Language of document : ECLI:EU:C:2023:191

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fid‑9 ta’ Marzu 2023 (1)

Kawża C142/22

OE

vs

The Minister for Justice and Equality

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 27 – Regola tal-ispeċjalità – Prosekuzzjoni għal reat mwettaq qabel il-konsenja minbarra dak li għalih ġiet ikkonsenjata l-persuna – Kunsens tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Mandat ta’ arrest Ewropew invalidu – Konsegwenzi tat-talba għal kunsens – Kwistjoni deċiża definittivament fid-deċiżjoni ta’ konsenja”






I.      Introduzzjoni

1.        L-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (3), jistabbilixxi r-regola tal-ispeċjalità li abbażi tagħha persuna li tkun ġiet ikkonsenjata ma tistax tkun suġġetta għal prosekuzzjoni, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih tkun ġiet ikkonsenjata.

2.        Mill-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li r-regola tal-ispeċjalità prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma tapplikax meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tkun ikkonsenjat il-persuna kkonċernata tagħti l-kunsens tagħha, skont il-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, sabiex il-persuna tkun suġġetta għal prosekuzzjoni, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih tkun ġiet ikkonsenjata.

3.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari essenzjalment tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi jekk il-konstatazzjoni li mandat ta’ arrest Ewropew, li abbażi tiegħu persuna tkun ġiet ikkonsenjata, ikun inħareġ minn awtorità li ma tikkostitwixxix “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u għalhekk kellu jitqies invalidu minħabba din ir-raġuni hijiex ta’ natura li tostakola lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli tagħti l-kunsens tagħha meta tirċievi talba għal kunsens sabiex tawtorizza lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti sabiex jipproċedu kontra jew jikkundannaw lil dik il-persuna għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih tkun ġiet ikkonsenjata.

4.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun li tali motiv ta’ invalidità ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma huwiex ta’ natura li jostakola lil din l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli tagħti l-kunsens mitlub.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

5.        Fil-kuntest ta’ din il-kawża huma rilevanti l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 6(1) u (2), l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

B.      Iddritt Irlandiż

6.        Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ġiet trasposta fid-dritt Irlandiż permezz tal-European Arrest Warrant Act 2003 (il-Liġi tal‑2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew), kif emendata.

7.        L-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi jipprovdi, b’mod partikolari, id-definizzjonijiet li ġejjin:

–        “awtorità ġudizzjarja” għandha tfisser “l-Imħallef, il-maġistrat jew kwalunkwe persuna oħra awtorizzata mil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat biex twettaq funzjonijiet identiċi jew simili għal dawk imwettqa minn qorti f’dan l-Istat skont l-Artikolu 33”. Is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) tippreċiża li għandha l-funzjoni li toħroġ il-mandati ta’ arrest Ewropej;

–        “awtorità ġudizzjarja emittenti” għandha tfisser “l-awtorità ġudizzjarja fl-Istat emittenti li ħarġet il-mandat rilevanti kkonċernat”, u

–        “Stat Membru emittenti” għandu jfisser “Stat Membru […] fejn awtorità ġudizzjarja tkun ħarġet dan il-mandat ta’ arrest Ewropew”.

8.        L-Artikolu 22 tal-Liġi tal‑2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew, kif issostitwit bl-Artikolu 80 tal-Criminal Justice (Terrorist Offences) Act 2005 (il-Liġi tal‑2005 dwar il-Ġustizzja Kriminali (Reati Terroristiċi)), jipprevedi, fil-paragrafu 7 tiegħu, li:

“Il-High Court [il-Qorti Għolja, l-Irlanda] tista’, fil-każ ta’ persuna li ġiet ikkonsenjata lil Stat Membru emittenti skont din il-liġi, tagħti l-kunsens tagħha sabiex

(a)      jinbdew proċeduri kontra dik il-persuna fl-Istat Membru emittenti għal reat,

(b)      tiġi imposta fl-Istat Membru emittenti piena, inkluża piena li tirrestrinġi l-libertà tal-persuna, minħabba reat, jew

(c)      jinbdew proċeduri kontra dik il-persuna jew id-detenzjoni tagħha fl-Istat Membru li ħareġ il-Mandat sabiex tiġi nfurzata sentenza jew ordni ta’ detenzjoni wara reat,

malli tirċievi t-talba bil-miktub mill-Istat Membru emittenti li jkun ħareġ il-Mandat għal dak il-għan.”

