Language of document : ECLI:EU:T:2008:404

DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

25 ta’ Settembru 2008 (*)

“Rikors għal annullament – FEŻR – Kanċellament ta’ għajnuna finanzjarja – Irkupru tal-ammonti diġà mħallsa – Talbiet għal ħlas ta’ interessi moratorji – Tpaċija – Entità reġjonali jew lokali – Nuqqas ta’ interess dirett – Inammissibbiltà”

Fil-kawżi magħquda T‑392/03, T‑408/03, T‑414/03 u T‑435/03,

Regione Siciliana (l-Italja), irrappreżentata minn G. Aiello u A. Cingolo, avvocati dello Stato,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. de March, L. Flynn u G. Wilms, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, avukat,

konvenuta,

li għandhom bħala suġġett, fil-kawża T‑392/03, talba għall-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2003, inkwantu hija tikkonċerna l-modalitajiet ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-proġett ta’ infrastruttura msejjaħ “diga fuq il-Gibbesi”, kif ukoll tal-atti preċedenti u derivati, fil-kawża T‑408/03, talba għall-annullament tal-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003, inkwantu hija tikkonċerna l-modalitajiet ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa mill-FEŻR għall-proġetti ta’ infrastruttura msejħa “Aragona Favara” u “pjanura ta’ Katanja”, kif ukoll tal-atti preċedenti u derivati, fosthom b’mod partikolari l-ittri tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Awwissu 2003 u tal-14 ta’ Awwissu 2003, fil-kawża T‑414/03, talba għall-annullament tal-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003, inkwantu hija tikkonċerna l-modalitajiet ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa mill-FEŻR għall-proġett ta’ infrastruttura msejjaħ “awtostrada Messina-Palermo”, kif ukoll tal-atti preċedenti u derivati, fosthom in-nota ta’ debitu tal-Kummissjoni Nru 3240406591, tal-25 ta’ Settembru 2002, u, fil-kawża T‑435/03, talba għall-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Ottubru 2003, relattiva għat-tpaċija bejn krediti u djun tal-Kummissjoni relatati mal-għajnuna tal-FEŻR “Porto Empedocle”, “diga fuq il-Gibbesi”, “awtostrada Messina-Palermo”, “Aragona Favara” u “pjanura ta’ Katanja”, kif ukoll tal-atti preċedenti u derivati,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (87) 2090 026, tas-17 ta’ Diċembru 1987, il-Kummissjoni tat lir-Repubblika Taljan għajnuna mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) fl-ammont ta’ Liri Taljani (ITL) 94 940 620 056, fir-rigward tat-twettiq ta’ diga fuq it-turrent Gibbesi (iktar ’il quddiem l-“għajnuna ‘diga fuq il-Gibbesi’). L-awtorità responsabbli għat-twettiq tal-proġett kienet l-Ente minerario siciliano (Amministrazzjoni Sqallija tal-minjieri). Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Diċembru 1996, l-awtoritajiet Taljani talbu għal estensjoni tat-terminu – iffissat għall-31 ta’ Marzu 1995 – għall-preżentazzjoni tat-talba għal ħlas finali. Sussegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti, minn naħa waħda, bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93, tal-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 20), bil-għan li tivverifika l-eżistenza ta’ eventwali irregolaritajiet. Wara osservazzjonijiet magħmula f’dan ir-rigward mir-rikorrenti u mill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2002) 4905, tal-11 ta’ Diċembru 2002, indirizzat lir-Repubblika Taljana, li tikkanċella l-għajnuna “diga fuq il-Gibbesi”, li tordna l-irkupru tal-ħlas bil-quddiem ta’ ITL 75 592 496 044 (EUR 39 040 266,10) li diġà twettaq u li tikkanċella l-impenn li tħallas il-bilanċ ta’ ITL 18 898 124 012 (EUR 9 760 066,53).

2        Permezz tad-Deċiżjoni C (93) 3961, tat-22 ta’ Diċembru 1993, il-Kummissjoni tat lir-Repubblika Taljana għajnuna mill-FEŻR relattiva għal investiment fl-infrastruttura li jikkonċerna l-awtrostrada li tgħaqqad lil Messina ma’ Palermo (iktar ’il quddiem l- għajnuna ‘awtostrada Messina-Palermo’ ). L-amministrazzjoni responsabbli għall-proġett kienet l-Assessorato dei lavori pubblici (Direttorat Reġjonali tax-Xogħlijiet Pubbliċi) tar-Regione Siciliana u l-korp responsabbli għat-twettiq tiegħu kien il-konsorzju għall-awtostrada li tgħaqqad lil Messina ma’ Palermo. Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni waqqfet din l-għajnuna, għal raġunijiet ta’ dewmien fit-twettiq tax-xogħlijiet, u kkalkolat il-bilanċ li dwaru kellha tinħeles mill-impenn tagħha fl-ammont ta’ EUR 26 378 246 u l-bilanċ li kellu jiġi rkuprat fl-ammont ta’ EUR 58 036 177.

3        Fit-3 ta’ Awwissu 2001, il-Kummissjoni ħarġet in-nota ta’ debitu Nru 3240304871, wara l-waqfien tal-għajnuna mill-FEŻR dwar l-ikkompletar taż-żona industrijali ta’ Aragona Favara (iktar ’il quddiem l-“għajnuna ‘Aragona Favara’”). Din in-nota kienet tipprovdi għal kreditu favur il-Kummissjoni ta’ ITL 5 614 002 097 (jiġifieri EUR 2 899 390,11) u indikat it-30 ta’ Settembru 2001 bħala d-data tal-iskadenza għall-ħlas, filwaqt li speċifikat li n-non-osservanza ta’ dan it-terminu tagħti lok għall-applikazzjoni ta’ interessi moratorji. Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni talbet mill-ġdid ir-rimbors ta’ dan l-ammont lill-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi Taljan. Il-ħlas tal-ammont speċifikat fin-nota ta’ debitu Nru 3240304871 sar fl-1 ta’ April 2003. Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Awwissu 2003, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Taljani, b’kopja lir-rikorrenti, tabella bil-kalkolu dettaljat tal-interessi moratorji dovuti minħabba li l-iskadenza tat-terminu stabbilit fin-nota ta’ debitu Nru 3240304871. F’din in-nota ġie indikat li, fid-29 ta’ Awwissu 2003, il-bilanċ mhux imħallas kien jammonta għal EUR 284 702,81, flimkien mal-interessi ta’ EUR 60,41 għal kull ġurnata ta’ dewmien addizzjonali.

4        Fis-27 ta’ Ġunju 2001, il-Kummissjoni ħarġet in-nota ta’ debitu Nru 3240303927, wara l-waqfien tal-għajnuna mill-FEŻR dwar it-twettiq tal-akwedott rurali maħsub għall-provvista tal-ilma tax-xorb fil-pjanura ta’ Katanja (iktar ’il quddiem l-“għajnuna ‘pjanura ta’ Katanja’”). Biha l-Kummissjoni talbet ir-rimbors tal-ħlas bil-quddiem ta’ ITL 1 857 500 000 (jiġifieri EUR 959 318,69) li kien diġà sar. In-nota indikat il-31 ta’ Awwissu 2001 bħala l-iskadenza għall-ħlas u speċifikat li n-non-osservanza ta’ dan it-terminu tagħti lok għall-applikazzjoni ta’ interessi moratorji. Il-ħlas tal-ammont indikat fin-nota ta’ debitu Nru 3240303927 sar fil-25 ta’ Lulju 2003. Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Awwissu 2003, indirizzata lill-awtoritajiet Taljan, b’kopja lir-rikorrenti, il-Kummissjoni kkalkolat il-bilanċ li kellu jitħallas, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-interessi moratorji dovuti minħabba l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-imsemmija nota ta’ debitu. Fit-28 ta’ Awwissu 2003, dan l-ammont għalhekk kien jammonta għal EUR 121 007,04, flimkien mal-interessi ta’ EUR 26,33 għal kull ġurnata ta’ dewmien addizjonali.

5        Fil-25 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni ħarġet in-nota ta’ debitu Nru 3240406591, indirizzata lill-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi Taljan, wara l-waqfien tal-għajnuna “awtostrada Messina-Palermo” (ara l-punt 2 iktar ’il fuq). Din in-nota kienet tipprovdi għal kreditu favur il-Kummissjoni ta’ EUR 58 036 177 u indikat it-30 ta’ Novembru 2002 bħala d-data tal-iskadenza għall-ħlas, filwaqt li speċifikat li n-non-osservanza ta’ dan it-terminu tagħti lok għall-applikazzjoni ta’ interessi moratorji. Il-ħlas tal-ammont indikat fin-nota ta’ debitu Nru 3240406591 sar fl-1 ta’ Awwissu 2003. Permezz ta’ ittra oħra tal-14 ta’ Awwissu 2003, indirizzata lir-rikorrenti, b’kopja lill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni kkalkolat il-bilanċ li kellu jitħallas, billi ħadet inkunsiderazzjoni l- interessi moratorji dovuti minħabba l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-imsemmija nota ta’ debitu. Fid-29 ta’ Awwissu 2003, dan l-ammont għalhekk kien jammonta għal EUR 2 548 927,80, flimkien mal-interessi ta’ EUR 471,71 għal kull ġurnata ta’ dewmien addizzjonali.

6        Wara d-deċiżjoni ta’ kanċellament tal-għajnuna “diga fuq il-Gibbesi”, il-Kummissjoni, fid-19 ta’ Diċembru 2002, ħarġet in-nota ta’ debitu Nru 3240409358, għall-attenzjoni tar-Repubblika Taljana. Din in-nota kienet tipprovdi għal kreditu favur il-Kummissjoni ta’ EUR 39 040 266,10, stabbilixxiet il-31 ta’ Jannar 2003 bħala d-data tal-iskadenza għall-ħlas u indikat li, f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, jintalbu interessi moratorji. Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Awwissu 2003, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti, fuq talba ta’ din tal-aħħar, dikjarazzjoni tal-interessi moratorji dovuti f’dak l-istadju.

7        Permezz ta’ ittri tal-4 u tat-22 ta’ Settembru 2003, indirizzati lill-Kummissjoni, ir-Regione Siciliana kkontestat il-kalkolu tal-ammont tal-interessi moratorji li jikkorrispondu għall-erba’ noti ta’ debitu msemmija iktar ’il fuq u sostniet li l-Kummissjoni kien imissha wettqet tpaċija ex officio bejn l-ammonti dovuti u talbiet għal ħlas intermedjarji mill-FEŻR dwar il-programm operattiv reġjonali “Sqallija 2000-2006” (iktar ’il quddiem il-“POR Sqallija”), ħaġa li, fl-opinjoni tagħha, kienet tippermetti li tiġi evitata jew li tiġi interrotta l-applikazzjoni tal-imsemmija interessi moratorji.

