Language of document : ECLI:EU:T:2006:332

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

24 ta’ Ottubru 2006 (*)

"Dumping – Diski kompatti (compact discs) li wieħed jista’ jirrekordja fuqhom li joriġinaw mit-Tajwan – Determinazzjoni tal-marġini ta’ dumping – Għażla tal-metodu ta’ kalkolu asimetriku – Mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni differenti skond ix-xerrejja, reġjuni jew termini ta’ żmien – Teknika magħrufa bħala ‘zeroing’"

Fil-kawża T‑274/02,

Ritek Corp., stabbilita f’Hsin Chu, Tajwan,

Prodisc Technology Inc., stabbilita f’Taipei Hsien, Tajwan,

inizjalment irrappreżentati minn K. Adamantopoulos, V. Akritidis u D. De Notaris, avukati, wara minn Adamantopoulos u J. Branton, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Marquardt, bħala aġent, u G. Berrisch, avukat,

konvenut,

sostnut mill-

Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. Scharf u S. Meany, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1050/2002, tat-13 ta’ Ġunju 2002, li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u jiġbor definittivament id-dazju pro[v]viżorju impost fuq import[azzjonijiet] ta’ diski kompatti li wieħed jista’ jirrekordja fuqhom li joriġinaw [m]it-Tajwan (ĠU L 160, p. 2),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn M. Vilaras, President, M. E. Martins Ribeiro, F. Dehousse, D. Šváby u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Mejju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 56, 1996, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2238/2000, tad-9 ta’ Ottubru 2000 (ĠU L 257, p. 2, iktar ’il quddiem ir-"regolament bażiku"), jipprovdi li:

"1. Dazju kontra xiri taħt il-prezz jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott mixtri taħt il-prezz li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità tikkawża ħsara.

2. Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala mixtri taħt il-prezz jekk il-prezz ta’ l-esportazzjoni tiegħu għall-Komunità ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur."

2        L-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku jipprovdi li:

"Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ magħmula kemm jista’ jkun kważi fl-istess ħin u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragun tal-prezz. [...]"

3        L-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku jipprovdi li "soġġetti għad-disposizzjonijiet rilevanti li jirregolaw paragun xieraq, l-eżistenza ta’ marġini ta’ bejgħ taħt il-prezz [dumping] matul il-perijodu ta’ investigazzjoni għandha normalment tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ paragun ta’ valur normali medju [mwieżen] ma’ medja peżata [mwieżna] tal-prezzijiet tat-tran[ża]zzjonijiet kollha ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità" (iktar ’il quddiem l-"ewwel metodu simetriku"). Din id-dispożizzjoni tipprovdi, alternattivament, "paragun tal-valuri normali individwali u l-prezzijiet individwali ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità fuq bażi ta’ tran[ża]zzjoni ma tran[ża]zzjoni" (iktar ’il quddiem it-"tieni metodu simetriku"). Din id-dispożizzjoni żżid li, "[m]adanakollu, valur normali stabbilit fuq bażi ta’ medja peżata [mwieżna] jista’ jiġi mqabbel ma’ prezzijiet tat-tran[ża]zzjonijiet individwali kollha ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità, jekk hemm mudell ta’ prezzijiet [għall]-esportazzjoni li ma jaqbilx b’mod sinifikanti fost xerrejja differenti, reġjuni jew termini ta’ żmien differenti, u jekk il-metodi speċifikati fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu ma k[i]nux jirriflettu l-grad sħiħ tal-bejgħ taħt il-prezz ipprattikat" (iktar ’il quddiem il-"metodu asimetriku").

4        L-Artikolu 2(12) tar-regolament bażiku jipprovdi li:

"Il-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz għandu jkun l-ammont li permezz tiegħu il-valur normali jaqbeż il-prezz ta’ l-esportazzjoni. Fejn il-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz ivarjaw, jista’ jiġi stabbilit marġini medju peżat [imwieżen] tal-bejgħ taħt il-prezz."

5        L-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku jittrasponi l-Artikolu 2.4.2 tal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni ta’ l-artikolu VI tal-ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ 1994, fid-dritt Komunitarju (ĠU 1994, L 336, p. 103, iktar ’il quddiem il-"kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994"), li jidher fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU L 336, 1994, p. 3).

6        L-Artikolu 2.4.2 tal-kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994 jgħid hekk:

"Soġġett għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw paragun ġust fil-paragrafu 4, l-eżistenza ta’ marġini [ta’] dumping waqt il-fażi ta’ l-investigazzjoni għandha normalment tiġi stabbilita fuq bażi tal-paragun bejn il-medja stabbilita tal-valur normali u l-medja stabbilita tal-prezzijiet ta’ tran[ż]azzjonijiet ta’ esportazzjoni komparabbli jew permezz ta’ paragun bejn il-valur normali u l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni, [tranżazzjoni bi tranżazzjoni]. Valur normali stabbilit fuq bażi tal-medja stabbilita [j]ista’ [j]itqabbel mal-prezzijiet ta’ tran[ż]azzjonijiet ta’ esportazzjoni individwali jekk l-awtoritajiet isibu [li], [skond il-mudelli tal-prezzijiet tagħhom], il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni [...] huma sinifikament differenti fost il-varji xerrejja, reġjuni jew termini ta’ żmien, u jekk ikun hemm spjegazzjoni dwar għalfejn dawn id-differenzi ma jistgħux jitqiesu kif suppost permezz ta’ l-użu tal-paragun bejn żewġ tran[ż]azzjonijiet ta’ medji stabbiliti."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Ritek Corp. u Prodisc Technology Inc. huma produtturi-esportaturi ta’ diski kompatti li wieħed jista’ jirrekordja fuqhom (iktar ’il quddiem "CD-R"), stabbiliti fit-Tajwan.

8        Wara lment iddepożitat fis-16 ta’ Frar 2001 mill-Committee of CD-R Manufacturers (Kumitat tal-produtturi ta’ CD-R, CECMA), għan-nom tal-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali Komunitarja ta’ CD-R, il-Kummissjoni bdiet proċedura kontra d-dumping, skond l-Artikolu 5 tar-regolament bażiku, fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet ta’ CD-R li joriġinaw mit-Tajwan.

9        L-avviż tal-ftuħ ta’ dik il-proċedura ġie ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-31 ta’ Marzu 2001 (ĠU C 102, p. 2).

10      L-investigazzjoni dwar il-prattiċi tad-dumping u tal-preġudizzju li jirriżulta minnu kien jirrigwarda l-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2000 (iktar ’il quddiem il-"perijodu ta’ investigazzjoni"). L-eżami tat-tendenzi utli għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-preġudizzju kopra l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1997 sa l-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni.

11      Fid-dawl tan numru kbir ta’ produtturi-esportaturi, il-Kummissjoni taħseb sabiex, skond l-Artikolu 17 tar-regolament bażiku, tipproċedi permezz ta’ teħid ta’ kampjuni Hija fl-aħħar nett qieset, fil-kampjun tagħha, ħames produtturi-esportaturi, fosthom ir-rikorrenti.

12      Fis-17 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 2479/2001, li jistabbilixxi dazju prov[v]iżorju kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ CD-R li joriġinaw mit-Tajwan (ĠU L 334, p. 8, iktar ’il quddiem ir-"regolament provviżorju")

13      Fit-18 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni bagħtet żewġ dokumenti lir-rikorrenti, intitolati "specific disclosure document" (dokument ta’ informazzjoni partikolari), fejn informathom bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti xi dazji provviżorji kontra d-dumping.

14      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Jannar 2002, ir-rikorrenti, kif ukoll żewġ produtturi-esportaturi oħra kkonċernati mill-proċedura kontra d-dumping, bagħtu l-kummenti tagħhom fuq ir-regolament provviżorju u fuq id-dokumenti ta’ informazzjoni mibgħuta, lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Diċembru 2001.

15      Fis-26 ta’ Frar 2002, saret laqgħa fis-sede tal-Kummissjoni bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni.

16      Permezz ta’ ittri tal-11 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dokument intitolat "general disclosure document" (dokument ta’ informazzjoni ġenerali) kif ukoll id-dokumenti intitolati "specific disclosure document" (dokument ta’ informazzjoni speċifika) (iktar ’il quddiem, imqegħda flimkien, id-"dokument ta’ informazzjoni finali"), dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li huma l-bażi tal-proposta sabiex jiġu imposti xi dazji definittivi kontra d-dumping. Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti sabiex jibagħtulha l-kummenti tagħhom fuq id-dokument ta’ informazzjoni finali sal-21 ta’ Marzu 2002.

17      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Marzu 2002 ir-rikorrenti, kif ukoll żewġ produtturi-esportaturi kkonċernati mill-proċedura kontra d-dumping, bagħtu l-kummenti tagħhom fuq id-dokument ta’ informazzjoni finali lill-Kummissjoni.

18      Fit-3 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha tar-regolament li jistabbilixxi dazju definittiv kontra d-dumping u li jwassal għal ġbir definittiv tad-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ CD-R li joriġnaw mit-Tajwan [COM (2002) 282 finali, iktar ’il quddiem il-"proposta tar-regolament definittiv"]. Din il-proposta, ippubblikata mill-Kummissjoni fuq is-sit tagħha ta’ l-internet, kienet is-suġġett ta’ informazzjoni sommarja fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 227 E, 2002, p. 362).

19      Fit-13 ta’ Ġunju 2002, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1050/2002 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq import[azzjonijiet] ta’ diski kompatti li wieħed jista’ jirrekordja fuqhom li joriġinaw [m]it-Tajwan (ĠU L 160, p. 2, iktar ’il quddiem ir-"regolament ikkontestat").

