Language of document : ECLI:EU:C:2022:703

Kawżi magħquda C339/20 u C397/20

VD
u
SR

vs

Procureur général près la Cour de cassation

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza))

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal20 ta’ Settembru 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq uniku għas-servizzi finanzjarji – Abbuż tas-suq – Insider dealing – Direttiva 2003/6/KE – Artikolu 12(2)(a) u (d) – Regolament (UE) Nru 596/2014 – Artikolu 23(2)(g) u (h) – Setgħat ta’ sorveljanza u ta’ investigazzjoni tal-Autorité des marchés financiers (l-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji) (AMF) – Għan ta’ interess ġenerali intiż li jipproteġi l-integrità tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u l-fiduċja tal-pubbliku fl-istrumenti finanzjarji – Possibbiltà għall-AMF li titlob ir-rekords tad-data dwar it-traffiku miżmuma minn operatur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll Artikolu 52(1) – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet – Limitazzjonijiet – Leġiżlazzjoni li tipprevedi ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku mill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Possibbiltà, għal qorti nazzjonali, li tillimita l-effetti ratione temporis ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità li tikkonċerna dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – Esklużjoni”

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) – Setgħat ta’ sorveljanza u ta’ investigazzjoni tal-Autorité des marchés financiers (l-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji) (AMF) – Possibbiltà għall-AMF li titlob ir-rekords tad-data dwar it-traffiku miżmuma minn operatur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi – Miżuri nazzjonali li jimponu fuq l-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ż-żamma temporanja, iżda ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni, tad-data dwar it-traffiku – Għan tal-ġlieda kontra r-reati ta’ abbuż tas-suq, inkluż l-insider dealing – Inammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8, 11 u 52(1); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 596/2014, premessi 2, 24 u 62 u Artikoli 1, 8(1), 22 u 23(2)(g) u (h) u (3); Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikolu 15(1), u 2003/6, premessi 2 u 12, Artikoli 2(1), 11 u 12(1) u (2)(a) u (d))

(ara l-punti 66, 68 sa 70, 72, 73, 76 sa 79, 82, 85, 95, u d-dispożittiv 1)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) – Setgħat ta’ sorveljanza u ta’ investigazzjoni tal-Autorité des marchés financiers (l-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji) (AMF) – Possibbiltà għall-AMF li titlob ir-rekords tad-data dwar it-traffiku miżmuma minn operatur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi – Miżuri nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – Possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità fir-rigward ta’ dawn il-miżuri – Esklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8, 11 u 52(1); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 596/2014, premessi 2, 24 u 62 u Artikoli 1, 8(1), 22 u 23(2)(g) u (h) u (3); Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikolu 15(1), u 2003/6, premessi 2 u 12, Artikoli 2(1), 11 u 12(1) u (2)(a) u (d))

(ara l-punti 97 sa 107, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Wara investigazzjoni tal-Autorité des marchés financiers (l-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji, Franza) (AMF) (1), inbdew proċeduri kriminali kontra VD u SR, żewġ persuni fiżiċi akkużati b’reati ta’ insider dealing, ta’ ħabi ta’ reati ta’ insider dealing, ta’ kompliċità, ta’ korruzzjoni u ta’ ħasil tal-flus. Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, l-AMF kienet użat data personali li toħroġ minn telefonati ta’ VD u SR, iġġenerata abbażi tal-code des postes et des communications électroniques (il-Kodiċi tal-Posta u Komunikazzjonijiet Elettroniċi) (2), fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

Sa fejn it-tqegħid taħt investigazzjoni rispettiv tagħhom kien ibbażat fuq id-data dwar it-traffiku pprovduta mill-AMF, kull wieħed minn VD u SR ippreżentaw rikors quddiem il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), billi invokaw, b’mod partikolari, motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva “dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” (3), moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). B’mod iktar partikolari, billi bbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza Tele2 Sverige u Watson et (4), VD u SR ikkontestaw il-fatt l-AMF ibbażat ruħha, sabiex tiġbor l-imsemmija data, fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, filwaqt li, skonthom, dawn id-dispożizzjonijiet, minn naħa, ma kinux konformi mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn dawn kienu jipprevedu żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data ta’ konnessjoni u, min-naħa l-oħra, ma kienu jistabbilixxu l-ebda limitu għas-setgħa tal-investigaturi tal-AMF li jkunu jistgħu jitolbu li jingħataw id-data miżmuma.

Permezz ta’ żewġ sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2018 u tas‑7 ta’ Marzu 2019, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) ċaħdet ir-rikorsi ta’ VD u ta’ SR. Sabiex jiġi miċħud il-motiv imsemmi iktar ’il fuq, l-imħallfin li jiddeċiedu fuq il-mertu bbażaw ruħhom, b’mod partikolari, fuq il-fatt li r-Regolament dwar l-abbuż tas-suq (5) jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jitolbu, sa fejn dan ikun awtorizzat mid-dritt nazzjonali, ir-rekords eżistenti tad-data dwar it-traffiku miżmuma mill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, meta jkunu jeżistu raġunijiet ta’ suspett ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ insider dealing u meta tali rekords ikunu jistgħu jkunu rilevanti għall-investigazzjoni ta’ dan il-ksur.