8        Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003, indirizzata lir-Regione Siciliana, b’kopja lill-awtoritajiet Taljani, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni ħa pożizzjoni fuq il-kwistjonijiet imqajma mir-Regione Siciliana. Għaldaqstant huwa osserva li, fir-rigward tal-perijodu inkluż bejn id-dati tal-iskadenza rispettivi tan-noti ta’ debitu u l-1 ta’ Jannar 2003 – id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward il-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p.1) – il-leġiżlazzjoni fis-seħħ [b’mod partikolari l-Artikolu 49 tar-Regolament Finanzjarju, tal-21 ta’ Diċembru 1977, applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 356, p.1), kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 762/2001 (ĠU L 111, p. 1), f’dak li jirrigwarda s-segregazzjoni tad-doveri tal-verifika interna u tal-kontroll finanzjarju ex ante] diġà kienet timponi fuq il-benefiċjarji tal-għajnuna Komunitarja l-obbligu li jħallsu l-interessi moratorji favur il-Komunità, fil-każ ta’ rkupru ta’ ħlas mhux dovut. Barra minn hekk, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni spjega li t-tpaċija mitluba mir-rikorrenti ma kinitx espliċitament prevista bħala metodu ta’ rkupru tal-krediti ħlief wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1605/2002, u li ser jingħataw istruzzjonijiet sabiex l-interessi fuq in-noti ta’ debitu inkwistjoni jiġu imputati fuq il-ħlas previst favur ir-Repubblika Taljana għal pagamenti li jirrigwardaw ir-rikorrenti.

9        Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ottubru 2003, mibgħuta lir-Regione Siciliana, b’kopja lill-awtoritajiet Taljani, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni spjega li ser issir tpaċija bejn ċerti krediti u djun tal-Kummissjoni. Dawn il-krediti kienu jikkonsistu fl-ammont tan-nota ta’ debitu Nru 3240504102, tal-24 ta’ Ottubru 2003, relattiva għall-għajnuna mill-FEŻR dwar xogħlijiet ta’ urbanizzazzjoni u strutturi relatati fuq is-sit industrijali ta’ Porto Empedocle (iktar ’il quddiem l-“għajnuna ‘Porto Empedocle’”), jiġifieri ammont ta’ EUR 7 704 723, u tan-nota ta’ debitu Nru 3240409358, tad-19 ta’ Diċembru 2002 (għajnuna “diga fuq il-Gibbesi”), jiġifieri EUR 39 040 266,10, kif ukoll fl-interessi moratorji relattivi għan-nota ta’ debitu Nru 3240406591, tal-25 ta’ Settembru 2002 (għajnuna “awtostrada Messina-Palermo”), jiġifieri EUR 2 581 947,74, għan-nota ta’ debitu Nru 3240304871, tat-3 ta’ Awwissu 2001, (għajnuna “Aragona Favara ”), jiġifieri EUR 288 931,82 u għan-nota ta’ debitu Nru 3240303927, tas-27 ta’ Ġunju 2001 (għajnuna “pjanura ta’ Katanja”), jiġifieri EUR 122 876,18. Id-djun inkwistjoni kienu jikkonċernaw talba għal ħlas relattiva għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2000) 2346, tat-8 ta’ Awwissu 2000, li tagħti għajnuna mill-FEŻR fil-kuntest tal-POR Sqallija, fl-ammont totali ta’ EUR 50 335 454,98.

10      Kif diġà kienet ħabbret fl-ittra tagħha tal-24 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni, fis-7 ta’ Novembru 2003, wettqet tpaċija tal-krediti u tad-djun imsemmija iktar ’il fuq. Bl-istess mod, permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Novembru 2003, il-Kummissjoni ħabbret lill-awtoritajiet Taljani li hija kienet ser twettaq tpaċija fir-rigward tal-ammont dovut mir-Repubblika Taljana bħala interessi relattivi għan-nota ta’ debitu Nru 3240409358 (għajnuna “diga fuq il-Gibbesi”), jiġifieri EUR 1 880 126,91. Din it-tpaċija saret fit-3 ta’ Diċembru 2003.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4, fit-12, fil-11 u fl-24 ta’ Diċembru 2003, ir-rikorrenti ppreżentat dawn ir-rikorsi.

12      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2004, dawn il-kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

13      Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Jannar 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssospendiet il-proċeduri f’dawn il-kawżi magħquda sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C‑417/04 P, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Artikolu 77(a) u tal-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Settembru 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssospendiet il-proċeduri mill-ġdid fuq l-istess bażi, sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C‑15/06 P, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni. 

14      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64(3)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet intalbu b’mod partikolari jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub fuq l-effett fuq dawn il-kawżi, tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Mejju 2006, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni (C‑417/04 P, Ġabra p. I‑3881), u tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni (C‑15/06 P, Ġabra. p. I‑2591). Huma kkonformaw ruħhom ma’ dawn it-talbiet.