9.        L-Artikolu 22(8) tal-Liġi tal‑2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew, kif issostitwit bl-Artiklu 15 tal-European Arrest Warrant (Application to Third Countries and Amendment) and Extradition (Amendment) Act 2012 (il-Liġi tal‑2012 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew) (Emenda fir-rigward tal-Applikazzjoni għall-Pajjiżi Terzi) u l-Konsenja (Emenda)) jipprovdi illi l-kunsens imsemmi fl-Artikolu 22(7) tal-Liġi tal‑2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew ma għandux jingħata jekk ir-reat ikkonċernat ikun reat li għalih persuna ma setgħetx, taħt it-Taqsima 3 ta’ din il-liġi, tiġi kkonsenjata. Din it-Taqsima 3 fiha dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali, il-korrispondenza, il-kriminalità doppja, il-prosekuzzjoni tal-persuna rikjesta fit-territorju tal-Istat abbażi tal-istess fatti allegati, l-età tar-responsabbiltà kriminali, l-extraterritorjalità u l-proċessi in absentia.

III. Ilfatti talkawża prinċipali u ddomandi preliminari

10.      Matul l‑2016, OE kien suġġett għal tliet mandati ta’ arrest Ewropej, fejn tnejn minnhom inħarġu mill-Uffiċċju tal-Prosekutur f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) u t-tielet wieħed inħareġ minn dipartiment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Nazzjonali Olandiż. L-imsemmija mandati kienu għall-konsenja ta’ OE għal skopijiet ta’ prosekuzzjoni għal sensiela ta’ reati relatati, b’mod partikolari, ma’ ħasil ta’ flus, vjolenza u attentat ta’ qtil.

11.      Peress li l-oġġezzjonijiet imqajma minn OE ġew miċħuda mill-High Court (il-Qorti Għolja) u OE ma appellax mis-sentenza mogħtija minn din tal-aħħar, huwa ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet Olandiżi fl‑2017. Huwa paċifiku li l-ebda waħda minn dawn l-oġġezzjonijiet ma kienet tirrigwarda l-fatt li l-mandati ta’ arrest Ewropej kienu nħarġu minn prosekuturi. Sussegwentement, OE ġie kkundannat għal 18‑il sena priġunerija, li bħalissa għadu jservi fil-Pajjiżi l-Baxxi.

12.      Fl‑1 ta’ Mejju 2019, il-Prosekutur Nazzjonali Olandiż bagħat lill-High Court (il-Qorti Għolja), bħala awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, talba għal kunsens, kif previst fl-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, bi ħsieb li jinbdew proċeduri kontra OE għal reati mwettqa qabel il-konsenja tiegħu, minbarra dawk li għalih kien ġie kkonsenjat. Din it-talba tressqet quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja) fit‑23 ta’ Lulju 2019. OE ġie ġġudikat, misjub ħati u kkundannat għal għomru l-ħabs għal akkużi ġodda, iżda l-kunsens tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni huwa neċessarju sabiex il-piena l-ġdida li ċċaħħad il-libertà tkun eżegwibbli.

13.      Madankollu, din it-talba għal kunsens ġiet irtirata wara l-għoti tas-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (4), li minnha jirriżulta li uffiċċji tal-prosekuturi ta’ Stat Membru li huma esposti għar-riskju li jkunu suġġetti, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew istruzzjonijiet individwali mill-poter eżekuttiv fil-kuntest tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal‑Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

14.      Sussegwentement, tressqet talba oħra għal kunsens quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), iżda din id-darba minn qorti istruttorja f’Amsterdam.

15.      OE oppona din it-talba ta’ quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja) billi sostna li l-awtoritajiet li ħarġu l-mandati ta’ arrest Ewropej ma kinux jikkostitwixxu “awtoritajiet ġudizzjarji emittenti”, fis-sens tal‑Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li OE ma jikkontestax il-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet Olandiżi skont dawk il-mandati ta’ arrest Ewropej, iżda jqis li l-kunsens għall-prosekuzzjoni ta’ reati minbarra dawk li għalihom kien ġie kkonsenjat ma jistax jingħata meta l-mandati ta’ arrest Ewropej inizjali ma kinux inħarġu validament minn awtorità ġudizzjarja emittenti.

