Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Ottubru 2010 - Il-Portugall vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-475/10)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Portugiża (rappreżentanti: L. Inez Fernandes, aġent, assistit minn C. Botelho Moniz u P. Gouveia e Melo, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4891 finali, tal-20 ta' Lulju 2010, dwar taxxa parafiskali għall-promozzjoni tal-inbid miġbura għall-Portugall - għajnuna mill-Istat C 43/2004 (ex NN 38/2003);

sussidjarjament, fil-każ li ma tkunx ta' din il-fehma,

tannulla s-seba' u d-disa' kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni;

u, fi kwalunkwe każ,

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

a) Żball ta' liġi, minħabba ksur tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tad-dħul mit-taxxa għall-promozzjoni tal-inbid allokat għall-finanzjament tal-għajnuna għall-promozzjoni u reklamar tal-inbid, skont id-Digriet-Liġi Nru 119/97, tal-15 ta' Mejju.

b) Żball ta' liġi, minħabba ksur tal-Artikoli 107(1) u 296 tat-Trattat u tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1860/20041, sa fejn il-Kummissjoni kklassifikat l-għajnuna għall-promozzjoni u għar-reklamar tal-inbid bħala għajnuna mill-Istat mingħajr ma analizzat jekk din l-għajnuna kinitx tali li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq u jekk setgħetx tikkostitwixxi miżura ta' għajnuna de minimis.

ċ) Żball ta' evalwazzjoni tal-fatti, billi kkunsidrat li t-taxxa għall-promozzjoni tal-inbid, inkwantu mezz ta' finanzjament tal-azzjonijiet ta' promozzjoni u ta' reklamar tal-inbid fi Stati Membri u fi Stati terzi oħra, tiddiskrimina l-prodotti importati u tikser l-Artikolu 110 tat-Trattat, u ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, billi ma wettqet ebda miżura ta' stħarriġ supplimentari, fir-rigward tat-talba għal informazzjoni tal-24 ta' April 2006, sabiex tingħata tweġiba għad-dubji li hija kellha dwar dan il-punt;

d) Żball ta' liġi, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat u tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 2, kif ukoll tal-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali, sa fejn - anki li kieku kellha tiġi kkonstatata l-legalità tal-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni (quod non) - is-seba' kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni tmur kontra l-analiżi u l-konklużjonijiet li għalihom waslet il-Kummissjoni fuq il-mertu tad-Deċiżjoni.

e) Żball ta' liġi, sa fejn id-disa' kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni tikser l-Artikoli 108 u 296 tat-Trattat, l-Artikoli 6(1) u 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, kif ukoll il-prinċipji ta' proporzjonalità, ta' trattament ugwali u tad-drittijiet tad-difiża.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1860/2004, tas- 6 ta' Ottubru 2004, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna de minimis fis-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd.

2 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE.