Language of document : ECLI:EU:T:2015:231

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

28 ta’ April 2015(*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġina, b’mod partikolari, mir-Russja – Eżami mill-ġdid interim parzjali – Kalkolu tal-marġni ta’ dumping – Bdil fiċ-ċirkustanzi – Natura dewwiema”

Fil-Kawża T‑169/12,

Chelyabinsk electrometallurgical integrated plant OAO (CHEMK), stabbilita f’Chelyabinsk (ir-Russja),

Kuzneckie ferrosplavy OAO (KF), stabbilita f’Novokuznetsk (ir-Russja),

irrappreżentati minn B. Evtimov, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit inizjalment minn G. Berrisch u A. Polcyn, avukati, sussegwentement minn G. Berrisch u N. Chesaites, barrister, u fl-aħħar nett minn D. Gerardin, avukat,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn H. van Vliet, M. França u A. Stobiecka-Kuik, sussegwentement minn M. França, A. Stobiecka-Kuik u J.-F. Brakeland, bħala aġenti,

u minn

Euroalliages, stabbilit fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn O. Prost u M.-S. Dibling, avukati

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 60/2012, tas-16 ta’ Jannar 2012, li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 tal-miżuri tal-antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġinaw, inter alia, fir-Russja (ĠU L 22, p. 1), sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni u L. Madise (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Marzu 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Il-leġiżlazzjoni antidumping bażika tal-Unjoni Ewropea hija kkostitwita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22, iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”), li ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat.

2        L-Artikolu 2 tar-regolament bażiku jesponi r-regoli li jirregolaw id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping. L-Artikolu 2(11) u (12) jirrigwarda d-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Skont l-Artikolu 2(12) tar-regolament bażiku, “[i]l-marġini ta’ dumping għandu jkun l-ammont li permezz tiegħu il-valur normali jaqbeż il-prezz ta’ l-esportazzjoni”.

3        L-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku jirregola l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid interim. Skont din id-dispożizzjoni:

“Il-bżonn ta’ l-impożizzjoni kontinwa [taż-żamma] ta’ miżuri tista’ tiġi riveduta wkoll, fejn [iġġustifikata], fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq it-talba ta’ Stat Membru, jew sakemm ikun għadda perjodu raġjonevoli ta’ mill-inqas sena mill-impożizzjoni tal-miżura definittiva, fuq talba minn kwalunkwe esportatur jew importatur jew mill-produtturi tal-Komunità li jkun fiha biżżejjed evidenza li tissostanzja l-bżonn għal reviżjoni interim bħal din.

Reviżjoni [Eżami mill-ġdid] interim għanda tinbeda fejn it-talba jkun fiha evidenza biżżejjed li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura ma għadhiex aktar neċessarja biex twieġeb għall-bejgħ taħt il-prezz u/jew li l-ħsara x’aktarx ma titkompliex jew ma terġax tiġri li kieku l-miżura kellha titneħħa jew tiġi mibdula, jew li l-miżura eżistenti mhix, jew ma għadhiex iktar, biżżejjed sabiex tirribatti għall-bejgħ taħt il-prezz li jkun qiegħed jikkawża ħsara.

Fit-twettiq ta’ l-investigazzjonijiet skond dan il-paragrafu, il-Kummissjoni tista’, inter alia, tikkunsidra jekk iċ-ċirkustanzi fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara, tbiddlux b’mod sinifikanti, jew jekk il-miżuri eżistenti humiex qegħdin jilħqu r-riżultati maħsuba fit-tneħħija tal-ħsara stabbilita qabel taħt l-Artikolu 3. F’dan il-każ, għandu jingħata każ, fid-determinazzjoni finali, ta’ l-evidenza kollha rilevanti u dokumentata kif suppost.”

4        Skont l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku:

“Fl-investigazzjonijiet kollha ta’ reviżjoni jew ta’ rifużjoni imwettqa skond dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jkunux tbiddlu, tapplika l-istess metodoloġija bħal fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazju, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-Artikolu 2, u b’mod partikolari għall-paragrafi 11 u 12 tiegħu, u għall-Artikolu 17.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

5        Ir-rikorrenti, Chelyabinsk electrometallurgical integrated plant OAO (CHEMK) u Kuzneckie ferrosplavy OAO (KF), huma kumpanniji stabbiliti fir-Russja, attivi fil-produzzjoni ta’ ferrosilikon, liga użata fil-produzzjoni tal-azzar u tal-ħadid. RFA International, LP (RFAI) hija operatur kummerċjali relatat mar-rikorrenti. RFAI, li hija stabbilita fil-Kanada u għandha fergħa fl-Isvizzera, hija responsabbli mill-bejgħ tar-rikorrenti fl-Unjoni.

6        Fil-25 ta’ Frar 2008, wara lment imressaq mill-Kumitat ta’ Konnessjoni tal-Industriji tal-Ferro-Liga (Euroalliages), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 172/2008, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ferro-silikon li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Eġittu, il-Każakstan, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u r-Russja (ĠU L 55, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“regolament inizjali”). Skont l-Artikolu 1 tar-regolament inizjali, ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, kienet ta’ 22.7 % għall-prodotti mmanifatturati mir-rikorrenti.

7        Fit-30 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti ressqu talba għal eżami mill-ġdid interim parzjali, limitat għad-dumping, skont l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku. Fit-talba tagħhom, ir-rikorrenti sostnew li ċ-ċirkustanzi li abbażi tagħhom ir-regolament inizjali kien ġie adottat kienu nbidlu u li l-bidliet inkwistjoni kienu ta’ natura dewwiema.

8        Fis-27 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Notifika tat-tnedija ta’ reviżjoni interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-ferro-silikon li joriġina, inter alia, mir-Russja (ĠU C 290, p. 15), li jirrigwarda biss id-dumping. Il-perijodu kopert mill-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid kien mill-1 ta’ Ottubru 2009 sat-30 ta’ Settembru 2010 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid”).

9        Permezz ta’ ittri tat-12 ta’ Jannar u tal-24 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti pprovdew lill-Kummissjoni bi kjarifiki dwar l-istruttura tal-grupp li huma, kif ukoll RFAI, kienu jagħmlu parti minnu u dwar il-kwistjoni tan-natura dewwiema tal-bdil fiċ-ċirkustanzi invokat fit-talba għal eżami mill-ġdid interim, rispettivament.

10      Fit-28 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dokument li jinkludi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom hija kienet qiegħda tipprevedi li tirrakkomanda l-għeluq tal-eżami mill-ġdid interim mingħajr bdil fil-miżuri antidumping imposti bir-regolament inizjali (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ informazzjoni ġenerali”). F’dan id-dokument, il-Kummissjoni indikat, minn naħa, il-kalkolu u l-ammont tal-marġni ta’ dumping, għall-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, u, min-naħa l-oħra, li l-bdil fiċ-ċirkustanzi invokat mir-rikorrenti fit-talba tagħhom għal eżami mill-ġdid interim ma setax jitqies bħala ta’ natura dewwiema.

11      Fl-14 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrenti kkomunikaw lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-dokument ta’ informazzjoni ġenerali.

12      Fi tmiem l-eżami mill-ġdid interim parzjali, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 60/2012, tas-16 ta’ Jannar 2012, li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 tal-miżuri tal-antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġinaw, inter alia, fir-Russja (ĠU L 22, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”). F’dan ir-regolament, il-Kunsill eżamina, taħt it-Taqsima 2 “In-natura dejjiema taċ-ċirkostanzi mibdula”, jekk il-bdil fiċ-ċirkustanzi invokat mir-rikorrenti fit-talba tagħhom għal eżami mill-ġdid interim, fir-rigward biss tad-dumping, kienx dewwiem u, għaldaqstant, setax jiġġustifika tnaqqis, jew saħansitra tneħħija, tal-miżuri fis-seħħ.

13      L-ewwel nett huwa fakkar li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kellhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, inkluża l-fakultà li jwettqu evalwazzjoni prospettiva tal-politika tal-prezzijiet tal-esportaturi kkonċernati, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid tal-ħtieġa li jinżammu miżuri eżistenti, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku. Għaldaqstant, huwa indika li kien f’dan il-kuntest li l-argumenti tar-rikorrenti dwar in-natura dewwiema tal-bdil fiċ-ċirkustanzi li huma invokaw kellhom, f’dan il-każ, jiġu eżaminati.