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-ittra tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2003, inkwantu hija tikkonċerna l-modalitajiet ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa mill-FEŻR għall-għajnuna “diga fuq il-Gibbesi”, kif ukoll l-atti preċedenti u derivati (Kawża T‑392/03);

–        tannulla l-ittra tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2003, inkwantu hija tikkonċerna l-modalitajiet ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa mill-FEŻR għall-għajnuna “Aragona Favara” u “pjanura ta’ Katanja”, kif ukoll l-atti preċedenti u derivati, fosthom b’mod partikolari l-ittra tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Awwissu 2003 u dik tal-14 ta’ Awwissu 2003 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-14 ta’ Awwissu 2003) (Kawża T‑408/03);

–        tannulla l-ittra tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2003, inkwantu hija tikkonċerna l-modalitajiet ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa mill-FEŻR għall-għajnuna “awtostrada Messina-Palermo”, kif ukoll l-atti preċedenti u derivati, fosthom in-nota ta’ debitu tal-Kummissjoni Nru 3240406591, tal-25 ta’ Settembru 2002 (Kawża T-414/03);

–        tannulla l-ittra tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Ottubru 2003, relattiva għat-tpaċija bejn krediti u djun ta’ din tal-aħħar, inkwantu hija tikkonċerna l-għajnuna “Porto Empedocle”, “diga fuq il-Gibbesi”, “awtostrada Messina-Palermo”, “Aragona Favara” u “pjanura ta’ Katanja”, kif ukoll l-atti preċedenti u derivati (Kawża T‑435/03);

–        tikkkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikorsi bħala infondati;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

17      Skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, f’kull waqt, teżamina, anke ex offiċio, wara li tisma’ lill-partijiet, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissabbilità tar-rikors għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u tiddeċiedi, għaldaqstant, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 114(3) u (4) tal-imsemmija regoli.

18      Skont l-Artikolu 114(3) tar-Regoli tal-Proċeudura, il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tiddeċidix mod ieħor.

19      F’din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għandha biżżejjed informazzjoni abbażi tad-dokumenti fil-proċess, f’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tar-rikorsi, u tiddeċiedi li m’hemmx lok li tisma’ l-ispjegazzjonijiet orali tal-partijiet f’dan ir-rigward. Lanqas ma għandha tilqa’ t-talba tar-rikorrenti għall-ftuħ tal-proċedura orali, minħabba l-importanza ekonomika tal-kawża u l-kwistjonijiet ta’ prinċipju mqajma, billi din it-talba tikkonċerna biss il-mertu tal-kawżi.

 F’dak li jikkonċerna n-nota ta’ debitu tal-25 ta’ Settembru 2002 u l-ittri tat-13 u tal-14 ta’ Awwissu 2003 (Kawżi T‑408/03 u T‑414/03)

 L-argumenti tal-partijiet

20      Il-Kummissjoni tisħaq li l-atti inkwistjoni kienu formalment indirizzati lill-Ministeru Taljan kompetenti u li huma ntbagħtu lir-rikorrenti biss għall-finijiet ta’ informazzjoni. Hija ssostni li dawn l-atti ma jistgħux jikkonċernaw direttament lir-rikorrenti u li r-Repubblika Taljana biss tista’ titlob l-annullament tagħhom.

21      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorsi bl-ebda mod ma jsemmu r-raġunijiet għaliex ir-rikorrenti tqis li dawn l-atti huma illegali, u għaldaqstant jiksru l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza bis-saħħa tal-Artiolu 53 tal-imsemmi Statut, kif ukoll l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiċħad it-teżi tar-rikorrenti li l-ittri tat-13 u tal-14 ta’ Awwissu 2003 ma jikkostitwixxux atti awtonomi mill-ittra tas-6 ta’ Otubru 2003 u ssostni li l-imsemmija ittri huma biss il-konsegwenza loġika tan-nuqqas ta’ ħlas fit-termini, min-naħa tar-Repubblika Taljana, tal-ammonti indikati fin-noti ta’ debitu Nru 3240304871, tat-3 ta’ Awwissu 2001, u Nru 3240303927, tas-27 ta’ Ġunju 2001.

22      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li t-talbiet għall-annullament tal-atti tal-25 ta’ Settembru 2002 u tat-13 u tal-14 ta’ Awwissu 2003 għandhom jitqiesu li huma inammissibbli, għaliex ġew ippreżentati wara t-terminu ta’ xahrejn u għaxart ijiem previst għal dan il-għan. Għaldaqstant, fir-rigward tat-tnejn tal-aħħar, huma ġew irċevuti mir-rikorrenti, skont it-timbri magħmula mill-Presidenza tar-Regione Siciliana, fit-22 jew fis-26 ta’ Awwissu 2004, filwaqt li r-rikors fil-kawża T-408/03 ġie ppreżentat biss fit-12 ta’ Diċembru 2003.