16.      Billi qieset li d-deċiżjoni dwar il-konsenja tiegħu kellha l-awtorità ta’ res judicata, il-High Court (il-Qorti Għolja) ċaħdet ir-rikors ta’ OE. Dan tal-aħħar appella quddiem il-Qorti tal-Appell (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda).

17.      Sadanittant, fl‑24 ta’ Novembru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja tat, fir-rigward tal-Prosekutur Olandiż, is-sentenza Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti) (5), li tgħid li l-Artikolu 6(2) kif ukoll l-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prosekutur ta’ Stat Membru li, filwaqt li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, jista’ jirċievi, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa deċiżjonali tiegħu, istruzzjoni individwali mill-poter eżekuttiv, ma jikkostitwixxix “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens ta’ dawk id-dispożizzjonijiet (6).

18.      Il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) ċaħdet ir-rikors ta’ OE billi qieset, konformement mal-argument imressaq mill-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, l-Irlanda, iktar ’il quddiem il-“Ministru”), li kien neċessarju li tiġi applikata r-regola proċedurali nazzjonali dwar il-prinċipju ta’ estoppel, li kienet tipprekludi kemm kontestazzjoni diretta tad-digriet ta’ konsenja tal-High Court (il-Qorti Għolja) kif ukoll kontestazzjoni inċidentali ta’ dak id-digriet (7). F’dan ir-rigward, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) ibbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi enfasizzat, mingħajr preġudizzju għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività li l-ksur tagħhom ma ġiex allegat fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-importanza tal-prinċipju li jgħid li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi, wara li jintużaw ir-rimedji ġudizzjarji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors, ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati (8).

19.      Fit‑22 ta’ Settembru 2021, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) laqgħet talba għal appell.

20.      Skont din il-qorti, OE jirrikonoxxi li d-deċiżjoni tal‑2017 li tordna l-konsenja tiegħu għandha, skont id-dritt Olandiż, l-awtorità ta’ res judicata u li d-dritt tal-Unjoni ma jirrikjedix li din id-deċiżjoni tiġi kkontestata. L-oġġezzjoni prinċipali tiegħu għall-għoti tal-kunsens hija bbażata fuq ir-rekwiżiti legali li jirregolaw il-proċedura ta’ kunsens. Fil-fatt, skont l-Artikolu 22(7) tal-Liġi tal‑2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew, it-talba għal kunsens għandha titressaq mill-“Istat emittenti”, li ġie mfisser bħala l-Istat li “l-awtorità ġudizzjarja” tiegħu ħarġet il-mandat ta’ arrest Ewropew inizjali. Issa, OE isostni li, billi l-prosekuturi li ħarġu l-mandat ta’ arrest Ewropew inizjali ma kinux jikkostitwixxu, skont id-dritt tal-Unjoni, “awtoritajiet ġudizzjarji”, jirriżulta li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jistax jitqies bħala l-“Istat emittenti”.

21.      Min-naħa l-oħra, il-Ministru kompla jsostni quddiem il-qorti tar-rinviju li kull kwistjoni li setgħet tqajmet dwar il-possibilità li l-prosekuturi Olandiżi jaġixxu bħala awtoritajiet ġudizzjarji emittenti ta’ mandati ta’ arrest Ewropej għandha titqies li ġiet deċiża definittivament mill-High Court (il-Qorti Għolja) fid-digriet ta’ konsenja tiegħu tal‑2017 u li l-prinċipju ta’ estoppel japplika għal din id-deċiżjoni definittiva, b’tali mod li d-digriet ma jistax jiġi kkontestat iktar fuq dan l-aspett.

22.      Skont il-qorti tar-rinviju, ir-risposta għall-kwistjoni dwar jekk OE għandux jiġi awtorizzat, fil-kuntest tal-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, iqajjem argument ibbażat fuq il-fatt li l-mandati ta’ arrest Ewropej inizjali ma nħarġux minn “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, tiddependi fuq il-klassifikazzjoni ġuridika korretta tar-relazzjoni bejn il-proċedura ta’ konsenja u l-proċedura ta’ kunsens.

