Language of document : ECLI:EU:T:2020:394

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

9 ta’ Settembru 2020 (*)

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kontribuzzjoni għall-iskema ta’ garanzija tad-depożiti jew għall-fond uniku ta’ riżoluzzjoni permezz ta’ impenji ta’ pagament irrevokabbli – Kompiti kkonferiti lill-BĊE – Setgħat superviżorji speċifiċi tal-BĊE – Artikolu 4(1)(f) u Artikolu 16(1)(c) u (2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Miżura li timponi t-tnaqqis tal-ammont akkumulat tal-bilanċi tal-impenji ta’ pagament irrevokabbli mill-ekwità komuni ta’ grad 1 – Assenza ta’ eżami individwali”

Fil-Kawżi T‑150/18 u T‑345/18,

BNP Paribas, stabbilita fi Pariġi (Franza), irrappreżentata minn A. Gosset‑Grainville, M. Trabucchi u M. Dalon, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn E. Koupepidou, R. Bax u F. Bonnard, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni ECB/SSM/2017-R0MUWSFPU8MPRO8K5P83/248 tal-BĊE tad-19 ta’ Diċembru 2017, tad-deċiżjoni ECB-SSM-2018-FRBNP-17 tal-BĊE tas-26 ta’ April 2018, u tad-deċiżjoni ECB-SSM-2019-FRBNP-12 tal-BĊE tal-14 ta’ Frar 2019,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn E. Buttigieg, li qiegħed jaġixxi bħala President, F. Schalin (Relatur), B. Berke, M. J. Costeira u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-11 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, li tat lok għall-kriżi taż-żona tal-euro, ġie stabbilit qafas regolatorju ġdid intiż sabiex jiżgura l-istabbiltà u s-sigurtà tal-attività bankarja fl-Unjoni Ewropea u li jissupplimenta l-unjoni ekonomika u monetarja u s-suq intern. Dan il-qafas ġdid huwa kkaratterizzat minn ġabra leġiżlattiva unika applikabbli b’mod identiku għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Istati Membri kollha kkonċernati. L-unjoni bankarja hija bbażata fuq tliet pilastri, f’dan il-każ mekkaniżmu superviżorju uniku, mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni u skema Ewropea ta’ garanzija tad-depożiti.

2        Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1 u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95), u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 20, p. 2), jagħmlu parti minn ġabra leġiżlattiva unika msemmija fil-punt 1 hawn fuq u flimkien jiffurmaw il-kuntest ġuridiku li jirregola l-attivitajiet bankarji, il-qafas ta’ superviżjoni u r-regoli prudenzjali applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għad-ditti tal-investiment. Ir-Regolament Nru 575/2013 jipprevedi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma obbligati li jkollhom ċertu perċentwal ta’ fondi proprji skont il-profil ta’ riskju tagħhom. Fost dawn il-fondi proprji, teżisti l-ekwità komuni ta’ grad 1 (Common Equity Tier 1, CET 1), jiġifieri dik intiża sabiex tiżgura l-kontinwità tal-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u sabiex tipprevjeni s-sitwazzjonijiet ta’ insolvenza.

3        Ir-rekwiżiti prudenzjali ġenerali stabbiliti fir-Regolament Nru 575/2013 huma ssupplimentati minn arranġamenti individwali li fid-dawl tagħhom l-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw deċiżjonijiet fil-kuntest tas-superviżjoni kontinwa li huma jeżerċitaw fuq kull istituzzjoni ta’ kreditu u ditta ta’ investiment.

4        Il-mekkaniżmu superviżorju uniku stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63) (l-ewwel pilastru tal-unjoni bankarja msemmi fil-punt 1 iktar ’il fuq), għandu l-għan li jiggarantixxi s-sigurtà u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. L-imsemmi regolament jagħti kompetenza lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) sabiex iwettaq il-kompiti ta’ superviżjoni prudenzjali msemmija fl-Artikolu 4(1) tiegħu. Skont l-Artikolu 6 tal-istess regolament, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fil-kuntest tal-mekkaniżmu superviżorju uniku, kompost minnu stess u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Il-BĊE huwa b’mod partikolari kompetenti sabiex jiżgura s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro kklassifikati bħala “sinifikanti”.

5        Skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE għandu japplika d-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tad-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti fdati lilu. Għal dak il-għan, il-BĊE għandu jissuġġetta d-deċiżjonijiet tiegħu għall-osservanza ta’ “kwalunkwe att leġislattiv u mhux leġislattiv, inklużi dawk imsemmija fl-Artikoli 290 u 291 TFUE” u “[h]u għandu b’mod partikolari jkun soġġett għal standards tekniċi regolatorji u implimentattivi vinkolanti żviluppati mill-[Awtorità Bankarja Ewropea (EBA)] u adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 10 sa 15 tar-Regolament Nru 1093/2010, għall-Artikolu 16 ta’ dak ir-Regolament, u għad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament dwar il-manwal superviżorju Ewropew żviluppat mill-[EBA] skont dak ir-Regolament”.

6        Konformement mal-Artikolu 97 tad-Direttiva 2013/36 l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jistabbilixxu proċess ta’ rieżami u ta’ evalwazzjoni prudenzjali (Supervisory Review and Evaluation Process, SREP), sabiex, b’mod partikolari, jiddeterminaw “jekk l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati mill-istituzzjonijiet u l-fondi proprji u l-likwidità miżmuma minnhom jiżgurawx ġestjoni u kopertura tajbin tar-riskji tagħhom”.

7        Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 107(3) tad-Direttiva 2013/36, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU 2010, L 331, p. 12), stabbilixxiet, fid-19 ta’ Diċembru 2014, il-Linji Gwida dwar il-proċeduri u l-metodoloġiji komuni applikabbli fil-kuntest tas-SREP (ABE/GL/2014/13).

8        Il-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni (li jaqa’ taħt it-tieni pilastru msemmi fil-punt 1 hawn fuq), kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1), jipprevedi l-ħolqien ta’ fond uniku ta’ riżoluzzjoni li għalih għandhom jikkontribwixxu l-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Barra minn hekk, tagħmel ukoll parti mill-kuntest ġuridiku rilevanti d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/[U]E, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190). Din id-direttiva tipprevedi sistema speċifika ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni ta’ nuqqasijiet bankarji. Hija timponi b’mod partikolari l-ħolqien, f’kull Stat Membru, ta’ arranġament intiż sabiex jiffinanzja r-riżoluzzjoni fuq il-livell nazzjonali, jiġifieri l-fond għal riżoluzzjoni nazzjonali, li għalih għandhom jikkontribwixxu l-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Istat Membru kkonċernat.

