ kumpens meta foresta titlef l-istatus tagħha ta’ art forestali, id-dannu għall-ambjent li jirriżulta mill-waqfien tal-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni jammonta għal 3 240 000 000 złotys Pollakki (PLN) (madwar EUR 757 000 000).

71      Ir-Repubblika tal-Polonja tosserva, barra minn hekk, li l-waqfien ta’ dawn l-attivitajiet jista’ jwassal għal danni ekonomiċi u soċjali li l-kwantifikazzjoni tagħhom hija impossibbli, peress li l-popolazzjoni fil-qrib tiġi prekluża mill-eżerċizzju tad-diversi attivitajiet ekonomiċi li hija attwalment twettaq fil-foresta ta’ Białowieża, jiġifieri, b’mod partikolari, l-isfruttar tal-art tal-foresta jew il-produzzjoni tal-għasel.

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fuq il-bażi tal-elementi pprovduti mill-partijiet, l-interessi li għandhom jiġu bbilanċjati huma, minn naħa, il-preservazzjoni tal-habitats u tal-ispeċi msemmija fil-punt 1 ta’ dan id-digriet minn theddida potenzjali kkostitwita mill-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-interess li tiġi evitata d-degradazzjoni tal-habitats naturali tal-foresta ta’ Białowieża minħabba l-preżenza tal-ħanfus tal-prinjol.

73      Issa, qabelxejn, filwaqt li l-Kummissjoni tinvoka b’mod fondat l-eżistenza ta’ riskju ta’ dannu gravi u irreparabbli li jaffettwa diversi habitats ikkonċernati minn dawn l-attivitajiet, ir-Repubblika tal-Polonja tillimita ruħha, min-naħa tagħha, issostni li dawn huma neċessarji b’mod partikolari għall-ġlieda kontra l-ħanfus tal-prinjol u, għaldaqstant, sabiex tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-habitats naturali protetti fil-kuntest tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, li minn fosthom hija ssemmi biss dak tal-foresti subkontinentali tal-ballut u tal-karpin.

74      Sussegwentement, ir-Repubblika tal-Polonja ma tispeċifikax ir-raġunijiet għalfejn il-waqfien tal-imsemmija attivitajiet sal-għoti tas-sentenza fuq il-mertu, u għalhekk probabbilment għal ftit xhur biss mid-data ta’ dan id-digriet, jista’ jikkawża dannu gravi u irreparabbli għal dan il-habitat.

75      Barra minn hekk, il-fatt, invokat mir-Repubblika tal-Polonja, li l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni huma limitati għal parti żgħira tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, ma jsostnix l-argument imressaq minn dan l-Istat Membru, iżda, għall-kuntrarju, għandu t-tendenza li jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-waqfien temporanju ta’ dawn l-attivitajiet ma’ jikkawża l-ebda dannu gravu lil dan is-sit.

76      Fl-aħħar nett, għalkemm huwa manifest li l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni għandhom effett dirett fuq il-habitats imsemmija mill-Kummissjoni, il-konsegwenzi ta’ waqfien ta’ dawn l-attivitajiet fuq il-habitat tal-foresti subkontinentali tal-ballut u tal-karpin ikunu biss indiretti u jiddependu fuq il-propagazzjoni effettiva tal-ħanfus tal-prinjol u fuq in-natura dannuża ta’ tali propagazzjoni. Peress li, kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, l-imsemmija attivitajiet jifformaw parti minn ġestjoni normali tar-riżorsi forestali, il-waqfien tagħhom matul perijodu ta’ ftit xhur biss sa mid-data ta’ dan id-digriet ma jistax ikollu effetti dannużi daqs dawk ikkawżati mit-tkomplija ta’ dawn l-istess attivitajiet fuq il-habitats l-oħra kkonċernati. Fi kwalunkew każ, ir-Repubblika tal-Polonja ma spjegatx fuq liema elementi hija tibbaża ruħha sabiex issostni li l-waqfien tal-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni jikkawża d-distruzzjoni tal-habitat tal-foresti subkontinentali tal-ballut u tal-karpin.