23.      Fil-fatt, din il-qorti tqis li, jekk dawn il-proċeduri għandhom jitqiesu bħala distinti u awtonomi, b’tali mod li kull oġġezzjoni li tista’ titqajjem mill-persuna kkonċernata fil-kuntest tat-talba għal konsenja tkun tista’ tiġi invokata bħala argument ġdid jew addizzjonali fil-kuntest tat-talba għal kunsens, il-prinċipju ta’ estoppel x’aktarx ma japplikax.

24.      Jekk, min naħa l-oħra, dawn il-proċeduri għandhom jitqiesu bħala marbuta daqshekk mill-qrib li kwistjoni li neċessarjament tkun ġiet deċiża fid-deċiżjoni tal-konsenja għandha titqies bħala li tkun ġiet deċiża għall-finijiet tad-deċiżjoni ta’ kunsens, OE ma jkunx awtorizzat jinvoka f’dan l-istadju l-argument dwar l-istatus tal-awtorità ġudizzjarja emittenti.

25.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584] għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni ta’ ċediment [konsenja] ta’ persuna toħloq relazzjoni legali bejnu, l-Istat li jeżegwixxi u l-Istat rikjedenti b’tali mod li kull kwistjoni li titqies li ġiet iddeterminata b’mod finali f’dik id-deċiżjoni għandha titqies ukoll li ġiet iddeterminata għall-finijiet tal-proċedura għall-kisba ta’ kunsens għal prosekuzzjoni jew piena ulterjuri għal reati oħrajn?

2)      Jekk ir-risposta għad-domanda 1 hija li l-Artikolu 27 ma jeħtieġx dik l-interpretazzjoni, regola proċedurali nazzjonali tkun tikser il-prinċipju tal-effettività jekk din tkun topera b’mod li tipprekludi lill-persuna kkonċernata milli tinvoka, fil-kuntest tal-applikazzjoni għal kunsens, sentenza rilevanti tal-[Qorti tal-Ġustizzja] mogħtija fil-perijodu wara l-ordni ta’ ċediment?”

26.      Il-qorti tar-rinviju talbet li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari prevista fl‑Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jew għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl‑Artikolu 107 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

27.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Marzu 2022, it-Tieni Awla ddeċidiet li ma tilqax it-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Marzu 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad it-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex l-imsemmija kawża tkun suġġetta għall-proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari.

28.      OE, il-Ministru u l-Gvern Irlandiż, il-Gvern Ungeriż, Olandiż u Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

29.      Fis-seduta tal‑14 ta’ Diċembru 2022, OE, il-Ministru u l-Gvern Irlandiż, il-Gvern Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom u wieġbu għall-mistoqsijiet għal risposta orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    Analiżi

30.      Kif jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kwistjoni li fuqha huma bbażati d-domandi preliminari tirrigwarda r-relazzjoni bejn il-proċedura ta’ konsenja u t-talba sussegwenti intiża, skont l-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jinkiseb il-kunsens tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex persuna li diġà kienet kkonsenjata tkun tista’ tiġi mħarrka, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih tkun ġiet ikkonsenjata.

31.      B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk l-invalidità ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, minħabba l-fatt li ma nħariġx minn “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, tistax tostakola lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli tagħti l-kunsens mitlub minnha.

32.      L-eżami ta’ din il-problema sostantiva fil-kuntest ta’ tilwima dwar l-eżitu li għandu jkollha talba għal kunsens jidher, madankollu, ikkundizzjonat f’dan il-każ minn kwistjoni ta’ dritt proċedurali nazzjonali, jiġifieri jekk il-prinċipju ta’ estoppel huwiex applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

33.      Fil-fehma tiegħi, is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali ma tobbligax lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-applikazzjoni ta’ din ir-regola proċedurali nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni fiċ-ċirkustanzi deskritti mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, din il-kwistjoni ssir irrilevanti mill-mument meta jiġi stabbilit li, tkun xi tkun il-possibbiltà jew le għall-persuna kkonċernata li tinvoka, fil-kuntest ta’ talba għal kunsens, raġuni relatata mal-invalidità ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li kien is-suġġett ta’ sentenza definittiva fid-dawl tal-eżekuzzjoni tagħha, tali raġuni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġġustifika rifjut mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tagħti tali kunsens.

