Language of document : ECLI:EU:T:2015:813

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

28 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva Маcка – Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti mhux irreġistrata Маcка – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009– Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-UASI”

Fil-Kawża T‑96/13,

Rot Front OAO, stabbilita f’Moska (ir-Russja), inizjalment irrappreżentata minn B. Térauda, sussegwentement minn O. Spuhler u M. Geitz, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Walicka, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet,

Rakhat AO, stabbilita f’Almaty (il-Kazakhstan),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI, tat-28 ta’ Novembru 2012 (Każ R 893/2012‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Rot Front OAO u Rakhat AO,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová u E. Buttigieg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: I. Dragan, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Frar 2013,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Mejju 2013,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Awwissu 2013,

wara s-seduta tal-20 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-26 ta’ Novembru 2010, Rakhat AO ppreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 29 u 30 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 29: “Snacks tal-frott, marmellati, ġammijiet, konfettura, ġeli li jittiekel, polpa tal-frott, ġeli tal-frott, frott imqatta’, b’mod partikolari imqadded jew magħmul konfettura, frott ippreżervat jew magħmul konfettura, fott ippreżervat fl-alkoħol, lewż inkaljat, ġellewż inkaljat, krisps, ġewż tal-Indi fil-forma ta’ laqx”;

–        klassi 30: “Ħelu, prodotti tal-ħelu, anki bħala tiżjin għas-siġar tal-Milied, pralini, silġ li jittiekel, sorbetti, popcorn, pudini, ċikkulatini, anki bil-mili likwidu, b’mod partikolari abbażi ta’ xorb, prodotti tal-ħelu fil-forma ta’ pastijli, pastarjali, ħelu abbażi ta’ lewż, ħelu fil-forma ta’ frott tal-ġeli, ħelu fil-forma ta’ ħelu li jinħall, ħelu li fih il-ġewż, zokkor-kandju, karamelli (zokkor-kandju), ċikkulata, kisi, ċikkulata fi blokok, bars jew blalen, b’mod partikolari ċikkulata li tinħall ftit, ċikkulata mimlija, ċikkulatini jew pralini flimkien ma’ ġewż jew frott ieħor, likur jew ġulepp; karamelli, perlini, chewing gum, mhux għal skopijiet mediċi; wine gums; marshmallows; meraq tal-likorizja; likorizja; persipan; qubbajt”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata f’Il-Bullettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 2011/019, tat-28 ta’ Jannar 2011.

5        Fl-14 ta’ April 2010, ir-rikorrenti, Rot Front OAO, ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark figurattiva mhux irreġistrata, użata fil-kummerċ għall-prodotti tal-ħelu fil-Greċja u fil-Ġermanja, riprodotta hawn taħt:

Image not found

7        Ir-raġuni invokata insostenn tal-oppożizzjoni kienet dik prevista fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ April 2012, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni. Hija qieset, essenzjalment, li r-rikorrenti ma kinitx ipprovat li kienet kisbet, skont id-dritt Ġermaniż li taħtu kienet protetta t-trade mark preċedenti mhux irreġistrata, id-dritt li tipprojbixxi l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. B’mod partikolari, il-volum relattivament limitat, fid-dawl tad-daqs tas-suq tal-ħelu fil-Ġermanja, tal-bejgħ tal-prodotti kkonċernati ma kienx jippermetti li jiġi stabbilit li t-trade mark preċedenti kienet kisbet rikonoxximent suffiċjenti (“Verkehrsgeltung”), fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen tal-25 ta’ Ottubru 1994 (liġi dwar il-protezzjoni tat-trade marks u ta’ sinjali distintivi oħra, BGBl. I, p. 3082, iktar ’il quddiem il-“Markengesetz”), mill-pubbliku rilevanti kkostitwit mill-popolazzjoni Ġermaniża kollha.

