Language of document :

KONKLUŻJONIJIET TA' L-AVUKAT ĠENERALI

JULIANE KOKOTT

ippreżentati fit-18 ta’ Lulju 20071(1)

Kawża C‑294/06

The Queen, fuq rikors ta’

Ezgi Payir,

Burhan Akyuz

u

Birol Ozturk

vs

Secretary of State for the Home Department

[talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Court of Appeal, Civil Division of England & Wales, (ir-Renju Unit)]

“Ftehim ta' Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE/Turkija – Kunċett ta’ ħaddiem li huwa legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru – Ċittadini Torok li jaħdmu bħala au pair – Ċittadini Torok li jistudjaw fi Stat Membru u li jaħdmu wkoll hemmhekk”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KEE/Turkija tad-19 ta' Settembru 1980, dwar l-Iżvilupp ta' l-Assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem “id-Deċiżjoni Nru 1/80”) u tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-persuni li jaħdmu bħala au pair u studenti li għandhom impjieg sekondarju jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

2.        Il-Ftehim li ħoloq Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”)  ġie ffirmat f’Ankara fit-12 ta' Settembru 1963 mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa waħda, u mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u ġie konkluż, approvat u kkonfermat f'isem il-Komunità mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 64/732/KEE tat-23 ta' Diċembru 1963 (2).

3.        L-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim li ħoloq/ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, tat-23 ta’ Novembru 1970, jipprovdi li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jistabbilixxi r-regoli neċessarji għall-implementazzjoni gradwali tal-moviment liberu ta’ ħaddiema bejn l-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija skond il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

4.        Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni adotta d-Deċiżjoni Nru 1/80 tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-Iżvilupp ta’ l-Assoċjazzjoni(3).

5.        Skond l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Deċiżjoni Nru 1/80:

“1. Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għal xogħol għal membri tal-familja tiegħu, ħaddiem Tork, li huwa legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru:

–      għandu dritt, f’dak l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg legali, għat-tiġdid tal-permess tax-xogħol tiegħu mingħand l-istess persuna li timpjega, jekk din għandha xogħol x’toffri;

–      għandu d-dritt, f’dak l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg legali u suġġett għall-prijorità li tingħata lill-ħaddiema ta’ Stati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għall-offerta oħra ta’ xogħol fl-istess professjoni ma' persuna li timpjega ta’ għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali, irreġistrata mas-servizzi ta’ xogħol ta’ dak l-Istat Membru;

–      wara erba’ snin ta’ impjieg legali, jibbenefika, f’dak l-Istat Membru, minn aċċess liberu għall-attivitajiet kollha bi ħlas ta’ għażla tiegħu.”

B –    Il-liġi nazzjonali

6.        Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dħul fit-territorju ta’ ħaddiema au pair u ta’ studenti jinsabu fil-“House of Commons Paper” 395 (iktar ’il quddiem “HC 395”).

7.        Ir-regoli applikabbli għall-persuni li jitpoġġew bħala au pair huma previsti mill-Artikoli 88 sa 93 tal-HC 395. L-Artikolu 88 jiddefinixxi l-impjieg au pair bħala kuntratt li bis-saħħa tiegħu persuna li għandha bejn 17 u 27 sena tmur ir-Renju Unit bil-għan li titgħallem l-Ingliż. Hija toqgħod f’dan iż-żmien għand familja li titkellem bl-Ingliż fejn tgawdi minn opportunitajiet xierqa sabiex tistudja, u tgħin fix-xogħol tad-dar għal 5 sigħat kuljum l-iktar u tirċievi, bħala ħlas, kumpens raġjonveoli, u tgawdi minn jumejn ta’ mistrieħ fil-ġimgħa.

8.        Persuna li tixtieq tikseb permess ta’ dħul fir-Renju Unit bħala “au pair” żagħżugħa m’għandhiex, skond l-Artikolu 89, ikollha l-ħsieb li toqgħod fir-Renju Unit għal iktar minn sentejn bħala impjegata “au pair ”, u bi ħsiebha titlaq mir-Renju Unit wara li ttemm ir-residenza tagħha “au pair”.

9.        Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dħul ta’ persuni qegħdin fl-Artikoli 57 sa 62 tal-HC 395.

10.      Skond l-Artikolu 57, persuna li titlob li tiġi awtorizzata tidħol fir-Renju Unit bħala student trid tkun ġiet aċċettata li ssegwi kors ta’ studju, tkun tista’ u jkollha l-ħsieb li tagħmel korsijiet ta’ studju rikonoxxuti li jkunu full time, u jkollha l-intenzjoni li titlaq mir-Renju Unit fl-aħħar ta’ l-istudji tagħha. Hija m’għandhux ikollha l-ħsieb li taħdem f’xogħol indipendenti jew bil-paga, ħlief għal attivitajiet part time jew ta’ xogħol fil-vaganzi, li għalihom irid jingħata permess.

11.      Skond l-Artikolu 58, persuna li titlob li tiġi awtorizzata tidħol fir-Renju Unit bħala student tista’ tiġi aċċettata bil-kundizzjoni li tirrestrinġi d-dritt tagħha li jkollha impjieg. Fil-Kapitlu 3, Anness A, Paragrafu 4 ta’ l-“Immigration Director’s Instructions” (Struzzjonijiet tad-Direttur ta’ Immigrazzjoni) hemm iktar dettalji f’dan ir-rigward. Persuna awtorizzata li tidħol jew toqgħod bħala student bil-kundizzjoni li tillimita d-dritt tagħha li jkollha impjieg (minflok projbizzjoni li jkollha impjieg), għandha permess ġenerali ta’ xogħol, sakemm it-tul tax-xogħol ma jaqbiżx l-20 siegħa fil-ġimgħa matul iż-żmien ta’ l-iimpjieg, bl-eċċezzjoni tal-perjodi ta’ vaganzi.

III – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

12.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma ċittadini Torok li kienu kisbu permess ta’ dħul fir-Renju Unit sabiex ikollhom iimpjieg au pair (E. Payir), jew għal raġunijiet ta’ studju (B. Akyuz u B. Ozturk).

13.      E. Payir kienet kisbet fis-sena 2000 permess sabiex tidħol fir-Renju Unit. Dan il-permess kien mogħti bil-kundizzjoni illi ma jkollha ebda impjieg ieħor, bi ħlas jew le, ħlief dak ta’ żagħżugħa au pair. Minn mindu daħlet, E. Payir ħadmet f’żewġ familji. Fit-tieni familja, li kienet toqgħod għandha minn Marzu 2001, hija ħadmet bejn 15 u 25 siegħa fil-ġimgħa f’dar u tieħu ħsieb it-tfal. Għal dan ix-xogħol hija ngħatat l-ikel u alloġġ bla ħlas kif ukoll GBP 70 fil-ġimgħa. Is-Sinjura xtaqet tibqa’ taħdem ma’ din il-familja.

14.      B. Akyuz u B. Ozturk daħlu fl-1997 u fl-1999 bħala studenti fir-Renju Unit. Huma ngħataw għal dan il-għan permess ta’ dħul u wara permess ta’ residenza, li kien iħallihom jagħmlu xogħol ta’ mhux iktar minn 20 siegħa fil-ġimgħa, bl-eċċezzjoni tal-perjodi ta’ vaganzi. Matul l-istudji tagħhom, iż-żewġ studenti ħadmu part time bħala wejters fil-limiti ta’ żmien permess. Il-persuni li impjegawhom ipproponew li jiġġedded il-kuntratt tagħhom ta’ xogħol.

15.      Ir-rikorrenti marru għand is-Secretary of State for the Home Department (Ministeru ta’ l-Intern, iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”) sabiex jiksbu tibdil jew estensjoni tal-permess tagħhom ta’ residenza bl-għan li jkunu jistgħu jkomplu jaħdmu fir-Renju Unit. Huma sostnew li huma ħadmu ma’ l-istess persuna li timpjega għal iktar minn sena u talbu li jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu ma’ l-istess persuna.

16.      Is-Secretary of State ċaħad it-talbiet tagħhom, peress li l-istudenti li jeżerċitaw attività part time u l-impjegati au pair ma jistgħux jistrieħu fuq l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ġew ikkontestati b’rikors quddiem il-qrati mir-rikorrenti. L-Administrative Court tal-High Court of England and Wales laqgħet ir-rikors tagħhom u annullat id-deċiżjoni tas-Secretary of State, minħabba l-fatt li r-rikorrenti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Is-Secretary of State appella mid-deċiżjonijiet ta’ l-Administrative Court quddiem il-Court of Appeal.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      B’deċiżjoni tal-15 ta’ Ġunju 2006, il-Court of Appeal staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      F’kawża fejn:

a)      permess ta’ dħul fir-Renju Unit kien ġie mogħti lil ċittadina Torka għal perijodu ta' sentejn fil-kuntest ta’ twettiq ta’ xogħol ta’ au pair, kif iddefinit fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit fuq l-immigrazzjoni; u

b)      dak il-permess ta’ dħul jinkludi d-dritt li tkun impjegata bħala tali; u

c)      hija baqgħet f’dan l-impjieg b’mod mhux interrott fis-servizz ta’ l-istess persuna li timpjega għal iktar minn sena matul il-perijodu ta' validità tal-permess ta’ dħul; u

d)      dan l-iimpjieg kien jikkostitwixxi attività ekonomika reali u effettiva; u

e)      dan l-impjieg kien konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-impjieg u l-immigrazzjoni;

matul il-perjodu li fih hija kienet f’dan l-impjieg, din iċ-ċittadina Torka kienet:

i)      ħaddiem skond l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 1/80 adottata fil-kuntest tal-Ftehim ta’ assoċjazzjoni li ħoloq Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija?

ii)      legalment irreġistrata fis-suq tax-xogħol tar-Renju Unit skond din id-dispożizzjoni?

2)      F’każ illi:

a)      permess ta’ dħul fir-Renju Unit ġie mogħti lil ċittadin Tork sabiex jippermettilu jsegwi kors ta’ studju f’dan il-pajjiż; u

b)      il-permess ta’ dħul tiegħu kien jinvolvi d-dritt li jokkupa kwalunkwe impjieg li t-tul tiegħu, ikkalkulat għal perjodu ta’ xogħol, ma setax jaqbeż 20 siegħa fil-ġimgħa,

c)      huwa kien impjegat b’mod kontinwu ma’ l-istess persuna li timpjega għal iktar minn sena matul il-perjodu ta’ validità tal-permess tiegħu ta’ dħul;

d)      dan l-iimpjieg kien jikkostitwixxi attività ekonomika reali u effettiva; u

e)      dan l-iimpjieg kien konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-iimpjieg u l-immigrazzjoni;

matul dan il-perjodu li fih huwa kien f’dan l-iimpjieg, dan iċ-ċittadin Tork in kwistjoni kien

i)      ħaddiem skond l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 adottata fil-kuntest tal-Ftehim ta’ assoċjazzjoni li ħoloq Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija?

ii)      legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol tar-Renju Unit skond din id-dispożizzjoni?

18.      Ħadu sehem fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss il-partijiet fil-kawża prinċipali iżda wkoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Olandiż, kemm fil-proċedura bil-miktub kif ukoll f'dik orali; barra minn hekk il-gvern Taljan ippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub.

V –    Evalwazzjoni

19.      Sabiex tkun tista’ tinvoka l-benefiċċju ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-persuna kkonċernata trid tkun ħaddiema Torka li hija legalment irreġistrata fis-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti u jkollha impjieg legali matul iż-żmien previst fl-Artikolu 6(1). Issa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk impjegati au pair u l-istudenti li għandhom impjieg sekondarju humiex ħaddiema skond l-Artikolu 6 u jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma legalment irreġistrati fis-suq tax-xogħol. Dan ifisser li essenzjalment hija tistaqsi jekk, għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1), għandux jingħata importanza lill-fatt li d-dħul fl-Istat ospitanti kien ġie awtorizzat bl-għan li jiġi segwit kors ta’ studju jew, fil-każ ta’ impjieg au pair, li jinkiseb għarfien lingwistiku.

20.      Il-qorti tar-rinviju ma tagħmilx espressament domanda fuq it-tielet kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1), jiġifieri l-kunċett ta’ “impjieg legali”. Madankollu, sabiex tingħata risposta kompleta u definittiva lid-domanda tal-qorti tar-rinviju, din it-tielet kundizzjoni mitluba mill-Artikolu 6 għandha tiġi kkunsidrata fl-evalwazzjoni li ser issir.