14      It-tieni nett, fil-kuntest tal-eżami tan-natura dewwiema tal-bdil fiċ-ċirkustanzi allegat mir-rikorrenti, il-Kunsill, inizjalment, minn naħa qies utli li jiddeskrivi l-kunsiderazzjonijiet tal-istituzzjoni tal-Unjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti kinux komplew jipprattikaw, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, dumping fis-suq tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, abbażi ta’ dan evalwa b’mod approssimattiv, għal “madwar 13 %”, il-marġni ta’ dumping fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid. Sussegwentement, il-Kunsill eżamina d-diversi argumenti tar-rikorrenti dwar in-natura allegatament dewwiema tal-bidliet fiċ-ċirkustanzi li huma invokaw. Fi tmiem dan l-eżami, huwa kkonkluda, fil-premessa 54 tar-regolament ikkontestat, li jinsab taħt it-Taqsima “Konklużjoni: evidenza insuffiċjenti ta’ natura dejjiema ta’ bidliet fiċ-ċirkustanzi”, li dak iż-żmien ma kinux jeżistu biżżejjed provi li juru li l-bdil possibbli fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni kien ta’ natura dewwiema u li, konsegwentement, ikun prematur u għaldaqstant mhux ġustifikat li f’dan l-istadju d-dazju fis-seħħ jitnaqqas. Minbarra din il-konklużjoni, hekk kif jirriżulta mill-premessi 38 u 40 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill indika b’mod espliċitu li, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, kien x’kien l-ammont ta’ marġni ta’ dumping, “fi kwalunkwe każ” ma hemmx provi suffiċjenti sabiex jitqies li l-ammont li jikkorrispondi għal dan il-marġni, matul l-imsemmi perijodu, kien ta’ natura dewwiema. Konsegwentement, il-Kunsill iddeċieda, fl-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat, li ma kienx hemm lok li l-livell tad-dazju antidumping li kien ġie ffissat fir-regolament inizjali jiġi emendat.

15      B’mod parallel għat-talba għal eżami mill-ġdid interim, talbiet għal rimbors tad-dazji antidumping imħallsa ġew ippreżentati minn RFAI, skont l-Artikolu 11(8) tar-regolament bażiku. It-talbiet għal rimbors kienu jkopru l-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2008 sat-30 ta’ Settembru 2010. Il-Kummissjoni qasmet il-perijodu ta’ investigazzjoni li abbażi tiegħu ntalab ir-rimbors f’żewġ sottoperijodi: mill-1 ta’ Ottubru 2008 sat-30 ta’ Settembru 2009 (iktar ’il quddiem il-“PE1”) u mill-1 ta’ Ottubru 2009 sat-30 ta’ Settembru 2010 (iktar ’il quddiem il-“PE2”), fejn il-PE2 kien identiku għall-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid.

16      Fid-9 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bil-konklużjonijiet tagħha dwar it-talbiet għal rimbors li jikkonċernaw il-PE1. Fir-rigward tal-PE2, il-Kummissjoni rreferiet lir-rikorrenti għad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, stabbilit fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid interim.

17      Permezz ta’ posta elettronika tas-26 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti talbu li jiġi kkomunikat il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping kif imsemmi fir-regolament ikkontestat. Permezz ta’ posta elettronika tal-istess jum, il-Kummissjoni rrispondiet li hija ser tibgħatilhom id-dettalji tal-imsemmi kalkolu fil-kuntest tat-talbiet għal rimbors fir-rigward tal-PE2.

18      Fis-6 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni għaddiet lir-rikorrenti d-dokument ta’ informazzjoni finali fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ rimbors, li jinkludi b’mod partikolari kalkolu tal-marġni ta’ dumping għall-PE2.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ April 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw din l-azzjoni.

20      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Ġunju u fit-18 ta’ Lulju 2012 rispettivament, il-Kummissjoni u Euroalliages talbu sabiex jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

21      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Awwissu u fil-21 ta’ Settembru 2012 kif ukoll fl-1 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti talbu li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, xi elementi kunfidenzjali tar-rikors, tar-risposta, tar-replika u tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni jiġu esklużi mill-komunikazzjoni lil Euroalliages. Għall-finijiet ta’ din il-komunikazzjoni, ir-rikorrenti, il-Kunsill u l-Kummissjoni pproduċew verżjoni mhux kunfidenzjali tan-noti inkwistjoni.

22      B’digrieti tad-5 ta’ Settembru 2012, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talbiet għal intervent tal-Kummissjoni u ta’ Euroalliages.

23      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

24      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni ġiet mistiedna tipproduċi dokument. Hija wettqet dak li ntalbet fit-terminu stabbilit.

25      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Marzu 2014.

26      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat sa fejn jikkonċernahom;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

27      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

29      Euroalliages jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad il-motivi invokati mir-rikorrenti;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

30      Insostenn tat-talba tagħhom għal annullament, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

31      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni u l-Kunsill (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet”), l-ewwel nett kisru l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, moqri flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(12) tal-istess regolament, it-tieni nett wettqu żball ta’ liġi u marru lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tagħhom fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku u, it-tielet nett, kisru d-drittijiet tad-difiża tagħhom. Essenzjalment, huma jikkontestaw il-fatt li l-Kunsill naqas milli, fir-regolament ikkontestat, jikkalkola l-marġni ta’ dumping b’mod preċiż.

32      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jinvokaw żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-istituzzjonijiet fir-rigward tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, matul l-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid.

33      Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku u żball manifest ta’ evalwazzjoni. Essenzjalment, huma jikkontestaw il-konklużjoni misluta mill-istituzzjoni li tgħid li l-bdil fiċ-ċirkustanzi, invokat insostenn tat-talba tagħhom għal eżami mill-ġdid interim, ma kienx ta’ natura dewwiema.

34      Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa meħtieġ li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom għandu jitwettaq l-eżami tat-tliet motivi mqajma mir-rikorrenti insostenn ta’ dan ir-rikors. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-regolament ikkontestat ġie adottat fi tmiem eżami mill-ġdid interim skont l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, li d-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom l-għan li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ ftuħ u l-għanijiet tal-proċedura fil-kuntest ta’ tali eżami mill-ġdid (sentenza tas-17 ta’ Novembru 2009, MTZ Polyfilms vs Il‑Kunsill, T‑143/06, Ġabra, EU:T:2009:441, punt 40).

35      Għal dan l-għan, qabel kollox għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, il-bżonn taż-żamma ta’ miżuri tista’ tiġi eżaminata, b’mod partikolari, fuq talba minn kwalunkwe esportatur, importatur jew mill-produtturi tal-Komunità li jkun fiha provi suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-ħtieġa għal eżami mill-ġdid interim. F’dan il-każ, it-talba tressqet mir-rikorrenti, fil-kwalità tagħhom ta’ esportaturi. Barra minn hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-imsemmija talba kienet tirrigwarda biss id-dumping.

36      Sussegwentement, mid-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku jirriżulta li, essenzjalment, meta t-talba titressaq minn esportatur jew minn importatur u meta din tkun tirrigwarda biss id-dumping, il-ħtieġa tal-eżami mill-ġdid interim tippreżupponi li l-imsemmija talba jkun fiha provi suffiċjenti li juru li ż-żamma tal-miżura ma għadhiex meħtieġa sabiex tagħmel tajjeb għad-dumping.

37      Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fir-rigward tat-trattament ta’ talba għal eżami mill-ġdid, li tirrigwarda biss id-dumping, il-Kunsill jista’, skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, jikkonstata l-preżenza ta’ bidliet sinjifikattivi fiċ-ċirkustanzi relattivi għad-dumping u li l-Kunsill jista’ ġustament, wara li jikkonferma n-natura dewwiema ta’ dawn il-bidliet, jikkonkludi li kien hemm lok li d-dazju antidumping jitbiddel (sentenza MTZ Polyfilms vs Il-Kunsill, punt 34 iktar ’il fuq, EU:T:2009:441, punt 41).