9        Fis-7 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. L-ewwel nett, huwa kkunsidra li, sa fejn ir-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet provi ta’ użu li ma kienx sempliċement ta’ sinjifikat lokali fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 għat-trade mark preċedenti tagħha mhux irreġistrata fil-Greċja, l-oppożizzjoni tagħha kienet inammissibli jew, fi kwalunkwe każ, infondata, sa fejn dan id-dritt preċedenti kien ġie invokat insostenn tagħha. It-tieni nett, il-Bord tal-appell spjega li, sabiex tkun tista’ topponi r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ir-rikorrenti kellha tipprova li kienet kisbet id-dritt li tipprojbixxi l-użu ta’ din tal-aħħar qabel id-data ta’ reġistrazzjoni tagħha skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża fejn it-trade mark preċedenti mhux irreġistrata kienet intużat ukoll. F’dan ir-rigward, hija kellha tipprova li din it-trade mark kienet irrikonoxxuta minn parti sostanzjali mill-pubbliku rilevanti bħala li tappartjeni lir-rikorrenti, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Markengesetz. Il-Bord tal-Appell ikkonkluda, bħalma għamlet id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li, fir-rigward tal-prodotti kkonċernati li huma prodotti ta’ konsum ta’ kuljum u li jinxtraw mill-pubbliku ġenerali, il-pubbliku rilevanti kien ikkostitwit mill-popolazzjoni Ġermaniża kollha. Il-fatt li t-trade mark kienet miktuba b’ittri tal-alfabet Ċirilliku jew li l-prodotti inkwistjoni kienu jitqassmu fil-Ġermanja permezz ta’ ħwienet li l-persuni li kienu jidħlu fihom kienu prinċipalment konsumaturi li jitkellmu bir-Russu ma kienx jippermetti, skont il-Bord tal-Appell, li jiġi konkluż li l-pubbliku rilevanti kien kompost biss minn dawn il-konsumaturi li jitkellmu bir-Russu. Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, anki li kieku l-provi dwar il-volum tal-bejgħ tal-ħelu taħt it-trade mark preċedenti prodotti mir-rikorrenti kienu ammissibbli, fi kwalunkwe każ ma kienx possibbli, fl-assenza ta’ informazzjoni oħra, li titqies l-intensità ta’ dan il-bejgħ bil-għan li jiġi ddeterminat l-impatt tat-trade mark fuq il-pubbliku rilevanti Ġermaniż. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li r-rikorrenti ma kinitx ipprovat li t-trade mark preċedenti mhux irreġistrata kienet irrikonoxxuta minn parti sostanzjali minn dan il-pubbliku bħala trade mark li tappartjeni lilha fis-sens tad-dritt Ġermaniż u għalhekk ma kinitx issodisfat waħda mill-kundizzjoniijiet tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri li kienet kisbet, abbażi ta’ din it-trade mark u skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li tirregola dan is-sinjal, id-dritt li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

12      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

13      Fir-risposta, l-UASI kkontesta l-ammissibbiltà, minn naħa, ta’ ċerti dokumenti annessi mar-rikors għar-raġuni li dawn id-dokumenti kienu ġew prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, ta’ ċerti referenzi magħmula fir-rikors għall-ġurisprudenza u għad-duttrina legali nazzjonali bħala li jikkostitwixxu fatti ġodda.

14      Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali u għal mistoqsija magħmula waqt is-seduta, l-UASI rtira parti mill-oġġezzjonijiet tiegħu dwar l-ammissibbiltà tad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali u tad-duttrina legali prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali u għar-referenzi magħmula mir-rikorrenti fir-rigward tagħhom.

15      Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, anki jekk ċerti deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali u t-testi ta’ duttrina legali jiġu prodotti mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar għandha dritt tirreferi għalihom sa fejn dawn ikunu dokumenti u argumenti li jirrigwardaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-prassi ġudizzjarja tal-qrati nazzjonali. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li la l-partijiet u lanqas il-Qorti Ġenerali stess ma jistgħu jkunu preklużi milli jiġu ispirati, fl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li għalih, bħal f’dan il-każ, jirreferi d-dritt tal-Unjoni (ara l-punt 19 iktar ’il quddiem), minn elementi bbażati fuq il-leġiżlazzjoni, il-ġurisprudenza jew id-duttrina legali nazzjonali, peress li l-Bord tal-Appell ma huwiex qed jiġi kkritikat talli ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatti li jinsabu f’sentenza nazzjonali speċifika, iżda talli invoka deċiżjonijiet jew id-duttrina legali insostenn ta’ motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni ħażina mill-Bord tal-Appell ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2006, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASI – Johnson’s Veterinary Products (VITACOAT), T‑277/04, Ġabra, EU:T:2006:202, punti 70 u 71].

16      Għadha pendenti biss il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tad-dokumenti prodotti bħala Anness A.5 tar-rikors. Ir-rikorrenti ssostni li dawn id-dokumenti għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli, għaliex ma jressqux argumenti ġodda meta mqabbla ma’ dawk li diġà jirriżultaw mid-dokumenti l-oħra prodotti quddiem l-UASI.