77      Barra minn hekk, speċifikament sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun il-perijodu li fih l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni jitwaqqfu sakemm tingħata s-sentenza fuq il-mertu, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Polonja dwar l-urġenza li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss iddeċieda, fid-9 ta’ Awwissu 2017, li jilqa’ t-talba tal-Kummissjoni li l-Kawża C‑441/17 tingħata trattament prijoritarju skont l-Artikolu 53 tar-Regoli tal-Proċedura, iżda, iddeċieda wkoll ex officio, permezz tad-digriet tal-11 ta’ Ottubru 2017, li din il-kawża tiġi sottomessa għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 133(3) tal-imsemmija regoli tal-proċedura.

78      Fir-rigward tad-danni lis-soċjetà invokati mir-Repubblika tal-Polonja, hija ma tipprovdi l-ebda spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet għalfejn il-waqfien tal-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni jwassal għall-“imblukkar totali tal-użu tal-funzjoni soċjo-ekonomika tas-sit ikkonċernat” u, b’mod partikolari, jipprekludi lill-popolazzjoni fil-qrib mill-tuża tal-foresta ta’ Białowieża għal finijiet ekonomiċi. Fi kwalunkwe każ, interessi bħal dawn ma jidhrux li għandhom valur ogħla mill-interess tal-preservazzjoni tal-habitats u tal-ispeċi inkwistjoni.

79      Konsegwentement, fl-assenza ta’ informazzjoni ddettaljata dwar id-dannu li jista’ jiġi kkawżat f’qasir żmien mill-ħanfus tal-prinjol, huwa iktar urġenti li jiġi evitat is-seħħ ta’ dannu li t-tkomplija tal-imsemmija attivitajiet tkun tikkawża lis-sit protett.

80      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-talba tal-Kummissjoni għal miżuri provviżorji, imsemmija fil-punt 1 ta’ dan id-digriet, għandha tiġi milqugħa.

81      Madankollu, u skont din it-talba, għandhom jiġu esklużi, b’mod eċċezzjonali, mill-miżuri provviżorji hekk ordnati l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni meta dawn ikunu strettament neċessarji, u sa fejn ikunu proporzjonati, sabiex tiġi żgurata, b’mod dirett u immedjat, is-sigurtà pubblika tal-persuni, u dan bil-kundizzjoni li miżuri oħra inqas radikali ma jkunux possibbli minħabba raġunijiet oġġettivi.

82      Konsegwentement, l-imsemmija attivitajiet jistgħu jitkomplew biss sa fejn huma jikkostitwixxu l-uniku mezz li tinżamm is-sigurtà pubblika tal-persuni fil-viċinanza immedjata tar-rotot ta’ trasport jew ta’ infrastrutturi importanti oħra meta ma huwiex possibbli li tinżamm din is-sigurtà, minħabba raġunijiet oġġettivi, permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri oħra inqas radikali bħal sinjalazzjoni xieraq tal-perikli jew il-projbizzjoni temporanja, flimkien ma’ sanzjonijiet xierqa jekk ikun il-każ, ta’ aċċess pubbliku għal dawn il-viċinanzi immedjati.

83      F’dan ir-rigward, peress li ż-żamma ta’ sigurtà pubblika msemmija fil-punti 81 u 82 ta’ dan id-digriet tikkostitwixxi deroga mill-miżuri provviżorji mogħtija, għandu jiġi speċifikat li, minn naħa, din l-eċċezzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett, u dan iktar u iktar billi tali interpretazzjoni tiżgura l-effett utli tal-imsemmija miżuri.

84      Min-naħa l-oħra, hija r-Repubblika tal-Polonja li għandha tipprova li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-imsemmija punti huma ssodisfatti f’kull każ li fih hija tipprevedi l-użu ta’ din id-deroga, b’mod partikolari permezz tat-teħid ta’ ritratti qabel u wara t-tkomplija tal-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni. Fil-fatt, l-oneru tal-prova li effettivament jeżistu ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw deroga taqa’ fuq il-parti li tixtieq tipprevalixxi ruħha minn tali deroga (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C-337/05, EU:C:2008:203, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq it-talba għall-kostituzzjoni ta’ garanzija

85      Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, fil-każ li kellha tiġi milqugħa t-talba tal-Kummissjoni, ikun neċessarju li l-eżekuzzjoni tad-digriet għal miżuri provviżorji tiġi suġġetta għall-kostituzzjoni mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 162(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ta’ garanzija ta’ ammont ekwivalenti għad-danni li jistgħu jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet, jiġifieri PLN 3 240 000 000, liema ammont huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Pollakka li tipprevedi obbligu ta’ kumpens meta art titlef l-istatus tagħha ta’ art forestali, kif imsemmi fil-punt 70 ta’ dan id-digriet.

