Language of document : ECLI:EU:T:2014:781

Kawża T‑168/12

Aguy Clement Georgias et

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

u

Il-Kummissjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe – Iffriżar ta’ fondi – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Rabta kawżali – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-18 ta’ Settembru 2014

1.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Oneru tal-prova – Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet – Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

2.      Rikors għad-danni – Terminu ta’ preskrizzjoni – Bidu tad-dekorrenza – Responsabbiltà għal att regolamentari – Data li fiha jidhru l-effetti dannużi tal-att – Data tal-adozzjoni tal-att dwar inklużjoni tal-isem tar-rikorrent

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 314/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 412/2007)

3.      Eċċezzjoni ta’ illegalità – Natura inċidentali – Miżuri restrittivi tal-iffriżar ta’ fondi – Rikors għad-danni ippreżentat fit-terminu ta’ preskrizzjoni, iżda fl-assenza ta’ rikors għal annullament – Ammissibbiltà

(Artikoli 263 TFUE u 277 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 46 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53)

4.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Regolament li jipprovdi miżuri restrittivi bl-esklużjoni ta’ dispożizzjonijiet li jipprojbixxu d-dħul fi Stat Membru jew it-tranżitu mit-territorju ta’ dan l-Istat – Rifjut ta’ aċċess fit-territorju nazzjonali u ta’ tranżitu li jaqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenzi sovrani nazzjonali relatati mal-kontroll ta’ aċċess taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz – Assenza ta’ rabta kawżali

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 314/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 412/2007)

5.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Evalwazzjoni tal-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Kwistjoni separata li tirrigwarda l-legalità sostantiva

(Artikoli 296 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

6.      Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe – Iffriżar ta’ fondi ta’ ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe – Portata tal-istħarriġ – Stħarriġ limitat għar-regoli ġenerali – Stħarriġ estiż għall-evalwazzjoni tal-fatti u għall-verifika tal-provi għall-atti li japplikaw għall-entitajiet speċifiċi

(Artikoli 60 KE u 301 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 314/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 412/2007)

7.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe – Obbligu tal-istituzzjonijiet li jeżaminaw mill-ġdid regolarment is-sitwazzjoni li ġġustifikat l-adozzjoni tal-att dwar miżuri ristrettivi u l-opportunità tal-estenzjoni tagħhom – Portata – Illegalità tal-att li jiddependi mill-prova ta’ eventwali effetti proċedurali tal-ksur tal-imsemmi obbligu

(Regolament tal-Kunsill Nru 314/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 412/2007)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 24-26)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 29-31)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 34, 35)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 43, 45, 46)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 69, 71)

6.      Fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju, il-Kunsill għandu, fir-rigward tar-regoli ġenerali li jiddefinixxu l-modalitajiet tal-miżuri restrittivi, setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, skont pożizzjoni komuni adottata taħt il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni. Peress li l-qorti Komunitarja ma tistax, b’mod partikolari, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-provi, tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali miżuri b’dik tal-Kunsill, l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u tar-regoli dwar il-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter. Dan l-istħarriġ limitat japplika, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet dwar l-opportunità li fuqhom ikunu bbażati tali miżuri.

F’dan ir-rigward, madankollu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ pajjiż terz, fis-sens tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, fis-sens li dan il-kunċett jinkludi l-mexxejja ta’ tali pajjiż kif ukoll individwi u entitajiet li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom. B’hekk, il-Kunsill, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu fil-qasam, meta jkollu l-intenzjoni li jadotta, fuq il-bażi ta’ dawn l-artikoli, miżuri restrittivi kontra l-mexxejja ta’ tali pajjiż kif ukoll individwi u entitajiet li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom, jista’, ċertament, jiddefinixxi b’mod kemxejn wiesgħa ċ-ċirku tal-mexxejja u tal-assoċjati tagħhom li ser ikunu s-suġġett ta’ miżuri li għandhom ikunu adottati, iżda ma jistax jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija miżuri lill-persuni jew lill-entitajiet li ma jaqgħux la taħt waħda u lanqas taħt l-oħra tal-kategoriji msemmija iktar ’il fuq.