A –    Il-kwalità ta’ ħaddiem

21.      Hija ġurisprudenza stabbilita illi għandhu jsir riferiment għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ħaddiem fid-dritt Komunitarju sabiex jiġi ddeterminat xi jfisser dan l-istess kunċett użat mill-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80(4). Hekk, dan il-kunċett ikollu tifsira Komunitarja u mhux jiġi interpretat b’mod restrittiv biss. Huwa ddefinit skond kriterji oġġettivi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni tax-xogħol b’riferiment għad-drittijiet u d-dmirijiet tal-persuni kkonċernati. Sabiex tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala ħaddiem, persuna għandha teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet fuq skala daqstant żgħira li huma purament marġinali u anċillari. Il-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni tax-xogħol hija ċ-ċirkustanza illi persuna twettaq, għal ċertu zmien, favur persuna oħra u taħt it-tmexxija tagħha, servizzi għal ħlas ta’ kumpens (5).

1.      L-impjegati au pair

22.      Fil-każ ta’ impjegati au pair li, bħal E. Payir, jekk wieħed jirreferi għall-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, jiddedikaw 25 sa 30 siegħa fil-ġimgħa sabiex jieħdu ħsieb it-tfal u għax-xogħol tad-dar, għandu, bħala prinċipju, jiġi aċċettat li jkun hemm il-kwalità ta’ ħaddiem.

23.      Meta persuna taħdem għal 25 sa 30 siegħa fil-ġimgħa u twettaq attivtijiet bħalma huma li tieħu ħsieb it-tfal u x-xogħol tad-dar, ma jistax jiġi kkunsidrat, la mil-lat tat-tul ta’ l-attività u lanqas mil-lat tal-kontenut tagħha, illi l-attività hija biss purament marġinali u anċillari. Għall-kuntrarju, il-kwistjoni tirrigwarda attivitajiet reali u effettivi, kif jitlob il-kunċett ta’ ħaddiem.

24.      Il-fatt illi impjegat au pair ma jaħdimx full time ma jipprekludix li dan jiġi kkwalifikat bħala ħaddiem. Fil-kuntest ta’ l-Artikolu 39 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet illi persuna li taħdem biss part time tista’ tiġi kkunsidrata bħala ħaddiem (6). Dan jgħodd ukoll fil-kuntest ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Dak li hu determinanti, bil-kontra, huwa l-karattru reali u effettiv ta’ l-attività, li m’għandhiex tkun purament marġinali u anċillari.

25.      In ġenerali, impjegat au pair huwa wkoll suġġett għall-istruzzjonijiet tal-familja ospitanti.

26.      Wieħed jista’ jistaqsi lilu nnifsu jekk il-kwalità ta’ ħaddiem hijiex eskluża meta impjegat au pair jirċievi l-kumpens tiegħu fil-forma ta’ ikel u alloġġ b’xejn minbarra somma ta’ flus. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali Nru 1 hija wkoll ikkumpensata bl-attività tagħha peress li tingħata ikel u alloġġ b’xejn, u tirċievi GBP 70 fil-ġimgħa.

27.      Fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 39 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet illi mhuwiex rilevanti, sabiex tiddetermina jekk xi ħadd għandux jingħata l-istatus ta’ ħaddiem, illi l-kumpens ikun fil-forma ta’ alloġġ u ikel u somma zgħira ta’ flus (7).

28.      Sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ ħaddiem skond l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-Qorti tal-Ġustizzja hija ispirata, fil-ġurisprudenza stabbilita, mid-definizzjoni mogħtija għal dan it-terminu fil-kuntest ta’ l-Artikolu 39 KE. Għalhekk, mhemmx raġuni għalfejn għandu jiġi kkunsidrat rilevanti fil-kuntest tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għad-differenza ta’ l-Artikolu 39 KE, li l-kumpens jingħata fil-forma ta’ benefiċċji ta’ alloġġ u ikel.

29.      Din l-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ ħaddiem ta’ l-iimpjieg au pair mhijiex mibdula mill-kuntest partikolari li fih huwa kkollokat l-iimpjieg au pair. Iimpjieg au pair għandu qabel xejn iservi sabiex itejjeb l-għarfien lingwistiku tal-persuna kkonċernata u jikkontribwixxi għal skambji kulturali. L-iimpjieg au pair huwa għalhekk fil-biċċa l-kbira marbut, b’mod prinċipali, ma’ vantaġġi li jmorru lil hinn mill-kumpens ta’ l-attivitajiet tiegħu permezz ta’ l-għoti b’xejn ta’ ikel u alloġġ u ta’ somma żgħira ta’ flus. Dan il-fatt biss ma jistax madankollu jeskludi l-kwalità ta’ ħaddiem ta’ l-impjegat au pair. Fil-fatt, kuntratti ta’ xogħol oħrajn jistgħu jkunu marbuta ma’ vantaġġi li jmorru lil hinn mit-teħid ta’ salarju. Dan jista’ jkun il-każ ta’ iimpjieg barra l-pajjiż li jippermetti wkoll, per eżempju, li wieħed jitgħallem lingwa barranija jew, b’mod iktar ġenerali, li jakkwista esperjenza professjonali barra l-pajjiż.

30.      Barra minn hekk, l-iimpjieg au pair jista’ jkollu bħala karratteristika tiegħu il-fatt illi l-integrazzjoni fi ħdan familja ospitanti jkollha importanza partikolari, li fuqha l-gvern Taljan insista. F’dan ir-rigward, jista’ jsir paragun mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwalità ta’ ħaddiem mogħtija lill-membri tal-familja. Fuq il-punt dwar jekk persuna mqabbda minn membru tal-familja tiegħu stess tistax tiġi kkunsidrata bħala ħaddiem fir-rigward tat-Trattat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi hu determinanti li hemm rabta ta’ subordinazzjoni, kundizzjoni tipika rikjesta sabiex ikun hemm kuntratt ta’ xogħol(8).

31.      Bħala prinċipju, impjegat au pair għandu jiġi kkunsidrat għalhekk bħala ħaddiem skond l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (9).

32.      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-impjieg au pair jista’ jiġi organizzat b’mod differenti. Għalhekk, il-punt dwar jekk impjieg au pair jissodisfax il-kriterji ta’ status ta’ ħaddiem jiddependi miċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ fil-kawża partikolari. Għalhekk huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċiedu jekk il-kriterji ta’ rikonoxximent tal-kwalità ta’ ħaddiem ikunux issodisfati f’kull każ partikolari.

2.      Studenti

33.      L-istudenti li, bħar-rikorrenti nru 2, għandom l-attività ta’ wejter fil-limiti ta’ 20 siegħa fil-ġimgħa u jirċievu kumpens regolari għal dan huma ħaddiema fir-rigward ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Fil-fatt, huma jeżerċitaw attività reali u effettiva, f’rabta ta’ subordinazzjoni, u għal dan jirċievu kumpens. Il-fatt illi jeżerċitaw biss attività part time mhuwiex ta’ xkiel għar-rikonoxximent ta’ l-istatus ta’ ħaddiem(10). Għalkemm attività ta’ 20 siegħa fil-ġimgħa ma tirrapreżentax xogħol full time, din l-attività ma tistax tiġi kkwalifikata bħala purament marġinali u anċillari.