86      Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li l-kostituzzjoni ta’ garanzija, skont l-imsemmija dispożizzjoni, tista’ tiġi kkunsidrata biss fil-każ li l-parti li fuqha din hija imposta tirriżulta li hija d-debitriċi ta’ ammonti li l-garanzija hija intiża li tiżgura l-ħlas tagħhom u fejn hemm riskju ta’ insolvenza fir-rigward tagħha (digriet tat-12 ta’ Lulju 1990, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C-195/90 R, EU:C:1990:314, punt 48).

87      Issa, dan ma jistax ikun il-każ f’din il-kawża, peress li, fi kwalunkwe każ, ma hemmx lok li jiġi mistenni li l-Unjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tassumi l-konsegwenzi ta’ kundanna eventwali għal danni deċiża kontriha (ara, b’analoġija, id-digriet tat-12 ta’ Lulju 1990, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C-195/90 R, EU:C:1990:314, punt 49).

88      Minn dan jirriżulta li ma hemmx lok li l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba jkun suġġett għall-kostituzzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ garanzija.

 Fuq it-talba supplimentari tal-Kummissjoni intiża li jiġi ordnat il-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità

89      Fit-talba supplimentari tagħha tat-13 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni tallega li l-attivitajiet li l-waqfien tagħhom ġie provviżorjament ordnat permezz tad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑441/17 R, mhux ippubblikat, EU:C:2017:622), tkomplew wara li dan ġie nnotifikat lil dan l-Istat Membru, bi ksur tal-miżuri provviżorji ordnati. Insostenn tal-allegazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tirreferi, b’mod partikolari, għal rapport stabbilit miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tas-6 ta’ Settembru 2017, ibbażat fuq ritratti bis-satellita tas-sit ta’ Białowieża, kif ukoll għal studju mwettaq mis-servizzi tal-Kummissjoni, ibbażat fuq il-paragun bejn ritratti li ġejjin minn membri tas-soċjetà ċivili Pollaka u d-data uffiċjali pprovduta mill-Uffiċċju tal-Foresti dwar il-post tal-habitats naturali u tal-ispeċi protetti.

90      Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi u fuq il-bażi tal-Artikolu 279 TFUE, il-Kummissjoni titlob li r-Repubblika tal-Polonja tiġi ordnata tħallas pagamenti ta’ penalità fil-każ li hija ma tikkonformax ruħha mal-ordnijiet mogħtija f’dan id-digriet. Il-Kummissjoni ma tispeċifikax l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità mitlub iżda tissuġġerixxi, sabiex hija tkun tista’ tissorvelja l-osservanza mir-Repubblika tal-Polonja ta’ dan id-digriet u tikkalkola, jekk ikun il-każ, dan l-ammont, li dan jiġi stabbilit b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tnaqqis tas-superfiċje tas-siġar fil-habitats protetti.

91      Ir-Repubblika tal-Polonja tirribatti, essenzjalment, li l-imsemmija talba supplimentari hija manifestament inammissibbli, peress li, kuntrarjament għall-Artikolu 260 TFUE, l-Artikolu 279 TFUE ma jawtorizzax espressament lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi pagamenti ta’ penalità fuq l-Istati Membri u li tali kompetenza ma tistax tiġi bbażata fuq sempliċi interpretazzjoni teleoloġika ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. Barra minn hekk, jekk tiġi milqugħa din it-talba f’dan il-każ ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika tal-Polonja, peress li hija la kellha l-possibbiltà tesponi l-pożizzjoni tagħha fuq il-kwistjoni dwar jekk l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni josservawx l-eċċezzjoni ta’ sigurtà pubblika rrikonoxxuta fid-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Lulju 2017 (Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-441/17 R, mhux ippubblikat, EU:C:2017:622), u lanqas fuq l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità mitlub.

92      Fi kwalunkew każ, din it-talba supplimentari hija infondata, peress li l-Kummissjoni, sabiex tikkonkludi li l-imsemmi digriet ma ġiex osservat, tibbaża ruħha, minn naħa, fuq qari żbaljat tiegħu, b’interpretazzjoni żbaljata tal-portata tal-eċċezzjoni ta’ sigurtà pubblika li dan jipprevedi u, min-naħa l-oħra, fuq elementi li ma għandhom l-ebda valur probatorju.