23      Ir-rikorrenti tirrimarka li l-atti inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati b’mod awtonomu. Madankollu hija tisħaq li dawn tal-aħħar bl-ebda mod ma kienu mmotivati u kien biss permezz tal-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003 li l-Kummissjoni speċifikatilha l-pożizzjoni tagħha. Għaldaqstant, l-ewwel att li jista’ jiġi kkontestat utilment huwa preċiżament din l-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ motivi insostenn tat-talbiet għall-annullament tal-atti inkwistjoni huwa konsegwenza evidenti u loġika tal-fatt li huma ma għandhomx awtonomija sħiħa u jsiru kontestabbli biss jekk huma jinqraw fil-kuntest tal-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003, li tesponi l-kontenut tagħhom u l-bażi legali tagħhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

24      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li ma jistax jiġi stabbilit b’mod ċar, fid-dawl tat-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża T‑408/03, jekk ir-rikors tagħha jkoprix in-noti ta’ debitu Nru 3240304871, tat-3 ta’ Awwissu 2001, dwar l-għajnuna “Aragona Favara”, u Nru 3240303927, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-għajnuna “pjanura ta’ Katanja”, jew inkella l-ittri tat-13 u tal-14 ta’ Awwissu relattivi għall-interessi moratorji dovuti minħabba n-nuqqas ta’ ħlas fit-termini tal-ammonti indikati f’dawn in-noti ta’ debitu. Madankollu, dan il-fatt mhuwiex rilevanti għall-ammissibbiltà ta’ dawn ir-rikorsi.

25      Fil-fatt, mill-eżami ta’ dawn l-erba’ atti, kif ukoll tan-nota ta’ debitu Nru 3240406591, tal-25 ta’ Settembru 2002, dwar l-għajnuna “awtostrada Messina-Palermo”, u tal-ittri tal-14 ta’ Awwissu 2003, dwar l-imputazzjoni ta’ interessi moratorji minħabba l-ħlas tard tal-ammont mitlub fin-nota ta’ debitu Nru 3240304871, tat-3 ta’ Awwissu 2001, relattiva għall-għajnuna “Aragona Favara”, u tat-13 ta’ Awwissu 2003, dwar l-imputazzjoni ta’ interessi moratorji minħabba l-ħlas tard tal-ammont mitlub fin-nota ta’ debitu Nru 3240303927, tas-27 ta’ Ġunju 2001, relattiva għall-għajnuna “pjanura ta’ Katanja”, li kienu indirizzati lir-Repubblika Taljana, u ntbagħtu lir-rikorrenti biss għall-finijiet ta’ informazzjoni, jirriżulta li huma limitati sabiex jeżegwixxu d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni li jikkanċellaw jew iwaqqfu l-għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, dawn id-deċiżjonijiet ta’ kanċellament u ta’ rkupru kienu diġà jipprovdu li l-modalitajiet ta’ restituzzjoni tal-ħlasijiet bil-quddiem indebitament irċevuti jkunu speċifikati fin-noti ta’ debitu li jkunu indirizzati lill-awtoritajiet Taljani mill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni, u r-rikorrenti stess tammetti li dawn in-noti ma għandhomx portata deċiżjonali u jirriżultaw direttament mid-deċiżjonijiet ta’ kanċellament tal-għajnuna.

26      Fil-fatt, minn naħa, in-noti ta’ debitu Nru 3240304871, tat-3 ta’ Awwissu 2001, dwar l-għajnuna “Aragone Favara”, Nru 3240303927, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-għajnuna “pjanura ta’ Katanja” u Nru 3240406591, tal-25 ta’ Settembru 2002, dwar l-għajnuna “awtostrada Messina-Palermo”, ma jinkludu l-ebda dispożizzjoni li tordna lir-Repubblika Taljana tirkupra s-somom imħallsa indebitament mingħand ir-rikorrenti. Għaldaqstant, ma hemm xejn li jwassal għall-konklużjoni li r-Repubblika Taljana ma setgħetx tiddeċiedi li tbati hija stess l-ispiża tar-rimborsi li kellhom isiru favur il-FEŻR (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2006, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

27      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tistax titqies li hija direttament ikkonċernata mill-ittri tat-13 u tal-14 ta’ Awwissu 2003. Fil-fatt, dawn tal-aħħar kienu indirizzati lir-Repubblika Taljana, b’kopja lir-rikorrenti, u huma intiżi sabiex jintalbu l-interessi moratorji minħabba li għaddew l-iskadenzi previsti fin-noti ta’ debitu korrispondenti. Għaldaqstant, dawn l-ittri jikkostitwixxu biss il-konsegwennza loġika tan-nuqqas ta’ ħlas fit-termini, min-naħa tar-Repubblika Taljana, tal-ammonti speċifikati fin-noti ta’ debitu Nri 3240304871, tat-3 ta’ Awwissu 2001, u 3240303927, tas-27 ta’ Ġunju 2001.

28      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorsi fil-kawżi T‑408/03 u T‑414/03 għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, sa fejn ifittxu li jiksbu l-annullament tan-noti ta’ debitu tal-25 ta’ Settembru 2002 u tal-ittri tat-13 u tal-14 ta’ Awwissu 2003, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu deċiżi l-eċċezzjonijiet l-oħra ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

 F’dak li jikkonċerna l-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003 relattiva għall-kalkolu tal-interessi moratorji u għan-nuqqas ta’ tpaċija ex officio (Kawżi T‑392/03, T‑408/03 u T‑414/03)

 L-argumenti tal-partijiet

29      Il-Kummissjoni tqis li t-talba għall-annullament tal-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003 hija inammissibbli, għaliex, għalkemm din l-ittra kienet indirizzata lir-rikorrenti, ma għandha l-ebda effett dirett fuq is-sitwazzjoni legali tagħha u għaldaqstant ma tistax tikkonċernaha direttament. Fil-fatt, din l-ittra tqajjem kwistjonijiet bħall-kalkolu tal-interessi moratorji fuq in-noti ta’ debitu tal-Kummissjoni u l-użu tat-tpaċija, li jikkonċernaw krediti li għalihom huma intitolati l-Kummissjoni, minn naħa, u r-Repubblika Taljana, min-naħa l-oħra. Id-deċiżjoni kkontestata toħloq effetti legali fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti biss kieku din tal-aħħar kienet marbuta, minħabba din id-deċiżjoni, tirrimborsa effettivament l-ammont inkwistjoni.