34.      L-istudenti li għandhom impjieg matul l-istudji tagħhom għandhom bħala prinċipju jkunu kkunsidrati bħala ħaddiema, sakemm l-impjieg tagħhom mhuwiex purament marġinali u anċillari (11).

3.      Paragun mal-kawża Bettray

35.      Il-qorti tar-rinviju tiċċita s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Bettray u titlob lill-qorti tal-Ġustizzja jekk jistax jiġi dedott minn din is-sentenza prinċipju ġenerali li l-Istati Membri jistgħu jdaħħlu sistemi li għandhom għan essenzjalment soċjali, bil-konsegwenza li impjieg li jaqa’ taħt din is-sistema ma jistax jiġi kkunsidrat bħala relazzjoni ta’ xogħol għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Wieħed jista’ jikkunsidra li l-permess mogħti lill-istudenti li jkollhom impjieg sekondarju u l-possibbilità għaż-żagħżagħ li jkunu impjegati au pair jikkostitwixxu din is-sistema.

36.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Bettray illi dawk l-attivitajiet li jservu biss bħala mezz ta' edukazzjoni mill-ġdid jew ta' inseriment mill-ġdid tal-persuni li jeżerċitawhom ma jistgħux jitqiesu bħala attivitajiet ekonomiċi reali u effettivi (12). Il-kawża li wasslet għal dik is-sentenza kienet tirrigwarda persuna illi, minħabba l-abbuż tagħha mid-drogi, kienet ġiet impjegata abbażi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt intern intiżi li jagħtu xogħol lill-individwi li, waqt tul ta’ żmien indeterminat, minħabba ċ-ċirkustanzi marbuta ma’ l-istat tagħhom, ma kienx jista’ jkollhom iimpjieg f’kundizzjonijiet normali: il-persuna kkonċernata, barra minn hekk, ma kinitx ġiet impjegata għall-kapaċitajiet tagħha li teżerċita impjieg partikolari, iżda ngħatat, għall-kuntrarju, fil-kuntest ta’ impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ xogħol maħluqa speċjalment għal għan soċjali, attivitajiet intiżi għall-possibbiltajiet fiżiċi u mentali tagħha.

37.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet sussegwentement fuq il-karattru uniku tas-sitwazzjoni li kien hemm fil-kawża Bettray, u stqarret li s-soluzzjoni deċiża f’dan il-kuntest hija ġġustifikata biss fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ dik il-kawża u ma ssegwix, għalhekk, il-linja ta’ ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ħaddiem fid-dritt Komunitarju. Is-sentenza ma tistax għalhekk tintuża f’kawżi li m’għandhomx karatteristiċi li huma simili għal dawk tal-kawża Bettray (13).

38.      L-attivitajiet eżerċitati mill-impjegati au pair u l-istudenti jikkostitwixxu madankollu bħala regola ġenerali attività reali u effettiva. Il-karatteristiċi partikolari tal-kawża Bettray mhumiex preżenti fil-każ ta’ studenti u ta’ impjegati au pair. Is-sentenza Bettray ma tippermettix għalhekk li tikkonkludi li l-impjegati au pair u l-istudenti li għandhom impjieg sekondarju ma jistgħux jingħataw l-istatus ta’ ħaddiema.

B –    Impjieg legali

39.      Il-kunċett ta’ “impjieg legali” jassumi, skond il-ġurisprudenza, sitwazzjoni stabbli u mhux prekarja fuq is-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru u jimplika, għalhekk, li hemm dritt ta’ residenza mhux ikkontestat (14). Għaldaqstant, il-persuna kkonċernata ma tistax tkun f’sitwazzjoni prekarja li tista’ tiġi kkontestata f’kull ħin(15).

40.      Kif indikat il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża preżenti kellhom ukoll dritt ta’ residenza matul l-impjieg tagħhom. Bħala prinċipju, l-impjegati au pair u l-istudenti mhumiex f’sitwazzjoni prekarja li tista’ tiġi kkontestata f’kull ħin.

41.      Il-Gvern Olandiż osserva korrettament li r-residenza ta’ student fl-Istat Membru ospitanti hija limitata fiż-żmien għat-tul ta’ l-istudji. Madankollu, dan ma jfissirx li d-dritt ta’ residenza ta’ l-istudent huwa prekarju u jista’ jiġi kkontestat f’kull ħin.

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt diġà ddeċidiet illi, sabiex ikun hemm “impjieg legali”, mhuwiex rilevanti li l-ħaddiem ikun ġie infurmat mad-dħul tiegħu fl-Istat ospitanti li d-dritt tiegħu ta’ residenza kien suġġett għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet sostantivi u dwar tul ta’ żmien (16).

43.      Il-fatt biss li r-residenza fl-Istat ospitanti tingħata għal żmien determinat m’għandux l-effett li jagħmluha prekarja.

44.      Skond il-ġurisprduenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’sitwazzjoni prekarja fuq is-suq tax-xogħol wieħed għandu jifhem, per eżempju, il-perjodu li fih il-ħaddiem, billi jibbenefika mill-effett sospensiv ta’ l-appel li jkun ressaq kontra r-rifjut li jingħatalu dritt ta’ residenza, jista’ jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat u hemmhekk jeżerċita impjieg (17).

45.      Madankollu, is-sitwazzjoni ta’ l-impjieg au pair jew ta’ student mhijiex simili għal din is-sitwazzjoni.

C –    Reġistrazzjoni fis-suq tax-xogħol

46.      Hija ġurisprudenza stabbilita illi l-espressjoni “legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol” użata fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 1/80 tirrikjedi li r-relazzjoni ġuridika ta’ xogħol tal-persuna kkonċernata tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru jew li għandha rabta mill-qrib bizzejjed ma’ dan it-territorju (18).

47.      Jista’ jiġi mistoqsi jekk ir-rekwiżit li persuna tkun legalment irreġistrata fis-suq tax-xogħol jimponix kundizzjonijiet li jmorru lil hinn mill-ħtieġa ta’ impjieg legali. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet b’mod negattiv għal din id-domanda fis-sentenza Birden (19). Hija ddeċidiet fil-fatt illi l-espressjonijiet “regulär” (ekwivalenti għal “regolari”) u “ordnungsgemäßen” (ekwivalenti għal “legali”) li hemm fil-verżjoni Ġermaniża huma identiċi.