38      Fir-rigward tat-tfakkiriet li jinsabu fil-punti 34 sa 37 iktar ’il fuq, hemm lok, l-ewwel nett, li l-ewwel u t-tielet motivi jiġu eżaminati flimkien, sa fejn dawn jikkritikaw lill-Kunsill essenzjalment li kiser, l-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, it-tieni nett, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(9) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 2(12) tal-istess regolament, u, it-tielet nett, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Sussegwentement għandu jsir l-eżami tat-tieni motiv, li jirrigwarda l-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, u dan fir-rigward tal-konklużjonijiet misluta fir-rigward tal-ewwel u t-tielet motivi.

 Fuq l-ewwel u t-tielet motivi, meħuda flimkien, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku u tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 2(12) tal-istess regolament, kif ukoll fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

39      Fil-kuntest tal-ewwel u t-tielet motivi, meħuda flimkien, ir-rikorrenti jinvokaw ksur, l-ewwel nett, tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, it-tieni nett, tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 2(12) tal-istess regolament, u, it-tielet nett, tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

 Fuq il-ksur tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku

40      Insostenn tal-ewwel u t-tielet motivi, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku. Essenzjalment, dawn iqajmu żewġ ilmenti dwar, l-ewwel nett, il-fatt li l-istituzzjonijiet wettqu żball ta’ liġi fir-rigward tal-portata tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom taħt dan l-artikolu u, it-tieni nett, il-fatt li l-istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta, fir-rigward tal-marġni ta’ dumping, huma qiesu li ma kienx hemm bdil dewwiem fiċ-ċirkustanzi.

–       Fuq l-ewwel ilment, ifformulat fil-kuntest tal-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-istituzzjonijiet fir-rigward tal-portata tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom taħt l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku

41      Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li, billi naqsu milli jikkalkolaw b’mod preċiż il-marġni ta’ dumping, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, minħabba li l-bdil fiċ-ċirkustanzi li huma kienu invokaw ma kienx ta’ natura dewwiema, l-istituzzjonijiet wettqu żball ta’ liġi u marru lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet prospettivi, taħt l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku.

42      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

43      L-ewwel nett, hekk kif tfakkar fil-punti 34 sa 37 iktar ’il fuq, mill-kliem tat-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku jirriżulta li l-għan tal-eżami mill-ġdid interim huwa li tiġi vverifikata l-ħtieġa taż-żamma tal-miżuri antidumping u li, f’dan ir-rigward, meta t-talba għal eżami mill-ġdid ta’ esportatur tkun tirrigwarda biss id-dumping, ikun hemm lok, għall-istituzzjonijiet, li l-ewwel jevalwaw il-ħtieġa taż-żamma tal-miżura eżistenti u, abbażi ta’ dan, tikkonstata l-eżistenza ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi mhux biss sinjifikattiv iżda wkoll dewwiem, fir-rigward tad-dumping (ara, f’dan is-sens, is-sentenza MTZ Polyfilms vs Il-Kunsill, punt 34 iktar ’il fuq, EU:T:2009:441, punt 41). Huwa biss sussegwentement, ladarba l-evalwazzjoni tal-ħtieġa taż-żamma tal-miżuri eżistenti mwettqa u sa fejn l-istituzzjonijiet ikunu ddeċidew li jemendaw il-miżuri eżistenti, li huma jkunu marbuta, fid-determinazzjoni tagħhom tal-miżuri ġodda, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, li jagħtuhom is-setgħa u l-obbligu espliċiti li japplikaw, bħala prinċipju, l-istess metodu bħal dak użat matul l-investigazzjoni inizjali li wassal għall-impożizzjoni tad-dazju antidumping (sentenza MTZ Polyfilms vs Il-Kunsill, punt 34 iktar ’il fuq, EU:T:2009:441, punt 49).

44      It-tieni nett, skont ġurisprudenza stabbilita, hekk kif tfakkar fil-premessa 11 tar-regolament ikkontestat, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam tad-difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw. L-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni għaldaqstant għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti meqjusa sabiex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 63; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, Ġabra, EU:C:2007:547, punti 40 u 41).

45      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw b’mod partikolari għall-evalwazzjonijiet li jwettqu l-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid. Fir-rigward ta’ eżami mill-ġdid interim, skont l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, il-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, meta t-talba għal eżami mill-ġdid tkun tirrigwarda biss id-dumping, teżamina jekk iċ-ċirkustanzi li jikkonċernaw id-dumping inbidlux b’mod sinjifikattiv jew jekk il-miżuri eżistenti pproduċewx l-effetti mistennija sabiex jiġi propost li jitneħħa, jiġi emendat jew jinżamm id-dazju antidumping stabbilit fi tmiem l-investigazzjoni inizjali.

46      It-tielet nett, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku ma jipprevedix metodi jew modalitajiet speċifiċi imposti fuq l-istituzzjonijiet sabiex iwettqu l-verifiki previsti minn din id-dispożizzjoni. Skont il-formulazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament, sabiex jiġi stabbilit jekk iċ-ċirkustanzi dwar id-dumping u l-ħsara nbidlux b’mod sinjifikattiv, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni “l-evidenza kollha rilevanti u dokumentata kif suppost”.

47      Ir-raba’ nett, għandu jiġi rrilevat li l-istħarriġ li għandha twettaq il-Kummissjoni f’dan ir-rigward jista’ jwassalha sabiex twettaq mhux biss analiżi retrospettiva tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni meqjusa, mill-istabbiliment tal-miżura definittiva inizjali, sabiex tevalwa l-ħtieġa taż-żamma ta’ din il-miżura jew tal-emenda tagħha bl-għan li tagħmel tajjeb għad-dumping li jikkawża l-ħsara, iżda wkoll analiżi prospettiva tal-iżvilupp probabbli tas-sitwazzjoni, mill-adozzjoni tal-miżura ta’ eżami mill-ġdid, sabiex jiġi evalwat l-impatt probabbli ta’ tneħħija jew ta’ emenda tal-imsemmija miżura.

48      Fir-rigward tad-dumping, mid-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, u b’mod partikolari mill-użu tal-kelma “impożizzjoni kontinwa [żamma]”, jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżami prospettiv, hemm lok għall-istituzzjoni kkonċernata li tikkontrolla, fid-dawl tal-provi prodotti mill-awtur tat-talba għal eżami mill-ġdid, jekk id-dumping jerġax jitfaċċa jew jerġax jiżdied fil-futur, b’mod li ma jibqgħux meħtieġa miżuri sabiex jagħmlu tajjeb għalih. Fi kliem ieħor, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 36 iktar ’il fuq, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid interim, il-persuna li tagħmel it-talba hija obbligata tagħti prova li ċ-ċirkustanzi li wasslu għad-dumping inbidlu b’mod dewwiem.

49      Konsegwentement, l-eżami mill-ġdid interim ta’ talba li tirrigwarda d-dumping jeħtieġ kemm eżami retrospettiv kif ukoll eżami prospettiv, u t-tnejn li huma għandhom juru li ma għadux meħtieġ li l-miżura tinżamm fis-seħħ. Hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 43 iktar ’il fuq, il-ħtieġa li jsir eżami mill-ġdid ta’ miżura fis-seħħ huwa kkundizzjonat mill-konstatazzjoni, minn naħa, li ċ-ċirkustanzi li jikkonċernaw id-dumping inbidlu b’mod sinjifikattiv u, min-naħa l-oħra, li dawn il-bidliet huma ta’ natura dewwiema. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi ma tkunx issodisfatta sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jikkonkludu li hemm lok li l-imsemmija miżura tinżamm fis-seħħ.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 11(3) ma fihom ebda indikazzjoni dwar l-ordni li fiha għandhom jitwettqu dawn iż-żewġ eżamijiet. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, essenzjalment, l-effettività tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku hija ġeneralment żgurata mill-fatt li, fil-kuntest tal-eżami tal-ħtieġa taż-żamma tal-miżuri eżistenti, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, inkluża l-fakultà li jwettqu evalwazzjoni prospettiva (sentenza MTZ Polyfilms vs Il-Kunsill, punt 34 iktar ’il fuq, EU:T:2009:441, punt 48). Minn dan jirriżulta li, jekk l-evalwazzjoni prospettiva ma turix il-ħtieġa taż-żamma tal-miżuri, ikun inutli li l-istituzzjonijiet jagħmlu evalwazzjoni retrospettiva ddettaljata u, għaldaqstant, fir-rigward tad-dumping, ikun inutli li jwettqu kalkolu ddettaljat tal-marġni ta’ dumping.