VD u SR għalhekk ippreżentaw appell quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), il-qorti tar-rinviju f’dawn il-kawżi.

F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi dwar il-konċiljazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva “dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”, moqri fid-dawl tal-Karta, mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 12(2)(a) u (d) tad-Direttiva dwar l-“abbuż tas-suq” (6) u mill-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament dwar l-abbuż tas-suq. Din id-domanda toriġina mill-miżuri leġiżlattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprevedu b’mod preventiv, għall-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku għal sena mill-jum tar-reġistrazzjoni, għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati ta’ abbuż tas-suq, li minnhom jagħmlu parti l-insider dealing. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni dwar iż-żamma tad-data ta’ konnessjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar iż-żamma provviżorja tal-effetti ta’ din il-leġiżlazzjoni, sabiex tiġi evitata inċertezza legali u jkun permess li d-data preċedentement miġbura u miżmuma tintuża għall-finijiet tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni tal-insider dealing.

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, tqis li ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku għal sena mill-jum tar-reġistrazzjoni mill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ma hijiex awtorizzata, b’mod preventiv, għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati ta’ abbuż tas-suq. Barra minn hekk, hija tikkonferma l-ġurisprudenza tagħha li tgħid li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li qorti nazzjonali tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità li hija għandha tagħmel fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jsir riferiment mhux biss għall-kliem tagħha, iżda għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti.

Fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fid-domandi preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, filwaqt li l-Artikolu 12(2)(d) tad-Direttiva dwar l-“abbuż tas-suq” jirreferi għas-setgħa tal-AMF “li [t]eħtie[ġ] reġistri tat-telefon u tat-traffikar tad-data eżistenti”, l-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament dwar l-abbuż tas-suq jirreferi għas-setgħa ta’ din l-awtorità li titlob, minn naħa, ir-“reġistrazzjonijiet […] ta’ […] [rekords tad-data dwar it-traffiku] miżmuma minn kumpaniji tal-investiment, istituzzjonijiet tal-kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji” u, min-naħa l-oħra, “sa fejn ikun permess mil-liġi nazzjonali, rekords eżistenti tat-traffiku tad-data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjonijiet”. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta mingħajr ambigwità li dawn huma limitati li jillimitaw is-setgħa tal-AMF li “[t]eħtie[ġ]”, jew anki li “[t]it[lob]” id-data li dawn l-operaturi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, fatt li jikkorrispondi għal aċċess għal din id-data. Barra minn hekk, ir-riferiment magħmul għar-rekords “eżistenti”, bħal dawk “miżmuma” mill-imsemmija operaturi, jagħti x’jifhem li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jirregola l-possibbiltà, għal-leġiżlatur nazzjonali, li jistabbilixxi obbligu ta’ żamma ta’ tali rekords. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata kemm mill-kuntest li jagħmlu parti minnu l-imsemmija dispożizzjonijiet, kif ukoll mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti dawn l-istess dispożizzjonijiet.

F’dak li jirrigwarda l-kuntest li jagħmlu parti minnu dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija fid-domandi preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li, għalkemm, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar l-“abbuż tas-suq” (7) u tar-Regolament dwar l-abbuż tas-suq (8), il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam finanzjarju jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom numru ta’ għodod, ta’ kompetenzi u ta’ riżorsi adegwati, kif ukoll setgħat ta’ sorveljanza u ta’ investigazzjoni neċessarji sabiex jiżguraw l-effikaċja tal-missjonijiet tagħhom, dawn id-dispożizzjonijiet ma jsemmu la xi possibbiltà eventwali għall-Istati Membri li jistabbilixxu obbligu, għal dawn il-finijiet, impost fuq l-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li jżommu d-data dwar it-traffiku b’mod iġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni, u lanqas il-kundizzjonijiet li fihom din id-data għandha tinżamm mill-imsemmija operaturi għall-finijiet tat-trażmissjoni tagħha, jekk meħtieġ, lill-awtoritajiet kompetenti.

Fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li kemm id-Direttiva dwar l-“abbuż tas-suq” (9) kif ukoll ir-Regolament dwar l-abbuż tas-suq (10), jirriżulta li dawn l-istrumenti għandhom l-iskop li jiżguraw l-integrità tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni u li jsaħħu l-fiduċja tal-investituri f’dawn is-swieq, fiduċja li hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-fatt li dawn ser jitqiegħdu fuq livell ugwali u jkunu protetti kontra l-użu illegali ta’ informazzjoni pprivileġġata. Il-projbizzjoni ta’ insider dealing stabbilita fl-imsemmija strumenti (11) hija intiża għalhekk li tiżgura l-ugwaljanza bejn il-partijiet kontraenti fi tranżazzjoni fil-Borża billi jiġi evitat li waħda minnhom, li jkollha informazzjoni pprivileġġata u li tkun tinsab, minħabba f’hekk, f’pożizzjoni vantaġġuża meta mqabbla mal-investituri l-oħra, tapprofitta minnha għad-detriment tal-partijiet li ma jkollhomx din l-informazzjoni. Għalkemm, skont ir-Regolament dwar l-abbuż tas-suq (12), ir-rekords tad-data ta’ konnessjoni jikkostitwixxu prova essenzjali u xi drabi l-unika prova li tippermetti li tiġi skoperta u pprovata l-eżistenza ta’ insider dealing jew ta’ manipulazzjoni tas-suq, xorta jibqa’ l-fatt li dan ir-regolament jirreferi biss għar-rekords “miżmuma” mill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll għas-setgħa tal-awtorità kompetenti fil-qasam finanzjarju li “[t]it[lob]”, mingħand dawn l-operaturi, il-komunikazzjoni tad-data “eżistenti”. Għalhekk, minn dan il-kliem bl-ebda mod ma jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni, permezz ta’ dan, ried jirrikonoxxi, għall-Istati Membri, is-setgħa li jimponu obbligu ġenerali ta’ żamma tad-data fuq l-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Minn dan isegwi li la d-Direttiva dwar l-“abbuż tas-suq” u lanqas ir-Regolament dwar l-abbuż tas-suq ma jistgħu jikkostitwixxu l-bażi legali ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma tar-rekords ta’ data dwar it-traffiku miżmuma mill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għall-finijiet tal-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-awtorità kompetenti fil-qasam finanzjarju skont dawn l-atti.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li d-Direttiva “dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” tikkostitwixxi l-att ta’ riferiment fil-qasam taż-żamma u, b’mod iktar ġenerali, tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, b’tali mod li l-interpretazzjoni tagħha, kif magħmula fir-rigward ta’ din id-direttiva, tirregola wkoll ir-rekords tad-data dwar it-traffiku miżmuma mill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam finanzjarju, fis-sens tad-Direttiva dwar l-“abbuż tas-suq” (13) u tar-Regolament dwar l-abbuż tas-suq (14), jistgħu jitolbu mingħand dawn l-operaturi. L-evalwazzjoni tal-legalità tal-ipproċessar tar-rekords miżmuma mill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (15) għandha, għaldaqstant, issir fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva “dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”, kif ukoll tal-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-Direttiva dwar l-“abbuż tas-suq” u r-Regolament dwar l-abbuż tas-suq, moqrija flimkien mad-Direttiva “dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” u fid-dawl tal-Karta, jipprekludu miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, b’mod preventiv, għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati ta’ abbuż tas-suq, li minnhom jagħmel parti l-insider dealing, żamma temporanja, jiġifieri sena mill-jum tar-reġistrazzjoni, iżda ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku, mill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-ġurisprudenza tagħha li tgħid li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li qorti nazzjonali tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità li hija għandha tagħmel, skont id-dritt nazzjonali, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li, minn naħa, jobbligaw lill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jżommu b’mod iġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni d-data dwar it-traffiku u, min-naħa l-oħra, jippermettu l-komunikazzjoni ta’ tali data lill-awtorità kompetenti fil-qasam finanzjarju, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel ta’ qorti jew ta’ awtorità amministrattiva indipendenti, minħabba l-inkompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mad-Direttiva “dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”, moqrija fid-dawl tal-Karta. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-ammissibbiltà tal-provi miksuba permezz ta’ tali żamma taqa’, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, taħt id-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza b’mod partikolari tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Dan l-aħħar prinċipju jeħtieġ li l-qorti kriminali nazzjonali twarrab informazzjoni u provi li jkunu nkisbu permezz ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jekk il-persuni kkonċernati ma jkunux f’pożizzjoni li jikkummentaw b’mod effettiv dwar dik l-informazzjoni u dwar dawk il-provi, li jkunu ġejjin minn qasam li dwaru l-imħallfin ma jkollhomx informazzjoni u li jkunu jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv l-evalwazzjoni tal-fatti.


1      Investigazzjoni mmexxija skont l-Artikolu L.621‑10 tal-code monétaire et financier (il-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali.


2      B’mod iktar preċiż, abbażi tal-Artikolu L.34‑1 tal-code des postes et des communications électroniques (il-Kodiċi tal-Posta u Komunikazzjonijiet Elettroniċi), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali.


3      Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9).


4      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970).


5      Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU 2014, L 173, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 287, p. 320).


6      Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 367).


7      Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/6.


8      Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 596/2014, moqri fid-dawl tal-premessa 62 ta’ dan ir-regolament.


9      Premessi 2 u 12 tad-Direttiva 2003/6.


10      Artikolu 1 tar-Regolament Nru 596/2014, moqri fid-dawl tal-premessi 2 u 24 tiegħu.


11      Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/6 u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 596/2014.


12      Premessa 62 tar-Regolament Nru 596/2014.


13      Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/6.


14      Artikolu 22 tar-Regolament Nru 596/2014.


15      Fis-sens tal-Artikolu 12(2)(d) tad-Direttiva 2003/6 u tal-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament Nru 596/2014.