Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' Awissu 2008 - Ellinikos Niognomon vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-312/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ellinikos Niognomon AE (Piraeus, il-Greċja) (rappreżentant: S. Pappas)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tiddikjara nulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha skont l-Artikolu 230 KE, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2008, li permezz tagħha ddeċidiet li ma testendix ir-rikonoxximent limitat mogħti lilha taħt id-Direttiva 94/57/KE1, mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/890/KE2 u li ġiet sussegwentement estiża mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/623/KE3 tat-3 ta' Awwissu 2005.

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser rekwiżit proċedurali sostanzjali billi ma segwitx il-proċedura tal-komitoloġija pprovduta fl-Artikoli 4 u 9 tad-Direttiva 94/57/KE.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li r-rifjut li tingħata estensjoni tar-rikonoxximent limitat huwa bbażat fuq evalwazzjonijiet imwettqa esklużivament mill-Kummissjoni u mhux flimkien mal-Istati Membri rispettivi skont l-Artikoli 4, 9 u 11 tad-Direttiva 94/57/KE.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tafferma li d-deċiżjoni kkontestata ma tirrispettax id-drittijiet tad-difiża tagħha u hija kuntrarja għall-aspettativi leġittimi tagħha.

Fir-raba' lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-Direttiva billi tinterpretaha ħażin safejn il-kriterji applikabbli huma kkonċernati (dokumenti dwar is-sigurtà u l-prevenzjoni), billi ħalliet barra l-passi gradwali li kellha tieħu l-Kummissjoni qabel ma tasal għal deċiżjoni negattiva u billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispezzjonijiet u r-rapporti maħruġa mill-Istati Membri kkonċernati, u għaldaqstant adottat raġunament illegali.

Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità kif ukoll il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba.

____________

1 - Id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE, tat-22 ta' Novembru 1994, dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-ispezzjoni tal-bastimenti u l-organizzazzjonijiet tal-perizji u għall-attivitajiet relevanti ta' l-amministrazzjoniet marittimi (ĠU L 319, p.20).

2 - Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 2001, dwar ir-rikonoxximent tal-"Hellenic Register of Shipping" skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE (notifikata taħt id-dokument numru C(2001)4218) (ĠU L 329, p.72).

3 - Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Awwissu 2005, fuq l-estensjoni ta' l-għarfien limitat tar-Reġistru Grieg tat-Tbaħħir (notifikata taħt id-dokument numru C(2005) 2940) (ĠU L 219, p. 43)