20      Fir-regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkunsidra li ż-żewġ kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku kienu sodisfatti (premessi 29 sa 31 tar-regolament ikkontestat). Huwa b’hekk uża dan il-metodu sabiex jikkalkola l-marġini ta’ dumping u, f’dan il-kuntest applika mekkaniżmu ta’ zeroing tal-marġini ta’ dumping negattiv stabbilit. Peress li stabbilixxa l-eżistenza, fir-rigward ta’ kull wieħed mir-rikorrenti, ta’ marġini ta’ dumping uniku ta’ 17,7 % (premessi 34 u 35 ta’ l-istess regolament), kif ukoll ta’ preġudizzju kkawżat minn dak id-dumping, il-Kunsill, b’applikazzjoni tar-regola tad-dazju l-aktar baxxa, impona, fir-rigward ta’ kull wieħed mir-rikorrenti, dazju definittiv kontra d-dumping ta’ l-istess perċentwali (premessa 89 u l-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat).

 Proċedura u konklużjonijiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-6 ta’ Settembru 2002, ir-rikorrenti ressqu din il-kawża.

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-6 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni talbet sabiex tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ digriet tat-23 ta’ Jannar 2003, il-President tar-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ dan l-intervent. Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Jannar 2003, ippreżentata fit-3 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li hija kienet qed tirrinunzja għad-dritt tagħha li tissottometti nota ta’ intervent, iżda li hija kienet ser tieħu sehem fis-seduta.

23      Peress li l-kompożizzjoni ta’ l-awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza ġiet mibdula sa mit-13 ta’ Settembru 2004, l-Imħallef Relatur ġie maħtur bħala President tal-Ħames Awla Estiża, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

24      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tannulla r-regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż.

25      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

 Id-dritt

26      Ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi sabiex isostnu r-rikors tagħhom għal annullament. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 2(10) u (11) tar-regolament bażiku, minħabba l-konstatazzjoni manifestament żbaljata ta’ dumping dirett lejn suq partikolari u ta’ l-applikazzjoni li manifestament mhijiex ġustifikata tal-metodu asimetriku. It-tieni motiv huwa bbażat fuq applikazzjoni taż-zeroing bi ksur ta’ l-Artikolu 2 tar-regolament bażiku.

 Osservazzjonijiet preliminari fuq il-kontestazzjonijiet mill-Kunsill ta’ l-ammissibbiltà tal-motivi ta’ annullament

27      Il-Kunsill jikkontesta l-ammissibbiltà kemm ta’ l-ewwel kif ukoll tat-tieni motiv ta’ annullament. Fil-fatt, permezz ta’ dawn il-motivi, ir-rikorrenti jikkontestaw il-konklużjonijiet provviżorji tal-Kummissjoni u d-dokument ta’ informazzjoni finali. Madankollu, anki jekk huwa eżatt li l-Kummissjoni għandha rwol essenzjali fl-investigazzjonijiet kontra d-dumping, dawn il-konklużjonijiet jkunu rilevanti biss safejn huma integrati fir-regolament definittiv. Ir-rikorrenti kellhom għalhekk jikkontestaw id-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat.

28      Min-naħa l-oħra, il-Kunsill isostni li, għalkemm il-motivi ta’ annulament u, b’mod partikolari, l-ewwel wieħed minn dawn il-motivi, ikun ikkunsidrat bħala ammissibbli mill-Qorti tal-Prim’Istanza, l-allegazzjonijiet li jkunu jinsabu fir-rikors u dawk relatati mat-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku jkunu mingħajr għan, peress li jirrigwardaw biss il-konklużjonijiet esposti mill-Kummissjoni fir-regolament provviżorju u ma jinkludu l-ebda referenza għar-raġunament, ħafna aktar dettaljat, li jinsab fir-regolament ikkontestat.

29      Ir-rikorrenti jsostnu li mir-rikors jirriżulta ċarament li huma qed jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jannullaw ir-regolament adottat mill-Kunsill.

30      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li d-dubji tal-Kunsill diretti formalment kontra l-ammissibbiltà tal-motivi għal annullament ma jqajmux kwistjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ l-imsemmija motivi bħal dawk tar-rilevanza, fir-rigward ta’ l-għan ta’ rikors, tar-raġunament żviluppat f’dawn il-motivi.

31      F’dan ir-rigward, jekk hu veru li r-rikorrenti jindirizzaw il-kritiki tagħhom aktar kontra l-Kummissjoni milli kontra l-Kunsill, u dan b’mod, xi kultant mhux ġustifikat formalment meta huma jirreferu għar-regolament ikkontestat, jibqa’ l-fatt li r-rikors għandu bħala għan l-annullament tar-Regolament Nru 1050/2002 u li huwa l-Kunsill li r-rikorrenti jidentifikaw bħala d-destinatarju finali ta’ l-argumenti tagħhom. F’dan il-każ partikolari, ir-referenza frekwenti li r-rikorrenti jagħmlu għall-Kummissjoni tieħu biss in kunsiderazzjoni, b’mod definittiv, il-fatt – barra minn hekk ammess mill-Kunsill – li l-Kummissjoni hija attriċi essenzjali fil-proċedura kontra d-dumping u li hija din li tipproponi lill-Kunsill it-termini tar-regolament definittiv.

32      Minbarra dan, jirriżulta li r-regolament ikkontestat huwa kkupjat b’mod identiku, mill-Kunsill, mill-proposta tar-regolament definittiv adottata mill-Kummissjoni u, għalhekk, li l-Kunsill limita ruħu li jadotta bħala tiegħu, l-evalwazzjonijiet finali tal-Kummissjoni kkritikati mir-rikorrenti fin-noti tagħhom, mingħajr ma jimmodifikahom.

33      Sussegwentement, ir-rilevanza, fir-rigward tas-suġġett ta’ dan ir-rikors, tar-raġunament żviluppat mir-rikorrenti fil-motivi tagħhom ta’ annullament mhijiex ikkonstestata mill-fatt biss li hija tinkludi r-referenzi frekwenti għall-Kummissjoni u għall-proposta tar-regolament definittiv stabbilita minn dik l-istituzzjoni u l-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kunsill f’dak ir-rigward għandhom ikunu miċħuda.

34      Fir-rigward ta’ l-oġġezzjoni tal-Kunsill, imsemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq, kontra l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar it-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku, hija tqajjem kwistjoni ta’ ammissibbiltà ta’ ċerti lmenti tar-rikorrenti fir-rigward ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u għandha tkun eżaminata fil-kuntest ta’ l-analiżi ta’ l-ewwel motiv ta’ annullament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 2(10) u (11) tar-regolament bażiku, minħabba l-konstatazzjoni manifestament żbaljata ta’ dumping dirett lejn suq partikolari u ta’ l-applikazzjoni manifestament mhux iġġustifikata tal-metodu asimetriku

 L-argumenti tal-partijiet

35      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jallegaw li l-ewwel kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku, fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni differenti skond ix-xerrejja, reġjuni jew it-termini ta’ żmien, jeżiġu l-eżistenza ta’ dumping dirett lejn suq partikolari, jiġifieri, skond huma, trattament intenzjonat mill-esportaturi ta’ ċerti esportazzjonijiet bil-għan li jaħbuhom fost tranżazzjonijiet oħra. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jirrikorru għall-punt 32 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill (C‑76/00 P, Ġabra p. I‑79, I‑84, iktar ’il quddiem is-"sentenza Petrotub"). Sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ differenza fil-mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni skond l-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku, mhuwiex biżżejjed li jiġi stabbilit li l-prezzijiet għall-esportazzjoni jvarjaw b’mod kunsiderevoli skond ix-xerrejja, ir-reġjuni jew it-termini ta’ żmien. Minn barra dan, ikun meħtieġ li jiġi stabbilit li dik il-varjazzjoni tal-prezzijiet tkun preċeduta minn intenzjoni ta’ l-esportatur li jaħbi l-prattiċi tiegħu ta’ dumping.

36      Madankollu, fil-premessa 30 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill jillimita ruħu li jikkonstata d-differenza importanti fil-prezzijiet għall-esportazzjoni bejn l-ewwel u t-tieni nofs tal-perijodu ta’ investigazzjoni. Huwa ma jikkunsidrax neċessarju li jistaqsi lilu nnifsu dwar ir-raġuni ta’ differenza bħal din u għalhekk dwar il-kwistjoni jekk tkunx intenzjonata.

37      Iżda, kieku l-Kunsill kien aċċetta li jieħu in kunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-prezz mondjali tal-prodott ikkonċernat, kien jasal għall-konklużjoni li l-waqa’ fil-prezzijiet tar-rikorrenti għall-esportazzjoni lejn il-Komunità matul it-tieni nofs tal-perijodu ta’ investigazzjoni ma kinitx intenzjonata, iżda kienet biss issegwi l-evoluzzjoni ta’ l-imsemmija prezzijiet. Għalhekk, skond ir-rikorrenti, ma kienx hemm differenza fil-mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni skond l-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku.

38      Barra minn hekk, huwa żbaljat li jiġi kkunsidrat li l-ewwel metodu simetriku ma jippermettix li tiġi riflessa l-portata reali tad-dumping. Il-fatt, għall-Kummissjoni, li ma jiġix ikkunsidrat l-ewwel metodu simetriku kien ikollu bħala konsegwenza li jiżdied il-marġini ta’ dumping. Madankollu, dik iż-żieda ma timplika bl-ebda mod, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni fir-regolament provviżorju, li l-portata reali tad-dumping tirriżulta minnha. Ikun pjuttost l-applikazzjoni taż-zeroing flimkien mal-metodu asimetriku li jikkrea differenza f’dak li jirrigwarda l-marġini ta’ dumping, u mhux l-eżistenza taċ-ċirkustanzi speċjali li tiġġustifika l-użu tal-metodu asimetriku.