93      Fis-seduta tas-17 ta’ Ottubru 2017, il-partijiet essenzjalment irrepetew l-argumenti tagħhom.

94      Sabiex tittieħed deċiżjoni fuq it-talba supplimentari mressqa mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punt 43 ta’ dan id-digriet, l-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

95      Konsegwentement, dawn il-proċeduri huma ta’ natura anċillari meta mqabbla mal-proċeduri prinċipali li dawn huma marbuta magħhom. F’dan il-kuntest, id-deċiżjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji għandha tkun ta’ natura provviżorja fis-sens li ma tistax tiddetermina minn qabel is-sens tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu u b’hekk iċċaħħadha mill-effettività tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-17 ta’ Mejju 1991, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C-313/90 R, EU:C:1991:220, punt 24).

96      Issa, fis-sistema tar-rimedji ġudizzjarji stabbilita mit-Trattat, parti tista’ mhux biss titlob, skont l-Artikolu 278 TFUE, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat fil-kawża fuq il-mertu, iżda tista’ tinvoka wkoll l-Artikolu 279 TFUE, sabiex titlob l-għoti ta’ miżuri provviżorji. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ b’mod partikolari jindirizza, b’mod provviżorju, l-ordnijiet xierqa lill-parti l-oħra (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs Malta, C‑76/08 R, mhux ippubblikat, EU:C:2008:252, punt 19).

97      L-Artikolu 279 TFUE jagħti għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kompetenza tippreskrivi kwalunkwe miżura provviżorja li hija tqis neċessarja sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni definittiva.

98      Ċertament, mill-Artikolu 160(3) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li huwa r-rikorrent li għandu jitlob il-miżuri provviżorji li huwa jqis neċessarji għal dan il-għan kif ukoll li għandu jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti tagħhom huma ssodisfatti.

99      Madankollu, ladarba adit, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jiżgura li l-miżuri li jipprevedi jordna huma suffiċjentement effettivi sabiex jintlaħaq l-għan tagħhom. Huwa preċiżament għal dan il-għan li l-Artikolu 279 TFUE jagħti lill-imsemmi imħallef marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa li fl-eżerċizzju tagħha huwa b’mod partikolari awtorizzat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jispeċifika l-iskop u l-portata tal-miżuri provviżorji mitluba kif ukoll, jekk iqis li dan huwa xieraq, jadotta, ex officio skont il-każ, kull miżura anċillari intiża li tiggarantixxi l-effettività tal-miżuri provviżorji li huwa jordna.

100    B’mod partikolari, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jkun jista’ jiżgura l-effettività ta’ ordni indirizzata lil parti skont l-Artikolu 279 TFUE, billi jadotta kull miżura intiża sabiex din il-parti tosserva d-digriet għal miżuri provviżorji. Miżura bħal din tista’ b’mod partikolari tikkonsisti fil-previżjoni tal-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità fil-każ fejn l-imsemmi ordni ma jkunx osservat mill-parti kkonċernata.

101    Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li huwa l-Artikolu 260 TFUE biss li jawtorizza lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi sanzjonijiet fuq l-Istati Membri. Minn dan hija tiddeduċi li, jekk il-Kummissjoni tqis li hija naqset milli twettaq l-obbligi li jirriżultaw mid-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Lulju 2017 (Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C-441/17 R, mhux ippubblikat, EU:C:2017:622), hija għandha l-ewwel tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, u huwa biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ dan ir-rikors u fil-każ li r-Repubblika tal-Polonja tonqos milli teżegwixxi d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kummissjoni tkun awtorizzata tippreżenta rikors taħt l-Artikolu 260 TFUE.

102    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, pagamenti ta’ penalità ma jistgħux, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, jitqiesu li huma sanzjoni u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni mwettqa mir-Repubblika tal-Polonja tas-sistema tar-rimedji ġudizzjarji fid-dritt tal-Unjoni inġenerali u tal-proċeduri għal miżuri provviżorji b’mod partikolari jkollha bħala effett li tnaqqas b’mod kunsiderevoli l-possibbiltà għal dawn il-proċeduri li jilħqu l-għan tagħhom fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza mill-Istat Membru kkonċernat tal-miżuri provviżorji ordnati fil-konfront tiegħu. Fil-fatt, il-fatt li tiġi żgurata l-osservanza minn Stat Membru tal-miżuri provviżorji adottati mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, permezz tal-previżjoni tal-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tagħhom, huwa intiż li jiggarantixxi l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni, li hija inerenti għall-valur tal-istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE u li fuqu hija bbażata l-Unjoni.