51      Mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 43 sa 50 iktar ’il fuq jirriżulta li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandhom l-istituzzjonijiet, fir-rigward ta’ eżami mill-ġdid interim, taħt l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, limitat għad-dumping, huma jistgħu, jekk iqisu li huwa opportun, jibdew bl-eżami prospettiv u, għalhekk, fil-każ li jikkonkludu li l-bdil fiċ-ċirkustanzi li jinvoka l-awtur tat-talba għal eżami mill-ġdid u li wassal għal tnaqqis jew għal tneħħija tad-dumping ikkonstatat fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni inizjali ma huwiex dewwiem, jastjenu milli, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, jikkalkolaw il-marġni ta’ dumping b’mod preċiż.

52      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-premessa 11 tar-regolament ikkontestat, huwa fil-kuntest ta’ din l-analiżi prospettiva li l-istituzzjonijiet eżaminaw l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li juru li, fir-rigward tan-natura dewwiema tal-bdil fiċ-ċirkustanzi li huma invokaw u li kien jirrigwarda biss id-dumping, kien iġġustifikat tnaqqis jew eliminazzjoni tal-miżura fis-seħħ.

53      Fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li l-istituzzjonijiet kellhom sabiex jevalwaw it-talba għal eżami mill-ġdid interim tal-miżura inkwistjoni f’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li huma kellhom dritt li qabel kollox iwettqu eżami prospettiv tal-imsemmija talba u, għaldaqstant, peress li din tal-aħħar kienet tirrigwarda biss id-dumping, li jevalwaw jekk il-bdil fiċ-ċirkustanzi allegat relatat ma’ dan tal-aħħar kienx ta’ natura dewwiema. Sa fejn, hekk kif jirriżulta mill-premessa 54 tar-regolament ikkontestat, l-istituzzjonijiet kienu kkonkludew li l-bdil fiċ-ċirkustanzi allegat, li kien jikkonċerna biss id-dumping, ma kienx dewwiem, huma la wettqu żball ta’ liġi u lanqas ma marru lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, taħt l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, meta kkunsidraw, mingħajr ma qabel wettqu kalkolu preċiż tal-marġni ta’ dumping, li l-miżuri inkwistjoni kellhom jinżammu.

54      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argumenti tar-rikorrenti.

55      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar l-istadji suċċessivi li jifformaw eżami mill-ġdid interim, huma jsostnu li jeżistu żewġ stadji prinċipali li għandhom jitwettqu f’ordni partikolari, jiġifieri, l-ewwel nett, abbażi tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi, id-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping il-ġdid, li jeħtieġ kalkolu preċiż tal-imsemmi marġni, u sussegwentement, l-evalwazzjoni tan-natura dewwiema tal-imsemmi bdil. Għal dan l-għan, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija argumenti huma kontradetti direttament mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 43 sa 50 iktar ’il fuq kif ukoll mill-konklużjoni misluta mill-punt 51 iktar ’il fuq, b’mod li dawn għandhom jitwarrbu bħala infondati.

56      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li l-istituzzjonijiet naqsu milli jwettqu l-obbligu tagħhom li jeżaminaw il-ħtieġa li l-livell tal-miżura fis-seħħ jiġi emendat, peress li jekk id-dumping kien jeżisti matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, dan kien ta’ livell inferjuri, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa kontradett direttament mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 35 u 43 iktar ’il fuq. Fil-fatt, minn naħa, l-għan tal-eżami mill-ġdid interim huwa li tiġi vverifikata l-ħtieġa taż-żamma tal-miżuri antidumping u, min-naħa l-oħra, l-imsemmi eżami jeħtieġ, sabiex eventwalment iwassal għal deċiżjoni li d-dazju antidumping inizjalment propost jiġi emendat, il-konstatazzjoni, abbażi ta’ provi prodotti mill-awtur tat-talba għal eżami mill-ġdid, mhux biss ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi sinjifikattiv fir-rigward tad-dumping, iżda wkoll li l-imsemmi bdil huwa ta’ natura dewwiema. Issa, f’dan il-każ, peress li l-istituzzjonijiet kienu kkonkludew li tali natura dewwiema ma kinitx teżisti, il-fatt li d-dumping seta’, hekk kif isostnu r-rikorrenti, matul il-perijodu ta’ eżami mill-ġdid, ikun ta’ livell inferjuri minn dak ikkonstatat fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni inizjali ma huwiex biżżejjed sabiex ikun ta’ bażi għal emenda tal-miżura fis-seħħ.

57      It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tilqa’ l-argumenti tar-rikorrenti dwar is-sentenza MTZ Polyfilms vs Il-Kunsill, punt 34 iktar ’il fuq (EU:T:2009:441), jiġifieri b’mod partikolari li, minn naħa, il-punt 49 tal-imsemmija sentenza ma setax, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(9) u tal-Artikolu 2 tar-regolament bażiku, jiġi interpretat bħala li jawtorizza lill-istituzzjonijiet sabiex ma jiddeterminawx b’mod preċiż il-marġni ta’ dumping, meta huma jikkonkludu li l-bdil fiċ-ċirkustanzi ma huwiex ta’ natura dewwiema, u li, min-naħa l-oħra, il-konklużjonijiet tal-istituzzjonijiet, abbażi ta’ tali interpretazzjoni, f’investigazzjonijiet ta’ eżami mill-ġdid spiss la jkunu imparzjali u lanqas oġġettivi.

58      Minn naħa, dawn l-argumenti huma kontradetti mill-konklużjoni fformulata fil-punt 51 iktar ’il fuq.

59      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti la fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom u lanqas matul is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, ma spjegaw għal liema raġunijiet, fil-fehma tagħhom, l-interpretazzjoni tal-punt 49 tas-sentenza MTZ Polyfilms vs Il-Kunsill, punt 34 iktar ’il fuq (EU:T:2009:441), kif imsemmi fil-punt 57 iktar ’il fuq, u li huma jikkontestaw, twassal għal nuqqas ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità fl-investigazzjonijiet ta’ eżami mill-ġdid futuri. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li tali argument għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, għandu jitfakkar li proċedura ta’ eżami mill-ġdid bħala prinċipju tiddistingwi ruħha mill-proċedura ta’ investigazzjoni inizjali, li hija rregolata minn dispożizzjonijiet oħra tar-regolament bażiku [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2005, Europe Chemi-Con (Deutschland) vs Il-Kunsill, C‑422/02 P, Ġabra, EU:C:2005:56, punt 49, u tal-11 ta’ Frar 2010, Hoesch Metals and Alloys, C‑373/08, Ġabra, EU:C:2010:68, punt 65], u l-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li wħud minn dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex intiżi li japplikaw għall-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, fid-dawl tal-istruttura u tal-għanijiet tas-sistema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hoesch Metals and Alloys, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2010:68, punt 77).

60      Id-differenza oġġettiva bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ proċedura tinsab fil-fatt li l-importazzjonijiet suġġetti għal proċedura ta’ eżami mill-ġdid huma dawk li diġà kienu s-suġġett tal-istabbiliment ta’ miżuri antidumping definittivi u li fir-rigward tagħhom bħala prinċipju tressqu provi suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li t-tneħħija ta’ dawn il-miżuri probabbilment tkun tiffavorixxi l-kontinwazzjoni tad-dumping u tal-ħsara jew tkun tiffavorixxi li d-dumping u l-ħsara jitfaċċaw mill-ġdid. Għall-kuntrarju, meta importazzjonijiet ikunu suġġetti għal investigazzjoni inizjali, l-għan tagħha jkun preċiżament li tiġi ddeterminata l-eżistenza, il-livell u l-effett ta’ kwalunkwe dumping allegat [sentenza Europe Chemi-Con (Deutschland) vs Il-Kunsill, punt 59 iktar ’il fuq (EU:C:2005:56), punt 50].

61      Għaldaqstant, fir-rigward tad-differenzi bejn il-proċedura inizjali u dik ta’ eżami mill-ġdid, l-istituzzjonijiet ma jistgħux jiġu kkritikati li jagħtu prova ta’ nuqqas ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità meta, fil-kuntest ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, huma jwettqu l-eżami mill-ġdid interim billi jibdew bl-evalwazzjoni prospettiva.

