Language of document : ECLI:EU:C:2013:401

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fit-13 ta’ Ġunju 2013 (1)

Kawża C‑291/12

Michael Schwarz

vs

Stadt Bochum

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Gelsenkirchen (il-Ġermanja)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Standards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri – Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 2252/2004, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 444/2009 – Dritt għall-protezzjoni tad-data personali”





Werrej

I –   Introduzzjoni

II – Il-kuntest ġuridiku

A –   Id-dritt tal-Unjoni

B –   Id-dritt Ġermaniż

III – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V –   L-analiżi ġuridika

A –   Fuq l-allegata bażi legali insuffiċjenti

1.     Il-kontenut u l-għan tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat

2.     In-natura idonea tal-Artikolu 62(2)(a) KE bħala bażi legali tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat

B –   Fuq l-allegat ksur tal-obbligu ta’ konsultazzjoni tal-Parlament

C –   Fuq l-allegat ksur tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali

1.     Osservazzjonijiet preliminari fuq il-post tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat

2.     L-obbligu inkluż fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat jikkostitwixxi preġudizzju għad-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad-data personali prevista mil-liġi u li għandha għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni

3.     Fuq in-natura proporzjonata tal-ksur

a)     Il-limitazzjoni hija xierqa biex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni

b)     L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat huwa meħtieġ għall-ksib tal-għan ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni 

c)     Osservazzjonijiet finali

VI – Konklużjoni

I –    Introduzzjoni

1.        “L-użu tal-bijometrija fis-sistemi ta’ informazzjoni qatt ma huwa insinjifikattiv, speċjalment meta n-numru ta’ individwi kkonċernati jkun kunsiderevoli. Billi tagħmel possibbli l-kejl tal-karatteristiċi tal-ġisem tal-bniedem bil-magni u billi tippermetti l-użu ulterjuri ta’ dawn il-karatteristiċi, il-bijometrija timmodifika definittivament ir-relazzjoni bejn il-ġisem u l-identità. Minkejja li d-data bijometrika ma tidhirx bis-sens tal-ħars, għodod xierqa jippermettu l-qari u l-użu tagħha, għal dejjem u kull fejn tista’ tmur il-persuna kkonċernata” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

2.        Din it-twissija tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (2) għandha riżonanza partikolari billi llum il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiddeċiedi fuq il-validità, partikolarment fid-dawl tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali kif huwa stabbilit permezz tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-obbligu, impost fuq l-Istati Membri bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004, tat-13 ta’ Diċembru 2004, dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri (3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 444/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Mejju 2009 (4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2252/2004 kif emendat”), li ma joħorġux passaporti liċ-ċittadini tagħhom ħlief bil-kundizzjoni li dawn tal-aħħar ikunu qagħdu għat-teħid obbligatorju ta’ tnejn mill-marki tas-swaba’ tagħhom li x-xbieha tagħhom tkun maħżuna wkoll fil-passaport innifsu.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 kien jipprovdi li l-“passaporti u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar għandhom jinkludu mezz ta’ ħażna li għandu jkun fih xbieha tal-wiċċ. L-Istati Membri għandhom jinkludu wkoll il-marki tas-swaba f’format interoperabbli. Id-data għandha tiġi protetta u l-mezz ta’ ħażna għandu jkun jesa’ u jkollu kapaċità biżżejjed biex jiggarantixxi l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-data”.

4.        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 444/2009 emenda l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 li issa jipprovdi li ġej:

“Il-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar għandhom jinkludu mezz sikur ħafna ta’ ħażna li għandu jkun fih immaġni tal-wiċċ. L-Istati Membri għandhom jinkludu wkoll żewġ marki tas-swaba’ meħuda ċatti f’format interoperabbli. Id-data għandha tkun żgurata u l-mezz ta’ ħażna għandu jkun ta’ daqs u kapaċità suffiċjenti biex jiggarantixxi l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-data”.

B –    Id-dritt Ġermaniż

5.        L-Artikolu 4(3) tal-Liġi fuq il-passaporti (Passgesetz), tad-19 ta’ April 1986, emendata l-aħħar bil-liġi tat-30 ta’ Lulju 2009 (5), jipprovdi:

“Skont ir-Regolament [Nru 2252/2004], il-passaport ordinarju, il-passaport tas-servizz u l-passaport diplomatiku għandu jkollhom mezz ta’ ħażna elettronika li jinkludi r-ritratt, il-marki tas-swaba’, l-indikazzjoni tas-swaba’ korrispondenti, l-indikazzjonijiet dwar il-kwalità tal-marki kif ukoll dawk li jidhru fit-tieni sentenza tal-paragrafu 2. Id-data rreġistrata għandha tiġi protetta minn kull qari, tibdil u tħassir mhux awtortizzat. Ma għandu jkun hemm l-ebda database federali għall-karatterisitiċi bijometriċi fis-sens tal-ewwel sentenza.”

III – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6.        M. Schawrz, ta’ nazzjonalità Ġermaniża, talab, mid-dipartimenti kompetenti ta’ Stadt Bochum (il-belt ta’ Bochum), il-ħruġ ta’ passaport filwaqt li oġġezzjona għat-teħid obbligatorju tal-marki tas-swaba’ tiegħu. Fit-8 ta’ Novembru 2007, billi kkunsidraw li passaport ma setax jinħareġ mingħajr it-teħid obbligatorju tal-marki tas-swaba’, l-imsemmija dipartimenti rrifjutaw li joħorġulu dak id-dokument billi invokaw l-Artikolu 4(3) tal-Liġi fuq it-trasport tad-19 ta’ April 1986, emendata l-aħħar bil-liġi tat-30 ta’ Lulju 2009.

7.        Wara dik id-deċiżjoni, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors sabiex il-qorti tar-rinviju tordna lil Stadt Bochum toħroġlu passaport mingħajr ma jitteħdulu l-marki tas-swaba’. Għal dan il-għan, huwa jinvoka b’mod partikolari l-fatt li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat, li jikkostitwixxi s-sors tal-obbligu li għandhom l-Istati Membri li jieħdu żewġ marki tas-swaba’ ta’ kull persuna li tixtieq tikseb passaport, huwa invalidu.

8.        Filwaqt li qablet mal-inċertezzi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-Artikolu 62(2)(a) KE huwiex suffiċjenti bħala bażi legali għall-adozzjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk in-nuqqas ta’ konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew, wara li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bidel il-fakultà li jittieħdu l-marki tas-swaba’, inizjalment inkluża fil-proposta għal regolament, f’obbligu, jikkostitwixxix difett proċedurali li jista’ jaffettwa l-validità tal-imsemmi Artikolu 1. Fl-aħħar nett, hija tosserva li motiv ieħor ta’ invalidità ta’ dan l-artikolu jista’ jirriżulta mill-fatt li huwa jikser id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali li jirriżulta mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u stabbilit permezz tal-Artikolu 8 tal-Karta.

9.        Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgericht Gelsenkirchen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u, permezz tad-deċiżjoni tar-rinviju li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Ġunju 2012, tagħmel lil din tal-aħħar, abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, id-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 1(2) tar-Regolament [Nru 2252/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 444/2009] huwa validu?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, Stadt Bochum, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Pollakk, il-Parlament, il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

11.      Waqt is-seduta li saret fit-13 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż, il-Parlament, il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

V –    L-analiżi ġuridika

12.      Ser neżamina, b’mod suċċessiv, it-tliet motivi ta’ invalidità allegati, jiġifieri bażi legali insuffiċjenti, l-eżistenza ta’ difett proċedurali li vvizzja l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat, kif ukoll l-allegat ksur tal-Artikolu 8 tal-Karta.

A –    Fuq l-allegata bażi legali insuffiċjenti

13.      Ir-Regolament Nru 2252/2004, bħar-Regolament Nru 444/2009, għandu bħala bażi legali l-Artikolu 62(2)(a) KE li jipprovdi li “[i]l-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 67, għandu […] jadotta: 2) miżuri dwar il-qsim ta’ fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu […] a) standards u proċeduri li għandhom ikunu segwiti minn Stati Membri fit-twettieq ta’ kontrolli fuq persuni f’dawn il-fruntieri”.

14.      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li, b’mod ġenerali, l-Artikolu 18(3) KE (6) kien jipprojbixxi lill-istituzzjonijiet milli jadottaw leġiżlazzjoni fuq il-passaporti miżmumin miċ-ċittadini Ewropej. Fi kwalunkwe każ, leġiżlazzjoni fuq passaporti miżmumin minn ċittadini tal-Unjoni ma tistax tkun ibbażata validament fuq l-imsemmi Artikolu 62 għaliex il-kunċett ta’ “kontrolli fuq persuni f’dawn il-fruntieri” fis-sens ta’ dan l-artikolu jeskludi l-miżuri li jirrigwardaw biss iċ-ċittadini tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-passaporti maħruġin liċ-ċittadini tal-Unjoni ma jservux speċifikament għall-kontroll tal-fruntieri esterni tagħha. Fl-aħħar nett, l-obbligu li jittieħdu l-marki ta’ swaba’ stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat ma jinsabx fil-kamp ta’ azzjoni deskritt fl-Artikolu 62(2)(a) KE, għaliex dan ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “standards” jew “proċeduri li għandhom ikunu segwiti minn Stati Membri fit-twettieq ta’ kontrolli fuq persuni f’dawn il-fruntieri”.

15.      Għandu jitwarrab minnufih l-argument marbut mal-Artikolu 18(3) KE li l-effett tiegħu kien biss li jiġi eskluż li dispożizzjonijiet dwar il-passaporti jkunu jistgħu jiġu adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw iċ-ċittadinanza Ewropea u, iktar preċiżament, abbażi tal-Artikolu 18(2) KE. Iżda mill-Artikolu 18(3) KE ma tirriżultax projbizzjoni ġenerali magħmula fil-konfront tal-istituzzjonijiet li jadottaw kwalunkwe regolament dwar il-passaporti.

16.      Il-kontestazzjoni dwar l-użu esklużiv tal-Artikolu 62(2)(a) KE bħala bażi legali hija iktar serja. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġiet adita b’rikors għal annullament ippreżentat kontra r-Regolament Nru 2252/2004 mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (7). Fil-kuntest ta’ dak ir-rikors, il-kwistjoni tal-bażi legali bilkemm ġiet ittrattata mill-Qorti tal-Ġustizzja u dan b’mod ġeneriku ħafna (8). Jidher li hija qatt ma ddubitat mill-fatt li r-Regolament Nru 2252/2004 kien ibbażat fuq bażi legali korretta. Minkejja dan, peress li l-imsemmija domanda saret b’mod ċar lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari u peress li hija tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat, hija tistħoqq trattament iktar fid-dettall f’dawn il-konklużjonijiet.

17.      Sabiex jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 62(2)(a) KE huwiex idoneu sabiex jikkostitwixxi l-bażi legali tal-att inkwistjoni, għandha titfakkar l-affermazzjoni iterattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-kuntest tas-sistema ta’ kompetenzi tal-Unjoni Ewropea, “l-għażla tal-bażi legali ta’ att Komunitarju għandha tiġi bbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att” (9). Sabiex jiġi żgurat li l-Artikolu 62(2)(a) KE huwa suffiċjenti bħala bażi legali tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat, hemm lok, għaldaqstant, l-ewwel nett, li jiġu stabbiliti l-għan u l-kontenut ta’ dan ir-regolament qabel ma jiġi vverifikat jekk dan il-kontenut u dan l-għan setgħux jiġu ddefiniti b’mod xieraq fil-kuntest ta’ regolament adottat fuq tali bażi legali.

1.      Il-kontenut u l-għan tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat

18.      Fir-rigward tal-għan segwit, mit-titolu stess tar-Regolament Nru 2252/2004 jirriżulta li dan huwa intiż sabiex jistabbilixxi standards għall-karatterisitiċi ta’ sigurtà u l-karatterisitiċi bijometriċi f’passaporti maħruġin mill-Istati Membri.

19.      L-inklużjoni fil-passaporti ta’ karatteristiċi bijometriċi, fosthom żewġ marki tas-swaba’, flimkien mal-armonizzazzjoni tal-karatterisitiċi ta’ sigurtà, għandha l-għan li tirrendi iktar affidabbli r-rabta bejn il-passaport u d-detentur tiegħu u biex tiġi miġġielda l-falsifikazzjoni tiegħu u l-użu frawdolenti tiegħu (10), skop li ġie ddikjarat, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li jikkostitwixxi l-għan tar-Regolament Nru 2252/2004 (11).

20.      Barra minn hekk, l-armonizzazzjoni tal-istandards dwar il-karatterisitiċi bijometriċi inklużi fil-passaporti hija intiża sabiex tagħmel koerenti l-approċċ fi ħdan l-Unjoni f’dak li jirrigwarda dawn il-karatterisitiċi, partikolarment fir-rigward tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-viżi maħruġin liċ-ċittadini ta’ Stati terzi (12), sabiex il-passaporti maħruġin liċ-ċittadini tal-Unjoni ma jkollhomx “dispożittivi ta’ sigurtà inqas perfezzjonati minn dawk previsti diġà mill-karatteristiċi tekniċi tal-mudell tip ta’ viża u tal-mudell uniformi ta’ permess ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (13).

21.      Fl-aħħar nett, il-premessa 9 tar-Regolament Nru 2252/2004 issemmi “l-għan bażiku li jiġu introdotti standards komuni ta’ sigurtà u identifikaturi bijometriċi interoperabbli”, għan li, skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, jitlob li jiġu stabbiliti regoli għall-Istati Membri kollha li jimplementaw l-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985 (14). Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat għandu wkoll l-għan li “jiġu ssimplifikati l-kontrolli fil-fruntieri” (15) permezz tal-armonizzazzjoni tal-istandards ta’ sigurtà komuni.

22.      Fil-fehma tiegħi, l-għan essenzjali tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat ma jistax jinftiehem ħlief jekk jitqiegħed mill-ġdid fil-kuntest usa’ tas-sistema li fiha ġie adottat, u għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-relazzjonijiet li huwa għandu mas-sistema li tnisslet mill-ftehim ta’ Schengen. Il-premessi 10 sa 14 ifakkru preċiżament li dan ir-regolament huwa maħsub bħala żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, u l-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll l-okkażjoni tikkonferma dan (16). Huwa fil-kuntest ta’ dan l-acquis li ġiet ippreċiżata l-politika ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri li jipparteċipaw fis-sistema li tnisslet mill-ftehim ta’ Schengen, u b’mod iktar partikolari r-regoli dwar il-qsim tal-fruntieri esterni. Bl-armonizzazzjoni tal-kontenut u tal-karatteristiċi tekniċi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandu jkollhom fil-pussess tagħhom fil-mument tal-qsim tal-fruntieri esterni, l-għan segwit mil-leġiżlatur fil-kuntest tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat jikkontribwixxi, evidentement, għal dak, usa’, tas-sigurtà ta’ dawn il-fruntieri.