34.      Inqis ukoll li l-problema sostantiva relatata mal-eventwali konsegwenzi tan-natura invalida ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fuq l-eżami ta’ talba sussegwenti għal kunsens skont l‑Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha tiġi ttrattata bħala tali, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, fuq il-fondatezza tal-argument imressaq minn OE li turi n-nuqqas ta’ “Stat emittenti” fis-sens tal‑Artikolu 22(7) tal-Liġi tal‑2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew. Fil-fatt, minbarra l-fatt li dan l-argument jiffoka fuq l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt nazzjonali, inqis li d-domanda prinċipali tal-qorti tar-rinviju tikkonċerna effettivament ir-relazzjoni li teżisti, skont id-dritt tal-Unjoni, bejn konsenja inizjali u talba għal kunsens. Din ir-relazzjoni tifforma wkoll l-bażi tal-argumenti ta’ OE fil-kawża prinċipali.

35.      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li OE jikkontesta l-għoti tal-kunsens mitlub għar-raġuni li l-awtoritajiet Olandiżi li ħarġu l-mandati ta’ arrest Ewropej inizjali ma kellhomx il-kwalità ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal‑Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Mingħajr ma jikkontesta d-deċiżjoni ta’ konsenja u l-istatus tal-awtorità ġudizzjarja li għamlet it-talba għal kunsens, OE madankollu jsostni li l-kunsens mitlub skont l‑Artikolu 27(3)(g) u (4) ta’ din id-deċiżjoni qafas ma jistax jingħata jekk il-mandati ta’ arrest Ewropej li taw lok għall-konsenja tiegħu ma jkunux inħarġu b’mod validu. Għalhekk, OE jinvoka n-natura invalida tal-mandati ta’ arrest Ewropej inizjali sabiex joġġezzjona għall-għoti tal-kunsens mitlub mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni.

36.      Fil-fehma tiegħi dan l-argument huwa żbaljat.

37.      Fil-fatt, anki jekk it-talba għal kunsens hija neċessarjament marbuta ma’ mandat ta’ arrest Ewropew speċifiku eżegwit preċedentement, inqis li din it-talba għandha tiġi eżaminata separatament u indipendentement fuq il-merti tagħha mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni. Għalhekk, difett li jaffettwa mandat ta’ arrest Ewropew li ġie eżegwit ma jistax jikkostitwixxi raġuni għar-rifjut tal-kunsens mitlub.

38.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, peress li l-persuna mfittxija ġiet arrestata u sussegwentement ikkonsenjata lill-Istat Membru emittenti, il-mandat ta’ arrest Ewropew, bħala prinċipju, eżawrixxa l-effetti legali tiegħu, bl-eċċezzjoni għall-effetti tal-konsenja espressament previsti fil-Kapitolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (9).

39.      Fost l-effetti tal-konsenja previsti f’dan il-kapitolu hemm il-prosekuzzjoni eventwali għal reati oħra li l-kundizzjonijiet tagħha huma previsti fl-Artikolu 27 ta’ din id-deċiżjoni qafas.

40.      Skont ir-regola tal-ispeċjalità prevista fl‑Artikolu 27(2) tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas, li hija marbuta mas-sovranità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, persuna li tkun ġiet ikkonsenjata għandha d-dritt li tkun suġġetta għal prosekuzzjoni, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà biss għar-reat li għalih tkun ġiet ikkonsenjata (10).

41.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din ir-regola fil-fatt teżiġi li l-Istat Membru emittenti li jixtieq jipproċedi kontra jew jikkundanna persuna għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew differenti minn dak li ta lok għal din il-konsenja jikseb il-kunsens tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex jiġi evitat li l-ewwel Stat Membru jidħol fuq il-kompetenzi li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun jista’ jeżerċita u jmur lil hinn mill-prerogattivi tiegħu fil-konfront tal-persuna li fir-rigward tagħha jkun hemm prosekuzzjoni(11).

42.      Huwa biss fil-każijiet previsti fl‑Artikolu 27(3) tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584, b’mod partikolari meta l-kunsens ikun ingħata skont l‑Artikolu 27(3)(g) u (4), li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti huma awtorizzati jipproċedu kontra jew jikkundannaw lil dik il-persuna għal reat differenti li għalih tkun ġiet ikkonsenjata (12).