103    Għalhekk, għalkemm huwa minnu li l-portata tal-proċeduri għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 TFUE hija limitata min-natura anċillari tagħha għall-proċeduri fuq il-mertu u min-natura provviżorja tal-miżuri li jistgħu jiġu adottati fit-tmiem tagħom, hija madankollu kkaratterizzata mill-portata tal-prerogattivi rrikonoxxuti lill-Imħallef għal miżuri provviżorji sabiex ikun jista’ jiżgura l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni definittiva.

104    Għal dan il-għan, jekk huwa jqis li ċ-ċirkustanzi tal-każ jeżiġu li jittieħdu miżuri provviżorji addizzjonali sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri provviżorji mitluba, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu b’mod partikolari s-setgħa, skont l-Artikolu 279 TFUE, sabiex jipprevedi l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità fuq Stat Membru fil-każ li huwa ma josservax il-miżuri provviżorji ordnati.

105    Fil-fatt, peress li l-possibbiltà tal-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità f’każ bħal dan tikkontribwixxi sabiex tiddisswadi lill-Istat Membru kkonċernat milli ma josservax il-miżuri provviżorji ordnati, hija ssaħħaħ l-effettività tagħhom u, bl-istess mod, tiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni definittiva, b’hekk taqa’ kompletament fil-kuntest tal-għan tal-Artikolu 279 TFUE.

106    Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja li l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ma hijiex reversibbli u għaldaqstant tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 279 TFUE, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji hija ta’ natura provviżorja fis-sens li ma tistax tiddetermina minn qabel is-sens tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu u b’hekk iċċaħħadha mill-effettività tagħha.

107    Issa, il-previżjoni tal-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità bl-uniku skop li tiġi żgurata l-osservanza tal-miżuri provviżorji inkwistjoni bl-ebda mod ma tista’ tiddetermina minn qabel is-sens tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu.

108    Konsegwentement, miżura anċillari li tikkonsisti fil-previżjoni tal-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza mill-Istat Membru kkonċernat tal-miżuri provviżorji ordnati taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 279 TFUE.

109    F’dan il-każ, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi stabbilit f’dan l-istadju jekk, kif tallega l-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja naqsitx milli tosserva d-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C-441/17 R, mhux ippubblikat, EU:C:2017:622), għandu jiġi rrilevat li l-proċess fih serje ta’ indikazzjonijiet suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddubita li dan l-Istat Membru osserva dan id-digriet u li huwa lest li josserva dan id-digriet sad-deċiżjoni tas-sentenza fuq il-mertu.

110    Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Polonja sostniet li interpretazzjoni restrittiva tal-eċċezzjoni ta’ sigurtà pubblika prevista fid-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑441/17 R, mhux ippubblikat, EU:C:2017:622) ma tistax tiġi milqugħa, u ddikjarat b’mod ġenerali li dan id-digriet kien ġie osservat bis-sħiħ u li l-attivitajiet imwettqa wara n-notifika tiegħu kellhom l-uniku skop li jiżguraw is-sigurtà pubblika.

111    Barra minn hekk, insostenn tat-talba supplimentari tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja stampi bis-satellita li jipprovaw li l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni tkomplew f’żoni ta’ art tal-foresta fejn in-neċessità, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ sigurtà pubblika, li tali attivitajiet ma jieqfux ma kinitx evidenti.

112    Għalkemm ir-Repubblika tal-Polonja tiċħad kwalunkwe valur probatorju ta’ dawn l-istampi tas-satellita, dawn huma madankollu suffiċjenti, fit-totalità tagħhom, sabiex iqajmu dubji dwar l-osservanza totali tagħha tad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Lulju 2017 (Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑441/17 R, mhux ippubblikat, EU:C:2017:622), kif ukoll dwar l-intenzjoni ta’ dan l-Istat Membru li josserva dan id-digriet f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ sigurtà pubblika prevista minnu. F’dan ir-rigward, il-fatt li r-Repubblika tal-Polonja fdat l-evalwazzjoni tar-rekwiżiti relatati mas-sigurtà pubblika lil kumitat indipendenti kkostitwit ad hoc ma jistax jeħles lil dan l-Istat Membru mir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura l-osservanza tal-limiti ta’ din l-eċċezzjoni.

113    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż ir-riskju li, jekk dan id-digriet kellu sempliċement jikkonferma l-miżuri ordnati permezz tad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑441/17 R, mhux ippubblikat, EU:C:2017:622), l-effettività tiegħu tibqa’ limitata.

114    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, jidher għaldaqstant neċessarju, wara li ġiet speċifikata fil-punti 81 u 82 ta’ dan id-digriet, kif mitlub mill-Kummissjoni waqt is-seduti tal-11 ta’ Settembru 2017 u tas-17 ta’ Ottubru 2017, il-portata tal-eċċezzjoni ta’ sigurtà pubblika, li tissaħħaħ l-effettività tal-miżuri provviżorji ordnati permezz ta’ dan id-digriet, billi tiġi prevista l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità fil-każ li r-Repubblika tal-Polonja ma tosservax bis-sħiħ u immedjatament l-imsemmija miżuri provviżorji, sabiex dan l-Istat Membru jiġi dissważ milli jittardja l-konformità tal-imġiba tiegħu ma’ dan id-digriet.

115    Għalhekk, għal dan il-għan, hemm lok li r-Repubblika tal-Polonja tiġi ordnata tikkomunika lill-Kummissjoni, sa mhux iktar tard minn ħmistax-il ġurnata min-notifika ta’ dan id-digriet, il-miżuri kollha li hija tkun adottat sabiex tosservah bis-sħiħ, inkluża s-sospensjoni, fir-rigward tal-foresta inkwistjoni, tal-atti msemmija fil-punti 25 u 26 ta’ dan id-digriet, filwaqt li tispeċifika, b’mod motivat, l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni li hija tipprevedi li tkompli minħabba li huma neċessarji sabiex tiġi żgurata s-sigurtà pubblika skont il-punti 81 u 82 ta’ dan id-digriet.

116    Jekk il-Kummissjoni kellha tqis li r-Repubblika tal-Polonja ma tkunx osservat bis-sħiħ dan id-digriet, hija tista’ titlob li l-proċeduri jerġgħu jitkomplew. Insostenn ta’ talba bħal din, hija l-Kummissjoni, jekk ikun il-każ, li għandha tipprova li r-Repubblika tal-Polonja ma waqfitx l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni u, jekk il-prova tiġi prodotta, huwa dan l-Istat Membru li għandu jistabbilixxi li t-tkomplija ta’ dawn l-attivitajiet hija ġġustifikata fid-dawl tal-neċessità tagħhom sabiex tiġi żgurata s-sigurtà pubblika skont il-punti 81 u 82 ta’ dan id-digriet. Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad tiddeċiedi, permezz ta’ digriet ġdid, dwar il-ksur eventwali ta’ dan id-digriet.

117    F’dan ir-rigward, għandu jitqies, qabelxejn, li dan id-digriet jikkonferma miżuri provviżorji diġà ordnati mid-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑441/17 R, mhux ippubblikat, EU:C:2017:622), u jifforma parti minn proċeduri dwar miżuri provviżorji li l-osservanza tagħhom hija neċessarja sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli lis-sit inkwistjoni u li l-għoti tagħhom ġie deċiż fuq il-bażi b’mod partikolari ta’ bbilanċjar tal-interessi inkwistjoni. Sussegwentement, l-imġiba meħtieġa mir-Repubblika tal-Polonja tikkonsisti fil-waqfien tal-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni, b’tali mod li l-effettività ta’ dawn il-miżuri provviżorji hija marbuta mal-eżekuzzjoni immedjata tagħhom. Fl-aħħar nett, anki jekk ir-Repubblika tal-Polonja għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet, dawn għandhom jiġu solvuti bi qbil mal-Kummissjoni b’osservanza tad-dmir ġenerali ta’ kooperazzjoni leali.