62      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument li l-konklużjonijiet misluta mill-istituzzjonijiet dwar it-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrenti jikkompromettu l-għanijiet tal-Artikolu 11(1) tar-regolament bażiku, għandu jiġi osservat li l-imsemmija għanijiet bl-ebda mod ma jistgħu jiġu affettwati mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, kif interpretati fil-punti 43 sa 50 iktar ’il fuq.

63      Fil-fatt, l-għan tal-Artikolu 11(1) tar-regolament bażiku huwa li jiżgura li miżura antidumping tibqa’ fis-seħħ biss sakemm din tibqa’ meħtieġa sabiex tagħmel tajjeb għad-dumping. Fir-rigward tal-Artikolu 11(3) tal-istess regolament, l-għan tiegħu huwa, kif imsemmi fil-punt 43 iktar ’il fuq, li tiġi vverifikata l-ħtieġa taż-żamma tal-miżuri antidumping. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, peress li l-istituzzjonijiet qiesu li l-bdil fiċ-ċirkustanzi ma kienx dewwiem, huma kellhom dritt, mingħajr bl-ebda mod ma jikkompromettu l-għan imfittex mill-Artikolu 11(1) tar-Regolament Bażiku, li jikkonkludu li ż-żamma tal-miżura fis-seħħ kienet meħtieġa.

64      Il-ħames nett, fir-rigward tal-argument meħud miċ-ċirkustanza li l-konklużjonijiet dwar id-dumping kienu tqiegħdu, fir-regolament ikkontestat, taħt it-titolu intiż għall-eżami tan-“[n]atura dejjiema taċ-ċirkostanzi mibdula”, dan ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, tali argument huwa irrilevanti sabiex tingħata prova tal-iżball ta’ liġi jew tal-fatt li l-istituzzjonijiet marru lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. Barra minn hekk, dan huwa iktar u iktar il-każ f’din il-kawża fejn huwa paċifiku li l-Kunsill ma wettaqx kalkolu preċiż tal-marġni ta’ dumping, minħabba li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 53 iktar ’il fuq, huwa qies li l-bdil fiċ-ċirkustanzi allegat fir-rigward tad-dumping ma kienx dewwiem.

65      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, l-ewwel ilment, ifformulat fil-kuntest tal-ewwel motiv, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq it-tieni motiv, ifformulat fil-kuntest tat-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn, f’dak li jikkonċerna l-marġni ta’ dumping, l-istituzzjonijiet ikkonkludew li l-bdil fiċ-ċirkustanzi ma huwiex ta’ natura dewwiema

66      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jqisu li l-istituzzjonijiet kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-erba’ provi li huma pproduċew dwar in-natura dewwiema tal-bdil fiċ-ċirkustanzi, jiġifieri, l-ewwel nett, il-konklużjonijiet, fi tmiem il-proċedura ta’ rimbors fir-rigward tal-PE1, li jgħidu li l-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti kien null, it-tieni nett, il-fatt li l-prezzijiet tal-esportazzjoni medji meqjusa jirriflettu b’mod qawwi d-dazju antidumping ta’ 22.7 % impost fi tmiem l-investigazzjoni inizjali, it-tielet nett, il-fatt li l-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu ħafna ogħla matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid milli matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali u, ir-raba’ nett, il-fatt li l-marġni ta’ dumping tnaqqas sostanzjalment matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, peress li, hekk kif jinsab indikat fil-premessa 38 tar-regolament ikkontestat, dan kien ta’ “madwar 13 %”, u saħansitra, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tikkonstata l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq fil-kalkolu tal-prezz fuq l-esportazzjoni, kif invokat fil-kuntest tat-tieni motiv, ta’ livell iktar baxx minn 10 %.

67      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-premessa 42 tar-regolament ikkontestat hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, fil-fehma tagħhom, l-istituzzjonijiet f’din il-premessa kkonkludew li kien hemm volatilità estrema fil-prezzijiet tal-importazzjoni, li xxekkilhom milli jikkonstataw li l-bdil fiċ-ċirkustanzi huwa ta’ natura dewwiema. Madankollu, din il-volatilità ma xekklitx lill-istituzzjonijiet milli jikkonkludu, minn naħa, li matul il-PE1 ma kienx hemm dumping u, min-naħa l-oħra, li l-prezzijiet tal-esportazzjoni matul il-PE2 kienu sinjifikattivament ogħla minn dawk irrilevati matul l-investigazzjoni inizjali.

68      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

69      Fir-rigward, b’mod speċifiku, tal-eżami prospettiv, li jikkonċerna d-dumping, hekk kif dan jirriżulta mill-konstatazzjonijiet esposti fil-punt 46 iktar ’il fuq, fin-nuqqas ta’ metodu jew ta’ modalitajiet speċifiċi imposti fuq l-istituzzjonijiet sabiex iwettqu l-verifiki previsti fl-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, l-imsemmija istituzzjonijiet għandhom biss, f’dan l-istadju tal-eżami tat-talba għal eżami mill-ġdid interim, li huwa intiż li jiddetermina jekk hemmx lok li d-dazju antidumping jinbidel, jieħdu inkunsiderazzjoni “l-evidenza kollha rilevanti u dokumentata kif suppost”. Għaldaqstant, huwa biss fid-dawl tal-provi kollha, kif prodotti mill-persuna li tagħmel it-talba insostenn tat-talba għal eżami mill-ġdid dwar in-natura dewwiema tal-bdil fiċ-ċirkustanzi li hija tinvoka, li l-istituzzjonijiet huma obbligati jieħdu deċiżjoni.

70      F’dan il-każ għandu jitfakkar li, fit-talba tagħhom għal eżami mill-ġdid interim, ir-rikorrenti sostnew li l-bdil fiċ-ċirkustanzi li wassal għall-allegat tnaqqis tal-marġni ta’ dumping kien dewwiem għal erba’ raġunijiet, li l-Kunsill ċaħad fi tmiem ta’ analiżi li tinsab fil-premessi 41 sa 53 tar-regolament ikkontestat.

71      Għal dan l-għan, l-ewwel nett, ir-rikorrenti sostnew li l-istruttura tal-bejgħ tagħhom kienet evolviet mir-regolament inizjali. Fil-fatt, minn naħa, l-importazzjoniiet fl-Unjoni kienu fdati lill-fergħa Svizzera ta’ RFAI u, min-naħa l-oħra, din l-istruttura ġdida tal-bejgħ kienet assoċjata mal-esplorazzjoni ta’ swieq f’espansjoni ġodda. Ir-rikorrenti sostnew li dan il-bdil strutturali kien ikkontribwixxa għaż-żieda fil-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-ferrosilikon fis-swieq ta’ esportazzjoni kollha, inkluż f’dak tal-Unjoni. Madankollu, fil-premessi 42 u 43 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill qies li r-rikorrenti ma kinux ipprovdew provi konkreti li juru r-rabta eżistenti bejn l-istruttura l-ġdida tal-impriża, l-esplorazzjoni ta’ swieq f’espansjoni ġodda u ż-żieda tal-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, skont il-Kunsill, l-investigazzjoni stabbilixxiet li l-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu volatili ferm kemm matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid kif ukoll matul il-PE1 u li huma segwew il-prezzijiet tas-suq mondjali. Għaldaqstant, huwa kkonkluda li r-rikorrenti ma kinux taw prova suffiċjenti li mhux biss dan il-bdil strutturali kien il-kawża tal-allegata żieda fil-prezzijiet fis-suq, iżda wkoll li l-imsemmija żieda tista’ tibqa f’livell simili fil-futur.

72      It-tieni nett, ir-rikorrenti sostnew, minn naħa, li l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn is-swieq ta’ pajjiżi terzi kienu komparabbli, u saħansitra superjuri, għall-prezzijiet ta’ bejgħ tagħhom fl-Unjoni u li kienu twettqu investimenti kunsiderevoli sabiex ifornu lil dawn is-swieq aħjar. It-tnaqqis jew it-tneħħija tal-miżuri antidumping għaldaqstant ma jħeġġuhomx sabiex iżidu l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni jew sabiex inaqqsu l-prezzijiet tagħhom. Min-naħa l-oħra, huma sostnew li l-opportunitajiet ġodda kienu jinsabu fi swieq li ma kinux dak tal-Unjoni. Madankollu, fil-premessi 45 u 46 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill qabel kollox qies li, sa fejn id-dumping dam fis-seħħ matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid u l-Unjoni baqgħet wieħed mis-swieq tradizzjonali tar-rikorrenti, dawn tal-aħħar ma kienu pproduċew ebda prova sostanzjali insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom dwar l-istrateġiji tas-suq tagħhom diretti lejn pajjiżi terzi u, sussegwentement, li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-esportazzjoni fis-suq internazzjonali kienu volatili, b’mod li t-tneħħija jew it-tnaqqis tal-miżuri fis-seħħ ma setgħux jiġu previsti.