30      Skont il-Kummissjoni, l-eventwali effetti dannużi tal-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003 jikkonċernaw biss lir-Repubblika Taljana u mhux lir-rikorrenti, li tista’ ġġarrab dannu li jirriżulta mill-imsemmija ittra biss jekk l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat, permezz ta’ intervent speċifiku u awtonomu, iġiegħluha tirrimborsa l-ammonti li dan tal-aħħar kellu jħallas lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-fatt li l-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003 kienet formalment indirizzata lir-rikorrenti jirriżulta minn prassi ta’ ġestjoni trasparenti, miftuħa u semplifikata tal-pożizzjonijiet ta’ kontabbiltà Komunitarji, billi r-rikorrenti kienet ipparteċipat f’diversi laqgħat relattivi għal din l-għajnuna. Fl-aħħar mill-aħħar, ir-Repubblika Taljana biss setgħet titlob l-annullament tal-ittra tas-6 ta’ Otttubru 2003 u mhux ir-rikorrenti, li mhijiex intitolata għall-krediti li hija tippretendi li tasserixxi.

31      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003 ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 230 KE. Hija tfakkar li, sabiex ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, l-att inkwistjoni għandu jkun oġġettivament intiż sabiex ikollu effetti legali fir-rigward ta’ terzi u konsegwentement ikun jista’ jkollu effett immedjat fuq l-interessi tagħhom, u b’hekk ibiddel is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom b’mod sinjifikattiv. Dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux sodisfatti fil-każ ta’ att li bih il-Kummissjoni tillimita ruħha sabiex tiddikjara l-interpretazzjoni li hija għandha l-intenzjoni li tadotta fl-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva – f’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji fuq in-noti ta’ debitu u t-tpaċija bħala metodu ta’ rkupru tal-krediti. L-interessi ta’ terzi jistgħu jiġu ppreġudikati konkretament biss permezz ta’ miżuri li jiġu effettivament adottati skont l-orjentazzjoni pprovduta preċedentement f’tali att, bħal talba għall-ħlas ta’ interessi moratorji fuq in-noti ta’ debitu jew ir-rifjut effettiv li jsir użu mit-tpaċija sabiex jiġu estinti d-djun, skont il-kriterji pprovduti fl-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, 114/86, Ġabra p. 5289, punti 12 u 13).

32      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kawża T‑392/03, il-Kummissjoni tisħaq ukoll li r-rikors huwa inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ interess tar-rikorrenti sabiex tikseb l-annullament tal-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003. Hija tirrileva li din in-nota bl-ebda mod ma tikkonċerna l-għajnuna “diga fuq il-Gibbesi”. Issa r-rikors fil-kawża T‑392/03 jkopri biss il-modalitajiet ta’ ħlas tan-nota ta’ debitu li tikkorrispondi għall-imsemmija għajnuna. Għaldaqstant, ma teżisti l-ebda rabta bejn is-suġġett tar-rikors u l-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1977, Société pour l’exportation des sucres vs Il-Kummissjoni (88/76, Ġabra p. 709), id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 2004, L-Olanda vs Il-Kummissjoni (C‑164/02, Ġabra p. I‑1177, punti 18 u 24), u d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ April 1999, Unione provinciale degli agricoltori di Firenze et vs Il-Kummissjoni (T‑78/98, Ġabra p. II‑1377).

33      Ir-rikorrenti tisħaq li hija ma taġixxiex bħala suġġett distint mir-Repubblika Taljana, iżda bħala entità territorjali ta’ dan l-Istat, destinatarja speċifika tal-għajnuna inkwistjoni. Hija tisħaq ukoll li l-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003 kienet formalment indirizzata lilha u tikkonċernaha direttament u individwalment, għaliex teżisti rabta kawżali manifesta bejn is-sitwazzjoni individwali tagħha u l-att adottat. Għaldaqstant din l-ittra tirrispondi għall-ittra tagħha tat-22 ta’ Settembru 2003 indirizzata lill-Kummissjoni, li fiha hija kienet ikkontestat il-kalkolu tal-ammont tal-interessi moratorji. Ir-rikorrenti tinvoka ukoll l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU L 161, p.1), li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ “sħubija” bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali. Barra minn hekk, hija tinsisti fuq ir-referenzi li jsiru għaliha mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88, tal-24 ta’ Ġunju 1988, dwar ix-xogħlijiet tal-Fondi Strutturali u l-effettività tagħhom u dwar il-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet tagħhom bejniethom u ma’ l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment u l-istrumenti finanzjarji oħrajn li jeżistu (ĠU L 185, p. 9), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/93, tal-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 20), u fid-deċiżjonijiet ta’ għoti tal-għajnuna inkwistjoni, kif ukoll fil-korrispondenza uffiċjali tagħha mal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li r-Repubblika Taljana ma għandha ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-deċiżjonijiet relattivi għall-finanzjamenti f’dan il-każ.

34      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003 ma tikkostitwixxix sempliċi espressjoni tal-pożizzjoni ġenerali adottata mill-Kummissjoni fil-konfront ta’ ċertu tip ta’ problemi, iżda tikkompleta l-motivazzjoni ta’ noti ta’ debitu maħruġa preċedentement. Għaldaqstant, l-ittra inkwistjoni hija att spjegattiv li għandu l-kontenut ta’ att ġuridiku, li bih il-Kummissjoni tipprovdi, għall-ewwel darba, l-motivi ta’ fatt u ta’ dritt li jsostnu d-diversi noti ta’ debitu maħruġa. Għaldaqstant, din l-ittra tikkostitwixxi, potenzjalment, att li jikkawża preġudizzju, sa fejn hija tagħti ċertezza lid-debiti kkonstatati u teskludi li huma jirriżultaw minn żbalji jew anomaliji proċedurali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

35      L-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003 tieħu pożizzjoni fuq żewġ kwistjonijiet imqajma mir-rikorrenti matul laqgħa tat-12 ta’ Settembru 2003 u f’ittra tat-22 ta’ Settembru 2003, relattivi għall-imputazzjoni ta’ interessi moratorji fuq in-noti ta’ debitu Nru 3240303927, tas-27 ta’ Ġunju 2001 (għajnuna “pjanura ta’ Katanja”), Nru 3240304871, tal-31 ta’ Awwissu 2008 (għajnuna “Aragona Favara”), u Nru 32404006591, tal-25 ta’ Settembru 2002 (għajnuna “awtostrada Messina-Palermo”).

36      Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri li joħolqu effetti legali vinkolanti b’mod li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tiegħu, jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 230 KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. 2639, punt 9, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 1992, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑10/92 sa T‑12/92 u T‑15/92, Ġabra p. II‑2667, punt 28).

37      F’dan il-każ, l-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003 ma ħolqitx tali effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti. Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel kwistjoni mqajma mir-rikorrenti, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tispeċifika r-regoli Komunitarji fis-seħħ dwar il-kalkolu tal-interessi moratorji għall-perijodu bejn id-dati tal-iskadenza tan-noti ta’ debitu inkwistjoni u l-1 ta’ Jannar 2003, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Finanzjarju Komunitarju l-ġdid, ir-Regolament Nru 1605/2002. Għaldaqstant, l-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003, ma tikkostitwixxix, fiha nfisha, talba għall-ħlas ta’ interessi moratorji u lanqas ma tagħmel il-kalkolu konkret tagħhom.

38      Fl-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003 il-Kummissjoni tispjega għaliex hija ma wettqitx tpaċija ex officio tpaċija bejn il-krediti li jidhru fin-noti ta’ debitu inkwistjoni u l-ħlasijiet intiżi għar-Repubblika Taljana li r-rikorrenti kienet il-benefiċjarja finali tagħhom. Fil-fatt il-Kummissjoni tirrileva, l-ewwel nett, li din it-tpaċija kienet espliċitament prevista bħala metodu ta’ rkupru tal-krediti biss fir-Regolament Finanzjarju Komunitarju l-ġdid. It-tieni nett, hija tosserva li, fir-rigward tal-pagamenti li saru wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, l-interessi moratorji dovuti mir-Repubblika Taljana ma rriżultawx minħabba l-fatt li ma saritx tpaċija mal-ħlas magħmul fl-2003, iżda minħabba n-nuqqas ta’ rimbors tal-ammonti dovuti mill-iskadenza tagħhom. Għalhekk, fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni ma adottatx deċiżjoni, iżda hija sempliċement iġġustifikat in-nuqqas ta’ rikors preċedenti għal tpaċija, li kien eventwalment jevita jew jinterrompi l-ħlas ta’ interessi moratorji.

39      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003 li l-interessi moratorji inkwistjoni kellhom jitħallsu mir-Repubblika Taljana, li lilha kienu indirizzati n-noti ta’ debitu korrispondenti. Bl-istess mod, il-krediti li magħhom setgħet issir it-tpaċija kienu ħlasijiet intiżi għar-Repubblika Taljan, għalkemm ir-rikorrenti kienet id-destinatarja finali tagħhom. Issa r-Repubblika Taljana setgħet tiddeċiedi li tbati hija stess il-piż tar-rimbors tal-kapital u tal-interessi li kellhom isiru favur il-FEŻR, billi tassumihom mill-fondi proprji tagħha mingħajr ma ddur fuq ir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2005, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26). Għaldaqstant, f’kull każ, ir-rikorrenti m’hijiex direttament ikkonċernata mill-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorsi fil-kawżi T‑392/03, T‑408/03 u T‑414/03 għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, sa fejn ifittxu li jiksbu l-annullament tal-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003.