48.      Il-kunċett ta’ “legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol” jirreferi għalhekk għall-ħaddiema kollha li kkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet legali u mar-regolamenti ta’ l-Istat ikkonċernat u għandhom b’hekk id-dritt li jeżerċitaw attività professjonali fit-territorju tagħhom (20).

49.      Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol m’għandux għalhekk jiġi interpretat bħala li jfisser is-suq ġenerali tax-xogħol, b’kuntrast għal suq ristrett li għandu għan soċjali speċifiku (21).

50.      Il-fatt li l-attivatijiet au pair u l-iimpjiegi li l-istudenti jeżerċitaw matul l-istudji tagħhom għandhom ġeneralment karatteristiċi partikolari – safejn għandhom ċertu għan soċjali peress illi jippermettilhom (ukoll) li jakkwistaw għarfien lingwistiku – ma jbiddel xejn minn din l-evalwazzjoni: huma attivitajiet eżerċitati minn persuni “legalment irreġistrati fis-suq tax-xogħol” fis-sens ta’ l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni Nru 1/80.

D –    Konklużjoni parzjali

51.      Kemm l-istudenti kif ukoll l-impjegati jissodisfaw għalhekk, prima facie, il-kriterji ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

E –    L-għan ta’ dħul fit-territorju

52.      Iċ-ċirkustanzi li taw bidu għal din il-kawża għandhom mandankollu karatteristika partikolari: l-Istati Membri li intervenew fil-proċedura enfasizzaw li l-permess ta’ dħul ma ngħatax sabiex jingħata impjieg fis-suq tax-xogħol. L-istudenti kienu awtorizzati jidħlu fit-territorju għal raġunijiet ta’ studju u setgħu jkollhom impjieg biss b’mod anċillari sabiex jiffinanzjaw l-istudji tagħhom. L-ammissjoni ta’ impjegat au pair isseħħ għall-għanijiet ta’ tagħlim lingwistiku u ta’ skambji kulturali.

53.      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat x’inhuma l-konsegwenzi li l-għan ta’ residenza meta jsir id-dħul fl-Istat Membru ospitanti jista’ jkollu fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ħaddiem skond l-Artikolu 6 (1) tad-Deċiżjoni Nru. 1/80.

1.      L-istudenti

54.      L-Istati Membri li ħadu parti fil-proċedura huma tal-fehma illi ċ-ċittadini Torok li kienu awtorizzati jidħlu għal raġunijiet ta’ studju, anki jekk jeżerċitaw impjieg sekondarju, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna fil-fatt biss lill-individwi ammessi sabiex jirrisjedu preċiżament fil-kwalità ta’ ħaddiem.

55.      Il-Gvern Olandiż u l-Gvern Ġermaniż jinvokaw f’dan il-kuntest id- Direttiva tal-Kunsill Nru 2004/114/KEE tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal raġunijiet ta’ studju, ta’ skambju ta’ studenti, ta’ taħriġ mhux ikkumpensat jew ta’ volontarjat (22). L-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva jobbliga lill-Istati Membri li jawtorizzaw lill-istudenti li ġejjin minn Stati terzi jeżerċitaw impjieg sekondarju ta’ mill-anqas 10 sigħat fil-ġimgħa jew l-ekwivalenti fi ġranet jew f’xhur kull sena.

56.      Mill-kliem tad-Direttiva 2004/114 jista’ jiġi dedott li l-leġiżlatur Komunitarju ma jikkunsidrax lill-istudenti illi jeżerċitaw impjieg sekondarju bħala ħaddiema iżda jkompli jikkunsidrahom bħala studenti, u minħabba f’hekk l-istudenti lanqas ma setgħu jiġu kklassifikati bħala ħaddiema fil-kuntest tad-Deċiżjoni 1/80.

57.      Dan l-argument mhuwiex madankollu konvinċenti. Minn naħa, id-Direttiva 2004/114 – li barra dan ma torbotx lir-Renju Unit (23) - tipprovdi espressament fl-Artikolu 4(1) li d-direttiva hija applikabbli bla ħsara għad-dispożizzjonijiet iktar favorevoli tal-ftehim bilaterali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Direttiva ma tista’ fl-ebda każ tiġġustifika interpretazzjoni restrittiva ta’ klawżola bilaterali. Min-naħa l-oħra, iż-żewġ strumenti ġuridiċi għandhom suġġett normattiv differenti. Jekk id-Direttiva 2004/114 tiddetermina f’liema miżura minima l-istudenti għandhom jingħataw id-dritt li jeżerċitaw impjieg sekondarju, dan ma jwassal għal ebda konklużjoni għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

58.      Dejjem rigward id-Direttiva 2004/114, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Olandiż, madankollu, josservaw li, fil-każ ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għall-istudenti, l-obbligu li d-Direttiva timponi fuq l-Istati Membri sabiex jawtorizzaw lill-istudenti jeżerċitaw impjieg sekondarju għandu jagħti lil kull student Tork il-possibbiltà li jgawdi d-drittijiet previsti mill-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Id-deċiżjoni ta' Stat Membru li jawtorizza lil ċittadin Tork jirrisjedi hemmhekk għall-istudji tiegħu twassal għall-konsegwenza, permezz tar-regola ta' l-Artikolu 17(1) tad-direttiva, li l-istudent – malli juża d-dritt tiegħu li jeżerċita impjieg matul il-perijodu ta’ l-istudji tiegħu, li ġeneralment huwa itwal mit-terminu stabbilit fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 – jikseb direttament dritt ta’ residenza fit-tul.

59.      L-Istati Membri jirreferu f’dan ir-rigward għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li d-deċiżjoni dwar l-ewwel dħul u l-ewwel impjieg ta’ ċittadin, u għalhekk id-deċiżjoni li tagħti jew le lil ċittadin Tork il-possibbiltà li jikseb sussegwentement id-drittijiet previsti mill-Artikolu 6 (1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tappartjeni lill-Istati Membri (24).