73      It-tielet nett, ir-rikorrenti sostnew li s-suq intern Russu baqa’ wieħed mis-swieq prinċipali tagħhom u li d-domanda għal prodotti simili fir-Russja kienet mistennija tikber. Madankollu, fil-premessi 48 u 50 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill qabel kollox qies li, minn naħa, jekk wieħed jippreżupponi li dawn l-allegazzjonijiet huma fondati, xorta waħda baqa’ l-fatt li matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid ir-rikorrenti kienu pprattikaw marġni ta’ dumping kunsiderevoli u prezzijiet mhux stabbli u, min-naħa l-oħra, il-volumi mibjugħa mir-rikorrenti fl-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid ma kinux jippermettu li wieħed jaħseb li huma kienu telqu minn dan is-suq jew li huma kellhom l-intenzjoni li jagħmlu dan fil-futur qarib. Sussegwentement, il-Kunsill sostna li r-rikorrenti ma kienu pproduċew ebda data konklużiva insostenn tal-allegazzjoni li tgħid li, minn naħa, id-domanda għall-prodott ikkonċernat setgħet tiżdied u, min-naħa l-oħra, il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-grupp li minnu jagħmlu parti r-rikorrenti kellhom jiżdiedu b’mod ħafna iktar mgħaġġel mill-ispiża ta’ produzzjoni.

74      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti sostnew fl-aħħar nett li huma kienu ħadmu bil-massimu tal-kapaċità tagħhom għal diversi snin, li huma ma kellhomx l-intenzjoni li jżidu l-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom ta’ ferrosilikon, u li xejn ma kien iħalli li wieħed jippreżupponi li dan seta’ jkun mod ieħor. Madankollu, fil-premessi 52 u 53 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill essenzjalment qies li dawn l-allegazzjonijiet kienu kontradetti minn xi elementi ta’ informazzjoni miġbura mill-istituzzjonijiet. Fil-fatt, minn naħa, dawn tal-aħħar ikkonstataw irkupru sinjifikattiv tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tar-rikorrenti, wara l-kriżi finanzjarja tal-2009, meta mqabbel mas-sena 2007 u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti stess irrappurtaw żieda fl-imsemmija kapaċitajiet, f’medda ta’ bejn 10 u 20 %, meta mqabbel mal-perijodu ta’ qabel il-kriżi finanzjarja tal-2009. B’risposta għall-argument tar-rikorrenti li huma kienu antiċipaw il-kriżi finanzjarja li seħħet fl-2009 u, għal dan il-għan, naqqsu l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħhom, il-Kunsill sostna li l-kriżi finanzjarja li seħħet fl-2009 ma setax kellha riperkussjonijiet fuq il-kapaċità ta’ produzzjoni tar-rikorrenti sa mill-2007.

75      B’konklużjoni għall-eżami, mill-Kunsill, tal-erba’ raġunijiet invokati mir-rikorrenti sabiex juru n-natura dewwiema tal-bdil fiċ-ċirkustanzi li huma invokaw, dan tal-aħħar, fil-premessa 54 tar-regolament ikkontestat, qies li ma kienx hemm provi suffiċjenti li juru li l-bdil possibbli fiċ-ċirkustanzi relatat mal-politika tal-prezzijiet tar-rikorrenti kien dewwiem. Għaldaqstant, huwa kkonkluda li jkun prematur u għaldaqstant mhux ġustifikat, f’dan l-istadju, li d-dazju fis-seħħ jitnaqqas.

76      Fid-dawl tal-konklużjonijiet misluta mill-Kunsill, kif irrappurtati fil-punti 71 sa 75 iktar ’il fuq, dwar l-assenza ta’ natura dewwiema tal-bdil fiċ-ċirkustanzi li huma invokaw, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kunsill insostenn tar-rikors tagħhom, fl-ewwel lok, li ma ħax inkunsiderazzjoni, fl-eżami tan-natura tal-bdil li huma invokaw, il-provi msemmija fil-punt 66 iktar ’il fuq.

77      Hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 36 iktar ’il fuq, kienu r-rikorrenti li kellhom jipproduċu provi suffiċjenti sabiex juru li l-bdil fiċ-ċirkustanzi li kkawża l-allegat tnaqqis tad-dumping kien ta’ natura dewwiema. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-provi msemmija fil-punt 66 iktar ’il fuq jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi, bħala tali huma ma jistgħux juru n-natura dewwiema tal-bdil fiċ-ċirkustanzi allegat. Fil-fatt, ebda wieħed mill-imsemmija elementi, jiġifieri, qabel kollox, il-livell tal-marġni ta’ dumping ikkalkolat fi tmiem il-proċedura ta’ rimbors matul il-PE1, sussegwentement, il-livell tal-prezzijiet tal-esportazzjoni rrilevati l-iktar l-iktar matul il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid u, fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni approssimattiva tal-marġni ta’ dumping matul il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, ma jippermetti la li jiġi evalwat u lanqas a fortiori li tintwera n-natura dewwiema tal-bdil fiċ-ċirkustanzi allegati. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ provi suffiċjenti relatati man-natura dewwiema tal-imsemmi bdil, ir-rikorrenti ma wrewx li l-istituzzjonijiet żbaljaw meta qiesu li l-bdil fiċ-ċirkustanzi allegat ma kienx ta’ natura dewwiema, fis-sens tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku. Konsegwentement, lanqas l-ewwel argument espost insostenn tat-tieni lment, ifformulat fil-kuntest tat-tielet motiv, ma huwa ta’ natura li juri li l-analiżi prospettiva mwettqa mill-Kunsill, fil-premessi 41 sa 53 tar-regolament ikkontestat, li fi tmiemha huwa kkonkluda li r-rikorrenti ma kinux ipproduċew provi suffiċjenti dwar in-natura dewwiema tal-bdil fiċ-ċirkustanzi allegat, hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Minn dan isegwi li, mingħajr ma lanqas ikun hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija elementi ġewx meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kunsill jew le, l-imsemmi argument għandu jitwarrab.

78      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-premessa 42 tar-regolament ikkontestat, dwar il-konsegwenzi misluta, mill-istituzzjonijiet, mill-volatilità tal-prezzijiet fir-rigward tan-natura dewwiema tal-bdil fiċ-ċirkustanzi allegat, hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Għal dan l-għan għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti invokati mir-rikorrenti sabiex jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ tali żball – jiġifieri li l-imsemmija volatilità ma xekklitx lill-istituzzjonijiet milli jikkonkludu, minn naħa, li ma kienx hemm dumping matul il-PE1 u, min-naħa l-oħra, li l-prezzijiet tal-esportazzjoni matul il-PE2 kienu sinjifikattivament ogħla minn dawk irrilevati matul l-investigazzjoni inizjali – ma jinkludux elementi li jippermettu li jiġi evalwat u lanqas a fortiori li tintwera, fir-rigward tat-talba għal eżami mill-ġdid interim, in-natura dewwiema tal-bdil fiċ-ċirkustanzi allegat.

79      Fil-fatt, minn naħa, il-proċedura ta’ rimbors imsemmija fl-Artikolu 11(8) tar-regolament bażiku tippermetti li jintalab ir-rimbors ta’ dazji diġà mħallsa jekk jintwera li l-marġni ta’ dumping li abbażi tiegħu tħallsu d-dazji ġie eliminat jew tnaqqas għal livell iktar baxx mil-livell tad-dazju fis-seħħ. Għaldaqstant, hija għandha natura esklużivament retrospettiva, peress li tapplika eżattament għas-sitwazzjonijiet fejn dazju antidumping tħallas filwaqt li l-importazzjoni inkwistjoni ma kienet is-suġġett ta’ ebda dumping jew kienet suġġett ta’ dumping iżgħar. Għaldaqstant, f’dan il-każ, fl-assenza ta’ provi addizzjonali ppreżentati mir-rikorrenti, il-konklużjonijiet misluta mill-istituzzjonijiet dwar it-talbiet għal rimbors li jikkonċernaw il-PE1 ma jistgħux jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tan-natura dewwiema tal-bdil fiċ-ċirkustanzi allegat fir-rigward tat-talba għal eżami mill-ġdid interim.

