Language of document : ECLI:EU:T:2015:231

Kawża T‑169/12

Chelyabinsk electrometallurgical integrated plant OAO (CHEMK)

u

Kuzneckie ferrosplavy OAO (KF)

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġina, b’mod partikolari, mir-Russja – Eżami mill-ġdid interim parzjali – Kalkolu tal-marġni ta’ dumping – Bdil fiċ-ċirkustanzi – Natura dewwiema ”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ April 2015

1.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid interim parzjali ta’ dazju antidumping – Għan – Verifika tal-ħtieġa taż-żamma tal-miżuri antidumping – Kundizzjonijiet għat-tneħħija tal-miżura – Bdil sinjifikattiv u dewwiem fiċ-ċirkustanzi – Natura kumulattiva ta’ dawn il-kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 11(3) u (9))

2.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid interim parzjali ta’ dazju antidumping – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Artikolu 256 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 11(3))

3.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid interim parzjali ta’ dazju antidumping – Verifika tal-ħtieġa taż-żamma tal-miżuri antidumping – Metodu jew modalitajiet ta’ verifika – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Analiżi retrospettiva u prospettiva

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 11(3))

4.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid interim parzjali ta’ dazju antidumping – Distinzjoni mill-proċedura ta’ investigazzjoni inizjali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 11(1) u (3))

5.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Rimbors tad-dazji antidumping – Talba għal rimbors ibbażata fuq l-Artikolu 11(8) tar-Regolament Nru 1225/2009 – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 11(8))

6.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid interim parzjali ta’ dazju antidumping – Verifika tal-ħtieġa taż-żamma tal-miżuri antidumping – Determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping – Obbligu li jiġi ffissat ammont preċiż għall-marġni ta’ dumping – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikoli 2(11) u (12), u 11(3) u (9))

7.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Rispett fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi – Antidumping – Obbligu li l-istituzzjonijiet jiżguraw b’diliġenza li l-impriżi kkonċernati jiġu informati – Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 20(2))

1.      L-għan tal-eżami mill-ġdid interim parzjali ta’ dazju antidumping huwa li tiġi vverifikata l-ħtieġa taż-żamma tal-miżuri antidumping, skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 1225/2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (regolament bażiku). F’dan ir-rigward, hemm lok, għall-istituzzjonijiet, li l-ewwel jevalwaw il-ħtieġa taż-żamma tal-miżura eżistenti u, abbażi ta’ dan, li jikkonstataw l-eżistenza ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi mhux biss sinjifikattiv iżda wkoll dewwiem, fir-rigward tad-dumping. Huwa biżżejjed li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi ma tkunx issodisfatta sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jikkonkludu li hemm lok li l-imsemmija miżura tinżamm fis-seħħ.

Huwa biss sussegwentement, ladarba titwettaq l-evalwazzjoni tal-ħtieġa taż-żamma tal-miżuri eżistenti u sa fejn l-istituzzjonijiet ikunu ddeċidew li jemendaw il-miżuri eżistenti, li huma jkunu marbuta, fid-determinazzjoni tagħhom tal-miżuri l-ġodda, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, li jagħtuhom is-setgħa u l-obbligu espliċiti li japplikaw, bħala prinċipju, l-istess metodu bħal dak użat matul l-investigazzjoni inizjali li wassal għall-impożizzjoni tad-dazju antidumping.

(ara l-punti 43, 49, 56, 63, 77, 91)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 44, 45, 50, 53)

3.      Fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid interim parzjali ta’ dazju antidumping, il-kontroll li l-Kummissjoni għandha twettaq fuq il-bdil ta’ ċirkustanzi li jista’ jiġġustifika t-tneħħija ta’ tali dazju iwassal sabiex din ma twettaqx biss analiżi retrospettiva tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni meqjusa iżda wkoll analiżi prospettiva tal-iżvilupp probabbli tas-sitwazzjoni, mill-adozzjoni tal-miżura ta’ eżami mill-ġdid, sabiex jiġi evalwat l-impatt probabbli ta’ tneħħija jew ta’ emenda tal-imsemmija miżura.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami prospettiv, hemm lok li l-istituzzjoni kkonċernata tikkontrolla, fid-dawl tal-provi prodotti mill-awtur tat-talba għal eżami mill-ġdid, jekk id-dumping jerġax jitfaċċa jew jerġax jiżdied fil-futur, b’mod li ma jibqgħux meħtieġa miżuri sabiex jagħmlu tajjeb għalih. Il-ħtieġa li jsir eżami mill-ġdid ta’ miżura fis-seħħ huwa suġġett għall-konstatazzjoni, minn naħa, li ċ-ċirkustanzi li jikkonċernaw id-dumping inbidlu b’mod sinjifikattiv u, min-naħa l-oħra, li dawn il-bidliet huma ta’ natura dewwiema. Huwa biżżejjed li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi ma tkunx issodisfatta sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jikkonkludu li hemm lok li l-imsemmija miżura tinżamm fis-seħħ.