17      Id-dokumenti annessi bħala Anness A.5 tar-rikors jikkonsistu f’artikolu intitolat “Is-supermarkets Russi fil-Ġermanja: is-samovar – mingħajr ma wieħed imur għand Toula”, bir-Russu, flimkien mat-traduzzjoni tiegħu bl-Ingliż, ippubblikat fuq is-sit internet “www.dw.de”. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-artikolu inkwistjoni, prodott għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, jikkostitwixxi fatt ġdid insostenn tal-argumenti li diġà tressqu quddiem l-UASI u ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI skont l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009, b’mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi fattwali fid-dawl tad-dokumenti prodotti għall-ewwel darba quddiemha. Għalhekk, id-dokumenti prodotti bħala Anness A.5 tar-rikors għandhom jiġu esklużi mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata s-saħħa probatorja tagħhom [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, Ġabra, EU:T:2005:420, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata].

 Fuq il-mertu

18      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Markengesetz li fuq il-bażi tiegħu r-rikorrenti tasserixxi l-protezzjoni tat-trade mark preċedenti mhux irreġistrata tagħha sa fejn hija ntużat fil-Ġermanja. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tqigħedx fid-dubju l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-oppożizzjoni ma kinitx fondata sa fejn ġie invokat insostenn tagħha d-dritt preċedenti użat fil-Greċja.

19      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ li ma huwiex sempliċement ta’ sinjifikat lokali, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma għandhiex tiġi rreġistrata meta u sa fejn, bis-saħħa tad-dritt tal-Istat Membru li jirregola dan is-sinjal, drittijiet għal dan is-sinjal inkisbu qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u dan is-sinjal jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2013, Peek & Cloppenburg vs UASI – Peek & Cloppenburg (Peek & Cloppenburg), T‑507/11, EU:T:2013:198, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2010, Tresplain Investments vs UASI – Hoo Hing (Golden Elephant Brand), T‑303/08, Ġabra, EU:T:2010:505, punti 89 u 90].

20      Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi. Għaldaqstant, meta trade mark ma tissodisfax waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, l-oppożizzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ trade mark mhux irreġistrata jew fuq sinjali oħra użati fil-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, ma tistax tintlaqa’ [sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2009, Danjaq vs UASI – Mission Productions (Dr. No), T‑435/05, Ġabra, EU:T:2009:226, punt 35].

21      F’dak li jirrigwarda t-trade mark preċedenti mhux irreġistrata sa fejn intużat fil-Ġermanja, il-Bord tal-Appell beda l-evalwazzjoni tiegħu tal-oppożizzjoni billi eżamina jekk ir-rikorrenti kinitx kisbet, qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja, skont id-dritt Ġermaniż applikabbli f’dan il-każ, id-dritt li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti, fis-sens tal-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

22      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 4(2) tal-Markengesetz jirrikonoxxi l-kisba ta’ drittijiet fuq trade mark permezz tal-użu, li jwassal għar-rikonoxximent mill-pubbliku rilevanti, jiġifieri d-destinatarji tal-prodotti inkwistjoni, li s-sinjal jappartjeni lill-proprjetarju. Ir-rikorrenti tqis li, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u, konsegwentement, applika b’mod żbaljat l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn ħa inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-eżistenza tar-rikonoxximent tat-trade mark preċedenti mill-pubbliku rilevanti, il-pubbliku Ġermaniż kollu, meta d-dritt Ġermaniż jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-pubbliku rilevanti jiġi llimitat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-konsumaturi li jitkellmu ċerta lingwa barranija jew skont il-kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti koperti mit-trade mark inkwistjoni. F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti sabiex il-pubbliku rilevanti jiġi llimitat għall-konsumaturi li jitkellmu bir-Russu fil-Ġermanja. Hija tibbaża l-interpretazzjoni tagħha tad-dritt Ġermaniż fuq diversi sentenzi ta’ qrati supremi Ġermaniżi, estratt minn kummentarju tal-Markengesetz u sentenza tal-Qorti Federali Svizzera.

