Language of document : ECLI:EU:T:2013:524

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

8 ta’ Ottubru 2013

Kawża T‑167/12 P

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

vs

AY

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2010 — Eżami komparattiv tal-merti — Perfezzjonament professjonali — Riżultat pożittiv fl-eżamijiet tal-programm ta’ taħriġ tal-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet AST fil-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għall-aċċess fil-grupp ta’ funzjonijiet AD — Żnaturament tal-provi”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Frar 2012, AY vs Il‑Kunsill (F‑23/11), u li huwa intiż għall-annullament parzjali ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Frar 2012, AY vs Il‑Kunsill (F‑23/11) hija annullata sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rrifjuta li jippromwovi lil AY fil-grad AST 9 skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2010 u sa fejn huwa kkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha (punti 1 u 4 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza). Il-kawża hija rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni — Riżultat pożittiv fl-eżamijiet ta’ ċertifikazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 24a, 43 u 45(1))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 25 u 28)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 8 ta’ Settembru 2008, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, T‑222/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑37 u II‑B‑1‑267, punti 60 sa 62 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      L-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-evalwazzjoni tal-merti li għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ promozzjoni skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, li hija madankollu limitata min-neċessità li jsir eżami komparattiv tal-kandidaturi b’attenzjoni u b’imparzjalità, fl-interess tas-servizz u b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Id-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni jimplika, b’mod partikolari, li meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-Awtorità tal-Ħatra tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’hekk, hija tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz iżda anki dak tal-uffiċjal ikkonċernat.

Konsegwentement, l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax ma tiħux inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, il-fatt li uffiċjal kien magħżul sabiex jipparteċipa fi programm ta’ taħriġ għall-finijiet taċ-ċertifikazzjoni tiegħu u li huwa kiseb riżultat pożittiv fl-eżamijiet li jagħtu prova li kien segwa dan il-programm b’suċċess, anki jekk dan il-fatt, fih innifsu, ma jagħtih ebda dritt għal promozzjoni għal grad superjuri fil-grupp tal-funzjonijiet AST u ebda prijorità awtomatika.

F’dan il-kuntest, l-Awtorità tal-Ħatra għandha, skont l-Artikolu 24a tar-Regolamenti tal-Persunal, tikkunsidra l-perfezzjonament professjonali mwettaq mill-uffiċjal għall-avvanz tiegħu fil-karriera bħala wieħed mill-komponenti tal-merti tiegħu.

Madankollu, l-Awtorità tal-Ħatra għandha s-setgħa mogħtija taħt ir-Regolamenti tal-Persunal li tagħmel l-eżami tal-merti previst fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal skont il-proċedura jew il-metodu li hija tqis li huwa l-iktar xieraq.

F’dan ir-rigward, l-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-perfezzjonament professjonali mwettaq mill-uffiċjal huwa rifless, b’mod partikolari, fil-kontenut tar-rapporti ta’ evalwazzjoni li jirrigwardaw il-kompetenza, l-effiċjenza u l-kondotta fis-servizz, li huma stabbiliti skont l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u li jikkostitwixxu wieħed mit-tliet elementi, imsemmija espressament fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-eżami komparattiv tal-merti għall-finijiet tal-promozzjoni.

Minn dan isegwi li l-amministrazzjoni tista’ wkoll tikkunsidra ċ-ċertifikazzjoni ta’ uffiċjal għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti ta’ dan, fil-kuntest tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-rapport li kien suġġett għalih, b’dan ir-rapport jirrifletti l-merti ta’ dan l-uffiċjal.

(ara l-punti 33 sa 38)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, ĠabraSP p. I‑A‑253 u II‑1169, punti 52 sa 54; 27 ta’ Settembru 2006, Lantzoni vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑156/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑189 u II‑A‑2‑969, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata; 2 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs Berrisford, T‑473/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑17 u II‑B‑1‑85, punt 42; 30 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Dittert, T‑51/08 P, punt 54