23.      Mil-lat tal-kontenut tiegħu, u b’koerenza sħiħa mal-għan tiegħu, ir-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat, għalhekk, fih tliet tipi ta’ dispożizzjonijiet. Minn naħa, hemm dawk li jikkonċernaw l-obbligu tat-teħid ta’ marki tas-swaba’ bħala tali, l-eżenzjonijiet għal dan l-obbligu u l-każijiet fejn dan it-teħid huwa impossibbli (17). Min-naħa l-oħra, hemm dispożizzjonijiet rigward is-sistema ġenerali marbuta mad-data inkluża fil-passaporti (18). Id-dispożizzjonijiet l-oħrajn kif ukoll l-anness ta’ dan ir-regolament jirrigwardaw l-aspetti purament tekniċi tal-istandards tas-sigurtà minimi li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw meta joħorġu l-passaporti. Mingħajr ma nipprova nkun eżawrjenti, ser nillimita ruħi li nsemmi hawnhekk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar il-mezz tal-ħażna, it-tip ta’ reġistrazzjoni, il-proċedura nfisha ta’ teħid, il-modalitajiet tas-sigurtà tad-data, it-tekniki tal-istampar kif ukoll il-modalitajiet ta’ qari u ta’ żamma tad-data (19). B’dan il-mod, ir-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat “jarmonizza u jtejjeb l-istandards minimi ta’ sigurtà li għandhom jikkonformaw magħhom il-passaporti […] maħruġa mill-Istati Membri u jipprovdi għad-dħul, f’dawn [il-passporti], ta’ ċertu numru ta’ elementi bijometriċi dwar id-detenturi ta’ dokumenti bħal dawn” (20).

2.      In-natura idonea tal-Artikolu 62(2)(a) KE bħala bażi legali tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat

24.      L-elementi deskritti iktar ’il fuq setgħu jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 62(2)(a) KE? Naħseb li iva.

25.      Minn naħa, l-elementi armonizzati permezz tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat huma intiżi biex joħolqu uniformità fil-kontenut u fl-istandards ta’ sigurtà f’dak li jirrigwarda l-passaporti maħruġin mill-Istati Membri liċ-ċittadini Ewropej. Bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent fil-kawża prinċipali, ma huwiex korrett li jiġi sostnut li l-Artikolu 62(2)(a) KE jista’ jservi ta’ bażi legali biss għal miżuri li jirrigwardaw kontrolli fil-fruntieri esterni taċ-ċittadini ta’ Stati terzi. Il-kliem tal-imsemmi Artikolu 62 ma fihx limitazzjoni bħal din għaliex sempliċement isemmi l-“kontrolli fuq persuni”. Barra minn hekk, mill-acquis ta’ Schengen jirriżulta b’mod ċar li ċ-ċittadini tal-Unjoni huma, huma wkoll, suġġetti għal verifika minima fil-mument tal-qsim tal-fruntieri esterni tal-Unjoni (21). Dan il-kontroll, l-istess, b’mod iktar ġenerali, bħat-tisħiħ tas-salvagwardji għal dak li jirrigwarda l-fruntieri esterni, huwa korollarju meħtieġ għan-nuqqas ta’ kontroll fil-fruntieri interni tal-Unjoni kif ukoll bħala prerekwiżit għat-tgawdija sħiħa tal-libertà ta’ moviment fit-territorju tal-Unjoni. Għaldaqstant ir-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat jirrigwarda l-“kontrolli fuq persuni f’dawn il-fruntieri” fis-sens tal-Artikolu 62(2)(a) KE (22).

26.      Min-naħa l-oħra, dan ir-regolament jobbliga lill-Istati Membri joħorġu passaporti li l-kontenut u l-karatterisitiċi tekniċi tagħhom ikunu armonizzati. B’dan il-mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni jiżgura li l-kontroll taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-fruntieri esterni jsir fuq l-istess bażi u li l-identità ta’ dawn iċ-ċittadini tkun ivverifikata mill-awtoritajiet nazzjonali fid-diversi punti ta’ passaġġ abbażi tal-istess data. Għaldaqstant, huwa kkontribwixxa biex jirrendi dejjem iktar integrata l-politika ta’ ġestjoni ta’ dawn il-fruntieri (23). Il-fatt li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pulizija tal-fruntieri tal-Unjoni, meta jsir il-kontroll tal-passaporti taċ-ċittadini tal-Unjoni, sett omoġenju ta’ data sigura għandu t-tendenza li jsaħħaħ il-livell ta’ sigurtà ta’ kontrolli filwaqt li jiffaċilitahom.

27.      Huwa minnu li l-obbligu li jittieħdu żewġ marki tas-swaba’ jirriżulta f’operazzjoni li tiġi qabel il-kontroll innifsu. Naturalment dan ma jipprekludix li din tikkundizzjona l-eżerċizzju tal-kontroll innifsu. Għalhekk jidhirli li huwa kemmxejn artifiċjali li wieħed jallega li d-dispożizzjonijiet fuq id-data inkluża fil-passaporti u li għandha tiġi kkontrollata meta jinqasmu fruntieri esterni tal-Unjoni ma jistgħux jiġu adottati fuq il-bażi legali li sservi għall-kontroll tagħhom stess. Approċċ razzjonali tal-kontenut u tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 62(2)(a) KE jitlob li jiġi rrikonoxxut li l-obbligu li jittieħdu żewġ marki tas-swaba’ fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat, peress li jikkostitwixxi prerekwiżit li ma jistax jiġi mifrud mill-eżerċizzju tal-kontroll fil-fruntieri esterni taċ-ċittadini tal-Unjoni, effettivament jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “standards u proċeduri li għandhom ikunu segwiti minn Stati Membri fit-twettieq ta’ kontrolli fuq persuni f’dawn il-fruntieri”.

28.      Għar-raġunijiet kollha esposti hawn fuq, nikkunsidra li l-Artikolu 62(2)(a) KE jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat.

B –    Fuq l-allegat ksur tal-obbligu ta’ konsultazzjoni tal-Parlament

29.      Il-miżuri li għandhom bħala bażi legali l-Artikolu 62(2)(a) KE kellhom jiġu adottati mill-Kunsill skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 67 KE. Fid-data li fiha ġie adottat ir-Regolament Nru 2252/2004, din il-proċedura kienet tipprevedi li l-Parlament kellu jiġi kkonsultat (24). Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li din il-proċedura ma ġietx osservata billi l-Parlament ġie kkonsultat dwar proposta għal regolament li kienet tipprevedi biss is-sempliċi fakultà, għall-Istati Membri, li jieħdu l-marki tas-swaba’, filwaqt li din il-fakultà ġiet ittrasformata, fil-proposta finali, f’obbligu, mingħajr ma l-Parlament tħalla jiddikjara ruħu f’dan ir-rigward.

30.      L-ewwel nett għandu jiġi osservat li d-difett proċedurali allegat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali jirrigwarda l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004. Il-kwistjoni tal-validità mqajma mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda b’mod ċar il-validità tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat (25). Ma huwiex ikkontestat li dan tal-aħħar ġie adottat, skont il-possibbiltà introdotta permezz tal-Artikolu 67(2) KE taħt il-proċedura prevista mill-Artikolu 251 KE, jiġifieri l-proċedura ta’ kodeċiżjoni. Għalhekk id-difett ta’ proċedura allegat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma huwiex tali li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat.