60.      Issa, minħabba l-obbligu stabbilit mid-direttiva li l-istudenti Torok għandhom jiġu awtorizzati jeżerċitaw impjieg sekondarju, l-Istati Membri ma jistgħux iktar jiddeċiedu huma stess sabiex jawtorizzaw l-ewwel impjieg ta’ l-istudent. Barra minn hekk, jekk wieħed jitlaq mill-premessa li l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 hija applikabbli, l-istudent Tork jista’ għalhekk jikseb b’mod definittiv dritt ta’ residenza fit-tul sabiex jeżerċita attività professjonali, mingħajr ma l-Istat ospitanti ma jista’ jiddeċiedi, bħala regola, fuq il-kwistjoni ta’ l-attività professjonali u ta' l-estensjoni tar-residenza għal skopijiet professjonali. L-Istati Membri jsostnu f’dan ir-rigward illi l-unika miżura regolatorja fil-qasam tal-politika ta’ l-impjieg li tibqa’ għad-dispożizzjoni tagħhom fil-konfront ta’ l-istudenti Torok u d-dħul eventwali tagħhom fis-suq tax-xogħol permezz ta’ l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni tkun li jikkontrollaw b’mod iktar rigoruż, u jekk ikun il-każ li jnaqqsu sa mill-bidu n-numru ta’ ċittadini Torok awtorizzati jidħlu sabiex jistudjaw.

61.      Il-Kummissjoni wkoll irrispondiet fis-seduta għad-domanda dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-effett kombinat tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u tad-Direttiva 2004/114. Billi l-Kummissjoni sostniet illi, jekk ikun il-każ, jiġi miċħud l-istatus ta’ ħaddiem meta hemm attività ta’ 10 sigħat fil-ġimgħa, m’hemmx lok li jiġi milqugħ l-argument tagħha, minħabba dak li diġà ntqal iktar ’il fuq dwar il-kunċett ta’ ħaddiem. Attività ta’ 10 sigħat fil-ġimgħa tikkostitwixxi wkoll attività reali u effettiva u mhijiex ta’ firxa tant imnaqqsa li għandha tiġi kkwalifikata bħala marġinali u sekondarja, fid-dawl tad-definizzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja.

62.      Il-kwistjoni dwar jekk, sabiex tinterperta l-kunċett ta’ ħaddiem użat fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għandux jittieħed in kunsiderazzjoni l-għan speċifiku ta’ l-ammissjoni ta’ studenti fit-territorju u l-fatt illi huma awtorizzati jeżerċitaw impjieg biss b’mod anċillari sabiex jiffinanzjaw l-istudji tagħhom, għandha tiġi solvuta abbażi ta’ interpretazzjoni teleoloġika tad-deċiżjoni.

63.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta ġeneralment – kif diġa spjegajt – il-kunċett ta’ ħaddiema għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 b’analoġija mal-prinċipji rikonoxxuti fil-kuntest ta’ l-Artikoli 39 KE u 40 KE. Sabiex tagħmel dan, hija tibbaża ruha fuq l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li fih il-partijiet kontraenti ftiehmu li jiġu ggwidati mill-Artikoli 48, 49 u 50 tat-Trattat KEE sabiex gradwalment jiġi assigurat il-moviment liberu tal-ħaddiema bejniethom (25).

64.      Fil-kuntest ta’ l-Artikolu 39 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi dak li huwa rilevanti, għad-dritt Komunitarju, huwa l-kontenut tax-xogħol imwettaq u mhux il-motivi li wasslu għal dak ix-xogħol (26).

65.      Il-Qorti tal-Ġutizzja madankollu stqarret li l-prinċipji rikonoxxuti fil-kuntest ta’ l-Artikolu 39 KE għandhom jiġu trasposti fid-drittijiet mogħtija mid-Deċiżjoni Nru 1/80 biss safejn possibbli (27). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat illi l-għan ta’ l-Artikolu 6(1) u l-għan partikolari tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tad-deċiżjoni (28).

66.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddikjarat li d-drittijiet fil-qasam tax-xogħol u, għaldaqstant, ta’ residenza li huma kkonferiti permezz ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandhom bħala għan li jikkonsolidaw gradwalment is-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati fl-Istat Membru ospitanti (29).

67.      L-intenzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) hija għalhekk li tagħti lill-ħaddiem li jmur jaħdem f'pajjiż ieħor, li jintegra dejjem iktar fis-suq tax-xogħol ta’ l-Istat ospitanti, drittijiet ta’ residenza fuq it-territorju proporzjonalment iktar u iktar estiżi. Dawn id-drittijiet ta’ xogħol u ta’ residenza joħolqu aspettativi leġittimi f’moħħ il-ħaddiema Torok li jidħlu fis-suq tax-xogħol ta’ l-Istati Membri. Iktar ma ddum l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, iktar ikun importanti l-bżonn ta’ ċertezza għall-proġetti tagħhom u ta' protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi tagħhom fir-rigward tal-permanenza tas-sitwazzjoni tagħhom, u iktar ikunu estiżi d-drittijiet li huma mogħtija lilhom mill-Artikolu 6(1).

68.      Madankollu, student li jmur fi Stat Membru sabiex jistudja u jeżerċita biss attività anċillari ma jinsabx fl-istess sitwazzjoni u ma jeħtieġx l-istess protezzjoni. L-għan tad-dritt ta’ dħul huwa l-istudju. Għaldaqstant, student m’għandux l-istess bżonn ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi tiegħu, sabiex ikun jista’ jagħmel pjanijiet fuq bażi ċerta, u ta’ konsolidazzjoni tas-sitwazzjoni tiegħu fl-Istat ospitanti.

69.      Interpretazzjoni teleoloġika ta’ l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni għandha barra minn dan tieħu in kunsiderazzjoni wkoll l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kollu kemm hu. Fil-fatt, interpretazzjoni li hija possibbli permezz tat-test ta’ l-Artikolu 6(1) Nru 1/80, li tmur kontra l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, ma tistax tiġi approvata.

70.      Skond l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-Ftehim huwa intiż li “jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-Partijiet, billi jieħu pjenament in kunsiderazzjoni n-neċessità li jiġi assigurat l-iżvilupp mgħaġġel ta’ l-ekonomija tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-poplu Tork”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].

71.       Jidhirli li huwa kuntrarju għal dawn l-għanijiet, għal diversi raġunijiet, illi l-istudenti li jeżerċitaw impjieg sekondarju jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, bil-konsegwenza li, jekk ikunu ħadmu matul l-istudji tagħhom skond il-kundizzjonijiet previsti fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 6(1) jingħatalhom id-dritt, wara erba’ snin ta’ impjieg legali, li jaċċedu liberament għal kull impjieg ta’ l-għażla tagħhom.