43.      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li r-regola tal-ispeċjalità hija marbuta mill-qrib mal-konsenja li tirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew speċifiku(13). Dan jimplika li l-konformità ma’ din ir-regola tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl tal-konsenja mwettqa skont mandat ta’ arrest Ewropew speċifiku (14).

44.      Madankollu, minkejja r-rabta bejn l-implimentazzjoni tal-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest Ewropew eżegwit preċedentement, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-deċiżjoni li jingħata l-kunsens previst fl-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija distinta minn dik dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u għandha, għall-persuna kkonċernata, effetti distinti minn dawk ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar (15).

45.      Il-konsenja ta’ persuna skont mandat ta’ arrest Ewropew u t-talba għal kunsens sabiex l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti jipproċedu kontra jew jikkundannaw lil dik il-persuna għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih tkun ġiet ikkonsenjata jikkostitwixxu għalhekk żewġ stadji distinti ta’ proċess intiż li jiżgura li t-twettiq ta’ reati jiġu ssanzjonati fi ħdan l-Unjoni.

46.      Għalkemm hija ta’ natura, bħal deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, li tippreġudika l-libertà tal-persuna kkonċernata (16), id-deċiżjoni ta’ kunsens għandha għalhekk għan tagħha stess u għandha, għal din ir-raġuni, tittieħed mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni wara eżami separat u awtonomu minn dak li ta lok għalih il-mandat ta’ arrest Ewropew.

47.      Dan l-eżami għandu jsir skont l-‑Artikolu 27(4) tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584, sabiex tiġi evalwata t-talba għal kunsens fuq il-mertu tagħha stess.

48.      Għalhekk, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika jekk it-talba għal kunsens imressqa quddiemha hijiex akkumpanjata mill-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas u minn traduzzjoni, skont l-Artikolu 8(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Din l-awtorità għandha tivverifika wkoll jekk ir-reat li għalih jintalab il-kunsens jagħtix huwa stess lok għall-obbligu ta’ konsenja skont l-istess deċiżjoni qafas.

49.      Skont l-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, barra minn hekk, tevalwa, fid-dawl tar-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja jew fakultattiva msemmija fl-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, jekk l-estensjoni tal-proċeduri għal reati minbarra dawk li għalihom il-persuna kkonċernata tkun ġiet ikkonsenjata setgħetx tiġi awtorizzata.

50.      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tipprevedi li difett li jaffettwa mandat ta’ arrest Ewropew inizjali huwa ta’ natura li jippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li tagħti l-kunsens mitlub.

51.      Fil-fehma tiegħi, jekk jiġi deċiż mod ieħor, l-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jiġu kompromessi.

52.      F’dan ir-rigward, nosserva li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sa fejn jistabbilixxi regoli derogatorji fil-konfront tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, ma jistax jiġi interpretat b’mod li jwassal sabiex jixxejjen l-għan imfittex mill-imsemmija deċiżjoni qafas, li jikkonsisti f’li jiġu ffaċilitati u mħaffa l-konsenji bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri fid-dawl tal-fiduċja reċiproka li għandha teżisti bejniethom (17).

53.      Din il-ħtieġa ta’ ħeffa, li hija l-bażi tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hija riflessa fl-Artikolu 27(4) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jipprovdi li d-deċiżjoni ta’ kunsens għall-estensjoni tal-proċeduri għandha tittieħed mhux iktar tard minn tletin jum wara r-riċezzjoni tat-talba.

54.      Issa, jekk jiġi aċċettat li difett li jaffettwa mandat ta’ arrest Ewropew inizjali jista’ jostakola lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli tagħti l-kunsens meħtieġ, dan iwassal sabiex jiġi aċċettat li l-kundizzjonijiet li taħthom twettqet il-konsenja jiġu eżaminati mill-ġdid fil-kuntest ta’ talba għal kunsens magħmula skont l-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Tali eżami mill-ġdid ikollu l-effett li jittardja d-deċiżjoni ta’ kunsens, li tmur kontra l-ħtieġa ta’ ħeffa sottostanti għal din id-deċiżjoni qafas. Jidhirli wkoll li dan l-eżami mill-ġdid huwa inkompatibbli maċ-ċertezza legali sa fejn jista’ jpoġġi fid-dubju n-natura definittiva tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun ordnat l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