31.      Fid-dawl ta’ dan, u sabiex tingħalaq kull kontroversja fuq dan is-suġġett, nixtieq, minkejja kollox, nagħmel ċerti osservazzjonijiet rapidi biex nuri li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 – għalhekk fil-verżjoni oriġinali tiegħu – lanqas ma kien ivvizzjat b’difett proċedurali.

32.      Minn naħa, minn ġurisprudenza iterattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “l-obbligu li l-Parlament jiġi kkonsultat matul il-proċedura leġiżlattiva, fil-każijiet previsti mit-Trattat, jimplika l-ħtieġa ta’ konsultazzjoni ġdida kull darba li t-test adottat finalment, ikkunsidrat kollu kemm hu, jitbiegħed fl-essenza nfisha tiegħu minn dak li l-Parlament ikun diġà ġie kkonsultat dwaru” (26). Jekk huwa minnu li l-proposta għal regolament tal-Kunsill ippreżentata mill-Kummissjoni kienet tipprevedi biss il-possibbiltà għall-Istati Membri li jżidu, fost id-data maħżuna fil-passaporti, marki tas-swaba’ (27) u li din il-possibbiltà ġiet ittrasformata f’obbligu fil-verżjoni finali tar-regolament, trasformazzjoni bħal dik ma tistax tikkostitwixxi bidla sostanzjali, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li teħtieġ konsultazzjoni ġdida tal-Parlament. Il-kwistjoni dwar jekk it-teħid kienx fakultattiv jew obbligatorju ma kinitx għaldaqstant il-kwistjoni essenzjali li kienet tqum, għaliex il-Parlament kellu xorta waħda jieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li l-Istati Membri kollha setgħu jeżerċitaw din il-fakultà.

33.      Min-naħa l-oħra, mill-elementi kronoloġiċi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-proposta għal regolament intbagħtet lill-Parlament fil-25 ta’ Frar 2004. Il-ftehim politiku fi ħdan il-Kunsill sabiex il-fakultà li jittieħdu l-marki tas-swaba’ tinbidel f’obbligu ntlaħaq fis-26 ta’ Ottubru 2004. Dokument ġdid flimkien ma’ ittra ta’ informazzjoni ntbgħatu mill-Kunsill lill-Parlament fl-24 ta’ Novembru 2004. L-opinjoni tal-Parlament (28) ingħatat fit-2 ta’ Diċembru 2004, jiġifieri – huwa minnu – ftit ta’ żmien wara din it-trażmissjoni, imma l-preżenza ta’ riferiment għal-linji gwida ġodda tal-Kunsill fil-viżi tindika li, meta ta l-opinjoni tiegħu, il-Parlament kien informat b’mod sħiħ b’din il-bidla fl-approċċ tal-Kunsill, bidla li dwarha huwa ma wera l-ebda forma ta’ reazzjoni. Il-Parlament ma lmentax li kien hemm ksur tal-obbligu ta’ konsultazzjoni u lanqas ma kkontesta, matul is-seduta, il-kjarifiki magħmulin rigward l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ konsultazzjoni f’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 2252/2004.

34.      Għal dawn ir-raġunijiet, u għalkemm nibqa’ konvint li l-kwistjoni tal-legalità tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 hija irrilevanti għall-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi konkluż li n-nuqqas ta’ konsultazzjoni ġdida tal-Parlament, wara t-trasformazzjoni tal-fakultà li jittieħdu l-marki tas-swaba’ għall-finijiet tal-ħażna tagħhom fil-passaporti f’obbligu, ma kellux bħala konsegwenza li jivvizzja din l-adozzjoni b’difett proċedurali.

C –    Fuq l-allegat ksur tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali

35.      Peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari tindika biss li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat jikser ukoll “il-libertà ta’ dħul u ta’ ħruġ, l-Artikolu 17 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi kif ukoll diversi prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni”, mingħajr ma semmiet ir-raġunijiet għalfejn il-validità ta’ dan l-artikolu għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dawn il-libertajiet u prinċipji u mingħajr ma vverifikat jekk humiex rilevanti fil-kuntest ta’ kontroll bħal dan, u peress li l-partijiet ikkonċernati li pparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ikkonċentraw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-ksur tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali, ir-raġunament li ġej ser jirrigwarda esklużivament l-eżami tal-validità tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat fid-dawl ta’ dan id-dritt fundamentali.

36.      L-Artikolu 8(1) tal-Karta jistabbilixxi li kull individwu “għandu d-dritt għall-protezzjoni ta’ l-informazzjoni ta’ karattru personali li jirrigwardawh”. Evidentement, il-marki tas-swaba’ huma data personali (29). B’mod iktar partikolari, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi li “[d]in id-data għandha tiġi trattata b’mod ġust għal skopijiet determinati u fuq bażi tal-kunsens tal‑persuna konċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha”.

37.      Kull limitazzjoni fuq dan id-dritt għandha tosserva r-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Għalhekk għandha tkun prevista mil-liġi, tirrispetta l-kontenut essenzjali tad-dritt inkwistjoni u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri tkun meħtieġa u tissodisfa effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni jew il-bżonn ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn.

38.      Qabel ma nivverifika konkretament il-validità tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-Karta, nixtieq infakkar li l-kwistjoni tad-drittijiet fundamentali ma hijiex xi ħaġa ġdida għal dan ir-regolament. Ser nipprova nuri iktar ’l isfel li l-preġudizzju għad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali li jikkostitwixxi l-obbligu li tittieħed u tinħażen, għall-finijiet tal-qari tagħha, ix-xbieha ta’ żewġ marki tas-swaba’ huwa previst mil-liġi u jsegwi għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni. Fl-aħħar nett, ser niddikjara ruħu fuq in-natura proporzjonata ta’ dan il-preġudizzju.

1.      Osservazzjonijiet preliminari fuq il-post tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat

39.      Għandu jiġi osservat, b’mod preliminari, kif tfakkar il-premessa 8 tar-Regolament Nru 2252/2004, li fil-qasam tal-protezzjoni tad-data li għandha tiġi pproċessata fil-kuntest tal-ħruġ tal-passaporti, tapplika d-Direttiva 95/46. Din id-direttiva, li tissemma fl-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 8 tal-Karta, tistabbilixxi sensiela ta’ prinċipji fundamentali, li huma wkoll imposti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (30), bħall-ipproċessar leali u legali, kif ukoll il-ġbir għal finijiet determinati, espliċiti u leġittimi ta’ data adegwata, rilevanti, mhux eċċessiva fid-dawl tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu, eżatta, attwali u miżmuma b’mod mhux permanenti. Hija tistabbilixxi wkoll il-prinċipju tal-ħtieġa tal-kunsens tal-persuna sabiex id-data tagħha tiġi pproċessata, filwaqt li tipprovdi numru ta’ eċċezzjonijiet, bħall-eżekuzzjoni ta’ missjoni ta’ interess pubbliku jew li taqa’ taħt l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika jew inkella għall-iskopijiet tal-interess leġittimu segwit (31). Element ieħor essenzjali huwa li din id-direttiva timponi dritt ta’ aċċess tal-persuni kkonċernati bl-ipproċessar ta’ data personali għal serje ta’ informazzjoni (32), dritt ta’ oppożizzjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet (33), kif ukoll dritt għal azzjoni ġudizzjarja (34).

