Language of document : ECLI:EU:T:2016:493

Kawża T‑456/14

L’association des fonctionnaires indépendants pour la défense de la fonction publique européenne (TAO-AFI)

u

Syndicat des fonctionnaires internationaux et européens – Section du Parlement européen (SFIE-PE)

vs

Il‑Parlament Ewropew

u

IL‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Remunerazzjonijiet u pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tal-Unjoni – Adattament annwali – Regolamenti (UE) Nri 422/2014 u 423/2014 – Irregolaritajiet matul il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ atti – Nuqqas ta’ konsultazzjoni tal-organizzazzjonijiet sindakali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-15 ta’ Settembru 2016

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Regolament li jaġġusta r-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni– Rikors tal-organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali li jibbenefikaw minn drittijiet proċedurali fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni tar-regolament – Ammissibbiltà

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u Artikolu 336 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Arikoli 9(3), 10b, 10c, 24b u 55, u Annessi II, Artikolu 1, u XI, Artikoli 3 u 10; Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 422/2014 u Nru 423/2014)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Rikors ta’ assoċjazzjoni professjonali li tħares u tirrappreżenta l-membri tagħha – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet – Direttivi – Direttiva 2002/14 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati – Impożizzjoni diretta ta’ obbligi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal tagħhom – Esklużjoni – Invokabbiltà – Portata

(Artikolu 288 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/14)

4.      Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Motiv imqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika – Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 44(1)(ċ) u 48(2))

5.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Dikjarazzjoni astratta – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

6.      Rikors għal annullament – Motivi – Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali – Eżami ex officio mill-qorti

(Artikolu 263 TFUE)

1.      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jaġġusta r-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom, adottat abbażi tal-Artikolu 336 TFUE, konformement mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jaqa’ taħt il-kategorija ta’ atti li għandhom portata ġenerali u natura leġiżlattiva, li fir-rigward tagħhom ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jissuġġetta l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament, ippreżentati mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi, għall-osservazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ interess dirett u individwali.

F’dak li jirrigwarda rikors ippreżentat minn organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali, il-fatt li dawn tal-aħħar ibbenefikaw minn dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni dwar il-proposta ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet ippreżentata mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill, li rriżultat fl-adozzjoni tal-imsemmi regolament, ma huwiex tali li juri li huma kkonċernati direttament minn dan ir-regolament. Fil-fatt, il-fatt li persuna tintervjeni, b’mod jew ieħor, fil-proċess li jwassal għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni huwa ta’ natura li jindividwalizza lil din il-persuna fir-rigward tal-att inkwistjoni, fil-każ biss li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tagħtiha ċerti garanziji proċedurali. Salv dispożizzjoni espressa li tipprovdi l-kuntrarju, la l-proċess ta’ tfassil tal-atti ta’ portata ġenerali u lanqas dawn l-atti stess ma jirrikjedu, abbażi tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħad-dritt għal smigħ xieraq, il-parteċipazzjoni tal-persuni affettwati peress li l-interessi tagħhom jitqiesu li huma rrappreżentati mill-istanzi politiċi li jadottaw dawn l-atti.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, li jippermetti deroga, taħt ċerti kundizzjonijiet, mill-metodu normali ta’ adattament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet previst fl-Artikolu 3 ta’ dan l-anness, ma huwiex applikabbli fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament inkwistjoni. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw id-drittijiet proċedurali li jgawdu minn din id-dispożizzjoni sabiex juru l-locus standi tagħhom. L-istess japplika fir-rigward tal-Artikolu 10a tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 9(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 24b tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 55 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, il-fatt li l-organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali ma jistgħux jisiltu drittijiet proċedurali minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jeskludix li jistgħu jibbenefikaw minn tali drittijiet abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, inkluż abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, l-Artikoli 10b u 10c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdu rispettivament l-opportunità għall-Kummissjoni li tikkonsulta lill-imsemmija organizzazzjonijiet rappreżentattivi fuq proposti ta’ reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u l-fakultà għal kull istituzzjoni li tikkonkludi ma’ dawn l-organizzazzjonijiet fi ħdanha ftehimiet dwar il-persunal tagħha. Il-fatt li tali ftehimiet ma jistax ikun fihom emendi tar-Regolamenti tal-Persunal jew xi impennji ta’ estimi, lanqas ma jistgħu jaffettwaw l-ħidma tal-istituzzjoni kkonċernata u li l-organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali firmatarji għandhom jaġixxu f’kull istituzzjoni, suġġetti għas-setgħat statutorji tal-kumitat tal-persunal, fih innifsu, ma jipprekludix li dawn il-ftehimiet ikollhom bħala għan li jagħtu garanziji proċedurali lill-imsemmija organizzazzjonijiet.