118    Jekk kellu jiġi kkonstatat il-ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja tordna lir-Repubblika tal-Polonja tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ mill-inqas EUR 100 000 kuljum, u dan mid-data tan-notifika tiegħu lir-Repubblika tal-Polonja u sakemm dan l-Istat Membru josserva dan id-digriet jew sal-għoti tas-sentenza li ttemm il-Kawża C‑441/17.

119    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, id-deċiżjoni fuq it-talba supplimentari tal-Kummissjoni għandha tiġi rriżervata.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tordna:

1)      Ir-Repubblika tal-Polonja għandha twaqqaf, immedjatament u sal-għoti tas-sentenza li ttemm il-Kawża C441/17,

–        l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva fil-habitats 91D0 - foresta mistagħdra -, u 91E0 -foresti alluvjali b’siġar taż-żafżafa, tal-luq, tal-alnu u tal-fraxxnu-, u fil-ħażniet li għandhom iktar minn mitt sena tal-habitat 9170 - foresta subkontinentali tal-ballut u tal-karpin - kif ukoll fil-habitats tat-tektieka s-siġar dorsoblank (Dendrocops Leucotos), tat-tektieka s-siġar ta’ tliet swaba’ (Picoides tridactylus), tal-kokk nani (Glaucidium passerinum), tal-kokk ta’ Tengmalm (Aegolius funereus), tal-kuċċardi (Pernis apivorus), taż-żanżarell pitiross (Ficedula parva), taż-żanżarell tal-kullar (Ficedula albicollis) u tal-ħamiem tal-barr (Colomba oenas) u fil-habitats tal-ħanfus saprossiliku – il-Cucujus cinnaberinus, il-Boros Schneideri, il-Phryganophilus Ruficollis, il-Pytho Kolwensis, il-Rhysodes Sulcatus uil-Buprestis Splendens, u

–        it-tneħħija ta’ prinjoli mejtin li għandhom iktar minn mitt sena kif ukoll il-qtugħ ta’ siġar fil-kuntest taż-żieda fl-isfruttar tal-foresta fis-sit PLC200004 Puszcza Białowieża (il-Polonja)

liema miżuri jirriżultaw mid-deċiżjoni tal-Ministru għall-Ambjent tar-Repubblika tal-Polonja tal-25 ta’ Marzu 2016 u mill-Artikolu 1(2) u (3) tad-Deċiżjoni Nru 51 tad-Direttur Ġenerali tal-Lasy Państwowe (Uffiċċju tal-Foresti, il-Polonja), tas-17 ta’ Frar 2017.

2)      B’mod eċċezzjonali, ir-Repubblika tal-Polonja tista’ tkompli twettaq il-miżuri msemmija fil-punt 1 tad-dispożittiv ta’ dan id-digriet, meta dawn ikunu strettament neċessarji, u sa fejn ikunu proporzjonati, sabiex tiġi żgurata, b’mod dirett u immedjat, is-sigurtà pubblika tal-persuni, u dan bil-kundizzjoni li miżuri oħra inqas radikali ma jkunux possibbli minħabba raġunijiet oġġettivi.

Konsegwentement, l-imsemmija attivitajiet jistgħu jitkomplew biss sa fejn huma jikkostitwixxu l-uniku mezz li tinżamm is-sigurtà pubblika tal-persuni fil-viċinanza immedjata tar-rotot ta’ trasport jew ta’ infrastrutturi importanti oħra meta ma huwiex possibbli li tinżamm is-sigurtà tal-persuni, minħabba raġunijiet oġġettivi, permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri oħra inqas radikali bħal sinjalazzjoni xierqa tal-perikli jew il-projbizzjoni temporanja, flimkien ma’ sanzjonijiet xierqa jekk ikun il-każ, ta’ aċċess pubbliku għal dawn il-viċinanzi immedjati.

3)      Ir-Repubblika tal-Polonja għandha tikkomunika lill-Kummissjoni Ewropea, sa mhux iktar tard minn ħmistax-il ġurnata min-notifika ta’ dan id-digriet, il-miżuri kollha li hija tkun adottat sabiex tosservah bis-sħiħ, filwaqt li tispeċifika, b’mod motivat, l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva li hija tipprevedi li tkompli minħabba li huma neċessarji sabiex tiġi żgurata s-sigurtà pubblika skont il-punti 81 u 82 ta’ dan id-digriet.

4)      Id-deċiżjoni fuq it-talba supplimentari tal-Kummissjoni Ewropea hija rriżervata.

5)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.