72.      L-interess prinċipali wara l-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza lill-istudenti Torok għal raġunijiet ta’ studju fl-Istati Membri huwa sabiex jiġi ffavorit “l-iżvilupp mgħaġġel ta’ l-ekonomija tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-poplu Tork” billi jiġu mħarrġa żgħażagħ gradwati Torok illi, meta jispiċċaw l-istudji tagħhom, jużaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, fl-ekonomija, fir-riċerka u fit-tagħlim, l-għarfien u l-kompetenzi miksuba, biex imbagħad jgħadduhom lil ħaddieħor u b’hekk jikkontribwixxu lis-soċjetà Torka.

73.      Huwa kuntrarju għal dan il-għan, li jippruvaw jilħqu l-partijiet għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jekk l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tkun ibbażata fuq fehim ta’ din ir-regola li, billi jinkludi l-istudenti li jkunu ffinanzjaw l-istudji tagħhom permezz ta’ attività mħallsa parallela, iwassal sabiex joffri lil dawn ta’ l-aħħar dritt attraenti li jibqgħu fl-Istat ospitanti b’anqas xkiel. B’tali interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni, ikun hemm il-biża’ li, minflok ma jmorru lura f’pajjiżhom u jużaw it-taħriġ miksub, diversi studenti Torok jieħdu l-opportunità li jibqgħu fl-Istat ospitanti sabiex jeżerċitaw hemmhekk impjieg. Għaldaqstant, l-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jiġifieri li jingħata kontribut għall-iżvilupp mgħaġġel ta’ l-ekonomija tat-Turkija u għaż-żieda fil-livell tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-poplu Tork, ikun mhedded.

74.      Għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ħaddiem, mhuwiex possibbli għalhekk li jiġi stabbilit xebh perfett bejn il-ħaddiem fis-sens ta’ l-Artikolu 39 KE u l-ħaddiem fis-sens ta’ l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Iċ-ċittadini Torok li jaslu fi Stat Membru sabiex jistudjaw u li huma awtorizzati jkollhom impjieg sekondarju minbarra l-istudji tagħhom sabiex jassiguraw il-finanzjament tagħhom, ma jaqgħux għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, u dan ukoll jekk, kkunsidrata b’mod iżolat, l-attività sekondarja tagħhom tagħtihom il-karatteristiċi kollha ta’ ħaddiem fis-sens ta’ l-Artikolu 39 KE.

75.      Din il-konklużjoni twassal ukoll għal konsegwenzi pożittivi minn lati oħrajn, kemm għall-istudenti Torok ikkonċernati kif ukoll mil-lat ta’ l-għanijiet li jipprova jilħaq il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fl-intier tiegħu. Peress illi limitazzjoni eventwali tan-numru ta’ studenti bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ politika ta’ l-impjieg mhijiex meħtieġa, numru akbar ta’ studenti Torok ser ikollhom il-possibbilità li jistudjaw fi Stat Membru. Il-possibbiltà li persuna taħdem matul l-istudji tagħha u għalhekk li tkun tista’ tiffinanzja hija stess l-istudji fl-Istat ospitanti, tiggarantixxi barra minn hekk li l-possibbilità ta’ studju fl-Istati Membri mhijiex irriżervata biss għall-istudenti ta’ l-ogħla klassijiet.

76.      Is-soluzzjoni li ser tingħata ma tmurx kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li t-termini ta’ żmien imposti mill-Istati Membri jew id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-ħaddiem waqt id-dħul tiegħu fit-territorju dwar ir-ritorn tiegħu wara ċertu żmien mhumiex daqstant rilevanti fil-kuntest ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet korretta meta stqarret li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 jkun espost għall-arbitrarjetà ta’ l-Istati Membri jekk it-termini ta’ żmien u d-dikjarazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq seta’ jkollhom effett fuq l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 6. Is-sitwazzjoni preżenti hija madankollu differenti: kif osserva ġustament il-Gvern Olandiż, id-dritt ta’ residenza ta’ studenti huwa, mid-definizzjoni tiegħu stess, limitat fiż-żmien għat-tul ta’ l-istudji, u għalhekk din il-limitazzjoni m’għandhiex x’taqsam mal-perijodi msemmija fl-Artikolu 6.

77.      Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li fihom hija ddeċidiet, f’ċerti każijiet partikolari, illi l-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw li jestendu permess ta’ xogħol u ta’ residenza minħabba li d-dħul u r-residenza kienu ġew awtorizzati għal għanijiet oħra minbarra t-twettiq ta’ xogħol b’salarju (30), mhumiex f’kontradizzjoni mal-konklużjoni mogħtija iktar ’il fuq. Fil-fatt, ma jistax jiġi dedott mill-istqarrijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dawn il-każijiet partikolari – differenti – ebda prinċipju ġenerali li jipprovdi li l-għan ta’ permess ta’ xogħol u ta’ residenza mogħti oriġinarjament għandu dejjem jibqa’ mingħajr rilevanza. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat preċiżament, fil-ġurisprudenza tagħha li tipprovdi li l-prinċipji applikabbli għall-Artikolu 39 KE għandhom jiġu applikati għall-interpretazzjoni tad-deċiżjoni biss safejn huwa possibbli, li wieħed m’għandux jiġġeneralizza b’mod skematiku, iżda jieħu in kunsiderazzjoni kull sitwazzjoni speċifika.

78.      Waħda mill-kawżi deċiżi kienet tirrigwarda ħaddiem Tork li kien ġie awtorizzat jidħol u jaħdem fi Stat Membru sabiex jakkwista esperjenza professjonali ma’ kumpannija parent tal-persuna Torka li kienet timpjegah (31). B’differenza għal dak li jirriżulta f’din il-kawża, fejn id-dħul ġie awtorizzat għal raġunijiet ta’ studju, f’dik il-kawża l-ħaddiem mar sabiex iwettaq attività professjonali, b’mod illi l-unika kwistjoni li kellha tiġi deċiża kienet l-importanza li kellha tingħata lill-motiv li awtorizza t-twettiq ta’ l-attività professjonali. Għalkemm il-qorti tal-Ġustizzja ma rrikonoxxiet ebda karattru rilevanti għall-motiv ta’ l-ewwel impjieg imwettaq, din id-deċiżjoni mhi ta’ ebda utilità f’din il-kawża.