(ara l-punti 52‑54, 69, 89, 95, 97‑99, 101)

2.      L-ammissibbiltà ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati minn assoċjazzjonijiet, anki jekk huma organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali jew gruppi ta’ OSP, tista’ tkun ammessa fi tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet. L-ewwel nett, meta dispożizzjoni legali tirrikonoxxi espressament lill-assoċjazzjonijiet professjonali serje ta’ fakultajiet ta’ natura proċedurali, it-tieni nett, meta l-assoċjazzjoni tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha li jkollhom huma stess locus standi u, it-tielet nett, meta l-assoċjazzjoni hija kkonċernata individwalment minħabba l-impatt fuq l-interessi tagħha stess bħala assoċjazzjoni, b’mod partikolari għaliex il-pożizzjoni tagħha ta’ negozjatriċi tkun ġiet affettwata mill-att li tiegħu l-annullament huwa mitlub.

F’dak li jirrigwarda l-impatt fuq l-interessi proprji ta’ tali assoċjazzjoni, organizzazzjoni stabbilita sabiex tiddefendi l-interessi kollettivi ta’ kategorija ta’ parti f’kawża ma tistax tiġi kkunsidrata bħala direttament u individwalment ikkonċernata minn att li jolqot l-interessi ġenerali ta’ din il-kategorija. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-persunal ipparteċipaw fin-negozjati li wasslu għall-adozzjoni tal-att ikkontestat ma huwiex biżżejjed sabiex ibiddel in-natura tad-dritt ta’ azzjoni li, fil-qafas tal-Artikolu 263 TFUE, huma jista’ jkollhom fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

(ara l-punti 55, 57, 58)

3.      Peress li d-direttivi huma indirizzati lill-Istati Membri u mhux lill-istituzzjonijiet jew lill-organi tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14, li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea, ma jistgħux konsegwentement jitqiesu li jimponu bħala tali obbligi fuq l-istituzzjonijiet fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal tagħhom.

Madankollu, il-fatt li direttiva ma torbotx bħala tali lill-istituzzjonijiet ma jistax jeskludi l-fatt li r-regoli jew il-prinċipji stabbiliti f’din id-direttiva jistgħu jiġu invokati kontra istituzzjonijiet meta fihom infushom dawn jidhru biss bħala l-espressjoni speċifika ta’ regoli fundamentali tat-Trattat u tal-prinċipji ġenerali, li bihom huma direttament marbuta l-imsemmija istituzzjonijiet. Bl-istess mod, direttiva tista’ torbot istituzzjoni meta hija, fil-kuntest tal-awtonomija organizzattiva tagħha u fil-limiti tar-Regolamenti tal-Persunal, riedet twettaq obbligu partikolari stabbilit minn direttiva jew ukoll fil-każ fejn att intern ta’ applikazzjoni ġenerali jirreferi espressament, huwa stess, għall-miżuri stabbiliti mil-leġiżlatur Komunitarju fl-applikazzjoni tat-Trattati. Fl-aħħar nett, l-istituzzjonijiet għandhom, konformement mad-dmir tagħhom ta’ lealtà, jikkunsidraw, bħala persuna li timpjega, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi adottati fuq il-livell tal-Unjoni.

(ara l-punti 72‑74)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 148)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 149)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 151)