Barra minn hekk, peress li t-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 1225/2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (regolament bażiku), ma fihom ebda indikazzjoni dwar l-ordni li fiha għandhom jitwettqu dawn iż-żewġ eżamijiet u peress li l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, inkluża l-fakultà li jwettqu evalwazzjoni prospettiva, jekk din tal-aħħar ma turix il-ħtieġa taż-żamma tal-miżuri, huwa inutli li huma jagħmlu evalwazzjoni retrospettiva ddettaljata u, għaldaqstant, fir-rigward tad-dumping, ikun inutli li jwettqu kalkolu ddettaljat tal-marġni ta’ dumping.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istituzzjonijiet jistgħu, jekk iqisu li huwa opportun, jibdew bl-eżami prospettiv u, għalhekk, fil-każ li jikkonkludu li l-bdil fiċ-ċirkustanzi li jinvoka l-awtur tat-talba għal eżami mill-ġdid u li wassal għal tnaqqis jew għal tneħħija tad-dumping ikkonstatat fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni inizjali ma huwiex dewwiem, jastjenu milli, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, jikkalkolaw il-marġni ta’ dumping b’mod preċiż.

(ara l-punti 46-51, 69, 77, 94)

4.      Fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid bħala prinċipju tiddistingwi ruħha mill-proċedura ta’ investigazzjoni inizjali, li hija rregolata minn dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 1225/2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (regolament bażiku), li uħud minnhom ma humiex intiżi li japplikaw għall-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, fid-dawl tal-istruttura u tal-għanijiet tas-sistema.

Id-differenza oġġettiva bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ proċedura tinsab fil-fatt li l-importazzjonijiet suġġetti għal proċedura ta’ eżami mill-ġdid huma dawk li diġà kienu s-suġġett tal-istabbiliment ta’ miżuri antidumping definittivi u li fir-rigward tagħhom bħala prinċipju tressqu provi suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li t-tneħħija ta’ dawn il-miżuri probabbilment tkun tiffavorixxi l-kontinwazzjoni tad-dumping u tal-ħsara jew tkun tiffavorixxi li d-dumping u l-ħsara jitfaċċaw mill-ġdid. Għall-kuntrarju, meta importazzjonijiet ikunu suġġetti għal investigazzjoni inizjali, l-għan tagħha jkun preċiżament li tiġi ddeterminata l-eżistenza, il-livell u l-effett ta’ kwalunkwe dumping allegat. L-għanijiet tal-Artikolu 11(1) tar-regolament bażiku bl-ebda mod ma huma affettwati mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-regolament.

Fil-fatt, l-għan tal-Artikolu 11(1) tar-regolament bażiku huwa li jiżgura li miżura antidumping tibqa’ fis-seħħ biss sakemm din tibqa’ meħtieġa sabiex tagħmel tajjeb għad-dumping. Fir-rigward tal-Artikolu 11(3) tal-istess regolament, l-għan tiegħu huwa li tiġi vverifikata l-ħtieġa taż-żamma tal-miżuri antidumping. Għaldaqstant, meta l-istituzzjonijiet iqisu li l-bdil fiċ-ċirkustanzi ma huwiex dewwiema, huma għandhom id-dritt, mingħajr bl-ebda mod ma jikkompromettu l-għan imfittex mill-imsemmi Artikolu 11(1) li jikkonkludu li ż-żamma tal-miżura fis-seħħ hija meħtieġa.