80      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-PE2, li huwa identiku għall-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, fil-premessi 42 u 43 tar-regolament ikkontestat l-istituzzjonijiet ma kkuntentawx b’li jikkonstataw li l-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu sinjifikattivament iktar għoljin, matul dan il-perijodu, mill-prezzijiet osservati matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali, iżda huma żiedu b’mod espress li, minkejja dan il-livell iktar għoli tal-imsemmija prezzijiet, dawn tal-aħħar madankollu kienu “volatili ferm”, b’mod li ma kienx possibbli li wieħed jikkunsidra li, “fil-ġejjieni l-prezzijiet tal-esportazzjoni […] lejn l-UE se jkunu għoljin u ma jirriżultawx f’dumping”. Għalhekk, fl-assenza ta’ provi intiżi li juru li, minkejja n-natura volatili ferm tal-prezzijiet tal-esportazzjoni, il-bdil fiċ-ċirkustanzi allegat kien ta’ natura dewwiema, fis-sens tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, ir-rikorrenti żbaljaw meta lmentaw li l-istituzzjonijiet ikkonkludew li l-imsemmi bdil ma kienx dewwiem. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

81      Sa fejn l-argumenti esposti insostenn tat-tieni lment, ifformulat fil-kuntest tat-tielet motiv, ma jistgħux jintlaqgħu, l-imsemmi lment għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

82      Fid-dawl tal-konklużjonijiet ifformulati fil-punti 65 u 81 iktar ’il fuq, l-ewwel u t-tielet motivi għandhom jiġu miċħuda, sa fejn dawn isostnu ksur tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, bħala infondati.

 Fuq il-ksur tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 2(12) tal-istess regolament

83      Ir-rikorrenti jsostnu, fil-kuntest tal-ewwel motiv, li, billi naqsu milli jiffissaw ammont preċiż għall-marġni ta’ dumping, l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, moqri flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(12) tal-istess regolament.

84      F’dan ir-rigward, huma jispjegaw, l-ewwel nett, li l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku jagħmel riferiment għall-Artikolu 2(12) ta’ dan l-istess regolament, li, fl-ewwel sentenza tiegħu hemm regola mandatorja li tiddefinixxi l-marġni ta’ dumping. It-tieni nett, huma jsostnu li, fir-regolament ikkontestat, minflok ma stabbilixxew marġni ta’ dumping preċiż, l-istituzzjonijiet ikkonċentraw fuq il-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti baqgħux ibigħu bi prezzijiet ta’ dumping. It-tielet nett, l-istituzzjonijiet ma ppruvawx juru l-eżistenza ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi, kif imsemmi fl-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, li ppermettielhom jibbenefikaw minn eċċezzjoni, ta’ interpretazzjoni stretta, għar-regola, stabbilita fl-imsemmi artikolu, li l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jiddeterminaw l-ammont tal-marġni ta’ dumping, ladarba din id-determinazzjoni tista’ titqies bħala metodu fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Ir-raba’ nett, l-istituzzjonijiet żbaljaw meta, fil-premessa 38 tar-regolament ikkontestat, indikaw li ma humiex obbligati jieħdu pożizzjoni definittiva dwar il-metodu xieraq tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, jiġifieri li ma għandhomx jagħżlu bejn il-metodu użat matul l-investigazzjoni inizjali u l-metodu l-ġdid ta’ kalkolu użat fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, bi ksur tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku.

85      Fir-replika, ir-rikorrenti jispjegaw li l-kunċett ta’ natura dewwiema ma huwiex stabbilit fir-regolament bażiku u li, għalhekk, dan il-kunċett u l-konklużjonijiet ibbażati fuqu ma jistgħux jaffettwaw l-applikabbiltà tar-rekwiżiti espliċiti u mandatorji, kif jinsabu fl-Artikolu 11(9) u fl-Artikolu 2(12) tar-regolament bażiku, jiġifieri l-obbligu għall-istituzzjonijiet li jistabbilixxu marġni ta’ dumping fi tmiem l-eżami mill-ġdid interim.

86      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

87      L-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 38 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill sostna li kien inutli li jagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-ħtieġa li l-marġni ta’ dumping jiġi kkalkolat b’mod preċiż. Fil-fatt, il-Kunsill sostna b’mod partikolari li ma kienx hemm biżżejjed provi sabiex jiġi kkunsidrat li, fir-rigward tal-marġni ta’ dumping, il-bdil fiċ-ċirkustanzi matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kien ta’ natura dewwiema.

88      It-tieni nett, essenzjalment, il-kwistjoni mqajma mir-rikorrenti hija dik ta’ jekk l-approċċ tal-Kunsill, fil-premessa 38 tar-regolament ikkontestat, jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 2(12) ta’ dan l-istess regolament. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn l-aħħar dispożizzjonijiet ixekklux approċċ li, għall-kuntrarju, hekk kif tqies fil-punt 50 iktar ’il fuq, huwa awtorizzat mill-Artikolu 11(3) tal-istess regolament.

89      Għal dan l-għan, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(11) u (12) tar-regolament bażiku jikkonċerna l-metodu ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 2(12) tar-regolament bażiku, il-marġni ta’ dumping huwa l-ammont li permezz tiegħu l-valur normali jaqbeż il-prezz tal-esportazzjoni.

90      Fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku u l-Artikolu 11(9) tal-istess regolament, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-bdil fiċ-ċirkustanzi msemmi rispettivament fl-imsemmija dispożizzjonijiet ivarja skont is-suġġett tiegħu. Fil-fatt, il-bdil fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku jikkonċerna d-dumping u l-ħsara. Għall-kuntrarju, il-bdil fiċ-ċirkustanzi msemmi fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(9) tal-imsemmi regolament jikkonċerna l-parametri applikati, skont b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(11) u (12) tal-istess regolament fir-rigward tal-metodu magħżul, matul l-investigazzjoni inizjali li wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju, sabiex jiġi kkalkolat il-marġni ta’ dumping. Il-bdil fiċ-ċirkustanzi kkonstatat, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, jista’ b’mod partikolari jirriżulta mit-telf tal-affidabbiltà ta’ tali parametru użat matul l-investigazzjoni inizjali.

91      Min-naħa l-oħra, hekk kif tfakkar fil-punti 43, 44 u 50 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-eżami tal-ħtieġa taż-żamma tal-miżuri eżistenti, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, inkluża l-fakultà li jwettqu evalwazzjoni prospettiva. Huwa biss meta l-evalwazzjoni ta’ din il-ħtieġa tkun saret u meta l-istituzzjonijiet ikunu ddeċidew li jbiddlu l-miżuri eżistenti li huma jkunu marbuta, fid-determinazzjoni tagħhom tal-miżuri l-ġodda, mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, li tobbligahom japplikaw il-metodu stabbilit fl-Artikolu 2 tal-istess regolament.

92      Hekk kif jirriżulta mill-punt 49 tas-sentenza MTZ Polyfilms vs Il-Kunsill, punt 34 iktar ’il fuq (EU:T:2009:441), kif imsemmija fil-punt 43 iktar ’il fuq, l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku japplika biss ladarba l-eżistenza ta’ bdil dewwiem fiċ-ċirkustanzi tkun ġiet ikkonstatata, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tal-istess regolament, u ladarba jkun ġie deċiż, skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, li l-miżuri eżistenti jiġu emendati, b’mod li jkun meħtieġ li l-ammont tal-marġni ta’ dumping jiġi kkalkolat mill-ġdid. Għall-kuntrarju, meta l-istituzzjonijiet ikunu kkonkludew li l-bdil fiċ-ċirkustanzi ma huwiex dewwiem, l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku ma jkunx applikabbli. Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, peress li l-istituzzjonijiet kienu kkonkludew li l-bdil fiċ-ċirkustanzi invokat mir-rikorrenti ma kienx ta’ natura dewwiema, din l-aħħar dispożizzjoni ma hijiex applikabbli u, fi kwalunkwe każ, l-invokazzjoni tagħha ma tippermettix li l-approċċ tal-Kunsill kif deskritt fil-premessa 38 tar-regolament ikkontestat jiġi invalidat.