40.      Barra minn hekk, l-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 2252/2004, introdott bir-Regolament Nru 444/2009, jissuġġetta espliċitament il-proċeduri nazzjonali tat-teħid ta’ karatterisitiċi bijometriċi għall-osservanza ta’ “salvagwardji stabbiliti fil-[KEDB] kif ukoll fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal” u jitlob li l-proċeduri jiggarantixxu d-dinjità tal-persuni kkonċernati fil-każ ta’ diffikultajiet fil-mument tat-teħid.

41.      Għalhekk is-salvagwardji offruti mir-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat għandhom jinqraw flimkien ma’ dawk offruti mid-Direttiva 95/46 u r-referenzi li huwa jinkludi għall-KEDB u għad-dinjità tal-persuni. Għaldaqstant l-eżami tal-validità tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament għandu jitwettaq neċessarjament fid-dawl ta’ dawn l-elementi essenzjali.

2.      L-obbligu inkluż fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat jikkostitwixxi preġudizzju għad-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad-data personali prevista mil-liġi u li għandha għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni

42.      Minn naħa, it-teħid obbligatorju ta’ data mill-awtoritjaiet nazzjonali kompetenti taħt il-kundizzjonijiet deskritti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat, ir-reġistrazzjoni u l-ħażna tagħha fil-passaporti kif ukoll il-possibbiltà offruta lill-pulizija fil-fruntieri li jaqraw din id-data fin-nuqqas tal-kunsens tal-persuna kkonċernata, evidentement jikkostitwixxu preġudizzju għad-dritt irrikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta. Fil-fatt, ħlief jekk jirrinunzjaw għaż-żamma ta’ passaport u, għaldaqstant, għal kull ċaqliq fil-parti l-kbira ta’ Stati terzi, l-applikanti ma jistgħux jopponu ruħhom għat-teħid u għall-ħażna tal-marki tas-swaba’ tagħhom.

43.      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-preġudizzju li jirriżulta mit-teħid obbligatorju tal-marki tas-swaba’ għandu jiġi kkunsidrat bħala “previst mil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta għaliex dan it-teħid huwa espressament previst fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2204 kif emendat, huwa wkoll konformi mal-ħtiġiet ta’ aċċessibbiltà, ta’ ċarezza u ta’ prevedibbiltà, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (35).

44.      Fit-tieni lok, kif spjegajt diġà iktar ’il fuq (36), l-għan ġenerali essenzjali segwit mir-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat huwa dak tas-sigurtà tal-fruntieri esterni, bl-implementazzjoni ta’ politika ta’ ġestjoni integrata ta’ dawn il-fruntieri. Barra minn hekk, id-dħul f’passaport tal-marki tas-swaba’ maħżuna f’mezz sigur huwa intiż sabiex jirrendi r-rabta bejn id-detentur tad-dokument u d-dokument innifsu iktar affidabbli u, b’dan il-mod, il-falsifikazzjoni u l-użu frawdolenti, u allura l-immigrazzjoni illegali, iktar diffiċli. Barra minn hekk, dan l-approċċ tal-leġiżlatur kien iktar u iktar importanti fil-perspettiva tal-implemetazzjoni progressiva ta’ spazju ta’ sigurtà, libertà u ġustizzja (37) u, kif għidt diġà, minħabba n-nuqqas ta’ kontroll fil-fruntieri interni tal-Unjoni.

45.      Jidhirli li huwa ċar li dawn is-“subgħanijiet” kollha flimkien jipparteċipaw sabiex jintlaħaq l-għan ġenerali msemmi iktar ’il fuq. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat, bl-impożizzjoni tat-teħid obbligatorju ta’ żewġ marki ta’ swaba’ għar-reġistrazzjoni u għall-ħażna tagħhom fil-passaporti, isegwi għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni.

3.      Fuq in-natura proporzjonata tal-ksur

46.      Il-limitazzjoni fuq id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali għandha wkoll tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri tkun neċessarja u tikkontribwixxi effettivament għall-għan segwit.

a)      Il-limitazzjoni hija xierqa biex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni

47.      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jikkontesta l-fatt li t-teħid obbligatorju tal-marki tas-swaba’ taċ-ċittadini tal-Unjoni li jixtiequ li jinħarġilhom passaport huwa mezz xieraq sabiex jinkiseb l-għan mixtieq u jiddubita jikkontribwixxix b’mod effettiv għas-sigurtà tal-fruntieri esterni. Huwa jsostni, essenzjalment, li l-metodu bijometriku magħżul jirriżulta partikolarment insodisfaċenti u, fi kwalunkwe każ, għandu utilità limitata għaċ-ċittadini tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-teħid ma jkunx possibbli għal raġunijiet ta’ mard, ta’ feriment jew inkella minħabba ħruq. Dan il-metodu ma jistax jiggarantixxi l-ksib tal-għan segwit minħabba l-fraġilità intrinsika taċ-ċippa ta’ ħażna li t-tul ta’ ħajja tagħha huwa ferm inqas minn dak tal-validità tal-passaport. Fl-aħħar nett, dan il-metodu għandu rata ta’ żbalji kunsiderevoli u ma huwiex sigur biżżejjed biex tiġi ggarantita l-eżistenza ta’ rabta assolutament affidabbli bejn id-detentur leġittimu tal-passaport u d-dokument innifsu.

48.      Madankollu, ma tantx jidher li jista’ jiġi kkontestat li, minnha nfisha, iż-żieda ta’ data bijometrika f’passaport tirrendi neċessarjament, u mhux biss, iktar kumplessa l-attività ta’ falsifikazzjoni tal-imsemmi passaport, imma anki l-proċess ta’ identifikazzjoni tad-detentur leġittimu tal-passaport iktar ċert, għaliex l-awtoritajiet fdati bil-kontroll tal-fruntieri esterni tal-Unjoni issa għandhom żewġ elementi bijometriċi għad-dispożizzjoni tagħhom, minbarra r-ritratt tal-wiċċ (38). Lanqas ma hemm dubju li d-data bijometrika inkwistjoni tikkostitwixxi, ħlief f’eċċezzjonijiet rari, data xierqa biex jiġu individwalizzati u identifikati l-persuni.

49.      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fallibbiltà tal-metodu, huwa korrett li jiġi sostnut li r-rikonoxximent permezz tal-paragun tal-marki tas-swaba’ ma huwiex metodu ta’ identifikazzjoni żgur 100 % u għaldaqstant għandu rata ta’ żbalji ta’ iktar minn 0 % (39). Barra minn hekk, ħadd ma jazzarda jsostni li l-passaport deskritt teknikament fir-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat huwa dokument li ma jistax jiġi ffalsifikat. Għaldaqstant, huwa ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien qiegħed għalkollox fir-rwol tiegħu meta pprova jikkomplika x-xogħol tal-falsifikaturi billi żied żewġ elementi bijometriċi u billi saħħaħ l-armonizzazzjoni tal-elementi ta’ sigurtà. Fi kliem ieħor, il-fatt li l-metodu bijometriku magħżul huwa fallibbli u li ma għandux l-effett li l-passaport isir dokument kompletament infalsifikabbli jew reżistenti għal kull tentattiv ta’ qerda ma għandux bħala konsegwenza li jirrendih mhux xieraq għall-ksib tal-għan segwit għaliex, għandi nfakkar, sa llum ma ġie stabbilit l-ebda metodu infallibbli. Minbarra dan, taħt ċerti aspetti, din il-fallibbiltà hija kkumpensata permezz ta’ flessibbiltà introdotta fl-obbligu ta’ teħid. Pereżempju, meta t-teħid tal-marki tas-swaba’ ma jkunx sodisfaċenti mil-lat tal-identifikazzjoni, kif huwa b’mod partikolari l-każ tat-tfal, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda sistema ta’ eżenzjoni (40).

b)      L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat huwa meħtieġ għall-ksib tal-għan ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni

50.      Hawnhekk għandu jiġi vverifikat li l-istituzzjonijiet “bbilanċjaw l-interess tal-Unjoni Ewropea” (41) li tikkonsolida s-sigurtà tal-fruntieri esterni tagħha u l-ksur tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali taċ-ċittadini tal-Unjoni li jixtiequ li jinħarġilhom passaport. Id-“derogi għall-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom jiġu applikati biss sa fejn dan ikun assolutament meħtieġ” (42) b’mod li ma għandha teżisti l-ebda miżura daqstant effettiva imma li toħloq inqas preġudizzju minn dik li tidderoga mid-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali.