Barra minn hekk, f’każ fejn il-Kunsill jiddefinixxi b’mod astratt il-kriterji li jistgħu jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-isem ta’ persuna, jew ta’ entità, fil-lista tal-ismijiet ta’ persuni jew ta’ entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 60 KE u 301 KE, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika, fuq il-bażi tal-motivi mqajma mill-persuna jew l-entità kkonċernata jew, jekk ikun il-każ, imqajma ex officio, jekk il-każ tagħha jikkorrispondix għall-kriterji ddefiniti mill-Kunsill. Dan l-istħarriġ jestendi għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati bħala li jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-isem tal-persuna jew tal-entità inkwistjoni fil-lista tal-ismijiet ta’ dawk li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, kif ukoll għall-verifika tal-provi u ta’ informazzjoni li fuqhom hija bbażata din l-evalwazzjoni. Il-Qorti Ġenerali għandha wkoll tiżgura ruħha li d-drittijiet tad-difiża u r-rekwiżit ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward jiġu rrispettati kif ukoll, fejn xieraq, mill-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet imperattivi invokati eċċezzjonalment mill-Kunsill sabiex ma jirrispettax dawn id-drittijiet.

(ara l-punti 52, 72-74)

7.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju lilha, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi żgurat anki fl-assenza tal-leġiżlazzjoni kollha li tikkonċerna l-proċedura inkwistjoni. Dan il-prinċipju jeħtieġ li l-persuna kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni li turi b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar l-elementi li jistgħu jintużaw kontriha fl-att li jintervjeni.

F’dan ir-rigward, dwar l-inklużjoni tar-rikorrent skont ir-Regolament Nru 412/2007, li jemenda r-Regolament 314/2004 fil-kuntest ta’ ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe, kien jeżisti obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jeżaminaw mill-ġdid regolarment is-sitwazzjoni li ġġustifikat l-adozzjoni tal-miżuri ristrettivi u l-opportunità tal-estenzjoni tagħhom. Dan huwa b’mod speċjali l-każ meta dawn il-miżuri kienu jinkludu restrizzjoni fl-użu tad-dritt ta’ proprjetà tal-persuni msemmija, peress li din ir-restrizzjoni kellha barra minn hekk tiġi kkwalifikata bħala sinjifikanti, fid-dawl tal-portata ġenerali tal-iffriżar tal-assi inkwistjoni.

Madankollu, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, sabiex ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għal annullament tal-att inkwistjoni, hemm bżonn li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti. B’hekk, f’każ fejn ir-rikorrent ifittex, permezz ta’ rikors għad-danni, il-kumpens għad-dannu li jallega li kien ġarrab minħabba l-adozzjoni ta’ att jew tal-estenzjoni tal-validità tiegħu, bi ksur tad-drittijiet tiegħu tad-difiża, u fejn din il-parti ma ppreżentatx rikors għal annullament kontra l-att inkwistjoni, l-invokazzjoni biss ta’ ksur allegat tad-drittijiet tagħha tad-difiża ma hijiex suffiċjenti sabiex turi l-fondatezza tar-rikors tagħha għad-danni. Xorta għandha tingħata spjegazzjoni liema huma l-argumenti u l-elementi li l-persuna kkonċernata kienet issostni jekk id-drittijiet tad-difiża tagħha kienu ġew irrispettati u turi, jekk ikun il-każ, li dawn l-argumenti u elementi setgħu jwasslu fil-każ tagħha għal riżultat differenti, b’mod partikolari għan-nuqqas ta’ tiġdid tal-miżura ristrettiva inkwistjoni ta’ ffriżar tal-assi tiegħu.

(ara l-punti 100, 105-107)