39      Fir-risposta tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw il-fatt li t-tieni metodu simetriku huwa, fil-preżenza ta’ ħafna tranżazzjonijiet, ta’ applikazzjoni diffiċli jew sors arbitrarju. Huma jżidu jgħidu li kien ikun rilevanti għall-istituzzjonijiet li jkunu jafu r-raġuni ta’ l-eżistenza ta’ differenza fil-mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni, bil-għan ta’ l-evoluzzjoni tal-prezzijiet mondjali, u li jispjegaw għaliex il-metodi simetriċi ma setgħux jintużaw biex tiġi analizzata s-sitwazzjoni li rriżultat mill-eżistenza ta’ dik id-differenza. Madankollu, fir-regolament ikkontestat, dik l-ispjegazzjoni kienet insuffiċjenti peress li hija ma kinitx ittrattat it-tendenzi tal-prezzijiet mondjali b’mod adegwat.

40      Minn barra dan, ir-rikorrenti jikkritikaw il-pożizzjoni tal-Kunsill esposta fir-risposta tad-difiża, li tgħid li d-differenza ta’ żewġ punti ta’ perċentwali li jisseparaw il-marġini ta’ dumping li skond dawn huma kkalkolati għall-għajnuna ta’ l-ewwel metodu simetriku jew tal-metodu asimetriku jkun ikkunsidrat bħala kunsiderevoli meta dawn il-marġini huma ta’ 4 % u ta’ 6 %, filwaqt li ma jkunx hekk meta dawk il-marġini jkunu ta’ 52 % u ta’ 54 %. Dan il-metodu ta’ paragun tar-riżultati li joħorġu mill-imsemmi metodi ma jiġix dedott mir-regolament bażiku u kellu jkun spjegat b’mod ċar mill-istituzzjonijiet minn qabel.

41      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jqisu li, fid-dawl tan-numru sostanzjali tat-tranżazzjonijiet bid-dumping imwettqa fl-ewwel nofs tal-perijodu ta’ investigazzjoni, ma kienx ikun hemm differenza ċara bejn dak l-ewwel nofs u t-tieni nofs tal-perijodu ta’ investigazzjoni b’mod li ma setgħetx tiġi konkluża l-eżistenza ta’ differenza fil-mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni, skond l-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku.

42      Il-Kunsill jirrispondi li l-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku jeżiġi biss, abbażi ta’ l-ewwel kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku, l-eżistenza ta’ mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni differenti skond ix-xerrejja, reġjuni jew termini ta’ żmien u li dan il-kunċett huwa purament oġġettiv. Minn barra dan, il-kunċett ta’ intenzjoni jkun, in ġenerali, estranju għal-leġiżlazzjoni kontra d-dumping. Bl-ebda mod ma jkun meħtieġ, fir-regolament bażiku, li l-istituzzjonijiet juru l-intenzjoni li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping jew dik ta’ preġudizzju. Fl-aħħar nett, ma jagħmilx differenza li, fil-kuntest tal-kalkolu tad-dumping, ikun magħruf x’inhuma l-fatturi li influwenzaw il-prezzijiet applikati fis-suq intern ta’ l-esportatur u fis-suq Komunitarju. Peress li r-raġunament wara l-metodu asimetriku huwa li tintwera l-portata reali tad-dumping ipprattikat, ikun illoġiku li jiġu mfittxija l-kawżi tad-differenza fil-mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni. Dan ikun in kontradizzjoni mal-loġika tad-dispożittiv kollu u bl-istess finalità tal-metodu asimetriku.

43      Madankollu, dan ma jfissirx li roħs fil-prezzijiet fuq il-livell mondjali ma jiġix ikkunsidrat fil-kuntest ta’ investigazzjoni kontra d-dumping. Din tista’ tkun evalwata abbażi ta’ fatturi oħra, kif kien il-każ f’dan il-każ partikolari, fil-kuntest ta’ l-analiżi tal-preġudizzju subit u tar-rabta kawżali.

44      Il-Kunsill isostni li, fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma jikkontestaw, il-konklużjonijiet li wasal għalihom, fil-premessa 30 tar-regolament ikkontestat, li l-fatt li l-prezzijiet għall-esportazzjoni kienu kunsiderevolment aktar baxxi fit-tieni nofs tal-perijodu ta’ investigazzjoni kien jikkostitwixxi "mudell ta’ prezzijiet [għall]-esportazzjoni" skond l-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku. Huwa biss fir-replika li r-rikorrenti jikkontestaw dawn il-konklużjonijiet għar-raġuni allegata li ċerti bejgħ għall-esportazzjoni mwettqa fl-ewwel nofs tal-perijodu ta’ investigazzjoni xorta kienu l-oġġett ta’ dumping. Madankollu, il-Kunsill josserva li, kif irrilevat il-premessa 28 tar-regolament ikkontestat, ir-rikorrenti ammettew, fis-seduta, li l-prezzijiet għall-esportazzjoni jvarja ħafna minn perijodu għall-ieħor. Peress li din l-ammissjoni ma ġietx ikkontestata fir-rikors, l-allegazzjoni tar-rikorrenti għandha, ta’ l-inqas għal dik ir-raġuni, tiġi miċħuda.

45      Minn barra dan, dik l-allegazzjoni hija bla bażi peress li, ir-rikorrenti ma jispeċifikawx liema esportazzjonijiet ma kinux l-oġġett ta’ dumping u ma jispjegawx għaliex dawk it-tranżazzjonijiet iqegħdu fid-dubju l-eżistenza ta’ mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni differenti skond termini ta’ żmien. Fl-aħħar nett, anki jekk ċerti tranżazzjonijiet ta’ l-ewwel nofs tal-perijodu ta’ investigazzjoni kienu wkoll l-oġġett ta’ dumping, dan kien jeżisti anki meta jkun hemm mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni differenti skond it-termini ta’ żmien. L-ebda element tar-regolament bażiku ma jsostni l-ipoteżi li ma jkunx hemm mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni differenti minn perijodu għal ieħor ħlief jekk it-tranżazzjonijiet kollha ta’ l-istess perijodu jobdu l-istess mudell. Għall-kuntrarju, l-użu tal-kelma "mudell" tindika li, jekk il-prezzijiet għandhom isegwu l-istess tendenza, madankollu jistgħu jeżistu tranżazzjonijiet li ma jaqgħux f’dik l-iskema. Il-Kunsill ifakkar li bbaża l-konklużjoni tiegħu fuq il-fatt li l-prezzijiet kienu kjarament inqas (xi drabi ta’ iktar minn 50 %) fit-tieni nofs tal-perijodu ta’ investigazzjoni. Kienu ġew eżaminati, total ta’ 2 305 esportazzjoni għaż-żewġ rikorrenti. Fid-dawl ta’ dan in-numru kunsiderevoli ta’ tranżazzjonijiet, peress li t-tranżazzjonijiet rari ma jikkorrispondux għat-tabella ġenerali, huma ma jpoġġux fid-dubju l-konklużjoni li jeżisti mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni differenti skond it-termini ta’ żmien.

46      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku, ir-rikorrenti jittrattawha biss fil-qosor, u jirreferu biss għall-konklużjonijiet provviżorji tal-Kummissjoni. Madankollu, ir-raġunament segwit fil-premessa 31 tar-regolament ikkontestat huwa differenti u aktar dettaljat minn dak segwit fil-premessa 29 tar-regolament provviżorju.

47      Fir-rigward tal-kontestazzjoni mir-rikorrenti tal-metodu ta’ paragun tar-riżultati li joħorġu mill-ewwel metodu simetriku u mill-metodu asimetriku, il-Kunsill jirrispondi li dik il-kontestazzjoni tinjora d-diskrezzjoni wiesgħa mogħtija lill-istituzzjonijiet fil-kuntest tar-regolament bażiku. Minn barra dan, meta huma jeżerċitaw il-marġini wiesa’ ta’ diskrezzjoni tagħhom, l-istituzzjonijiet ma jkunux marbuta jispjegaw fid-dettall u bil-quddiem il-kriterji li jkollhom l-intenzjoni li japplikaw f’kull sitwazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jinvokaw ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża.

48      Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li l-Kunsill ma kienx, peress li naqas milli jieħu in kunsiderazzjoni, b’mod adegwat, l-evoluzzjoni tal-prezzijiet mondjali, spjega suffiċjentement kif il-metodi simetriċi ma jippermettux li tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-eżistenza ta’ mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni differenti skond it-termini ta’ żmien, din l-istituzzjoni tirrispondi li l-ispjegazzjoni speċifika meħtieġa mill-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku u mill-Artikolu 2.4.2 tal-kodiċi kontra d-dumping, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku, tirrigwarda l-punt dwar jekk il-metodi simetriċi jippermettux li tiġi riflessa l-portata reali tad-dumping. Madankollu, il-Kunsill, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li wasslet għall-kawża li tat lok għas-sentenza Petrotub, kien ta spjegazzjoni bħal din fir-rigward tal-metodi simetriċi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

49      Mill-kliem ta’ l-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku jirriżulta li r-rikors mill-istituzzjonijiet Komunitarji għall-metodu asimetriku sabiex jiġi kkalkolat il-marġini ta’ dumping jippresupponi li żewġ kundizzjonijiet huma sodisfatti. Minn naħa, il-mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni għandu jvarja kunsiderevolment bejn ix-xerrejja, ir-reġjuni u t-termini ta’ żmien differenti. Min-naħa l-oħra, il-metodi simetriċi m’għandhomx jippermettu li jiġi rifless il-portata reali tad-dumping ipprattikat.