51.      Kwistjoni li okkupat b’mod partikolari d-dibattiti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kienet dik tal-fondatezza tal-għażla tal-leġiżlatur favur il-metodu bijometriku tal-paragun tal-marki tas-swaba’. Skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-leġiżlatur ma żviluppax u ma spjegax, partikolarment mil-lat ta’ statistika, ir-raġunijiet għalfejn ikkunsidra li kien neċessarju, meta adotta r-Regolamenti Nru 2252/2004 u Nru 444/2009, li jobbliga lill-Istati Membri jdaħħlu żewġ marki tas-swaba’ fil-passaporti. Fl-aħħar mill-aħħar, huwa kull użu ta’ metodu bijometriku, għajr ir-ritratt tal-wiċċ, u saħansitra l-ħtieġa nfisha li jiġu identifikati b’mod tant preċiż iċ-ċittadini tal-Unjoni fil-fruntieri esterni tagħha li qed jiġu kkontestati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali (43). Huwa partikolarment inkwetat bil-possibbiltà li tinġabar, mingħajr ma jkunu jafu l-proprjetarji tagħha, xbieha tal-marki tas-swaba’ li fiha data, fl-aħħar mill-aħħar, ftit li xejn sigura (44) għaliex kull att tal-ħajja tagħna ta’ kuljum jipprovdi okkażjoni biex inħallu warajna xbihat tal-marki tas-swaba’ tagħna. Barra minn hekk, il-livell insuffiċjenti ta’ sigurtà taċ-ċippa ta’ ħażna ma jippermettix li jiġi ggarantit li d-data bijometrika tinqara biss mill-awtoritajiet awtorizzati. Fl-aħħar nett, il-livell ta’ preġudizzju fir-rigward tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta ma huwiex tollerabbli, għaliex, fl-ewwel lok, jolqot liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għal perijodu ta’ għaxar snin, jiġifieri għall-perijodu kollu ta’ validità tal-passaport, fit-tieni lok, jiġi rripetut indħil ma’ kull kontroll fil-fruntieri esterni, fit-tielet lok, jeżisti riskju reali ta’ żamma fil-fajls tad-data bijometrika u, fir-raba’ lok, l-identifikazzjoni permezz tal-marki tas-swaba’ tista’ tagħti lok għal abbużi u toħloq riskji ta’ stigmatizzazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, M. Schwarz jikkunsidra li l-preġudizzju għad-dritt fundamentali ma huwiex fi proporzjon mad-diffikultajiet reali li jqumu waqt il-kontrolli fil-fruntieri esterni tal-Unjoni kemm jekk dan ikun fir-rigward tal-identifikazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni jew inkella fil-ġlieda kontra t-tentattivi ta’ dħul illegali fit-territorju tal-Unjoni permezz ta’ passaport iffalsifikat.

52.      Jekk huwa minnu li l-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolament Nru 2252 ma turix b’mod partikolari r-raġunijiet għalfejn il-leġiżlatur għażel l-inklużjoni ta’ xbihat tal-marki tas-swaba’, madankollu hija tispjega b’mod ċar il-bżonn li l-approċċ adottat għall-passaporti taċ-ċittadini tal-Unjoni jsir koerenti fir-rigward tad-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġin għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (45). F’dak li jirrigwarda dawn l-aħħar dokumenti, l-inklużjoni ta’ dawn il-marki ta’ swaba’ kien diġà previst (46). Barra minn hekk, l-espożizzjoni tal-motivi tirreferi wkoll għar-riżultati tax-xogħlijiet tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), li “għażlet ukoll ir-ritratt skannjat bħala l-element prinċipali ta’ identifikazzjoni biometrika interoperabbli, kif ukoll il-marki ta’ swaba’ u/jew ix-xbieha tal-iris” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (47). Fi kwalunkwe każ, l-opinjonijiet kollha li ngħataw dwar is-suġġett tal-inklużjoni tad-data bijometrika minbarra r-ritratt tal-wiċċ, mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (48), jew inkella mill-grupp ta’ ħidma tal-Artikolu 29 (49), kollha wissew lill-istituzzjonijiet kontra r-riskji intrinsiċi li wieħed jirrikorri għall-bijometrija b’mod ġenerali, imma qatt ma kkontestaw l-għażla nfisha tax-xbieha tal-marki tas-swaba’. Dawn l-opinjonijiet kollha fakkru b’mod unanimu li n-natura minnha nfisha sensittiva tad-data bijometrika teħtieġ salvagwardji speċifiċi, imma qatt ma sostnew li l-għażla tal-marki tas-swaba’ bħala element bijometriku addizzjonali li għandu jiddaħħal fid-dokumenti tal-ivvjaġġar hija mingħajr ebda rilevanza. Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-fatt li, fil-prinċipju, kull individwu jista’ jipprovdi faċilment xbieha tal-marki tas-swaba’ tiegħu u li dawn tal-aħħar huma uniċi billi huma tiegħu biss, il-leġiżlatur seta’, fl-opinjoni tiegħi, leġittimament jikkunsidra li l-marki tas-swaba’ jikkostitwixxu element bijometriku ta’ identifikazzjoni xieraq li jirrendi r-rabta bejn il-passaport u d-detentur tiegħu iktar affidabbli u fl-istess ħin jirrendu iktar diffiċli kull tentattiv ta’ użu frawdolenti jew ta’ falsifikazzjoni.

53.      L-ipoteżi ta’ żball manifest tal-leġiżlatur tal-Unjoni ‒ l-unika waħda li tista’ tiġi ssanzjonata meta, bħal f’dan il-każ, huwa jipprevedi, “f’kuntest tekniku ta’ natura evoluttiva […], setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jiġu stabbiliti n-natura u l-portata tal-miżuri li huwa jadotta” (50) – tidher għalhekk li għandha tiġi mwarrba, u dan iktar u iktar għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, f’kuntest bħal dan, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-leġiżlatur li ġie fdat, mit-Trattat, b’dan il-kompitu.

54.      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ miżuri alternattivi li huma ta’ inqas preġudizzju għad-dritt fundamentali għall-protezzjoni ta’ data personali, l-użu tal-iriskopija ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ta’ inqas preġudizzju. Barra minn hekk, huwa jinvolvi ċertu numru ta’ inkonvenjenti marbutin kemm mal-ispiża intrinsika ta’ dan il-metodu ‒ li huwa kopert bi privattiva ‒ kif ukoll mar-riskju għas-saħħa li jippreżenta l-proċess tal-iskannjar tal-iris u mad-dewmien li l-verifika tat-tqabbil tal-iris tikkawża għall-kontrolli fil-fruntieri esterni tal-Unjoni (51). Għal dak li jirrigwarda s-sempliċi inklużjoni tar-ritratt tal-wiċċ, din ċertament hija ta’ inqas preġudizzju imma, fid-dawl tal-evoluzzjoni fid-dehra fiżika li ma tistax tiġi riflessa mir-ritratt, ma tirriżultax daqstant effettiva fil-każ li l-awtoritajiet ta’ kontroll ikollhom bżonn jikkonfermaw l-identità ta’ persuna u r-rabta leġittima tagħha mal-passaport li hija tippreżenta.