 F’dak li jikkonċerna l-ittra tal-24 ta’ Ottubru 2003 relattiva għat-tpaċija (Kawża T‑435/03)

 L-argumenti tal-partijiet

41      Il-Kummissjoni tallega li t-talba għall-annullament tal-ittra tal-24 ta’ Ottubru 2003 hija inammissibbli, billi tinvoka, essenzjalment, l-istess argumenti bħal dawk allegati insostenn tat-teżi tagħha dwar it-talbiet għall-annullament tal-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003 (ara l-punti 29 et seq. iktar ’il fuq). B’mod partikolari hija ssostni li, għalkemm l-ittra tal-24 ta’ Ottubru 2003 hija indirizzata lir-rikorrenti, hija ma għandha l-ebda effett dirett fuq is-sitwazzjoni legali tagħha u għaldaqstant ma tistax tikkonċernaha direttament. Barra minn hekk, hija tosserva li r-Repubblika Taljana biss hija fil-pożizzjoni ta’ debitriċi fir-rigward tal-għajnuna “awtostrada Messina-Palermo”, “diga fuq il-Gibbesi”, “Porto Empedocle”, “Aragona Favara” u “pjanura ta’ Katanja”. Ir-rikorrenti tista’ ġġarrab dannu li jirriżulta min-nota inkwistjoni biss jekk l-awtoritajiet Taljani, permezz ta’ intervent speċifiku u awtonomu, iġiegħluha tirrimborsa l-ammonti li dan l-Istat kellu jħallas lill-Kummissjoni.

42      Ir-rikorrenti tikkontesta l-allegat nuqqas ta’ locus standi tagħha, billi tinvoka argumenti identiċi għal dawk allegati insostenn tal-ammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament tal-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003 (ara l-punti 33 u 34 iktar ’il fuq).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

43      Għandu jiġi osservat li, għalkemm l-ittra tal-24 ta’ Ottubru 2003 kienet indirizzata lir-rikorrenti u, għall-finijiet ta’ informazzjoni, lill-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi Taljan, hija madankollu tikkonċerna serje ta’ krediti tal-Kummissjoni fil-konfront tar-Repubblika Taljana relattivi għall-kanċellament tal-ħames għajnuniet mill-FEŻR imsemmija iktar ’il fuq.

44      Fil-kuntest tal-mizuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-partijiet jidentifikaw min kien responsabbli għad-diversi djun inkwistjoni u min kien intitolat għad-diversi krediti inkwistjoni u, fil-kaz li wieħed minn dawn id-debituri jew kredituri jkun ir-Repubblika Taljana, sabiex jispeċifikaw jekk l-imsemmija ammonti kinux intiżi, f’kull każ, għar-rikorrenti, jew jekk hija setgħetx tużahom liberament sabiex tiffinanzja proġetti oħrajn minbarra dawk li jirrigwardaw dan ir-reġjun. Fl-osservazzjonijiet tagħha b’risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni speċifikat li d-djun li magħhom kellha ssir it-tpaċija kienu jikkonċernaw talba għall-ħlas relattiva għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2000) 2346, tat-8 ta’Awwissu 2008, li tagħti għajnuna mill-FEŻR fil-kuntest tal-POR Sqallija, li d-destinatarja tagħha kienet ir-Repubblika Taljana. Il-Kummissjoni speċifikat ukoll li d-detentur tal-kont li fuqu kienu saru t-tranżazzjonijiet ta’ tpaċija msemmija fl-ittra tal-24 ta’Ottubru 2003 kien il-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi Taljan. Ir-rikorrenti tidher li tikkonferma din l-aħħar preċiżazzjoni, filwaqt li madankollu tisħaq li r-rwol tar-Repubblika Taljan kien unikament wieħed ta’ intermedjazzjoni, ta’ sorveljanza u ta’ kontroll u li l-ammonti inkwistjoni kienu “għal għan reġjonali” u għaldaqstant kienu dovuti lilha.

45      Għandu jiġi mfakkar ukoll li r-Repubblika Taljan kellha setgħa diskrezzjonali u għaldaqstant setgħet tiddeċiedi li ma titlobx mingħand ir-rikorrenti r-rimbors sħiħ jew parzjali tal-ammonti msemmija fl-ittra tal-24 ta’ Ottubru 2003, kemm f’dak li jirrigwarda l-ammonti kapitali kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-interessi moratorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2006, Regione Siciliana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

46      Konsegwentement, għalkemm l-ittra tal-24 ta’ Ottubru 2003 kienet formalment indirizzata lir-rikorrenti, id-destinatarja effettiva tad-deċiżjoni fuq it-tpaċija kienet, fir-realtà, ir-Repubblika Taljana. Issa skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata iktar ’il fuq (sentenzi tat-2 ta’ Mejju 2006 u tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni), ir-rikorrenti ma tistax titqies li hija direttament ikkonċernata minn din id-deċiżjoni.

47      Għaldaqstant, ir-rikors fil-kawża T‑435/03 għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq it-talbiet għall-annullament tal-atti preċedenti u derivati (Kawżi T‑392/03, T‑408/03, T‑414/03 u T‑435/03)

48      Billi s-suġġett tat-talbiet għall-annullament tal-“atti preċedenti u derivati” kollha mhuwiex preċiż biżżejjed, l-imsemmija talbiet għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda, skont l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Novembru 2004, Cantina sociale di Dolianova et vs Il-Kummissjoni, T‑166/98, Ġabra p. II‑3991, point 79).

49      Mill-kunsiderazzjoni kollha preċedenti jirriżulta li dawn ir-rikorsi għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli fit-totalità tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

50      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

tordna:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda bħala inammissibbli.

2)      Ir-Regione Siciliana hija kkundannata għall-ispejjeż.

Mogħti fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Settembru 2008.

Reġistratur

 

      President

E. Coulon

 

      I. Pelikánová


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.