55.      Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi adottata interpretazzjoni li tikkontribwixxi għal għan ieħor imfittex mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jiġifieri l-ġlieda kontra l-impunità (18). Issa, jekk jiġi aċċettat li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tagħti l-kunsens mitlub minnha skont l-Artikolu 27(3)(g) u (4) ta’ din id-deċiżjoni qafas, dan iwassal sabiex jippreġudika dan l-għan billi l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti jkunu preklużi milli jipproċedu kontra, jikkundannaw jew iċaħħdu mil-libertà persuna għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih tkun ġiet ikkonsenjata.

56.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, inqis li l-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni li mandat ta’ arrest Ewropew, li abbażi tiegħu persuna tkun ġiet ikkonsenjata, ikun inħareġ minn awtorità li ma kinitx tikkostitwixxi “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, u għalhekk kellu jitqies invalidu għal din ir-raġuni, ma hijiex ta’ natura li tostakola lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, meta tirċievi talba għal kunsens intiża li tawtorizza lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti jipproċedu kontra jew jikkundannaw lil din il-persuna għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih tkun ġiet ikkonsenjata, milli tagħti tali kunsens.

V.      Konklużjoni

57.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) kif ġej:

L-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009,

għandu jiġi nterpretat fis-sens li:

il-konstatazzjoni li mandat ta’ arrest Ewropew, li abbażi tiegħu persuna tkun ġiet ikkonsenjata, ikun inħareġ minn awtorità li ma kinitx tikkostitwixxi “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, u għalhekk kellu jitqies invalidu għal din ir-raġuni, ma hijiex ta’ natura li tostakola lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, meta tirċievi talba għal kunsens intiża li tawtorizza lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti jipproċedu kontra jew jikkundannaw lil din il-persuna għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih tkun ġiet ikkonsenjata, milli tagħti tali kunsens.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2002, L 17, p. 45.


3      ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”.


4      C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456.


5      C‑510/19, EU:C:2020:953.


6      Punt 70 ta’ dik is-sentenza. Ara, wkoll, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, CJ (Deċiżjoni ta’ konsenja posposta minħabba proċeduri kriminali) (C‑492/22 PPU, EU:C:2022:964, punt 55).


7      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-prinċipju ta’ estoppel għandu bħala prinċipju jiġi applikat fil-każ fejn: (i) sentenza tkun ingħatat minn qorti li għandha ġurisdizzjoni; (ii) id-deċiżjoni kienet deċiżjoni definittiva fuq il-mertu; (iii) is-sentenza ddeċidiet kwistjoni li parti tfittex li tqajjem fil-proċedura sussegwenti, u (iv) il-partijiet kienu l-istess persuni (jew l-aventi kawża tagħhom) bħall-partijiet fil-proċedura li fiha jiġi invokat l-aspett li x’aktarx ikun suġġett għall-prinċipju ta’ estoppel.


8      Il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615).


9      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM (C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4, punt 77).


10      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof (Prinċipju ta’ speċjalità) (C‑195/20 PPU, EU:C:2020:749, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof (Prinċipju ta’ speċjalità) (C‑195/20 PPU, EU:C:2020:749, punt 40).


12      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti) (C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 63).


13      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof (Prinċipju ta’ speċjalità) (C‑195/20 PPU, EU:C:2020:749, punti 37, 38 u 40).


14      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof (Prinċipju ta’ speċjalità) (C‑195/20 PPU, EU:C:2020:749, punt 45).


15      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2021, Openbaar Ministerie (Dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni) (C‑428/21 PPU u C‑429/21 PPU, EU:C:2021:876, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2021, Openbaar Ministerie (Dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni) (C‑428/21 PPU u C‑429/21 PPU, EU:C:2021:876, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof (Prinċipju ta’ speċjalità) (C‑195/20 PPU, EU:C:2020:749, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, CJ (Deċiżjoni ta’ konsenja posposta minħabba proċeduri kriminali) (C‑492/22 PPU, EU:C:2022:964, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata; kif ukoll dik tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 141).