(ara l-punti 59, 60, 62, 63)

5.      Fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, il-proċedura ta’ rimbors prevista fl-Artikolu 11(8) tar-Regolament Nru 1225/2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, tippermetti li jintalab ir-rimbors ta’ dazji diġà mħallsa jekk jintwera li l-marġni ta’ dumping li abbażi tiegħu tħallsu d-dazji ġie eliminat jew tnaqqas għal livell iktar baxx mil-livell tad-dazju fis-seħħ. Għaldaqstant, hija għandha natura esklużivament retrospettiva, peress li tapplika eżattament għas-sitwazzjonijiet fejn dazju antidumping tħallas filwaqt li l-importazzjoni inkwistjoni ma kienet is-suġġett ta’ ebda dumping jew kienet suġġett ta’ dumping iżgħar.

(ara l-punt 79)

6.      Is-suġġett tal-bdil fiċ-ċirkustanzi msemmi fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 1225/2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (regolament bażiku), huwa differenti minn dak imsemmi fl-Artikolu 11(9) tal-istess regolament. Fil-fatt, il-bdil fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-regolament jikkonċerna d-dumping u l-ħsara. Għall-kuntrarju, il-bdil fiċ-ċirkustanzi msemmi fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(9) tal-imsemmi regolament jikkonċerna l-parametri applikati, skont b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(11) u (12) tal-istess regolament, fir-rigward tal-metodu magħżul, matul l-investigazzjoni inizjali li wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju, sabiex jiġi kkalkolat il-marġni ta’ dumping. Il-bdil fiċ-ċirkustanzi kkonstatat, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, jista’ b’mod partikolari jirriżulta mit-telf tal-affidabbiltà ta’ tali parametru użat matul l-investigazzjoni inizjali.

Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-eżami tal-ħtieġa taż-żamma tal-miżuri eżistenti, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, inkluża l-fakultà li jwettqu evalwazzjoni prospettiva. Huwa biss meta l-evalwazzjoni ta’ din il-ħtieġa tkun saret u meta l-istituzzjonijiet ikunu ddeċidew li jbiddlu l-miżuri eżistenti li huma jkunu marbuta, fid-determinazzjoni tagħhom tal-miżuri l-ġodda, mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, li tobbligahom japplikaw il-metodu stabbilit fl-Artikolu 2 tal-istess regolament.

Fil-fatt, l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku japplika biss ladarba l-eżistenza ta’ bdil dewwiem fiċ-ċirkustanzi tkun ġiet ikkonstatata, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tal-istess regolament, u ladarba jkun ġie deċiż, skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, li l-miżuri eżistenti jiġu emendati, b’mod li jkun meħtieġ li l-ammont tal-marġni ta’ dumping jiġi kkalkolat mill-ġdid. Għall-kuntrarju, meta l-istituzzjonijiet jikkonkludu li ma hemmx bdil dewwiemi fiċ-ċirkustanzi, l-imsemmi Artikolu 11(9) ma japplikax.

Barra minn hekk, il-fatt li l-kunċett ta’ natura dewwiema ma huwiex imsemmi b’mod espliċitu fl-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku ma huwiex rilevanti għall-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 11(9) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 2(12) tal-istess regolament, jimponix fuq l-istituzzjonijiet obbligu li jikkalkolaw b’mod preċiż marġni ta’ dumping fi tmiem l-eżami mill-ġdid interim. Fil-fatt, l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku għandu jiġi interpretat, fir-rigward tad-dumping, bħala li jawtorizza lill-istituzzjonijiet iwettqu eżami kemm retrospettiv kif ukoll prospettiv. Jekk, fi tmiem l-eżami prospettiv l-istituzzjonijiet jikkonkludu li l-bdil fiċ-ċirkustanzi ma huwiex ta’ natura dewwiema, huma jistgħu ma jiddeterminawx il-marġni ta’ dumping b’mod preċiż.

(ara l-punti 90-92, 94)

7.      Ir-rekwiżiti li jirriżultaw mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma japplikawx biss fil-kuntest ta’ proċeduri li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet iżda anki fil-kuntest tal-proċeduri ta’ investigazzjoni li jippreċedu l-adozzjoni ta’ regolamenti antidumping, li jistgħu jaffettwaw l-impriżi kkonċernati b’mod dirett u individwali u li jistgħu jimplikaw konsegwenzi sfavorevoli għalihom. B’mod partikolari, huwa meħtieġ li l-impriżi kkonċernati jkunu tqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu effettivament il-perspettiva tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi kkunsidrati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tal-ħsara li tirriżulta minnha. Dawn ir-rekwiżiti ġew ukoll speċifikati fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1225/2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea.

(ara l-punt 98)