55.      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-posibbiltà ta’ ġbir ta’ data minn terzi jew Stati terzi (52), sempliċement nosserva li, fir-rigward tal-ewwel ipoteżi, ir-riskji ma jidhirlix li huma inqas importanti fil-każ ta’ sistema fejn il-kontroll huwa bbażat biss fuq ir-ritratt tal-wiċċ. Fir-rigward tal-pajjiżi terzi, ma naqbilx mal-fehma tar-rikorrent li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat huwa l-kawża għall-espożizzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni għar-riskju ta’ abbuż inkors f’dawn l-Istati. Biżżejjed jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-Unjoni ma għandhiex influwenza fuq l-istabbiliment tal-formalitajiet li għandhom jitwettqu miċ-ċittadini biex jidħlu fit-territorju tal-Istati terzi.

c)      Osservazzjonijiet finali

56.      In-numru ta’ marki ta’ swaba’ li x-xbieha tagħhom għandha tittieħed u tinħażen huwa limitat għal tnejn. L-obbligu ta’ teħid huwa impost biss fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni li jixtiequ jivvjaġġaw barra mill-fruntieri interni tagħha. L-użu ta’ din id-data għandu jsir biss għal finijiet strettament speċifikati: b’dan il-mod, ir-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat jipprovdi li d-data għandha tintuża “biss għall-verifika” tal-awtentiċità tal-passaport u l-identità tad-detentur (53). Id-data hija inkluża fl-uniku mezz sigur ta’ ħażna mdaħħal fil-passaport, u dan ifisser li, fil-prinċipju, iċ-ċittadin tal-Unjoni huwa l-uniku detentur tax-xbieha tal-marki tas-swaba’ tiegħu. L-imsemmi regolament ma jistax ‒ u dan huwa element essenzjali ‒ iservi ta’ bażi legali għall-kostituzzjoni mill-Istati Membri ta’ databases li jaħżnu din l-informazzjoni (54). Il-perijodu ta’ żmien li matulu x-xbieha tal-marki tas-swaba’ tkun maħżuna fil-passaport jidher li huwa limitat ukoll, peress li jikkorrispondi għall-perijodu ta’ validità tal-passaport.

57.      Fi kwalunkwe każ, il-verifika tal-korrispondenza tal-marki tas-swaba’ ma hijiex sistematika, imma ssir każwalment, pereżempju jekk il-kontroll abbażi tar-ritratt tal-wiċċ biss u tal-elementi inklużi fil-passaport ma jkunx elimina kull dubju dwar l-awtentiċità tal-passaport u/jew tal-identità tad-detentur tiegħu. Id-data ‒ sigura ‒ tinġabar minn persunal ikkwalifikat u awtorizzat (55) u huma biss l-awtoritajiet awtorizzati u li għandhom materjal adegwat li jista’ jkollhom aċċess għall-qari tad-data (56). L-individwu li jkunu tteħdulu u nħażnu l-marki tas-swaba’ tiegħu għandu dritt ta’ verifika, ta’ rettifika u ta’ tħassir (57). Fl-aħħar nett, sabiex jiġu limitati l-inkonvenjenti li jistgħu jirriżultaw mill-imperfezzjonijiet u mil-limiti tal-metodu kif ukoll tat-teknoloġija, huwa previst li “n-nuqqas ta’ taqbil fih innifsu m’għandux jeffettwa l-validità tal-passaport […] għall-iskop tal-qsim tal-fruntieri esterni” (58) u sistema ta’ deroga hija stabbilita għat-tfal ta’ inqas minn 12-il sena, il-persuni fiżikament inkapaċi li jagħtu l-marki tas-swaba’ tagħhom u wkoll il-persuni li fir-rigward tagħhom it-teħid huwa temporanjament impossibbli (59). Billi stabbilixxa dawn id-derogi jew eżenzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb jipproteġi d-dinjità tal-persuni.

58.      Għalhekk huwa minnu li l-identifikazzjoni permezz tal-paragun tal-marki tas-swaba’ hija teknika li għandha limiti u ma nistax ngħid li r-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat stabbilixxa sistema li tippermetti l-esklużjoni, b’mod assolut, ta’ kull riskju, inkluż f’termini ta’ użu frawdolenti u ta’ ffalsifikar. Madankollu, nikkunsidra, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq u tal-prekawzjonijiet li ttieħdu, li l-leġiżlatur ħa l-miżuri kollha sabiex jiggarantixxi, sa fejn huwa possibbli, l-ipproċessar leali u legali tad-data personali meħtieġa għall-ħruġ ta’ passaport. Ma jistax jiġi miċħud li, bl-atteġġament meqjus tiegħu, huwa ħoloq bilanċ bejn l-interessi tal-Unjoni preżenti.

59.      Għaldaqstant, il-preġudizzju li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat joħloq manifestament għad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali għandu jiġi kkunsidrat bħala proporzjonat.

VI – Konklużjoni

60.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domanda preliminari magħmula mill-Verwaltungsgericht Gelsenkirchen:

L-eżami tad-domanda magħmula ma wera l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004, tat-13 ta’ Diċembru 2004, dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 444/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Mejju 2009.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Opinjoni, tat-23 ta’ Marzu 2005, fuq il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sistema ta’ informazzjoni fuq il-viżi (VIS) u l-iskambju tad-data bejn l-Istati Membri fuq il-viżi għal soġġorn qasir (ĠU C 181, p. 13).


3 – ĠU L 153M, p. 375.


4 – ĠU L 142, p. 1.


5 – BGBl. I, p. 2437.


6 – Li jipprovdi li “[i]l-paragrafu 2 m’għandux japplika għad-disposizzjonijiet rigward passaporti, karti ta’ l-identità, permessi ta’ residenza jew xi dokumenti oħra bħalhom […]”. Dan l-artikolu tħassar bit-Trattat ta’ Lisbona.


7 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑137/05, Ġabra p. I‑11593).


8 – Sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 54 u 56). Li l-bażi legali kienet suffiċjenti lanqas ma ġie kkontestat mill-Avukat Ġenerali: ara l-punt 69 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak mogħtija fil-kawża li tat lok għas-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.


9 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑411/06, Ġabra p. I‑7585, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10 – Ara l-premessi 2 u 3 tar-Regolament Nru 2252/2004 u l-premessa 2 tar- Regolament Nru 444/2009. Filwaqt li, skont il-premessa 3 tar-Regolament Nru 2252/2004, l-armonizzazzjoni tal-karatteristiċi ta’ sigurtà hija ppreżentata bħala distinta mill-inklużjoni tal-identifikaturi bijometriċi, il-premessa 4 tal-imsemmi regolament issemmi l-“armonizzazzjoni tal-karatteristiċi ta’ sigurtà inklużi identifikaturi bijometriċi”.


11 – Sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 58).


12 – Ara l-premessa 1 tar-Regolament Nru 2252/2004 u l-premessa 1 tar-Regolament Nru 444/2009.


13 – Ara l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal regolament tal-Kunsill fuq standards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u karatteristiċi bijometriċi f’passaporti taċ-ċittadini tal-UE [COM(2004) 116 finali, tat-18 ta’ Frar 2004, p. 4].


14 – Acquis ta’ Schengen – Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontroll fuq il-fruntieri komuni (ĠU 2000, L 239, p. 19, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Schengen”).


15 – Premessa 4 tar-Regolament Nru 444/2009.


16 – Sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 67).


17 – Ara l-Artikolu 1(2), (2a) u (2b) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat.


18 – Bħad-dritt ta’ verifika kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ ġbir, ta’ żamma u ta’ qari tad-data: ara l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat.


19 – Ara l-Artikolu 1(1) u (2), l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(2), l-Artikolu 4(2) u (3) kif ukoll l-Anness I tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat.


20 – Sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 59).


21 – Ara l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (ĠU L 105, p. 1). Dan l-Artikolu 7 joriġina mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen. Il-Kunsill kien indika li l-Artikolu 62(2)(a) KE kien jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-Artikolu 6 ta’ dik il-konvenzjoni ta’ implementazzjoni [ara l-Anness A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1999, li tiddetermina, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali ta’ kull dispożizzjoni jew deċiżjoni li jikkostitwixxu l-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, p. 17)].


22 – L-esklużjoni tal-karti tal-identità mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2252/2004 tikkonferma konklużjoni bħal din [ara l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 2252/2004, li baqa’ mhux mibdul wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 444/2009].


23 – Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24 – Artikolu 67(1) KE.


25 – Minbarra li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda b’mod ċar u espliċitu l-verżjoni emendata tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet lill-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, li kkonferma li, għalkemm id-deċiżjoni tar-rifjut tal-ħruġ tal-passaport lil M. Schwarz kienet ġiet opposta fl-2007 – jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija verżjoni emendata –, id-dritt rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali huwa, skont ir-regoli ta’ proċedura nazzjonali applikabbli għat-tip ta’ rikors ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju, id-dritt applikabbli fil-mument meta din il-qorti tagħti d-deċiżjoni tagħha.


26 – Ara, fost ġurisprudenza abbundanti, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 1997, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑392/95, Ġabra p. I‑3213, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27 – Ara l-Artikolu 1(2) ta’ din il-proposta għal regolament.


28 – Reżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew fuq il-proposta, ippreżentata mill-Kummissjoni, għal regolament tal-Kunsill [P6_TA(2004)0073].


29 – Skont id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), u l-konstatazzjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem [ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza S. u Marper vs Ir-Renju Unit, tal-4 ta’ Diċembru 2008, rikors Nru 30562/04 u 30566/04 (§ 81)].


30 ?      Biex dak li jkun jiftakar fil-prinċipji ġenerali applikati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’dan ir-rigward, ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza M.K. vs Franza, tat-18 ta’ April 2013, rikors Nru 19522/09 (§ 33 et seq).


31 ?      Rispettivament, l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 95/46.


32 ?      Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46.


33 ?      Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46.


34 ?      Artikolu 22 tad-Direttiva 95/46.


35  ?      Fuq dawn l-eżiġenzi, ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza M.K. vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (§ 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal eżempju ta’ ndħil ikkunsidrat minn din il-qorti bħala mhux previst mil-liġi, ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Shimovolos vs Ir-Russja, tal-21 ta’ Ġunju 2011, rikors Nru 30194/09 (§ 67 et seq)


36 ?      Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konkużjonijiet.


37 ?      Ara l-Artikolu 61 KE.


38 ?      Billi l-perijodu ta’ validità tal-passaport huwa, fil-prinċipju, ta’ għaxar snin, wieħed jista’ faċilment jammetti li, minħabba l-evoluzzjoni potenzjali fid-dehra tad-detentur leġittimu tal-passaport, dan ir-ritratt ma jikkostitwixxix element ta’ kontroll affidabbli ħafna jew, mill-inqas, suffiċjenti.


39 ?      Ir-rata ta’ żball “normali” ġiet stmata, fl-2005, bejn 0.5 % u 1 % (ara l-punt 3.4.3 tal-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tat-23 ta’ Marzu 2005, iċċitata hawn fuq).


40 ?      Artikolu 1(2a)(a) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat.


41 ?      Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, Ġabra p. I‑11063, punt 77).


42 ?      Sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, iċċitata iktar ’il fuq (punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43 ?      Wara li sostna, fin-noti tiegħu, li l-iriskopija kienet tikkostitwixxi miżura li toħloq inqas preġudizzju għad-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta, M. Schwarz ippreċiża l-pożizzjoni tiegħu matul is-seduta u indika lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-uniku metodu bijometriku tollerabbli għall-identifikazzjoni tal-persuni huwa r-ritratt tal-wiċċ. Huwa indika wkoll li, waqt il-kontroll fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, kienet importanti biss il-verifika tan-nazzjonalità tal-persuna u li l-verifika tal-identità kompleta tagħha kienet dispensabbli.


44 ?      M. Schwarz invoka kemm riskji ta’ ġbir mill-falsifikaturi kif ukoll riskji ta’ ġbir mill-Istati terzi li japprofittaw mill-kontroll tal-passaporti fil-fruntieri tagħhom biex jiġbru xbihat ta’ marki tas-swaba’ taċ-ċittadini tal-Unjoni inklużi fil-passaporti biex jagħmlu użu minnhom li ma huwa suġġett għal ebda kontroll.


45 – Ara p. 4 u 8 tal-proposta għal regolament, iċċitata hawn taħt, u l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46 – Ara p. 8 tal-proposta għal regolament, iċċitata hawn taħt.


47 – Ibidem, p. 8.


48 – Opinjoni tat-23 ta’ Marzu 2005, iċċitata hawn taħt; tad-19 ta’ Ottubru 2005 fuq il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II), il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) u l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi (ĠU 2006, C 91, p. 38); tas-27 ta’ Ottubru 2006, dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni dwar il-viżi għall-uffiċċji diplomatiċi u konsulari fir-rigward tal-introduzzjoni tal-bijometriċi inklużi d-dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tar-riċeviment u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-viża (ĠU C 321, p. 38), u tas-26 ta’ Marzu 2008 fuq il-proposta għal Regolament Nru 444/2009 (ĠU C 200, p. 1).


49 – Opinjoni 3/2005 tal-grupp ta’ ħidma fuq il-protezzjoni tad-data, tat-30 ta’ Settembru 2005, fuq l-applikazzjoni tar-regolament [Nru 2252/2004].


50 – Sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical (C‑343/09, Ġabra p. I‑7027, punt 28).


51 – Mingħajr ma jissemma l-fatt li, fi kwalunkwe każ, l-iriskopija lanqas ma għandha rata ta’ żball żero.


52 – Fuq dan il-punt, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali rrepeta, matul is-seduta, il-ħsibijiet espressi mill-Bundesverfassungsgericht fid-deċiżjoni tagħha mogħtija fit-30 ta’ Diċembru 2012 (1BvR 502/09).


53 – Artikolu 4(3).


54 – Ara l-premessa 5 tar-Regolament Nru 444/2009. Jekk l-Istati Membri jagħżlu li jikkostitwixxu din id-database, il-konformità tagħha mad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali tista’ tiġi vverifikata, jekk ikun il-każ, mill-qrati nazzjonali, inklużi dawk kostituzzjonali, kif ukoll mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.


55 – Artikolu 1a tar-Regolament Nru  2252/2004 kif emendat.


56 – Li huma protetti b’kodiċi ta’ infrastruttura pubblika.


57 – Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat.


58 – Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat.


59 – Artikolu 1(2a) u (2b) tar-Regolament Nru 2252/2004 kif emendat.