9        It-tielet pilastru tal-Unjoni Bankarja (ara l-punt 1 iktar ’il fuq), jiġifieri l-ħolqien ta’ skema Ewropea ta’ garanzija tad-depożiti, għadu ma tlestiex. Madankollu ġiet adottata d-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU 2014, L 173, p. 149, rettifiki fil-ĠU 2014, L 212, p. 47 u fil-ĠU 2014, L 309, p. 37), li hija intiża sabiex issaħħaħ il-protezzjoni tad-depożitanti billi tistabbilixxi skema ta’ garanzija ffinanzjata minn qabel f’kull Stat Membru. Din is-sistema tiżgura lil kull depożitant li t-tfaddil tiegħu ser jiġi ppreżervat kompletament sa ammont massimu ta’ EUR 100 000.

10      Fir-rigward tal-finanzjament tal-fond uniku ta’ riżoluzzjoni u tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti stabbiliti fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet pilastri, għandu jiġi enfasizzat li l-kontribuzzjonijiet li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma obbligati jħallsu lill-fond uniku ta’ riżoluzzjoni u lill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti jistgħu jitħallsu jew permezz ta’ pagament immedjat, jew permezz ta’ impenn ta’ pagament irrevokabbli (iktar’ il quddiem l-“IPI”).

11      L-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi għalhekk li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jagħżlu li jikkontribwixxu billi jirrikorru għal IPI għandhom jimpenjaw ruħhom li jħallsu l-ammont tal-kontribuzzjoni lill-fond uniku ta’ riżoluzzjoni u lill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti mal-ewwel talba.

12      Skont l-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 806/2014, l-IPI għandhom ikunu kompletament iggarantiti minn assi b’riskju baxx mhux ostakolati b’xi drittijiet ta’ terzi (imqiegħda għad-dispożizzjoni libera tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jew tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti) u li jistgħu jiġu llikwidati f’qasir żmien. Dan ir-rekwiżit jidher ukoll fl-Artikolu 103(3) tad-Direttiva 2014/59 u fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38). Il-garanzija tieħu fil-prattika l-forma ta’ depożitu ta’ flus kontanti ta’ ammont ekwivalenti għal dak tal-IPI, irrilaxxat għad-dispożizzjoni libera tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jew tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti, kif jirriżulta minn deċiżjoni meħuda mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, fl-2016, u mid-dritt Franċiż li jittrasponi d-Direttiva 2014/49.

13      Fl-aħħar nett, għandu jissemma li l-EBA stabbilixxiet, fil-11 ta’ Settembru 2015, Linji Gwida dwar l-impenji ta’ pagament skont id-Direttiva 2014/49 (EBA/GL/2015/09) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar l-impenji ta’ pagament”).

14      Il-Linji Gwida dwar l-impenji ta’ pagament, li l-BĊE ddikjara li jikkonforma magħhom, jikkonfermaw li, f’ċerti ċirkustanzi, l-IPI jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri prudenzjali. Fil-fatt, mill-punti 31 sa 33 tal-imsemmija linji gwida jirriżulta dan li ġej:

“31. It-trattament prudenzjali tal-impenji ta’ pagament għandu jkollu l-għan li jiżgura kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni u li jtaffi l-effett proċikliku ta’ tali impenji skont it-trattament kontabbli tagħhom.

32. Jekk, wara t-trattament kontabbli, l-impenn ta’ pagament ikun jinsab fil-karta tal-bilanċ (bħala passiv) jew il-kuntratt ta’ garanzija jkun inkluż fil-kont tal-qligħ u t-telf, ma jkunx hemm lok li jiġi applikat trattament prudenzjali ad hoc sabiex jittaffew l-effetti proċikliċi.

33. Jekk, għall-kuntrarju, wara t-trattament kontabbli, l-impenn ta’ pagament u l-kuntratt ta’ garanzija ma jkunux inklużi fil-karta tal-bilanċ, fil-kuntest tas-[SREP] l-awtoritajiet kompetenti għandhom jevalwaw ir-riskji li għalihom ikunu esposti l-pożizzjonijiet ta’ fondi proprji u ta’ likwidità ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, jekk l-[iskema ta’ garanzija tad-depożiti] teħtieġ li l-istituzzjoni tħallas l-impenn fi flus kontanti, u għandhom jeżerċitaw is-setgħat xierqa sabiex jiżguraw li l-effett proċikliku ikun imtaffi permezz ta’ rekwiżiti addizzjonali ta’ fondi proprji/likwidità.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

15      Ir-rikorrenti, BNP Paribas, hija entità sinjifikattiva fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013 u sa mill-4 ta’ Novembru 2014 taqa’ taħt is-superviżjoni prudenzjali diretta tal-BĊE.

16      Fl-14 ta’ Settembru 2017, il-BĊE indirizza lir-rikorrenti abbozz ta’ deċiżjoni fi tmiem is-SREP dwar, b’mod partikolari, l-IPI. Dan l-abbozz kien jinkludi b’mod partikolari r-rekwiżit prudenzjali li l-ammont akkumulat tal-bilanċi ta’ IPI jitnaqqas mill-ekwità komuni ta’ grad 1. Ir-rikorrenti ġiet mistiedna tesprimi ruħha dwar dan l-abbozz.

17      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha.

18      Fid-19 ta’ Diċembru 2017, il-BĊE adotta d-deċiżjoni ECB/SSM/2017-R0MUWSFPU8MPRO8K5P83/248, adottata skont l-Artikolu 4(1)(f) u l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1024/2013, li timponi li l-ammonti akkumulati ta’ IPI sottoskritti lejn l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti jew il-fondi ta’ riżoluzzjoni jitnaqqsu mill-ekwità komuni ta’ grad 1 (iktar’ il quddiem id-“deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2017”).

19      Ir-rikorrenti ppreżentat azzjoni kontra d-deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2017 quddiem il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal-BĊE, li ta opinjoni fid-19 ta’ Marzu 2018.

20      Fis-26 ta’ April 2018, il-BĊE ddeċieda, wara l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, li jissostitwixxi d-deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2017 bid-Deċiżjoni ECB-SSM-2018-FRBNP-17 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-26 ta’ April 2018”). It-Taqsima ta’ din id-deċiżjoni li tirrigwarda l-IPI baqgħet l-istess.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2017, irreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑150/18.

22      Ir-risposta, ir-replika u l-kontroreplika fil-Kawża T‑150/18 ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Mejju, fis-7 ta’ Settembru u fl-24 ta’ Ottubru 2018 rispettivament.

23      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2018, irreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑345/18.

24      Ir-risposta, ir-replika u l-kontroreplika fil-Kawża T‑345/18 ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Lulju, fl-20 ta’ Settembru u fil-5 ta’ Novembru 2018 rispettivament.

25      Fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-Kawżi T‑150/18 u T‑345/18 quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

26      Fit-23 ta’ April 2019, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ECB-SSM-2019-FRBNP-12 tal-BĊE, tal-14 ta’ Frar 2019, li ssostitwixxiet id-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2018 mill-1 ta’ Marzu 2019 u li imponiet l-istess miżura ta’ tnaqqis (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2019”), ir-rikorrenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali nota ta’ adattament li fiha hija titlob ukoll l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2019, abbażi tal-istess motivi bħal dawk invokati fir-rikors kontra d-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2018.

27      B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ April 2019, dawn il-kawżi ġew assenjati lil Imħallef Relatur ġdid, sedenti fit-Tieni Awla.

28      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Mejju 2019, il-BĊE ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota ta’ adattament u talab li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

29      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

30      Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2019, il-President tat-Tieni Awla Estiża ddeċieda li jgħaqqad il-kawżi għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura.

31      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Settembru 2019.

32      Fil-Kawża T‑150/18, ir-rikorrenti essenzjalment titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-punti 9.1 sa 9.3 tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2017;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

33      Fil-Kawża T‑150/18, il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

34      Fil-Kawża T‑345/18, ir-rikorrenti essenzjalment titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-punti 9.1 sa 9.3 tad-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2018;

–        tannulla l-punti 8.1 sa 8.4 tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2019;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

35      Fil-Kawża T‑345/18, il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-deċiżjonijiet ikkontestati

36      Kif jirriżulta mill-punti 18, 20 u 26 iktar ’il fuq, fid-deċiżjonijiet tad-19 ta’ Diċembru 2017, dik tat-26 ta’ April 2018 u dik tal-14 ta’ Frar 2019 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), il-BĊE impona fuq ir-rikorrenti l-obbligu li tnaqqas ammont ekwivalenti għal dak tal-IPI sottoskritti lejn l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti jew il-fondi ta’ riżoluzzjoni mill-ekwità komuni ta’ grad 1.

37      Fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-BĊE qies li kien neċessarju li tiġi ggarantita kopertura solida tar-riskji li għalihom l-IPI, li huma ttrattati bħala elementi barra mill-karta tal-bilanċ, kienu jesponu lir-rikorrenti. Fil-punt 8.2 tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2019, hija ppreċiżat l-ammont tat-tnaqqis bl-applikazzjoni tal-formula li ġejja: CET1aj = CET1non aj – c. Fl-imsemmija formula, “CET1aj” kienet tindika l-ekwità komuni ta’ grad 1 tal-entità suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali kkonċernata wara l-aġġustament, “CET1non aj” tindika l-ekwità komuni ta’ grad 1 ta’ din l-entità qabel l-aġġustament u “c” tindika l-iktar ammont baxx bejn, minn naħa, il-valur ġust tal-assi gravati jew tal-garanziji fi flus kontanti pprovduti sabiex jiġi ggarantit l-ammont kumulattiv tal-bilanċi ta’ IPI tal-entità suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali kkonċernata u, min-naħa l-oħra, l-ammont nominali tal-bilanċi totali ta’ IPI tal-entità suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali kkonċernata li huma kienu jiggarantixxu.

38      F’dan ir-rigward, il-BĊE bbaża ruħu, kif jirriżulta mill-punt 8.3 tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2019, fuq il-motivi segwenti:

“[I]l-garanziji fi flus kontanti pprovduti sabiex jiġu ggarantiti l-IPI ma għandhomx ikunu disponibbli sakemm il-pagament ma jsirx fuq talba tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni jew tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti:

–        jekk isir tali pagament, il-bilanċi ta’ IPI jiġu kkontabilizzati bħala spejjeż li għandhom effett negattiv fuq l-ekwità komuni ta’ grad 1, li jfisser li l-garanziji fi flus kontanti pprovduti jsiru disponibbli biss meta l-pagament fi flus kontanti jkun diġà kellu effett fuq l-ekwità komuni ta’ grad 1;

–        jekk tali pagament ma jsirx, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jew l-iskema ta’ garanzija tad-depożitu għandha tuża l-garanziji fi flus kontanti pprovduti, u dan ikollu effett negattiv dirett fuq l-ekwità komuni ta’ grad 1.

Konsegwentement, [...] il-garanziji fi flus kontanti qatt ma jkunu disponibbli sabiex ikopru telf li l-entità suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali tkun tista’ ssofri b’mod regolari. Barra minn hekk, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni u l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti t-tnejn li huma jistgħu jimponu l-eżekuzzjoni tal-IPI meta istituzzjoni ta’ kreditu partikolari tkun suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni jew ta’ stralċ b’tali mod li pagament fi flus kontanti tal-bilanċi ta’ IPI jiġi għalhekk ikkontabilizzat bħala telf li għandu effett negattiv fuq l-ekwità komuni ta’ grad 1, fatt dan li jista’ jseħħ matul perijodu ta’ tensjonijiet sistematiċi li jistgħu jkunu akkumpanjati minn effetti proċikliċi possibbli. L-ammont li għalih jingħataw garanziji fi flus kontanti għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala mhux disponibbli biex ikopri t-telf tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata. Attwalment, dan ma jidhirx fl-ekwità komuni ta’ grad 1 tal-entità suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali, fatt li, konsegwentement, ma jagħtix deskrizzjoni eżatta tas-solidità finanzjarja reali tagħha u tar-riskji li hija tinkorri fir-rigward tal-użu tal-IPI.”

39      Il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2019 hija essenzjalment identika għad-deċiżjonijiet tad-19 ta’ Diċembru 2017 u tas-26 ta’ April 2018 fir-rigward kemm tad-dispożittiv kif ukoll tal-motivi mressqa insostenn tagħha.

40      Il-BĊE għalhekk ikkonkluda li l-użu ta’ IPI kien jagħti lok għas-sitwazzjoni problematika msemmija fl-Artikolu 16(1)(c) tar-Regolament Nru 1024/2013 u li, sabiex tiġi rrimedjata din il-problema, huwa seta’ jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu 16(2)(d) ta’ dan ir-regolament sabiex jeżiġi li kull destinatarju ta’ dawn id-deċiżjonijiet japplika għall-assi tiegħu politika speċjali ta’ provvista jew trattament speċjali f’termini ta’ rekwiżiti ta’ fondi proprji.

 Fid-dritt

41      Wara li l-partijiet instemgħu dwar dan il-punt matul is-seduta, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad il-kawżi ineżami għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, konformement mal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura.

42      Fil-kuntest ta’ dawn l-azzjonijiet, intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali sa fejn il-BĊE impona rekwiżit prudenzjali ta’ portata ġenerali filwaqt li din is-setgħa hija rriżervata għal-leġiżlatur. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tippermetti l-użu ta’ IPI u fuq ċaħda tal-effett utli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. It-tielet wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

43      L-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali, jirrigwarda żewġ ilmenti. Fil-kuntest tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li, fid-dawl tar-regoli li jirregolaw l-implimentazzjoni mill-BĊE tal-kompiti tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali, id-deċiżjonijiet ikkontestati jimponu rekwiżit prudenzjali ġdid ta’ portata ġenerali. Il-BĊE ma wettaq ebda evalwazzjoni tar-riskji ta’ solvenza u ta’ likwidità tar-rikorrenti u ma evalwax il-profil ta’ riskju tar-rikorrenti.

44      It-tieni lment huwa bbażat fuq il-fatt li l-BĊE eċċeda s-setgħat previsti mill-Artikolu 4(1)(f) u l-artikolu 16(1)(c) tar-Regolament Nru 1024/2013. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 16(1)(c) tar-Regolament Nru 1024/2013 ġie miksur minħabba li l-BĊE ma stabbilixxiex kif l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi li hija kienet implimentat kif ukoll il-fondi proprji u l-likwidità li hija kellha ma kinux jiżguraw ġestjoni soda u kopertura tar-riskji tagħha, peress li l-BĊE sempliċement fassal il-lista ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali u vaga. Fit-tieni lok, hija ssostni li l-Artikolu 4(1)(f) tar-Regolament Nru 1024/2013 jipprevedi li l-BĊE jista’ jimponi fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu rekwiżiti speċifiċi ta’ fondi proprji addizzjonali biss meta d-dispożizzjonijiet tar-regolamenti kkonċernati u tad-Direttiva 2013/36 jippermettu espressament lill-awtoritajiet kompetenti li jaġixxu. Issa, ebda dispożizzjoni ma tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jimponu rekwiżit ta’ kapital addizzjonali permezz ta’ tnaqqis fil-forma ta’ somma f’daqqa abbażi ta’ elementi barra mill-karta tal-bilanċ. It-tnaqqis sħiħ u permanenti tal-IPI fil-fatt ma huwiex previst mil-leġiżlazzjoni applikabbli. It-tnaqqis tal-fondi proprji huwa biss previst fl-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 575/2013. Fit-tielet lok u fi kwalunkwe każ, it-tnaqqis jista’ jiġi applikat biss, skont l-Artikolu 104(1)(d) tad-Direttiva 2013/36 u l-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013, għal assi, u mhux għal elementi li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ. Il-Linji Gwida tas-SREP jipprovdu l-possibbiltà li jiġi impost rekwiżit ta’ kapital addizzjonali jew permezz ta’ rekwiżit addizzjonali ta’ fondi proprji, jew inkella permezz ta’ miżuri previsti fl-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36, jiġifieri trattament tal-assi mniżżla fil-karta tal-bilanċ.

45      Il-BĊE jirribatti dan il-motiv. Fir-rigward tal-ewwel ilment, huwa jenfasizza li ma impona ebda regola ġdida u ġenerali u jsostni li t-trattament prudenzjali tal-IPI ma għandux x’jaqsam mat-testi li jirregolaw lil dawn tal-aħħar (id-Direttiva 2014/49 u r-Regolament Nru 806/2014). Id-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati fil-kuntest tal-proċess ta’ superviżjoni u ta’ evalwazzjoni prudenzjali ddefinit fl-Artikolu 4(1)(f) tar-Regolament Nru 1024/2013 u b’osservanza tal-Artikolu 16(1)(c) tal-istess regolament. F’dan il-kuntest, huwa jikkontesta l-assenza ta’ eżami individwali, billi jenfasizza li l-livell ta’ fondi proprji ma jinfluwenzax l-eżistenza tar-riskju li jiġġustifika d-deċiżjonijiet ikkontestati, peress li dan ir-riskju huwa li l-ekwità komuni ta’ grad 1 realment disponibbli ma tqegħidx lir-rikorrenti f’pożizzjoni li tkopri livell ta’ riskju ekwivalenti għal dak li għandu jkun kopert mill-ekwità komuni ta’ grad 1 kif tidher fil-karta tal-bilanċ tagħha.

46      Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati huma biss sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali li jistgħu jiġu invokati kontra d-destinatarji biss, li jistabbilixxu rekwiżiti speċifiċi għal kull entità, u li l-effetti tagħhom huma differenti għal kull waħda minnhom. Barra minn hekk, peress li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma esposti għal riskji identiċi, il-miżuri għandhom loġikament jiġu fformulati b’mod identiku.

47      Fir-rigward tat-tieni lment, il-BĊE jiċħad li eċċeda l-poteri li l-leġiżlazzjoni kkonferixxiet fuqu, billi jsostni li huwa għamel użu korrett mill-prerogattivi tiegħu sabiex iqiegħed lill-istituzzjoni ta’ kreditu f’pożizzjoni li tkopri korrettament ir-riskji li għalihom hija kienet qiegħda tesponi ruħha. Il-miżura inkwistjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 16(1)(c) tar-Regolament Nru 1024/2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-BĊE fir-rigward tal-politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Fil-fatt, skont il-BĊE, l-eżami tas-sitwazzjoni individwali tar-rikorrenti kien wera li ċerti riskji li għalihom hija kienet esposta ma kinux koperti b’mod korrett. Tali konstatazzjoni hija biżżejjed sabiex turi li r-rikorrenti kienet f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija minn dan l-artikolu u tiġġustifika li miżura tiġi imposta sabiex tirrimedja din il-miżura.

48      Barra minn hekk, l-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013 jippermettilha li timponi “trattament [speċjali] f’termini ta’ rekwiżit ta’ fondi proprji” u t-tnaqqis ta’ IPI jikkostitwixxi tali trattament. Għaldaqstant, peress li l-miżura ta’ tnaqqis taqa’ fil-kuntest tat-tieni pilastru, ir-riferiment magħmul mir-rikorrenti għall-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 575/2013 u għal-lista ta’ tnaqqis mill-ekwità komuni ta’ grad 1 li dan l-artikolu jistabbilixxi huwa irrilevanti. Fl-aħħar nett, skont il-BĊE u kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-IPI bħala elementi barra mill-karta tal-bilanċ jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri prudenzjali. F’dan ir-rigward huwa jirreferi, b’mod partikolari, għal-Linji Gwida tal-EBA li jordnawlu jieħu miżuri xierqa sabiex jiġi kopert ir-riskju proċikliku jekk l-impenn ta’ pagament u l-garanzija li takkumpanjah ma jkunux jinsabu fil-karta tal-bilanċ. Skont il-BĊE, l-EBA tikkunsidra li ma jkun hemm ebda riskju proċikliku fis-sempliċi eventwalità li l-IPI jkunu suġġetti għal trattament kontabbli identiku għal dak ta’ kontribuzzjoni fi flus kontanti. Il-BĊE jfakkar ukoll li l-garanzija li takkumpanja l-IPI tikkostitwixxi attiv irreġistrat fil-karta tal-bilanċ tal-istituzzjoni. Għaldaqstant, l-imsemmi impenn huwa rifless fil-garanzija li takkumpanjah, li jimplika li dawn għandhom jiġu ttrattati bħala unità inseparabbli.

 Fuq l-ewwel ilment, dwar eventwali assenza ta’ bażi legali

49      F’termini ta’ rekwiżiti prudenzjali, bħal fir-rigward tal-partijiet f’din il-kawża, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-obbligi ta’ natura regolatorja, imsejħa wkoll, f’dan il-kuntest, “pilastru 1”, u, min-naħa l-oħra, il-miżuri prudenzjali addizzjonali, imsejħa min-naħa tagħhom, f’dan il-kuntest, “pilastru 2”.

50      Għalhekk, ir-rekwiżiti prudenzjali minimi ġenerali huma stabbiliti mil-leġiżlatur u jinsabu prinċipalment fir-Regolament Nru 575/2013, konformement ma’ dak li diġà ssemma fil-punt 2 iktar ’il fuq. L-imsemmi regolament jistabbilixxi rekwiżiti fil-qasam ta’ fondi proprji applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu taxxabbli kollha. Minn dan jirriżulta li kull istituzzjoni għandu jkollha, f’kull mument, livell suffiċjenti ta’ fondi proprji. Barra minn hekk, fir-rigward tal-ekwità komuni ta’ grad 1, ir-Regolament Nru 575/2013 jiddefinixxi l-istrumenti li jistgħu jiġu kklassifikati fost dawn il-fondi u jeżiġi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu japplikaw il-filtri prudenzjali msemmija fl-Artikoli 32 sa 35 ta’ dan ir-regolament, li jikkonsistu b’mod partikolari fl-esklużjoni ta’ ċerti elementi, fil-korrezzjoni tal-valur tagħhom jew fit-tnaqqis mill-ekwità komuni ta’ grad 1 l-elementi elenkati fl-Artikoli 36 sa 47 tal-istess regolament.

51      B’mod konkret, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 575/2013 jelenka l-elementi ta’ ekwità komuni ta’ grad 1 bħala s-segwenti: “a)      strumenti kapitali [...]; b)      il-kontijiet primjum tal-ishma relatati mal-istrumenti [kapitali]; c)      qligħ miżmum; d)      introjtu ieħor komprensiv akkumulat; e)      riżervi oħra; f)      fondi għal riskju bankarju ġenerali”. Din l-ekwità komuni ta’ grad 1 tirrappreżenta dik fost l-iktar solidi li għandha l-istituzzjoni ta’ kreditu u tista’ tintuża immedjatament u mingħajr restrizzjoni.

52      L-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 575/2013 jipprevedi li diversi elementi għandhom jitnaqqsu mill-ekwità komuni ta’ grad 1, fosthom, b’mod partikolari, it-telf għas-sena finanzjarja kurrenti, l-assi intanġibbli, l-assi ta’ taxxa ddifferita dipendenti fuq il-profittabbiltà futura u l-ishma f’istituzzjonijiet ta’ kreditu jew finanzjarji oħra.

53      Minbarra dawn l-aġġustamenti prudenzjali applikabbli b’mod ġenerali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha, id-dritt tal-Unjoni jawtorizza lis-superviżur, f’dan il-każ il-BĊE, li jimponi miżuri oħra, każ b’każ u fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari ta’ kull istituzzjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kompitu tiegħu li jinvolvi fit-twettiq ta’ kontrolli prudenzjali konformement mal-Artikolu 4(1)(f) tar-Regolament Nru 1024/2013.

54      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-BĊE eċċediex il-kompetenza tiegħu sa fejn impona rekwiżit prudenzjali ta’ portata ġenerali, għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku li l-BĊE ma għandux setgħa leġiżlattiva fil-kuntest tal-ewwel pilastru, li jirrigwarda l-obbligi ta’ natura regolatorja, peress li din is-setgħa hija l-kompetenza esklużiva tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

55      Fil-fatt, il-kompetenza tal-BĊE hija suġġetta, fil-kuntest tal-kompiti tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali, b’mod partikolari dik li huwa jeżerċita skont l-Artikolu 4(1)(f) tar-Regolament Nru 1024/2013, għat-twettiq ta’ eżami individwali sabiex tiġi vverifikata l-adegwatezza tal-fondi proprji tal-entitajiet issorveljati direttament mar-riskji li għalihom huma jew jistgħu jiġu esposti. Ladarba jsiru dawn il-verifiki, il-BĊE jista’, fuq il-bażi tal-vulnerabbiltà u tad-dgħufijiet identifikati, jimponi miżuri korrettivi.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-BĊE sar jifforma parti mill-qafas tal-kontrolli u tal-evalwazzjonijiet prudenzjali li jaqgħu taħt it-tieni pilastru. Fil-fatt, l-ewwel nett, fil-parti introduttorja tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-BĊE indika li wettaq is-superviżjoni prudenzjali skont l-Artikolu 4(1)(f) tar-Regolament Nru 1024/2013. Skont din id-dispożizzjoni, il-BĊE ġie kkonferit il-kompetenza esklużiva sabiex iwettaq il-kompitu li jikkonsisti fit-twettiq tal-kontrolli prudenzjali bil-għan li jiġi ddeterminat jekk l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi stabbiliti mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-fondi proprji li huma għandhom jiggarantixxux il-ġestjoni tajba u l-kopertura tar-riskji tagħhom u, abbażi ta’ dan il-kontroll prudenzjali, jimponi fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, b’mod partikolari, rekwiżiti speċifiċi ta’ fondi proprji addizzjonali, rekwiżiti speċifiċi ta’ likwidità u miżuri oħra meta d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni jippermettu b’mod espress lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jaġixxu.

57      It-tieni nett, mill-punti ddedikati għall-IPI fid-deċiżjonijiet ikkontestati u msemmija fit-talba għal annullament parzjali, jiġifieri l-punt 9 tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2017, il-punt 9 tad-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2018 u l-punt 8 tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2019, jirriżulta li l-BĊE bbaża ruħu fuq żewġ dispożizzjonijiet sabiex jimponi t-tnaqqis tal-IPI mill-ekwità komuni ta’ grad 1.

58      Minn naħa hemm l-Artikolu 16(1)(c) tar-Regolament Nru 1024/2013. Dan jipprovdi li, għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE għandu setgħat, kif stabbiliti fl-Artikolu 16(2) tal-istess regolament, li jawtorizzawh jeżiġi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirrimedjaw għall-problemi kkonstatati f’ċerti sitwazzjonijiet. Fost dawn is-sitwazzjonijiet hemm dik fejn, fil-kuntest ta’ eżami prudenzjali mwettaq skont l-Artikolu 4(1)(f) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE tikkonstata li l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati mill-istituzzjoni ta’ kreditu u l-fondi proprji u l-likwidità miżmuma minn din tal-aħħar ma jiżgurawx ġestjoni soda u kopertura tar-riskji tagħha.

59      Min-naħa l-oħra hemm l-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013, li jservi bħala bażi għall-punt 9 tad-deċiżjonijiet tad-19 ta’ Diċembru 2019 u tas-26 ta’ April 2018 u għall-punt 8 tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2019. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-BĊE għandu, b’mod partikolari, is-setgħa li jeżiġi mill-istituzzjonijiet li japplikaw għall-assi tagħhom politika speċjali ta’ provvista jew trattament speċjali f’termini ta’ rekwiżiti ta’ fondi proprji.

60      Minn dan isegwi li l-passi meħuda mill-BĊE jifformaw parti mis-setgħat tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali taħt it-tieni pilastru. Konsegwentement, il-miżura adottata mill-BĊE ma hijiex nieqsa minn bażi legali. Għaldaqstant, sa fejn ir-rikorrenti, permezz tal-ewwel ilment tal-ewwel motiv, ikkontestat l-assenza ta’ bażi legali, dan għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, dwar eventwali assenza ta’ eżami individwali

61      Fil-kuntest tat-tieni lment, għandu jiġi vverifikat jekk il-BĊE eżerċitax korrettament, f’dan il-każ, is-setgħat mogħtija lilu skont it-tieni pilastru. F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-punti 58 u 59 iktar ’il fuq, sabiex jeżerċita s-setgħat tiegħu skont l-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE għandu jwettaq eżami individwali tas-sitwazzjoni ta’ kull istituzzjoni ta’ kreditu sabiex ikun jista’ jevalwa jekk “l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati mill-istituzzjoni ta’ kreditu u l-fondi proprji u l-likwidità miżmuma minnha [...] jiżgurawx ġestjoni soda u kopertura tar-riskji tagħha”.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat, abbażi tar-raġunament li jinsab fid-deċiżjonijiet ikkontestati, kif f’dan il-każ il-BĊE eżerċita s-setgħat tiegħu ta’ kontroll u ta’ evalwazzjoni prudenzjali fir-rigward tar-rikorrenti.

63      Mir-raġunament segwit f’dan il-każ mill-BĊE, kif riprodott fil-punt 38 iktar ’il fuq, jirriżulta li r-riskju li huwa identifika kien l-istima eċċessiva tal-ekwità komuni ta’ grad 1, riskju li joriġina mill-fatt li l-IPI huma ttrattati bħala element barra mill-karta tal-bilanċ, li għalhekk ma humiex inklużi fil-passiv tal-karta tal-bilanċ tal-istituzzjoni ta’ kreditu u li l-garanzija marbuta mal-IPI ma hijiex disponibbli sakemm jitħallsu l-IPI.

64      Fil-fatt, meta istituzzjoni ta’ kreditu tissottoskrivi IPI, l-ekwità komuni ta’ grad 1 ta’ dan l-istabbiliment tibqa’ fuq livell li ma jinbidilx. Madankollu, is-somom ittrasferiti bħala garanzija ma jistgħux jibqgħu jiġu mobilizzati sabiex ikopru b’mod kontinwu t-telf eventwali tal-attività.

65      Peress li, skont il-BĊE, ir-riskju jinsab fid-differenza bejn l-ammont indikat mill-istituzzjoni inkwistjoni tal-ekwità komuni ta’ grad 1 u l-ammont reali tat-telf li hija tista’ ssostni, il-BĊE, fir-rwol tiegħu ta’ superviżur prudenzjali, qies, kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet ikkontestati miġbura fil-qosor fil-punti 38 u 40 iktar ’il fuq, li tali sitwazzjoni ma kinitx tagħti deskrizzjoni eżatta tas-solidità finanzjarja reali tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, u lanqas tar-riskji li din kienet issostni fir-rigward tal-użu tal-IPI.

66      Għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament tal-BĊE ma jirriżultax minn sempliċi astrazzjoni, peress li huwa jibbaża ruħu fuq il-konstatazzjoni li r-rikorrenti rrikorriet għall-IPI u li hija tittratta lil dawn l-IPI bħala elementi barra mill-karta tal-bilanċ.

67      Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-importanza tal-ekwità komuni ta’ grad 1 fis-solidità finanzjarja tal-istituzzjonijiet u, b’mod iktar ġenerali, fl-istabbiltà tas-settur finanzjarju, l-eżistenza tar-riskju hekk identifikat mill-BĊE ma tistax tiġi miċħuda, u dan ir-riskju huwa barra minn hekk ikkonfermat mil-linji gwida dwar l-impenji ta’ pagament tal-EBA. Fil-fatt, minn dawn il-linji gwida (ara l-punt 14 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti, inkluż il-BĊE, għandhom jevalwaw, fil-kuntest tas-SREP, ir-riskji li għalihom huma esposti l-pożizzjonijiet ta’ fondi proprji u ta’ likwidità ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li tittratta lill-IPI tagħha barra mill-karta tal-bilanċ.

68      Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet jaqblu fuq il-fatt li, fuq il-livell ta’ trattament kontabbli, l-IPI ġeneralment jiddaħħlu fil-kontabbiltà, bħal f’dan il-każ, bħala elementi li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ u jiġu rreġistrati fil-karta tal-bilanċ bħala telf, u b’hekk inaqqsu l-ekwità komuni ta’ grad 1, biss fil-mument meta l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun obbligata tħallas is-somma lil wieħed mill-fondi kkonċernati.

69      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li ma humiex l-IPI bħala tali li huma s-suġġett tal-miżura ta’ tnaqqis inkwistjoni, iżda s-somom imqiegħda bħala garanzija, kif jirriżulta wkoll mill-punt 8.2 tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2019. Is-somom imqiegħda bħala garanzija ġeneralment jikkostitwixxu assi rreġistrati fil-karta tal-bilanċ tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Fil-fatt, il-garanziji tal-IPI huma obbligatorjament attivi likwidi ta’ riskju dgħajjef. Fil-prattika, dawn jieħdu l-forma ta’ depożitu ta’ flus kontanti ta’ ammont ekwivalenti għal dak tal-IPI, imqiegħda għad-dispożizzjoni libera tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jew tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti. Fi kliem ieħor, l-IPI jirriflettu ruħhom fil-garanzija tiegħu u dawn iż-żewġ elementi għandhom rabta inseparabbli u għalhekk ma jistgħux jitqiesu separatament.

70      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-BĊE seta’ jikkunsidra, mingħajr ma jwettaq żball ta’ liġi fuq dan il-punt, li t-trattament prudenzjali tal-IPI, u għalhekk tal-garanzija li hija indissoċjabbli għalih, seta’ jagħti lok għall-implimentazzjoni ta’ waħda mill-miżuri previsti fl-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013, u dan minkejja l-fatt li, fuq livell ta’ kontabbiltà, l-IPI bħala tali jiddaħħlu fil-kontabbiltà bħala elementi barra mill-karta tal-bilanċ.

71      Għalhekk hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti dwar il-fatt li, peress li l-IPI huma ttrattati barra mill-karta tal-bilanċ, huma ma jistgħux, minħabba f’hekk, jiġu affettwati mill-politika speċjali prevista fl-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013.

72      Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-BĊE wettaqx l-eżami individwali impost fuqu mill-Artikolu 16(1)(c) tar-Regolament Nru 1024/2013 (ara l-punt 61 iktar ’il fuq) tal-profil ta’ riskju tar-rikorrenti u, b’mod iktar konkret, jekk l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi li din tal-aħħar kienet implimentat u l-fondi proprji u l-likwidità li hija kellha kinux jippermettulha tindirizza r-riskju hekk identifikat li jirriżulta mit-trattament ta’ kontabbiltà tal-IPI bħala elementi barra mill-karta tal-bilanċ u min-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-garanzija marbuta magħhom.

73      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti u l-BĊE għandhom opinjonijiet opposti fir-rigward tal-eżami mwettaq minn dan tal-aħħar.

74      Il-BĊE jsostni li huwa eżamina ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tqis li r-raġunament tal-BĊE huwa bbażat biss fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali, u mhux fuq kwalunkwe eżami in concreto li kellu bħala għan, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-profil ta’ riskju ta’ istituzzjoni b’mod partikolari. Skont ir-rikorrenti, tali eżami, li kieku sar, kien juri li l-ammont tal-ekwità komuni ta’ grad 1 li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha kien suffiċjenti sabiex jiġi indirizzat eventwali telf li hija setgħet issofri fil-każ li l-IPI li hija kienet iffirmat kellhom jiġu msejħa.

75      F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta li l-BĊE kkonstata li r-rikorrenti kienet użat il-mekkaniżmu tal-IPI u li hija kienet tittratta l-IPI bħala element barra mill-karta tal-bilanċ filwaqt li l-garanzija relatata miegħu kienet tidher bħala attiv fil-karta tal-bilanċ. Fid-deċiżjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2019 il-BĊE indika l-ammont totali tal-bilanċi ta’ IPI li għalihom ir-rikorrenti kienet ipprovdiet garanziji fi flus kontanti, kemm fil-livell ikkonsolidat kif ukoll skont kull stabbiliment tar-rikorrenti. Imbagħad huwa kkalkola l-perċentwal tal-ammont ta’ espożizzjoni għar-riskju skont l-Artikolu 92(3) tar-Regolament Nru 575/2013. B’dan il-mod, il-BĊE stabbilixxa l-livell tal-espożizzjoni tar-rikorrenti għar-riskju mnissel mill-fatt li ssottoskriviet għall-IPI. Mill-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta wkoll li, minkejja li tali eżerċizzju ta’ kalkolu ma kienx jinsab fid-deċiżjonijiet tad-19 ta’ Diċembru 2017 u tas-26 ta’ April 2018, fil-mument tal-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet il-BĊE kellu informazzjoni rilevanti sabiex jevalwah.

76      Issa, ir-raġunament tal-BĊE jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li t-trattament kontabbli tal-IPI barra mill-karta tal-bilanċ huwa, fih innifsu, problematiku, għaliex dan it-trattament jimplika mid-definizzjoni tiegħu stima eċċessiva tal-ekwità komuni ta’ grad 1. Il-pożizzjoni tal-BĊE tirriżulta b’mod partikolari mis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali u mid-dikjarazzjonijiet tiegħu waqt is-seduta. Fil-fatt, huwa ddikjara li r-riskju li l-miżura inkwistjoni kellha tirrimedja kien jirriżulta mill-fatt li t-trattament fil-kontabbiltà applikabbli għall-IPI ma kienx jirrifletti l-indisponibbiltà tas-somom mobilizzati għal dan il-għan fil-proporzjon tal-ekwità komuni ta’ grad 1 tal-istituzzjoni kontributriċi. Skont il-BĊE, din is-sitwazzjoni ppermettietlu jirrikorri, b’mod proporzjonat, għas-setgħat li huwa kellu skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1024/2013. Tali raġunament, għalkemm huwa applikat konkretament għar-rikorrenti, jaqa’ madankollu taħt konstatazzjonijiet ta’ natura ġenerali li jistgħu japplikaw għal kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu li tagħżel it-trattament barra mill-karta tal-bilanċ tal-IPI mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni xi ċirkustanza speċifika għall-istituzzjoni kkonċernata.

77      Min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jsemmu l-ebda eżami individwali li wettaq il-BĊE u intiż li jivverifika jekk ir-rikorrenti kinitx implimentat arranġamenti, strateġiji, proċessi u mekkaniżmi fis-sens tal-Artikolu 4(1)(f) u tal-Artikolu 16(1)(c) tar-Regolament Nru 1024/2013 sabiex jiġu indirizzati r-riskji prudenzjali marbuta mat-trattament tal-IPI barra mill-karta tal-bilanċ u, jekk ikun il-każ, sabiex tiġi żgurata r-rilevanza tagħhom fir-rigward ta’ tali riskji.

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-użu ta’ IPI huwa espressament ammess u limitat mil-leġiżlatur. Ċertament, kif isostni l-BĊE, ir-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/49 ma jindirizzawx is-suġġett tat-trattament kontabbli tal-IPI. Barra minn hekk, il-possibbiltà prevista mil-leġiżlatur li jsir użu, għal perċentwali limitat, mill-IPI sabiex jiġu ffinanzjati l-fondi u l-iskemi ta’ garanzija ma tipprekludix l-eżistenza ta’ riskju prudenzjali. L-eventwalità ta’ tali riskju tista’ tiġi dedotta wkoll mil-Linji gwida dwar l-impenji ta’ pagament. Madankollu, u mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-eżattezza tal-interpretazzjoni li l-BĊE ta lil-linji gwida dwar l-impenji ta’ pagament, jiġifieri li l-uniku mod li bih jiġi eskluż riskju proċikliku jikkonsisti f’li, għall-kontabbiltà, l-IPI jiġu ttrattati b’mod identiku għal kontribuzzjoni fi flus kontanti, xorta jibqa’ l-fatt li mill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1024/2013, kif ukoll mil-linji gwida dwar l-impenji ta’ pagament sa fejn dawn jagħmlu riferiment għall-eżami mwettaq fil-kuntest tas-SREP, jirriżulta li huwa meħtieġ eżami każ b’każ.

79      Issa, hekk kif diġà ġie rrilevat (ara l-punt 76 iktar ’il fuq), mill-approċċ tal-BĊE jirriżulta li dan qies li, peress li istituzzjoni għażlet li tuża l-IPI u trattament barra mill-karta tal-bilanċ, kien jeżisti riskju li jrendi inutli kull eżami iktar dettaljat tas-sitwazzjoni speċifika għal din l-istituzzjoni.

80      Barra minn hekk, peress li kull deċiżjoni adottata f’dan il-kuntest hija għalhekk deċiżjoni individwali li l-portata tagħha ma tmurx lil hinn mid-destinatarju tagħha, l-argument tal-BĊE li jgħid li l-miżura inkwistjoni ġiet adottata fil-kuntest tas-SREP ma huwiex rilevanti. Ċertament, kif isostni l-BĊE, riskji identiċi jistgħu jkunu koperti minn miżuri identiċi. Madankollu, il-fatt li l-miżura inkwistjoni ġiet adottata fil-kuntest tal-eżerċizzju li jirriżulta mill-implimentazzjoni tas-SREP ma jimplikax li l-miżura prudenzjali meħuda f’dan il-kuntest hija neċessarjament deċiżjoni adottata wara eżami individwali li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tar-rikorrenti.

81      Barra minn hekk, l-argument tal-BĊE li huwa wettaq, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, eżami individwali fl-okkażjoni tal-istudju tal-impatt, lanqas ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, tali eżami huwa intiż l-iktar l-iktar sabiex jevalwa l-konsegwenzi tal-adozzjoni ta’ miżura fid-dawl tal-għanijiet imfittxija. Huwa ċertament minnu li studju tal-impatt jista’ jkollu utilità sabiex tiġi evalwata n-natura proporzjonali tal-miżura inkwistjoni, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-argument tal-BĊE meta jsostni li l-imsemmi studju juri li l-miżura ser ikollha biss impatt dgħajjef f’termini ta’ fondi proprji addizzjonali u għalhekk ma għandhiex tippreżenta piż sproporzjonat għar-rikorrenti. Madankollu, dan l-istudju jsegwi għan ieħor u jaqa’ taħt loġika differenti minn dik li fuqha hija bbażata l-analiżi tal-BĊE skont l-Artikolu 4(1)(f) u l-Artikolu 16(1)(c) u (2)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, huwa fil-fatt il-BĊE li għandu jevalwa n-neċessità li tiġi adottata l-miżura inkwistjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tal-istituzzjoni kkonċernata billi jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-eventwali arranġamenti, strateġiji, proċessi jew mekkaniżmi li din tal-aħħar tkun implimentat.

82      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma kompliex l-eżami tiegħu lil hinn mis-sempliċi konstatazzjoni tar-riskju potenzjali kkawżat mill-IPI minħabba t-trattament kontabbli tiegħu bħala element barra mill-karta tal-bilanċ, billi ma eżaminax is-sitwazzjoni konkreta tar-rikorrenti, u b’mod partikolari l-profil tar-riskju tagħha kif ukoll il-livell ta’ likwidità tagħha, u billi ma ħax inkunsiderazzjoni eventwali fatturi li jattenwaw ir-riskju potenzjali, il-BĊE ma wettaqx l-eżami prudenzjali individwali tar-rikorrenti kif impost mill-Artikolu 4(1)(f) u mill-Artikolu 16(1)(c) u (2)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013, b’tali mod li dawn id-dispożizzjonijiet ġew miksura.

83      Sa fejn l-ilment dwar l-assenza ta’ eżami individwali huwa fondat, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’.

84      Minn dan isegwi li dan ir-rikors, sa fejn huwa intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjonijiet ikkontestati, għandu jiġi ddikjarat fondat, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

 Dwar l-ispejjeż

85      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-BĊE tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T150/18 u T345/18 huma magħquda għall-finijiet ta’ din is-sentenza.

2)      Il-punti 9.1 sa 9.3 tad-deċiżjoni ECB/SSM/2017-R0MUWSFPU8MPRO8K5P83/248 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tad-19 ta’ Diċembru 2017, il-punti 9.1 sa 9.3 tad-Deċiżjoni ECB-SSM-2018-FRBNP-17 tal-BĊE tas-26 ta’ April 2018, u l-punti 8.1 sa 8.4 tad-deċiżjoni ECB-SSM-2019-FRBNP-12 tal-BĊE tal-14 ta’ Frar 2019 huma annullati.

3)      Il-BĊE huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Buttigieg

Schalin

Berke

Costeira

 

      Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.