23      L-UASI jaqbel, essenzjalment, mal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell u jidhirlu li r-rikorrenti ma pprovatx, kif kienet obbligata tagħmel, li t-trade mark preċedenti kienet irrikonoxxuta minn parti sostanzjali mill-pubbliku Ġermaniż, kif jeżiġi l-Artikolu 4(2) tal-Markengesetz, b’mod li hija ma tistax topponi r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Huwa jsostni li, fid-dawl tal-provi prodotti mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell f’dak li jirrigwarda l-kontenut tad-dritt Ġermaniż, la l-fatt li l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti kienu jinbiegħu biss f’ċerti ħwienet speċjalizzati intiżi essenzjalment għar-Russi li jgħixu fil-Ġermanja u lanqas l-użu ta’ ittri Ċirilliċi fit-trade mark preċedenti ma kien jiġġustifika limitazzjoni tal-pubbliku rilevanti unikament għall-konsumaturi li jitkellmu bir-Russu.

24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kwistjoni dwar sa fejn sinjal protett fi Stat Membru jagħti d-dritt li jiġi pprojbit l-użu ta’ trade mark iktar reċenti għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dritt nazzjonali applikabbli (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Peek & Cloppenburg vs UASI, C‑325/13 P u C‑326/13 P, EU:C:2014:2059, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal dan il-għan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali invokata u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Istat Membru kkonċernat (sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch/Budějovický Budvar, C‑96/09 P, Ġabra, EU:C:2011:189, punt 190) kif ukoll it-testi ta’ duttrina legali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, Ġabra, EU:C:2011:452, punt 53).

25      Fid-dritt Ġermaniż, li huwa applikabbli f’dan il-każ, id-dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata li jopponi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti huwa rregolat mill-Artikolu 4(2), moqri flimkien mal-Artikolu 14(2), tal-Markengesetz.

26      L-Artikolu 4 tal-Markengesetz jipprovdi:

“Il-protezzjoni tat-trade marks tirriżulta […]

2. mill-użu ta’ sinjal fil-kummerċ sa fejn is-sinjal ikun kiseb rikonoxximent bħala trade mark fiċ-ċirkli kummerċjali kkonċernati

[…]”

27      L-Artikolu 14(2)(2) tal-Markengesetz jipprojbixxi l-użu minn terz fil-kummerċ, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju, ta’ sinjal, bħal trade mark Komunitarja, li tista’ toħloq probabbiltà ta’ konfużjoni mas-sinjal protett.

28      Il-partijiet jaqblu dwar il-fatt li, skont l-Artikolu 4(2) tal-Markengesetz, dritt fuq trade mark mhux irreġistrata jista’ jinkiseb permezz tal-użu biss bil-kundizzjoni li dan l-użu jwassal għar-rikonoxximent ta’ din it-trade mark minn parti sostanzjali tal-pubbliku rilevanti. Min-naħa l-oħra, il-partijiet ma jaqblux dwar id-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti (“beteiligte Verkehrskreise”) li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ dan ir-rikonoxximent fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Markengesetz.

29      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell żbalja meta ċaħad, billi rrefera għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali dwar ir-Regolament Nru 207/2009, l-argument tar-rikorrenti li l-pubbliku rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ kellu jkun limitat biss għall-konsumaturi Russi jew li jitkellmu bir-Russu fil-Ġermanja għar-raġuni li l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti kienu jinbiegħu biss fil-ħwienet li kienu intiżi speċifikament għalihom. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 24 iktar ’il fuq, il-kwistjoni dwar sa fejn it-trade mark mhux irreġistrata protetta fi Stat Membru tagħti lill-proprjetarju tagħha d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih intuża s-sinjal invokat, jiġifieri, f’dan il-każ, id-dritt Ġermaniż, u mhux fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 207/2009.

30      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-eżami tad-dritt nazzjonali li bis-saħħa tiegħu r-rikorrenti tallega li kisbet id-dritt li topponi r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni abbażi tat-trade mark mhux irreġistrata tagħha – jiġifieri, l-Artikolu 4(2), moqri flimkien mal-Artikolu 14(2), tal-Markengesetz –, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li mill-ġurisprudenza jirriżulta li min jopponi għandu jipprova li s-sinjal preċedenti invokat insostenn tal-oppożizzjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru invokat u li jippermetti li jiġi pprojbit l-użu ta’ trade mark iktar reċenti (sentenza Anheuser-Busch/Budějovický Budvar, punt 24 iktar ’il fuq, EU:C:2011:189, punt 190). Din ir-regola tqiegħed fuq min jopponi l-oneru li jippreżenta lill-UASI mhux biss il-provi li juru li huwa jissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħha huwa jitlob l-applikazzjoni, sabiex ikun jista’ jiżgura l-projbizzjoni tal-użu ta’ trade mark Komunitarja bis-saħħa ta’ dritt preċedenti, iżda wkoll il-provi li jistabbilixxu l-kontenut ta’ din il-leġiżlazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Edwin vs UASI, punt 24 iktar ’il fuq, EU:C:2011:452, punt 50).