50      Għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-kundizzjoni marbuta ma’ l-eżistenza ta’ differenza fil-mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk, kif essenzjalment isostnu r-rikorrenti, il-Kunsill stabbilixxiex l-eżistenza ta’ differenza bħal din bi ksur tar-regolament bażiku.

51      Il-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat relatata ma’ dik l-ewwel kundizzjoni tidher, fit-termini segwenti, fil-premessa 30 ta’ dak ir-regolament:

"Rigward l-ewwel ħtieġa, instab li prezzijiet ta’ esportazzjoni kienu sinifikament iqsar matul it-tieni nofs tal-perjodu ta’ investigazzjoni meta paragunati ma[‘] l-ewwel nofs u din is-sejba ma k[i]nitx miftiehma mill-produtturi esportaturi konċernati. Madankollu, ikkontestaw jekk id-differenza fi prezzijiet k[i]nitx tikkostitwixxi mudell, li huma allegaw li kien ir-riżultat ta’ waqgħa mad-dinja kollha fi prezzijiet inkluż valuri normali. Kien [ik]kunsidrat li d-deklin [l-waqgħa] fi prezzijiet ta’ esportazzjoni ikkostitwixxa mudell għal żewġ raġunijiet: L-ewwel, minħabba li d-deklin [l-waqgħa] ipprevala matul it-tieni nofs tal-perjodu ta’ investigazzjoni; u t-tieni, minħabba fil-kobor tiegħu, li nstab li huwa sostanzjali ħafna u f’xi każijiet laħaq il 50%. Rigward id-dikjarazzjoni li d-differenzi fi prezzijiet ta’ esportazzjoni kienu minħabba f’xejriet mad-dinja kollha fi prezzijiet inkluż valuri normali, dan kien ikkunsidrat irrilevanti minħabba li l-analiżi xierqa trid issir fuq prezzijiet ta’ esportazzjoni lill-Komunità. Ġie notat ukoll li l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku jeħtieġ turija ta’ mudell ta’ prezzijiet ta’ esportazzjoni u mhux spjega ta’ għaliex dan il-mudell eżista."

52      L-ilment essenzjali tar-rikorrenti, ibbażat fuq l-allegat fatt li l-Kunsill illegalment ikkonstata l-eżistenza ta’ mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni differenti skond it-termini ta’ żmien mingħajr ma stabbilixxa l-eżistenza ta’ intenzjoni min-naħa tagħhom li jaħbu l-prattiċi tad-dumping, jeħtieġ li jiġi miċħud.

53      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li r-referenza magħmula mir-rikorrenti għall-punt 32 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fis-sentenza Petrotub, punt 35 supra, mhijiex iġġustifikata. Fil-fatt, dak il-punt jittratta biss l-argumenti tal-kumpannija Petrotub. Min-naħa l-oħra, fl-evalwazzjoni tiegħu, esposta fil-punti 58 et seq tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali ma jissuġġerix li tkun meħtieġa l-prova ta’ intenzjoni ta’ l-esportatur li jaħbi d-dumping sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni differenti skond ix-xerrejja, ir-reġjuni jew it-termini ta’ żmien, skond l-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku.

54      Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-funzjoni tal-metodu asimetriku huwa li juri l-livell ta’ dumping ipprattikat fil-każijiet fejn tkun xi tkun il-kawża tkun ġiet ikkostatata differenza fil-mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni, u ż-żewġ metodi l-oħra ma jaslux għal dan. Il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni differenti skond ix-xerrejja, reġjuni jew termini ta’ żmien hija kwistjoni purament oġġettiva u għaldaqstant, ftit li xejn hija importanti l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ intenzjoni frawdolenti fl-oriġini ta’ dik is-sitwazzjoni. Li tiġi meħtieġa l-prova ta’ intenzjoni twassal sabiex jiġi evitat ir-rikors għall-metodu asimetriku f’każijiet fejn dak il-metodu jkun madankollu l-uniku li juri l-portata reali tad-dumping ipprattikat u, għalhekk, li jiġi evitat, permezz tal-fissazzjoni ta’ kundizzjoni mhux prevista mill-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku, il-funzjonament korrett ta’ dik id-dispożizzjoni.

55      Dawn il-kunsiderazzjonijiet bl-ebda mod ma jeskludu l-fatt li d-dumping jista’ jkun att konxju, suxxettibbli għal tentattivi ta’ ħabi, u, għalhekk, lanqas jeskludu li l-mudell ta’ prezzijiet differenti għall-esportazzjoni ikkonstatati jista’ jirriżulta minn manuvri min-naħa ta’ l-esportaturi. Xorta jibqa’ l-fatt li xejn ma juri, għall-kuntrarju, li l-metodu asimetriku kien previst biss sabiex jikkumbatti l-każijiet ta’ ħabi intenzjonat tad-dumping. Kif jirrileva l-Kunsill, l-użu tal-metodu asimetriku ma jiddependix mill-konstatazzjoni mill-istituzzjonijiet ta’ intenzjoni li jinħeba d-dumping, iżda jiddependi biss mill-konstatazzjoni li l-użu tal-metodi simetriċi jkollu l-effett li "jaħbi" teknikament, jew inkella li "jgħatti" (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1987, NTN Toyo Bearing et vs Il-Kunsill, 240/84, Ġabra p. 1809, punt 23, u Nippon Seiko vs Il-Kunsill, 258/84, Ġabra p. 1923, punt 25), il-portata reali tad-dumping, jiġifieri ma jippermettix li din tiġi evalwata korrettament.

56      Il-Qorti tal-Ġustizzja min-naħa l-oħra kellha l-okkażjoni li tikkonferma dan, f’kawża fejn l-esportatur akkuża lill-Kunsill li applika l-metodu asimetriku mingħajr ma stabbilixxa l-eżistenza ta’ intenzjoni frawdolenti min-naħa tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet li "[l]-argument [...] li jikkonsisti f’li jiġi sostnut li l-applikazzjoni tal-metodu [asimetriku] ma [kinitx] iġġustifikata ħlief meta l-esportatur [kien] misjub ħati tal-manuvri intiżi biex jaħbu d-dumping, ma jistax jiġi milqugħ", peress li, "jekk dan il-metodu [kien] adegwat sabiex jittratta manuvri bħal dawk, l-adozzjoni tiegħu, madankollu, bl-ebda mod ma [kienet] limitata għal każijiet biss fejn tali imġiba [kienet] ġiet ikkonstatata mill-istituzzjonijiet" (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Minolta Camera vs Il-Kunsill, C‑178/87, Ġabra p. I‑1577, punt 42; ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Mischo fis-sentenza Minolta Camera vs Il-Kunsill, iċċitat iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑1603, punti 53 sa 55) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

57      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-eżistenza ta’ mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni differenti skond ix-xerrejja, reġjuni jew termini ta’ żmien, l-ewwel kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku, bl-ebda mod ma hija suġġetta għall-ifformular ta’ intenzjoni, min-naħa ta’ l-esportaturi, ta’ ħabi ta’ dumping.

58      Din il-kunsiderazzjoni hija, minbarra dan, korraborata mill-fatt li l-kunċett ta’ l-intenzjoni huwa, b’mod ġenerali, estranju għal-leġiżlazzjoni kontra d-dumping. Fil-fatt, bl-ebda mod ma huwa meħtieġ, fir-regolament bażiku, li l-istituzzjonijiet iressqu l-prova ta’ intenzjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping jew dik ta’ dannu.

59      F’dan ir-rigward, u b’mod aktar ġenerali, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-konstatazzjoni ta’ dumping, l-ewwel stadju fl-eżami tal-kwistjoni dwar jekk jeħtieġx li jiġi impost dazju kontra d-dumping, hija bbażata fuq paragun purament oġġettiv bejn il-valur normali u l-prezzijiet għall-esportazzjoni. Dan il-paragun, imwettaq skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2 tar-regolament bażiku, huwa bbażat fuq l-eżami taċ-ċifri tal-kotba tal-kontijiet u dawk ekonomiċi ta’ l-impriżi kkonċernati u bl-ebda mod ma jinvolvi riċerka tal-kawżi tal-livell tal-prezzijiet interni u tal-livell tal-prezzijiet għall-esportazzjoni. Kif isostni l-Kunsill, ir-raġunijiet li għalihom esportatur seta’ jiġi mġiegħel ibiegħ fis-suq intern tiegħu bi prezzijiet aktar baxxi għall-prezz tal-produzzjoni, jew li jbiegħ fil-Komunità bi prezzijiet aktar baxxi mill-valur normali, huma indifferenti għall-kalkolu tad-dumping. Għalhekk, l-esportatur ma jistax jistenna, kif essenzjalment isostnu r-rikorrenti, li għandhom jinżammu l-prezzijiet interni realment mitluba u mhux il-valur normali stabbilit, għar-raġuni li l-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-kompetituri ġġiegħel lil dan l-esportatur ibiegħ fis-suq intern tiegħu taħt l-ispejjeż tal-produzzjoni. Lanqas ma tista’ tiġi kkontesta l-eżistenza ta’ dumping għar-raġuni li l-livell tal-prezzijiet fil-Komunità kien iwassal biex l-esportazzjoni ssir taħt il-valur normali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Ajinomoto u The NutraSweet Company vs Il-Kunsill, T‑159/94 u T‑160/94, Ġabra p. II 2461, punti 126 sa 129).

60      Konsegwentement, peress li fil-premessa 30 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill ġustament jirrileva li r-rikorrenti ma jikkontestawx li l-prezzijiet għall-esportazzjoni differenti skond it-termini ta’ żmien kienu kunsiderevolment aktar baxxi fit-tieni nofs tal-perijodu ta’ investigazzjoni meta mqabbla ma’ l-ewwel nofs tagħha, huwa seta’ jistabbilixxi l-eżistenza ta’ mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni, skond l-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku, u jiċħad l-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti f’dan ir-rigward, ibbażati, essenzjalment, fuq il-fatt li dan il-livell baxx kien ikkawżat mill-waqgħa fil-livelli mondjali u mhux minn intenzjoni min-naħa tagħhom.

61      Għall-istess raġunijiet, huwa żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li l-ispjegazzjonijiet mogħtija fir-regolament ikkontestat huma insuffiċjenti għar-raġuni li l-Kunsill ma kienx ħa in kunsiderazzjoni b’mod adegwat l-evoluzzjoni tal-prezzijiet mondjali.

62      Fir-rigward ta’ l-argumenti tar-rikorrenti dwar numru sostanzjali allegat ta’ esportazzjonijiet imwettqa bid-dumping fl-ewwel nofs tal-perijodu ta’ investigazzjoni u għan-natura ta’ ċiklu ta’ l-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta’ CD-R, jeħtieġ li jiġu esklużi. Fil-fatt, l-ewwel wieħed minn dawn l-argumenti, mressqa biss fl-istadju tar-replika u li baqa’ ma ġiex sostnut, bl-ebda mod ma jqiegħed fid-dubju l-konstatazzjoni magħmula mill-Kunsill, fil-premessa 30 tar-regolament ikkontestat, u mhux ikkontestata, ta’ waqgħa fil-prezzijiet għall-esportazzjoni lejn il-Komunità bejn l-ewwel u t-tieni nofs tal-perijodu ta’ investigazzjoni, konstatazzjoni li fuqa dik l-istituzzjoni bbażata ruħha sabiex tikkonkludi għall-eżistenza ta’ mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni differenti skond it-termini ta’ żmien. It-tieni argument, imqajjem fl-istadju tas-seduta, lanqas mhuwa sostnut u, fi kwalunkwe każ, imur kontra l-fatt li l-prezzijiet għall-esportazzjoni ma ġewx varjati b’mod ċikliku fil-perijodu ta’ investigazzjoni, iżda sempliċement waqgħu f’dak il-perijodu.

63      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li kull ma għamlu kien li għaddew mill-varjazzjoni fil-prezzijiet mondjali u għalhekk ma kinux responsabbli għal-livell tal-prezzijiet tagħhom għall-esportazzjoni lejn il-Komunità hija, probabbilment kontradittorja minħabba l-fatt, rilevat fil-premessa 64 tar-regolament ikkontestat, u mhux ikkontestat b’mod serju f’dan ir-rikors, li l-provvista żejda fil-livell mondjali ġiet ikkawżata, ta’ l-inqas parzjalment, mill-imġiba stess tar-rikorrenti, li kienet tikkonsisti fiż-żieda kbira tal-kapaċitajiet tagħhom ta’ produzzjoni b’mod li l-perspettivi tal-prezz tas-suq kienu sfavorevoli.

64      Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur, fir-regolament ikkontestat, ta’ l-ewwel kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku, dwar l-eżistenza ta’ differenza fil-mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni skond l-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku, għandu jiġi miċħud.

65      Fit-tieni lok jeħtieġ li tiġi eżaminata t-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku, dwar l-inkapaċità tal-metodi simetriċi sabiex juru l-portata reali tad-dumping.

66      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, fis-sentenza Petrotub, punt 35 supra (punti 58 u 60), il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li l-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku ma jispeċifikax espressament obbligu fuq l-istituzzjonijiet li jipprovdu, f’każ ta’ użu tal-metodu asimetriku, spjegazzjoni dwar it-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ dak il-metodu, madankollu ddeċidiet "li regolament tal-Kunsill li jimponi dazji definittivi kontra d-dumping billi jagħmel użu mill-metodu asimetriku għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġini ta’ dumping [għandu], skond il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu [253 KE], jinkludi b’mod partikolari l-ispjegazzjoni speċifika prevista mill-Artikolu 2.4.2 tal-kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994".

67      F’dan ir-rigward, fil-premessi 29 u 31 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill ipprovda l-ispjegazzjoni segwenti.

68      L-ewwel nett, fir-rigward tat-tieni metodu simetriku, il-Kunsill "[in]nota li l-Komunità ma tużax din il-metodoloġija minħabba li l-proċess ta’ għażla ta’ tran[ż]azzjonijiet individwali sabiex isir paragun [tranżazzjoni bi tranżazzjoni] huwa meqjus imprattikabbli u arbitrarju wisq, għall-inqas f’każijiet bħal d[a]n, fejn eluf ta’ tran[ż]azzjonijiet ta’ esportazzjoni u domestiċi eżistew". Il-Kunsill ikkonkluda li "[it-tieni metodu simetriku] ma jistax ikun metodu ta’ paragun alternattiv xieraq" (premessa 29 tar-regolament ikkontestat).

69      Sussegwentement, fir-rigward ta’ l-ewwel metodu simetriku, il-Kunsill indika li "l-applikazzjoni ta[l-]metodoloġija [asimetrika] tat marġini ta’ fqigħ tas-suq [dumping] sinifikament aktar għoli minn [dak li jirriżulta minn] paragun ta’ valur normali medju mwieżen ma’ prezzijiet ta’ esportazzjoni medju mwieżna, li ma jqisux l-effett tad-deklin [waqgħa] sinifikanti ta’ prezzijiet ta’ esportazzjoni fil-Komunità matul it-tieni nofs tal-[perijodu ta’ investigazzjoni]". Konsegwentement, il-Kunsill kompla jgħid li, "[kieku ma kienx irrikorra għal] paragun ta’ valur normali medju mwieżen ma’ prezzijiet tat-tran[ż]azzjonijiet individwali kollha ta’ esportazzjoni [j]kun intuża, id-dumping sinifikament aktar għoli jew immirat li seħħ matul it-tieni nofs tal-perijodu ta’ investigazzjoni kien ikun moħbi b’mod mhux xieraq permezz ta’ l-użu ta’ paragun ta’ valur normali medju mwieżen ma’ prezzijiet ta’ esportazzjoni medju mwieżna". Bl-istess mod, il-Kunsill żied jgħid, li "[k]ien ukoll xieraq li jiġi rifless fil-kalkolu ta’ fqigħ tas-suq [dumping], permezz ta’ paragun ta’ valur normali medju mwieżen ma’ prezzijiet tat-tran[ż]azzjonijiet individwali kollha ta’ esportazzjoni, il-fatt li prezzijiet ta’ esportazzjoni fit-tieni nofs tal-perjodu ta’ investigazzjoni kienu ’l isfel mill-ispiża ta’ produzzjoni u għalhekk ikkostitwixxew forma predatorja ta’ fqigħ tas-suq [dumping]" (premessa 31 tar-regolament ikkontestat).

70      Peress li ġew imsemmija dawn il-motivi relatati mat-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva, bħall-Kunsill, li l-ewwel motiv tar-rikors jinvoka din it-tieni kundizzjoni fil-qosor u parzjalment biss, u, barra minn dan, fir-rigward biss tal-motivazzjoni li tinsab fir-regolament provviżorju.

71      B’hekk, fil-punt 25(ii) tar-rikors, ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li saret fl-istadju tar-regolament provviżorju, u li tistabbilixxi li l-ewwel metodu simetriku ma kienx jippermetti li tiġi riflessa l-portata reali tad-dumping. F’dan il-kuntest ir-rikorrenti bl-ebda mod ma jinvokaw it-tieni metodu simetriku.

72      Wara li ġie espost l-ewwel motiv ta’ annullament, fil-punti 29 sa 33 tar-rikors, iddedikat għal kontestazzjoni tal-miżuri definittivi adottati mill-Kunsill, ir-rikorrenti ma jerġgħux jirreferu għat-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku, u huwa għalhekk li l-motivazzjoni li tidher fil-premessi 29 u 31 tar-regolament ikkontestat, motivazzjoni li saret sussegwentement għall-kritiki tar-rikorrenti fl-istadju tar-regolament provviżorju, hija fl-istess waqt ġdida (ara l-premessa 29 tar-regolament ikkontestat) u aktar ċirkustanzjat (ara l-premessa 31 ta’ l-istess regolament) mill-motivazzjoni kontenuta fil-premessa 29 tar-regolament provviżorju. Ir-rikorrenti jikkonċentraw il-kontestazzjoni tagħhom biss fuq l-ewwel kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku, li tirrigwarda l-eżistenza ta’ mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni differenti skond ix-xerrejja, reġjuni jew termini ta’ żmien.

73      Fi kliem ieħor u bla ħsara għall-kontestazzjonijiet esposti iktar ’il quddiem fil-punti 76 et seq, l-ewwel motiv ippreżentat mir-rikorrenti fir-rikors tagħhom ma jinkludix, essenzjalment, kontestazzjoni tal-legalità tal-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat fir-rigward tat-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku. Minn barra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li din il-kontesstazzjoni ma tidhirx fil-parti tar-rikors iddedikat għat-tieni motiv ta’ annullament, li jikkonċerna l-legalità ta’ zeroing fil-kuntest tal-metodu asimetriku. Fis-seduta, ir-rikorrenti essenzjalment ikkonfermaw quddiem il-Qorti ta’ Prim’Istanza li r-rikors tagħhom ma kienx jinkludi kontestazzjoni bħal din.