93      Għaldaqstant, ir-rikorrenti żbaljaw b’mod manifest meta kkritikaw lill-istituzzjonijiet li, minn naħa, ma ddeterminawx b’mod preċiż il-marġni ta’ dumping, fi tmiem l-eżami mill-ġdid interim, u, min-naħa l-oħra, ma għamlux l-għażla bejn il-metodu ta’ kalkolu użat matul l-investigazzjoni inizjali u dak użat fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali. Fil-fatt, l-imsemmija argumenti huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, filwaqt li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex applikabbli f’dan il-każ.

94      Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li l-kunċett ta’ natura dewwiema ma huwiex imsemmi b’mod espliċitu fl-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku ma huwiex rilevanti għall-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 2(12) tal-istess regolament, jimponix fuq l-istituzzjonijiet obbligu li jikkalkolaw b’mod preċiż marġni ta’ dumping fi tmiem l-eżami mill-ġdid interim. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, kif żviluppat fil-punti 43 sa 50 iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata, fir-rigward tad-dumping, bħala li tawtorizza lill-istituzzjonijiet iwettqu eżami kemm retrospettiv kif ukoll prospettiv. Hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 50 u 51 iktar ’il fuq, jekk, fi tmiem l-eżami prospettiv l-istituzzjonijiet jikkonkludu li l-bdil fiċ-ċirkustanzi ma huwiex ta’ natura dewwiema, huma jistgħu ma jiddeterminawx il-marġni ta’ dumping b’mod preċiż.

95      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu ksur tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 2(12) tal-istess regolament, bħala infondat.

 Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

96      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill u l-Kummissjoni kisru d-drittijiet tad-difiża tagħhom sa fejn, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni ma kinitx għadditilhom il-kalkolu finali tal-marġni ta’ dumping, u dan il-kalkolu kien ser iservi ta’ bażi għall-konklużjonijiet relatati kemm mal-kontinwazzjoni u mal-eżistenza tad-dumping, kemm man-natura dewwiema tal-bdil fiċ-ċirkustanzi, kif ukoll mal-konklużjonijiet finali tal-eżami mill-ġdid interim parzjali. Huma jispjegaw li, li kieku l-Kummissjoni għadditilhom l-imsemmi kalkolu, huma kienu jkunu jistgħu jiddefendu aħjar id-drittijiet tagħhom f’dak li jikkonċerna l-kalkolu tad-dumping u l-konklużjonijiet tad-dumping fl-intier tagħhom, inkluż l-argument li jikkonċerna l-metodu ta’ kalkolu użat matul l-investigazzjoni inizjali, li seta’ jkollu influwenza sinjifikattiva fuq is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom.

97      Il-Kunsill jikkontesta l-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

98      Skont il-ġurisprudenza, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma japplikawx biss fil-kuntest ta’ proċeduri li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet iżda anki fil-kuntest tal-proċeduri ta’ investigazzjoni li jippreċedu l-adozzjoni ta’ regolamenti antidumping, li jistgħu jaffettwaw l-impriżi kkonċernati b’mod dirett u individwali u li jistgħu jimplikaw konsegwenzi sfavorevoli għalihom (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill, C‑49/88, Ġabra, EU:C:1991:276, punt 15). B’mod partikolari, huwa meħtieġ li l-impriżi kkonċernati jkunu tqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu effettivament il-perspettiva tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tal-ħsara li tirriżulta minnha (sentenza Al-Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:1991:276, punt 17). Dawn ir-rekwiżiti ġew ukoll speċifikati fl-Artikolu 20 tar-regolament bażiku, li l-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi li l-lanjanti, l-importaturi u l-esportaturi kif ukoll l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom, u r-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni “jistgħu jitolbu żvelar finali tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali fuq il-bażi li fuqha huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi”.

99      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kalkolu finali tal-marġni ta’ dumping ma kienx jikkostitwixxi kunsiderazzjoni jew fatt essenzjali. Fil-fatt, hekk kif inhu rrilevat fil-punt 87 iktar ’il fuq, il-Kunsill indika, fil-premessa 38 tar-regolament ikkontestat, li ma kienx meħtieġ li jieħu pożizzjoni dwar il-kwistjoni tal-ħtieġa li jiġi kkalkolat il-marġni ta’ dumping individwali għal kull waħda mir-rikorrenti, peress li, fi kwalunkwe każ, ma kienx hemm biżżejjed provi sabiex jiġi kkunsidrat li l-bdil fiċ-ċirkustanzi, fir-rigward tal-marġni ta’ dumping, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, kien ta’ natura dewwiema. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 76 u 78 iktar ’il fuq, peress li r-rikorrenti ma pproduċewx elementi li jistgħu juru li l-bdil fiċ-ċirkustanzi allegat kien dewwiem, din il-konstatazzjoni tal-Kunsill ma hijiex ivvizzjata minn illegalità, b’mod li huwa kellu dritt, mingħajr ma kien hemm lok li jikkalkola l-marġni ta’ dumping b’mod preċiż, li jiddeċiedi li jżomm il-miżuri fis-seħħ. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jitqies li l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża allegata mir-rikorrent huwa stabbilit, peress li l-imsemmi ksur huwa relatat mal-metodu ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping, dan ma jistax iwassal għall-annullament tar-regolament ikkontestat, u dan peress li, hekk kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, il-Kunsill ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq il-konstatazzjoni tal-assenza ta’ natura dewwiema tal-bdil fiċ-ċirkustanzi allegat.

100    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni għaddiet lir-rikorrenti l-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, fit-28 ta’ Ottubru 2011, fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar dan id-dokument permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Novembru 2011. F’dawn l-osservazzjonijiet, ir-rikorrenti jsemmu żviluppi sostanzjali fil-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti eżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom, u dan minkejja li l-Kunsill finalment iddeċieda li ma jiffissax marġni ta’ dumping b’mod definittiv.

101    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud, sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, bħala infondat.

102    Fir-rigward tal-konklużjonijiet ifformulati fil-punti 82, 95 u 101 iktar ’il fuq, l-ewwel u t-tielet motivi għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

 Fuq it-tieni motiv, dwar il-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni

103    Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni, minn naħa, billi sostnew li, fis-sens tal-ġurisprudenza, huma ma kinux jifformaw entità ekonomika waħda ma’ RFAI u, min-naħa l-oħra u konsegwentement, billi qiesu li aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni, li jikkorrispondi għall-ispejjeż tal-bejgħ, spejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra kif ukoll il-marġni ta’ profitt ta’ RFAI, kellu jitwettaq skont l-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku.

104    Il-Kunsill u Euroalliages jikkontestaw l-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

105    Peress li, hekk kif ġie stabbilit iktar ’il fuq, l-istituzzjonijiet ġustament naqsu milli jiddeterminaw il-marġni ta’ dumping b’mod preċiż, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni motiv jidher li huwa ineffettiv. Fil-fatt, it-tieni motiv huwa essenzjalment ibbażat fuq illegalità li tivvizzja l-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping.

106    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

107    Fid-dawl tal-konklużjonijiet ifformulati fil-punti 102 u 106 iktar ’il fuq, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

108    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

109    Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, li intervjeniet insostenn tat-talbiet tal-Kunsill, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

110    Fl-aħħar nett, Euroalliages għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Chelyabinsk electrometallurgical integrated plant OAO (CHEMK) u Kuzneckie ferrosplavy OAO (KF) għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

4)      Euroalliages għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ April 2015.

Firem


Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel u t-tielet motivi, meħuda flimkien, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku u tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 2(12) tal-istess regolament, kif ukoll fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

Fuq il-ksur tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku

– Fuq l-ewwel ilment, ifformulat fil-kuntest tal-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-istituzzjonijiet fir-rigward tal-portata tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom taħt l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku

– Fuq it-tieni motiv, ifformulat fil-kuntest tat-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn, f’dak li jikkonċerna l-marġni ta’ dumping, l-istituzzjonijiet ikkonkludew li l-bdil fiċ-ċirkustanzi ma huwiex ta’ natura dewwiema

Fuq il-ksur tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 2(12) tal-istess regolament

Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

Fuq it-tieni motiv, dwar il-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.