31      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fiċ-ċirkustanzi li fihom l-UASI jista’ jintalab jieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih huwa protett dritt preċedenti li fuqu tkun ibbażata l-oppożizzjoni, huwa għandu jinforma ruħu ex officio, bil-mezzi li jidhirlu li jkunu l-iktar utli għal dan l-għan, dwar dan id-dritt nazzjonali, jekk tali informazzjoni tkun neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ raġuni għal rifjut tar-reġistrazzjoni inkwistjoni, li jfisser li huwa jieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-fatti ppreżentati espliċitament mill-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, fatti magħrufa, jiġifieri fatti li probabbilment huma magħrufa minn kulħadd jew li jistgħu jkunu magħrufa minn sorsi li huma ġeneralment aċċcessibbli [ara s-sentenza tal-20 ta’ April 2005, Atomic Austria vs UASI – Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil (ATOMIC BLITZ), T‑318/03, Ġabra, EU:T:2005:136, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2012, National Lottery Commission vs UASI – Mediatek Italia u De Gregorio (Rappreżentazzjoni ta’ id), T‑404/10, EU:T:2012:423, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermata fuq dan il-punt permezz tas-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, Ġabra, EU:C:2014:186, punt 45]. Dan l-obbligu li jinforma ruħu ex officio dwar id-dritt nazzjonali huwa impost, jekk ikun il-każ, fuq l-UASI fil-każ li huwa jkollu diġà indikazzjonijiet relatati mad-dritt nazzjonali, jew fil-forma ta’ allegazzjonijiet dwar il-kontenut tiegħu, jew fil-forma ta’ provi prodotti matul il-proċedimenti u li ġiet allegata s-saħħa probatorja tagħhom [sentenza tal-20 ta’ Marzu 2013, El Corte Inglés vs UASI – Chez Gerard (CLUB GOURMET), T‑571/11, Ġabra, EU:T:2013:145, punt 41].

32      Tali obbligu huwa riprodott, essenzjalment, fil-linji gwida għall-eżami fl-UASI, invokati minn dan tal-aħħar waqt is-seduta, liema linji gwida, filwaqt li jirreferu għas-sentenza UASI vs National Lottery Commission, punt 31 iktar ’il fuq (EU:C:2014:186), jiddeskrivu s-setgħa li huwa għandu sabiex jivverifika, bil-mezzi kollha li jidhirlu xierqa, il-kontenut, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt applikabbli invokat minn min jopponi (linji gwida għall-eżami fl-UASI, parti C, taqsima 4, punt 4.1) Waqt is-seduta, l-UASI insista fuq il-fatt li din is-setgħa ta’ verifika kienet limitata għall-garanzija tal-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni li fuqha jibbaża ruħu min jopponi, iżda ma kinitx teżonera lil dan tal-aħħar mill-oneru tal-prova. Barra minn hekk, din is-setgħa ta’ verifika ma setgħetx twassal lill-UASI sabiex jissostitwixxi ruħu għal min jopponi f’dak li jirrigwarda l-obbligu tiegħu li jiċċita l-leġiżlazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-każ.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti invokat id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli kif ukoll il-kontenut tagħhom. Hija sostniet ukoll quddiem l-UASI, kif jirriżulta mit-tielet inċiż tal-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pubbliku rilevanti bil għan li jiġi evalwat ir-rikonoxximent tat-trade mark preċedenti mhux irreġistrata fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Markengesetz kien kompost minn konsumaturi li jitkellmu bir-Russu li joqogħdu fil-Ġermanja, fid-dawl kemm tal-fatt li t-trade mark preċedenti kienet komposta minn ittri tal-alfabet Ċirilliku kif ukoll tal-fatt li l-prodotti koperti minn din tal-aħħar kienu jitqassmu permezz ta’ ħwienet li l-maġġoranza tal-persuni li jidħlu fihom kienu konsumaturi li jitkellmu bir-Russu.