74      Huwa biss fl-istadju tar-replika li r-rikorrenti kkontestaw, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-legalità tal-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat fir-rigward tat-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku.

75      Madankollu, ilmenti bħal dawn, li jirrigwardaw il-fatt li t-tieni metodu simetriku jista’, anki fil-każ ta’ eluf ta’ tranżazzjonijiet, jiġi implementat faċilment, mhumiex ibbażati fuq elementi ġodda li jirriżultaw waqt il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u ma jikkostitwixxux twessiegħ ta’ lment imsemmi qabel fir-rikors jew li jippreżenta rabta stretta ma’ dan ta’ l-aħħar. Dawn l-ilmenti, li konsegwentement, jammontaw għal ilmenti ġodda, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T‑231/99, Ġabra p. II‑2085, punti 156 sa 158, u tat-28 ta’ Novembru 2002, Scan Office Design vs Il-Kummissjoni, T‑40/01, Ġabra p. II‑5043, punt 96).

76      Madankollu u kif jirriżulta mill-punt 73 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li ċerti kontestazzjonijiet dwar il-legalità tal-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat fir-rigward tat-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku għandhom jiġu eżaminati fil-fond.

77      B’hekk l-ilment imsemmi fil-punt 25(ii) tar-rikors u li, essenzjalment, il-ksib ta’ marġini ta’ dumping aktar għoli bil-metodu asimetriku milli bl-ewwel metodu simetriku ma jwassalx għall-konklużjoni li l-metodu asimetriku jirrefletti aħjar il-portata reali tad-dumping mhux totalment irrilevanti fir-rigward tar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, għalkemm dan l-ilment ma ġiex espress fir-rikors, ħlief fir-rigward tar-regolament provviżorju u li r-regolament ikkontestat jinkludi, fil-premessa 31 tiegħu, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku, motivazzjoni ħafna aktar ċirkustanzjata mir-regolament provviżorju, jibqa’ l-fatt li, fil-premessa 31 tiegħu, il-Kunsill kompla jirreferi, b’mod partikolari, għad-differenza kkonstatata bejn il-marġini ta’ dumping ikkalkulat skond il-metodu asimetriku u dak ikkalkolat skond l-ewwel metodu simetriku. Isegwi li dan l-ilment, imqajjem mir-rikorrenti kontra l-motivazzjoni tar-regolament provviżorju, japplika wkoll kontra r-regolament definittiv.

78      Barra minn hekk, ċerti argumenti mqajma biss fir-replika għandhom ikunu kkunsidrati wkoll bħala ammissibbli, peress li hemm rabta stretta li torbothom ma’ l-ilment imsemmi iktar ’il fuq, li kkostitwixxew l-iżvilupp tiegħu.

79      Ċerti argumenti addizzjonali jikkonsistu fi kritika mir-rikorrenti ta’ ċerti pożizzjonijiet tal-Kunsill espressi fir-risposta tad-difiża, li jistabbilixxu li differenza ta’ żewġ punti ta’ perċentwali li jisseparaw il-marġini ta’ dumping skond kif jiirriżultaw mill-ewwel metodu simetriku jew mill-metodu asimetriku hija kunsiderevoli meta dawn il-marġini jkunu ta’ 4 % u ta’ 6 %, filwaqt li dan ma jkunx il-każ meta dawn il-marġini jkunu ta’ 52 % u ta’ 54 %. Skond ir-rikorrenti, dan il-metodu ta’ paragun tar-riżultati li jirriżulta mill-ewwel metodu simetriku u mill-metodu asimetriku ma jirriżultax mir-regolament bażiku u kellu jkun spjegat b’mod ċar minn qabel mill-istituzzjonijiet.

80      L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom diskrezzjoni wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Lulju 1998, Thai Bicycle Industry vs Il-Kunsill, T‑118/96, Ġabra p. II‑2991, punt 32; ta’ l-4 ta’ Lulju 2002, Arne Mathisen vs Il-Kunsill, T‑340/99, Ġabra p. II‑2905, punt 53, u tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T‑35/01, Ġabra p. II‑3663, punt 48; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza NTN Toyo Bearing et vs Il-Kunsill, punt 55 supra, punt 19, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Jannar 1998, Sinochem vs Il-Kunsill, T‑97/95, Ġabra p. II‑85, punt 51). 

81      Minn dan isegwi li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ l-Imħallef Komunitarju dwar l-evalwazzjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika ta’ l-osservanza tar-Regoli tal-Proċedura, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti applikati għall-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball ċar fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja NTN Toyo Bearing et vs Il-Kunsill, punt 55 supra, punt 19, u tat-22 ta’ Ottubru 1991, Nölle, C‑16/90, Ġabra p. I‑5163, punt 12; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 1995, Ferchimex vs Il-Kunsill, T‑164/94, Ġabra p. II‑2681, punt 67; Thai Bicycle Industry vs Il-Kunsill, punt 80 supra, punt 33; Arne Mathisen vs Il-Kunsill, punt 80 supra, punt 54, u Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, punt 80 supra, punt 49).

82      Madankollu, l-implementazzjoni mill-istituzzjonijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku u, b’mod partikolari, tat-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku, dwar l-inkapaċità tal-metodi simetriċi li jagħtu kont tal-portata reali tad-dumping ippratikat, tinvolvi, min-naħa ta’ dawn l-istituzzjonijiet, evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

83      Minn barra dan, jekk it-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku ma jipprovdix ċertament għall-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-marġini ta’ dumping li jasal għar-riżultat l-aktar għoli, iżda għal dik tal-metodu li jirrefletti l-portata reali tad-dumping ipprattikat, il-metodu asimetriku, sakemm jinkludi ż-zeroing deskritt fil-punt 97 iktar ’l isfel, ma jwassalx aktar, meta ċerti operazzjonijiet ta’ esportazzjoni jkunu twettqu mingħajr dumping, għal marġini ta’ dumping għola minn dak li jirriżulta mill-ewwel metodu simetriku (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fis-sentenza Petrotub, punt 35 supra, punti 8 sa 15). B’hekk, il-kisba, skond il-metodu asimetriku, ta’ marġini ta’ dumping għola minn dak li jirriżulta mill-ewwel metodu simetriku essenzjalment juri l-eżistenza, ma’ ġenb it-tranżazzjonijiet imwettqa bi prezz ta’ dumping, ta’ tranżazzjonijiet imwettqa mingħajr dumping. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-fatt ta’ kisba ta’ marġini ta’ dumping għola skond il-metodu asimetriku meta mqabbel ma’ dak miksub skond l-ewwel metodu simetriku mhux nieqes minn rilevanza sabiex jiġi ddeterminat jekk dan il-metodu ta’ l-aħħar jippermettix li tiġi murija l-portata reali tad-dumping ipprattikat.

84      Madankollu, mir-regolament ikkontestat jirriżulta, kif spjegat mid-dokument ta’ informazzjoni finali li, fir-rigward ta’ Ritek, il-marġini ta’ dumping ikkalkulati skond dawk iż-żewġ metodi jvarjaw mis-sempliċi għal doppju (7.16 % skond l-ewwel metodu simetriku u 15.28 % skond il-metodu asimetriku) u li, fir-rigward ta’ Prodisc Technology, huma jvarjaw il-prezzijiet bi kważi sitt punti ta’ perċentwali (21.15 % skond l-ewwel metodu simetriku u 26.98 % skond il-metodu asimetriku). Minn barra dan, mill-premessa 31 tar-regolament ikkontestat essenzjalment jirriżulta li, minħabba l-waqgħa kunsiderevoli tagħhom, il-prezzijiet għall-esportazzjoni kienu, fit-tieni nofs tal-perijodu ta’ investigazzjoni, inqas mill-ispejjeż tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat u b’dan il-mod ammontaw għal forma ta’ dumping partikolarment gravi.

85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kunsill ma wettaqx żball ċar ta’ evalwazzjoni, fil-premessa 31 tar-regolament ikkontestat, meta qies li użu ta’ l-ewwel metodu simetriku kien ikollu bħala effett li jiġi mgħotti, b’mod mhux xieraq, id-dumping kunsiderevolment aktar għoli jew selettiv li seħħ fit-tieni nofs tal-perijodu ta’ investigazzjoni u meta ddeċieda li jippreferi l-metodu asimetriku għal dan il-metodu.

86      Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti, li l-metodu ta’ paragun tal-margini tad-dumping li rriżulta mill-ewwel metodu simetriku u mill-metodu asimetriku segwit mill-istituzzjonijiet u spjegat fir-risposta ma kienx ġie deskritt bil-quddiem u lanqas ippubblikat, jeħtieġ li jiġi eskluż. Fil-fatt, meta huma jużaw il-marġini ta’ evalwazzjoni li jagħtihom ir-regolament bażiku, l-istituzzjonijiet mhumiex marbuta jispjegaw fid-dettall u bil-quddiem il-kriterji li huma għandhom l-intenzjoni li japplikaw f’kull sitwazzjoni, anki fil-każ fejn huma jimponu għażliet ġodda ta’ prinċipju (ara s-sentenza Thai Bicycle Industry vs Il-Kunsill, punt 80 supra, punt 68, u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Konsegwentement, l-ilmenti tar-rikorrenti dwar it-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku għandhom jiġu miċħuda, għal parti, bħala inammissibbli u, għal parti oħra, bħala infondati.

88      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv ta’ annullament huwa miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni taż-zeroing bi ksur ta’ l-Artikolu 2 tar-regolament bażiku

 L-argumenti tal-partijiet

89      Fit-tieni motiv tagħhom ta’ annullament, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu, li huwa żbalja li f’dan il-każ partikolari l-Kunsill juża ż-zeroing.

90      Huma jallegaw li dan il-mekkaniżmu ġie kkundannat mill-Appellate Body ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fir-rapport tiegħu ta’ l-1 ta’ Marzu 2001 (WT/DS141/AB/R) (iktar ’il quddiem ir-"rapport ‘bjankerija tas-sodda’"), mogħti fil-kawża WTS/DS141 "Komunitajiet Ewropej – dazji kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ bjankerija tas-sodda tal-qoton provenjenti mill-Indja" (iktar ’il quddiem il-"kawża ‘bjankerija tas-sodda’").

91      Skond ir-rikorrenti, dik il-kundanna ma tiswix biss fil-kuntest partikolari tal-kawża "bjankerija tas-sodda" (applikazzjoni taż-zeroing bejn mudelli u fil-kuntest ta’ l-ewwel metodu simetriku), iżda wkoll f’dan il-każ partikolari (applikazzjoni taż-zeroing fil-livell ta’ kull paragun individwali u fil-kuntest tal-metodu asimetriku). Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, la l-Artikolu 2.4.2 tal-kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994 u lanqas l-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku ma jippermettu li tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni taż-zeroing, kemm jekk il-prezz għall-esportazzjoni jkun ikkunsidrat bħala medju mwieżen tat-tranżazzjonijiet kollha komparabbli u kemm jekk ikun ikkunsidrat individwalment għal kull tranżazzjoni. Skond ir-rikorrenti, id-distorsjoni tal-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet individwali ta’ esportazzjoni tikser il-"prinċipju tal-paragun ġust" fil-kuntest tal-metodu asimetriku, u dan b’mod aktar flagranti milli fil-kawża "bjankerija tas-sodda", li fiha l-prezzijiet għall-esportazzjoni tal-mudelli differenti kienu kkunsidrati bħala li jagħtu medju mwieżen.

92      Ir-rikorrenti jsostnu li ż-zeroing mhuwiex l-unika teknika li tippermetti li tiġi rimedjata sitwazzjoni ta’ dumping dirett lejn suq partikolari. Huma kienu pproponew lill-Kummissjoni soluzzjonijiet alternattivi għall-metodu asimetriku biż-zeroing sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-allegat dumping dirett lejn suq partikolari. B’hekk, huma kienu ssuġġerew ir-rikors għal applikazzjoni mħallta ta’ l-ewwel metodu simetriku u tat-tieni metodu simetriku jew tal-metodu asimetriku mal-metodu simetriku. Madankollu, il-Kunsill kien injora dawn l-argumenti.

93      Il-Kunsill jirrispondi li r-rapport "bjankerija tas-sodda" mhuwiex rilevanti, peress li huwa jkopri l-mekkaniżmu taż-zeroing bejn mudelli, mekkaniżmu li l-istituzzjonijiet kienu jippratikaw fil-passat, fil-kuntest ta’ l-ewwel metodu simetriku u mingħajr ma tiġi stabbilita minn qabel l-eżistenza ta’ mudell differenti ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni. Dan ir-rapport jittratta sitwazzjoni differenti minn dik in kwistjoni f’dan il-każ partikolari, li fiha ż-zeroing ġie applikat fil-livell ta’ kull paragun individwali fil-kuntest tal-metodu asimetriku, fil-preżenza ta’ mudell differenti ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni.

94      Il-Kunsill iżid jgħid li, meta mqabbel ma’ l-ewwel metodu simetriku, il-metodu asimetriku ma jagħmilx sens ħlief jekk jiġi applikat ż-zeroing. Fil-fatt, mingħajr dan il-mekkaniżmu, dan il-metodu, matematikament, iwassal għall-istess riżultat bħall-ewwel metodu simetriku u ma jippermettix li jiġi evitat li l-esportazzjonijiet li ma jkunux suġġetti għal dumping jaħbu lil dawk li jkunu suġġetti għalih.

95      Huwa jsostni li f’dan il-każ partikolari, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, fil-paraguni individwali bejn kull prezz għall-esportazzjoni u l-valur normali, huwa ma naqqasx il-prezz għall-esportazzjoni għal-livell tal-valur normali meta dan il-prezz kien jaqbeż dak il-valur. Kuntrarjament, huwa fir-rigward tal-prezz reali ta’ kull esportazzjoni individwali li l-paragun mal-valur normali medju kien ġie applikat. Huwa biss il-marġini ta’ dumping li jirriżulta minn dan il-paragun bejn il-prezz għall-esportazzjoni u l-valur normali li, jekk kien meħtieġ, kien jiġi pprattikat iż-zeroing, sabiex, preċiżament, jiġi evitat li dak il-marġini, meta kien negattiv u għalhekk kien jikkorrispondi għall-esportazzjoni mwettqa mingħajr dumping, ma jkollux l-effett li jaħbi l-portata reali tad-dumping ipprattikat x’imkien ieħor. Skond il-Kunsill, hemmhekk ma kien hemm xejn arbitrarju u lanqas żlejali.

96      Fir-rigward tal-proposti ta’ metodi oħra possibbli magħmula mir-rikorrenti, il-Kunsill jiddikjara li ħadhom in kunsiderazzjoni, iżda ġew imwarrba minħabba n-numru kbir ta’ tranżazzjonijiet in kwistjoni. Minn barra dan, ir-regolament bażiku ma jaħsibx għall-possibbiltà li jiġu mħallta żewġ metodi ta’ kalkolu tal-marġini ta’ dumping.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

97      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi deskritt il-mekkaniżmu ta’ zeroing. Iż-zeroing huwa l-proċess li permezz tiegħu marġini ta’ dumping ta’ ammont negattiv, sinjal ta’ bejgħ għall-esportazzjoni magħmul bi prezz għola mill-valur normali, huwa mnaqqas għal żero bil-għan li jiġi evitat l-effett li jgħatti, li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ dak il-marġini ta’ dumping negattiv ikollu fuq dumping pożittiv li ġie, barra minn hekk, ikkonstatat. Kif żvela l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza Petrotub, punt 35 supra (punt 16), għalkemm iż-zeroing ma kienx imsemmi fil-kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994 u fir-regolament bażiku, huwa abitwalment użat mill-pajjiżi importaturi u mill-unjonijiet doganali, fosthom il-Komunità Ewropea.

98      Fir-rigward tar-rapport "bjankerija tas-sodda" u mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi mwieġba d-domanda dwar jekk il-qorti Komunitarja hijiex marbuta mir-rakkomandazzjonijiet u mid-deċiżjonijiet kontenuti fir-rapporti ta’ l-organizzazzjoni li tirregola l-organi varji stabbiliti fil-kuntest tal-WTO, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li t-teżi tar-rikorrenti, li din is-soluzzjoni pprovduta f’dan ir-rapport xorta tapplika fir-rigward taż-zeroing ipprattikat fil-kuntest tal-metodu asimetriku, hija żbaljata.

99      F’dan ir-rapport, l-Appellate Body tal-WTO ibbaża l-kundanna tiegħu ta’ zeroing bejn mudelli fl-ewwel metodu simetriku essenzjalment fuq il-kliem tal-parti ta’ l-Artikolu 2.4.2 tal-kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994 dwar dak l-ewwel metodu. B’hekk, fil-punt 55 tar-rapport "bjankerija tas-sodda", l-Appellate Body fakkar li "[s]kond dan il-metodu, l-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni għandhom iqabblu l-valur normali medju mwieżen u l-medju mwieżen tal-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet kollha għall-esportazzjoni komparabbli" u l-Appellate Body insista partikolarment fuq il-kelma "kollha". Huwa minħabba l-preżenza ta’ din il-kelma li huwa kkunsidra li ż-zeroing, li, skond hu, ma jippermettix li jittieħdu in kunsiderazzjoni kif suppost il-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet kollha għall-esportazzjoni, ma kienx applikabbli fil-kuntest ta’ l-ewwel metodu simetriku.

100    Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li, fir-rigward tal-metodu asimetriku, l-Artikolu 2.4.2 tal-kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994 bl-ebda mod ma jipprovdi għal paragun tal-valur normali medju mwieżen bl-esportazzjonijiet kollha individwali, iżda jipprovdi li dan il-valur normali "[j]ista’ [j]itqabbel mal-prezzijiet ta’ tran[ż]azzjonijiet ta’ esportazzjoni individwali". Ir-raġunament ta’ l-Appellate Body, ipprovdut fir-rigward ta’ l-ewwel metodu simetriku, għalhekk mhux applikabbli għall-metodu asimetriku. Għall-kuntrarju, ir-raġunament ta’ l-Appellate Body, żviluppat b’emfasi fuq il-kelma "kollha", jissuġġerixxi, pjuttost għall-kuntrarju, li fil-kuntest tal-metodu asimetriku, għażla ta’ l-esportazzjonijiet sabiex jiġu mqabbla mal-valur normali tista’ ssir mill-awtoritajiet tal-pajjiż importatur.

