Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-24 ta’ Ġunju 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen - il-Ġermanja) – DB Netz AG vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-12/20) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport ferrovjarju – Kurituri internazzjonali għat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija – Regolament (UE) Nru 913/2010 – Artikolu 13(1) – Stabbiliment ta’ punt ta’ waqfa waħda għal kull kuritur tal-merkanzija – Artikolu 14 – Natura tal-kuntest għall-allokazzjonijiet tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura fuq il-kuritur tal-merkanzija stabbilit mill-bord eżekuttiv – Artikolu 20 – Korpi regolatorji – Direttiva 2012/34/UE – Artikolu 27 – Proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura – Rwol tal-ġestjonarji tal-infrastruttura – Artikoli 56 u 57 – Funzjonijiet tal-korp regolatorju u kooperazzjoni bejn korpi regolatorji)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: DB Netz AG

Konvenut: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Dispożittiv

L-Artikolu 13(1), l-Artikolu 14(9) u l-Artikolu 18(c) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv, kif ukoll l-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea, moqri flimkien mal-punt 3(a) tal-Anness IV ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ġestjonarju tal-infrastruttura, iddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, huwa l-awtorità kompetenti sabiex jadotta, fil-kuntest tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk nazzjonali, ir-regoli applikabbli għall-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura, inkluż fir-rigward tal-użu esklużiv ta’ sistema ta’ riżervazzjoni elettronika speċifika, mal-punt ta’ waqfa waħda previst f’dan l-Artikolu 13(1).

Il-verifika minn korp nazzjonali regolatorju tar-regoli dwar il-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ta’ infrastruttura fil-punt ta’ waqfa waħda previsti fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 913/2010, u li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-korp regolatorju ta’ Stat Membru ma jistax jopponi dawn ir-regoli mingħajr ma jikkonforma ruħu mal-obbligi ta’ kooperazzjoni li jirriżultaw minn dan l-Artikolu 20 u, b’mod partikolari, mingħajr ma jikkonsulta l-korpi regolatorji tal-Istati Membri l-oħra li jipparteċipaw fil-kuritur tal-merkanzija, sabiex jintlaħaq, sa fejn possibbli, approċċ komuni.

L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 913/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura fil-kuritur tal-merkanzija stabbilit mill-bord eżekuttiv skont din id-dispożizzjoni ma jikkostitwixxix att tad-dritt tal-Unjoni.

____________

1     ĠU C 137, 27.4.2020.