34      Għandu jiġi rrilevat, min-naħa l-oħra, li d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti kienet determinanti għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima. Fil-fatt, filwaqt li r-rikorrenti ma kkontestatx il-fatt, ikkonstatat mill-Bord tal-Appell, li t-trade mark preċedenti ma kisbet rikonoxximent mill-pubbliku fis-sens wiesa’ kompost mill-konsumaturi medji kollha fil-Ġermanja, ma jidhirx li huwa eskluż li, fil-każ li l-pubbliku rilevanti fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Markengesetz ikollu jiġi ddefinit fis-sens li jinkludi biss il-konsumaturi li jitkellmu bir-Russu fil-Ġermanja, kif issostni r-rikorrenti, tali rikonoxximent jista’ jkun li nkiseb.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 iktar ’il fuq, l-UASI messu għamel użu mill-mezzi kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu fil-kuntest tas-setgħa ta’ verifika tiegħu sabiex jinforma ruħu dwar id-dritt nazzjonali applikabbli u jwettaq riċerka iktar fid-dettall dwar il-kontenut u l-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali invokat, fid-dawl tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti, jew ex officio, jew billi jitlob lir-rikorrenti tikkorrobora l-allegazzjonijiet tagħha dwar id-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Markengesetz (ara, dwar dan il-punt tal-aħħar, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, Ġabra, EU:C:2013:782, punti 66 u 87).

36      Issa la mid-deċiżjoni kkontestata u lanqas mill-fajl tal-proċedimenti quddiem l-UASI, li ntbagħat lill-Qorti Ġenerali, ma jirriżulta li l-UASI wettaq riċerka iktar fid-dettall dwar il-kontenut u l-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali invokat, fid-dawl tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti, jew ex officio, jew billi talab lir-rikorrenti tikkorrobora l-allegazzjonijiet tagħha dwar id-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Markengesetz, fatt li ġie ammess mill-UASI waqt is-seduta.

37      Huwa wisq probabbli li tali istruttorja fir-rigward tad-dritt Ġermaniż min-naħa tal-Bord tal-Appell kienet tippermettilu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-provi li r-rikorrenti pproduċiet għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali u li wħud minnhom ma humiex, prima facie, kompletament irrilevanti f’dak li jirrigwarda l-eżami tal-allegazzjonijiet tagħha dwar id-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Markengesetz. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja) li fiha ġie aċċettat li, f’ċerti ċirkustanzi, anki fil-każ tal-prodotti ta’ konsum tal-massa, il-pubbliku rilevanti jista’ jiġi ddefinit b’mod iktar restrittiv fid-dawl tal-għan u tal-opportunitajiet kummerċjali tal-prodotti speċifiċi [BGH, I ZR 90/58, DB 1959, 1368, (amtl. Leitsatz) – Sunpearl II] jew tax-xerrejja ta’ dawn il-prodotti u tal-persuni interessati, billi wħud minnhom jistgħu jirrifjutaw ċerti prodotti jew jesprimu nuqqas ta’ approvazzjoni fil-konfront tagħhom [BGH, I ZR 94/80, GRUR 1982, 672 – Aufmachung von Qualitätsseifen]. Bl-istess mod, mis-sentenza tal-Bundespatentgericht (qorti federali tal-privattivi) fil-kawża Ƃepёзкa [28 W (pat) 40/10] jirriżulta li, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-pubbliku rilevanti għal prodotti li jaqgħu, bħal f’dan il-każ, fil-klassijiet 29 u 30 jista’ jiġi ristrett għall-konsumaturi li għandhom għarfien tal-lingwa Russa, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-preżentazzjoni, tal-ippakkjar u tal-isem tal-prodotti inkwistjoni b’ittri Ċirilliċi.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li n-nuqqas ta’ istruttorja min-naħa tal-Bord tal-Appell kellu impatt deċiżiv fuq l-interpretazzjoni li dan tal-aħħar għamel tal-Artikolu 4(2) tal-Markengesetz.

39      Minn dan isegwi li l-motiv uniku għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. Skont l-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/20094, l-UASI huwa obbligat jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, wara li jkun għamel użu mis-setgħa ta’ istruttorja tiegħu fir-rigward tad-dritt Ġermaniż, l-UASI għandu, b’mod partikolari, jiddetermina jekk dan id-dritt jagħtix lir-rikorrenti d-dritt li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti fis-sens tal-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

 Fuq l-ispejjeż

40      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-UASI tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż tar-rikorrenti, kif mitlub minn din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tat-28 ta’ Novembru 2012 (Każ R 893/2012‑2), hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn Rot Front OAO.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Ottubru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.