101    Huwa wara kollox dak li jissuġġerixxi l-Avukat Ġeneral Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza Petrotub, punt 35 supra (punt 11). Huwa wkoll dak li jsostni l-Kunsill fir-risposta tad-difiża tiegħu, fejn huwa essenzjalment jgħid li kif jirriżulta mill-kliem ta’ l-Artikolu 2.4.2 tal-kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994 fir-rigward tal-metodu asimetriku, hemm żewġ modi ta’ kif wieħed jipproċedi fil-kuntest ta’ dan il-metodu li jistgħu jiġu previsiti mill-istituzzjonijiet Komunitarji: jew għażla ta’ esportazzjonijiet individwali sabiex jiġu mqabbla mal-valur normali medju mwieżen u, għalhekk, esklużjoni pura u sempliċi ta’ ċerti esportazzjonijiet (dawk imwettqa mingħajr dumping) minn dak il-paragun, jew it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-esportazzjonijiet kollha fil-kuntest ta’ dan il-paragun, iżda wara li jsir iż-zeroing tal-marġini ta’ dumping individwali negattivi, sabiex jiġi evitat, preċiżament, li dawn il-marġini ma jgħattux id-dumping magħmul b’dan il-mod. Il-Kunsill isostni li huwa dan it-tieni mod, inqas sever għall-esportaturi, li finalment ġie meqjus mill-istituzzjonijiet fit-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 2.4.2 tal-kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994 fid-dritt Komunitarju. Huwa jispjega li huwa għall-fini li tiġi espressa l-għażla li ma ssirx l-esklużjoni ta’ ċerti esportazzjonijiet li t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku tipprovdi, fir-rigward tal-metodu asimetriku, li l-valur normali medju mwieżen huwa "mqabbel ma’ prezzijiet tat-tran[ża]zzjonijiet individwali kollha ta’ l-esportazzjonijiet".

102    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din l-ispjegazzjoni tal-Kunsill hija preċiża. Fil-fatt, fit-traspożizzjoni tal-kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994 fid-dritt Komunitarju, iż-zeroing kien użat mill-istituzzjonijiet Komunitarji, u dan mhux biss fil-metodu asimetriku, iżda wkoll fl-ewwel metodu simetriku. Għalhekk, l-inklużjoni tal-kelma "kollha" fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku, inklużjoni li min-naħa l-oħra bl-ebda mod ma kienet meħtieġa mill-kliem tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 2.4.2 tal-kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994, ma setgħetx tesprimi deċiżjoni ta’ l-istituzzjonijiet li ma jużawx aktar iż-zeroing fil-metodu asimetriku. Din l-inklużjoni setgħet tesprimi biss, kif spjega l-Kunsill fl-atti tiegħu u kif ikkonfermat fis-seduta, l-għażla ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji li ma jeskludux ċerti esportazzjonijiet individwali mill-paragun magħmul fil-kuntest tal-metodu asimetriku.

103    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li la l-kliem ta’ l-Artikolu 2.4.2 tal-kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994, interpretat fid-dawl tar-rapport "bjankerija tas-sodda", u lanqas dik ta’ l-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku ma jipprojbixxu l-użu taż-zeroing fil-kuntest tal-metodu asimetriku.

104    Minn barra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li l-Appellate Body tal-WTO ħa ħsieb, b’mod partikolari fil-punti 46, 47 u 66 tar-rapport "bjankerija tas-sodda", li jippreċiża li l-eżami tiegħu u r-rapport li jittratta l-kwistjoni dwar jekk il-metodu ta’ zeroing, "kif ġie applikat mill-Komunitajiet Ewropej fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni kontra d-dumping in kwistjoni f’din il-kawża", huwa kompatibbli ma’ l-Artikolu 2.4.2 tal-kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994. Dan jikkostitwixxi indiċi supplimentari li l-Appellate Body tal-WTO ma riedx jestendi l-portata tar-rapport tiegħu lil hinn mill-ewwel metodu simetriku.

105    Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-referenza applikata mill-Appellate Body tal-WTO, fl-aħħar tal-punt 55 tar-rapport "bjankerija tas-sodda", għall-karattru inġust ta’ paragun li ma jiħux in kunsiderazzjoni t-tranżazzjonijiet kollha ta’ l-esportazzjoni komparabbli, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dik ir-referenza, minkejja l-ġeneralità apparenti tagħha, ma tistax, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, tiġi interpretata bħala kundanna taż-zeroing fil-kuntesti kollha.

106    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ir-rapport "bjankerija tas-sodda" jittratta biss iż-zeroing bejn mudelli fil-kuntest ta’ l-ewwel metodu simetriku u ma jistax ikun ikkunsidrat bħala li pprovda għal dan il-mekkaniżmu anki meta huwa użat fil-kuntest tal-metodu asimetriku.

107    Għalhekk, kif ġie stabbilit mill-Appellate Body tal-WTO, jekk seta’ effettivament ikun kontra l-Artikolu 2.4.2 tal-kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994 u inġust li jiġi ppratikat iż-zeroing bejn il-mudelli fil-kuntest ta’ l-ewwel metodu simetriku u, li apparti dan huwa, fin-nuqqas ta’ mudell differenti ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni, min-naħa l-oħra, la huwa kuntrarju għal dik id-dispożizzjoni u għall-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku, u lanqas mhuwa inġust, skond l-Artikolu 2(10), ta’ l-istess regolament, li jiġi pprattikat iż-zeroing fil-kuntest tal-metodu asimetriku, meta ż-żewġ kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan il-metodu jkunu sodisfatti.

108    Minn dan isegwi li huwa żbaljat li r-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq ir-rapport "bjankerija tas-sodda" u jagħmlu referenza, fl-atti tagħhom, għaż-zeroing bejn mudelli fil-kuntest tal-metodu simetriku, sabiex jikkritikaw l-applikazzjoni mill-Kunsill, fir-regolament ikkontestat, taż-zeroing fil-kuntest tal-metodu asimetriku.

109    Fi kwalunkwe każ u kif sostna l-Kunsill fl-atti tiegħu, iż-zeroing jirriżulta matematikament neċessarju sabiex, fir-rigward tar-riżultati tiegħu, issir distinzjoni bejn il-metodu asimetriku u l-ewwel metodu simetriku. Fil-fatt, jekk dan it-tnaqqis ma jsirx, il-metodu asimetriku jwassal dejjem għall-istess riżultat bħall-ewwel metodu simetriku (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fis-sentenza Petrotub, punt 35 supra, punti 8 sa 15).

110    Minn barra dan, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, iż-zeroing fil-kuntest tal-metodu asimetriku, kif ippratikat f’dan il-każ partikolari, ma kkonsistiex fid-distorsjoni tal-prezz tat-tranżazzjonijiet għall-esportazzjoni individwali. Kull tranżazzjoni għall-esportazzjoni ttieħdet in kunsiderazzjoni mill-Kunsill għall-ammont reali tagħha fil-paragun mal-valur normali. Huwa biss fil-każijiet fejn il-marġini ta’ dumping li joħroġ minn dan il-paragun individwali jirriżulta negattiv li dan il-marġini ġie mnaqqas għal żero sabiex jiġi evitat li jiġi moħbi d-dumping barra minn hekk ikkonstatat.

111    Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li dan iż-zeroing mhuwiex l-uniku mod li bih jittieħdu in kunsiderazzjoni sitwazzjonijiet ta’ dumping dirett lejn suq partikolari u li huma pproponew lill-Kummissjoni soluzzjonijiet oħra possibbli li ġew injorati, jiġifieri applikazzjoni mħallta ta’ metodi simetriċi jew tal-metodu asimetriku ma’ metodu simetriku, jeħtieġ li jiġi miċħud.

112    Minn naħa, permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti jieħdu in kunsiderazzjoni xi alternattivi li huma kienu pproponew lill-Kummissjoni. Huma ma jallegawx li l-istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidew li japplikaw il-metodu asimetriku minflok dawn l-alternattivi.

113    Min-naħa l-oħra, il-perspettiva ta’ applikazzjoni mħallta tal-metodi msemmija fl-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku ma tikkorrispondix, fi kwalunkwe każ, għas-sistema implementata minn din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, dan l-artikolu jipprovdi, għall-kalkolu tal-marġini ta’ dumping, l-applikazzjoni ta’ wieħed minn tliet metodi possibbli, li tnejn minnhom – il-metodi simetriċi –jikkostitwixxu l-metodi normali u l-ieħor – il-metodu asimetriku – jikkostitwixxi metodu eċċezzjonali. Il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ mudell ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni differenti skond it-termini ta’ żmien, ix-xerrejja jew ir-reġjuni hija biss waħda mill-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-metodu asimetriku. Għalhekk, l-iffissar ta’ din il-kundizzjoni bl-ebda mod m’għandu l-għan li jippermetti lill-istituzzjonijiet sabiex tqassar il-perijodu ta’ investigazzjoni skond it-termini ta’ żmien, ix-xerrejja jew ir-reġjuni, għall-finijiet ta’ applikazzjoni mħallta, skond dawn it-termini ta’ żmien, xerrejja jew reġjuni, ta’ metodu ta’ kalkolu ma’ metodu ieħor. Għalhekk, fi kwalunkwe każ, l-istituzzjonijiet ma jistgħux jħalltu l-applikazzjoni tal-metodi ta’ kalkolu tal-marġini ta’ dumping.

114    Konsegwentement, jeħtieġ li t-tieni motiv jiġi miċħud bħala infondat.

115    Peress li ż-żewġ motivi ta’ annullament ġew miċħuda, jeħtieġ li r-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

116    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kunsill f’dan is-sens.

117    Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(4), l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, ibatu l-ispejjeż tagħhom. Il-Kummissjoni, li interveniet in sostenn tal-Kunsill, għandha għalhekk tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ritek Corp. u Prodisc Technology Inc. huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-Kunsill.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Vilaras

Martins Ribeiro

Dehousse

Šváby

 

      Jürimäe

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-24 ta’ Ottubru 2006.

E. Coulon

 

       M. Vilaras

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.