79.      F’kawża oħra, ċittadin Tork kien kiseb permess ta’ dħul sabiex jiżżewweġ u kien talab, wara d-divorzju, estensjoni tal-permess tiegħu ta’ residenza u ta’ xogħol (32). Safejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’dan il-każ partikolari, l-estensjoni ma tistax tiġi miċħuda minħabba li d-dħul kien ġie awtorizzat għal għanijiet oħra minbarra t-twettiq ta’ xogħol b’salarju, din id-deċiżjoni ma tikkontribwixxi xejn għall-kawża preżenti. Fil-fatt, dħul immotivat minn żwieġ mhuwiex simili għal dħul għal raġunijiet ta’ studju, peress illi d-dħul għal żwieġ mhuwiex, skond id-definizzjoni tiegħu, awtorizzat bl-idea li l-persuna tirrisjedi hemmhekk għal żmien limitat. Ir-residenza hija kkonċepita bħala residenza fit-tul u toħloq aspettattivi leġittimi korrispondenti, li jistħoqqilhom li jkunu protetti. Għaldaqstant, dħul sabiex ikun hemm żwieġ ma jistax jitqabbel ma’ dħul għal raġunijiet ta’ studju u għalhekk mhuwiex meħtieġ trattament identiku fir-rigward ta’ l-Artikolu 6.

80.      Fl-aħħar nett, fil-kawża Kurz, permess ta’ dħul kien ġie mogħti lill-persuna kkonċernata sabiex tkun tista’ ssegwi taħriġ ta’ plamer (33). Din is-sitwazzjoni tista’ tidher mad-daqqa t’għajn simili ħafna għall-permess ta’ dħul mogħti għal raġunijiet ta’ studju, peress illi jirrigwarda wkoll dħul għal raġunijiet ta’ taħriġ. Id-differenza determinanti bejn iż-żewġ tipi ta’ taħriġ, li tiġġustifika wkoll li l-għan inizjalment mogħti lill-visa ma jingħatax l-istess importanza meta għandha tittieħed deċiżjoni dwar jekk għandux jiġi estiż il-permess ta’ residenza u jekk għandux jiġi applikat l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, hija madankollu r-relazzjoni stretta li teżisti bejn it-taħriġ professjonali u l-attività ekonomika, bil-konsegwenza li – b’mod partikolari minħabba l-importanza kbira li tingħata għall-istadji prattiċi u l-organizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ taħriġ – it-taħriġ professjonali jidher fundamentalment bħala fażi tal-ħajja professjonali. Id-dħul sabiex persuna ssegwi taħriġ professjonali tikkostiwixxi bażikament dħul sabiex twettaq attività professjonali. Għaldaqstant, din is-sitwazzjoni wkoll mhijiex simili għal dħul għal raġunijiet ta’ studju, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6.

81.      Is-sentenza Eroglu (34), li tikkonċerna d-dritt ta’ residenza mogħti mill-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ma twassalx għal xi soluzzjoni oħra. Din id-dispożizzjoni tagħti lit-tfal ta’ ħaddiema Torok li kienu kisbu fl-Istat ospitanti taħriġ professjonali d-dritt li jidħlu għal kull impjieg f’dan l-istess Stat, indipendentement mit-tul ta’ residenza tagħhom, bil-kundizzjoni li xi ħadd mill-ġenituri tagħhom kellu impjieg legali għal mill-inqas tliet xhur. Safejn il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet espressament f’din il-kawża li, sabiex jiġi eżerċitat dan id-dritt, il-motiv li għalih il-persuna kkonċernata kienet oriġinarjament awtorizzata tidħol u tirrisjedi ma tantx kien importanti, huwa jieħu ġustament in kunsiderazzjoni l-għan li jipprova jilħaq l-Artikolu 7(2) u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li huwa li joħloq ċertezza, kredibbiltà u stabbiltà għall-familji tal-ħaddiema Torok impjegati fl-Istat ospitanti. L-Artikolu 7(2) jikkonċerna wkoll is-sitwazzjoni partikolari tat-tfal ta’ ħaddiema Torok li jkunu studjaw fl-Istat ospitanti. F’dan il-kuntest, ma jkunx kompatibbli ma’ l-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq jekk jitħallew jirrisjedu fl-Istat ospitanti biss il-persuni li ngħataw permess ta’ dħul abbażi ta’ riunifikazzjoni tal-familja u mhux dawk li ngħataw permess ta’ dhul għal raġunijiet ta’ studju. Madankollu, ma teżisti l-ebda sitwazzjoni simili, li tirrendi irrilevanti l-motiv għall-permess ta’ dħul inizjali, fil-kuntest ġenerali ta’ l-Artikolu 6(1). Għaldaqstant, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 7(2) ma tipprekludix li jittieħed in kunsiderazzjoni l-motiv tad-dħul fil-kuntest ta’ l-Artikolu 6(1).

2.      L-impjegati au pair

82.      Fl-aħħar nett, għandha tingħata risposta lid-domanda dwar jekk, fil-każ ta’ dħul fit-territorju għal raġunijiet ta’ ksib ta’ iimpjieg au pair, li – kif diġà rajna – jissodisfa ħafna drabi l-kriterji tal-kunċett ta’ ħaddiem fis-sens ta’ l-Artikolu 39 KE, hemmx lok li tiġi adottata soluzzjoni anqas restrittiva fil-kuntest ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, abbażi ta’ interpretazzjoni teleoloġika.

83.      Madankollu, ma hemm l-ebda raġuni għalfejn f’dan il-każ – kuntrarjament għad-dħul għal raġunijiet ta’ studju – għandu jiġi mwarrab il-kunċett ta’ ħaddiem kif mifhum fil-kuntest ta’ l-Artikolu 39 KE, fid-dawl ta’ l-għan aħħari tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fil-fatt, it-twettiq ta’ xogħol ta’ au pair jirrappreżenta diġà fih innifsu l-bidu ta’ attività professjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet – kif diġà rajna – fis-sentenzi Kurz u Günaydin għal dak li jikkonċerna l-kuntratt ta’ taħriġ u l-ksib ta’ esperjenza professjonali mal-kumpannija parent, illi l-motiv preċiż għat-twettiq ta’ attività ma jistax ikollu effett fuq l-istatus ta’ ħaddiem skond l-Artikolu 6. Għaldaqstant, il-fatt li r-residenza bħala au pair għandha tippermetti ġustament il-ksib ta’ esperjenzi kulturali u tapprofondixxi l-għarfien lingwistiku ma jistax ikollu effett fuq l-istatus ta’ ħaddiem.

84.      Lanqas ma hemm il-biża’ li l-limitazzjonijiet ta’ żmien mill-Istati Membri ta’ kuntratti au pair għal massimu ta’ sena, li jistgħu jirriżultaw mill-imsemmi status fid-dawl ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ikollhom riperkussjonijiet negattivi fuq l-iskambji kulturali mixtieqa mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fil-fatt, l-idea stess ta’ l-impjieg au pair tippresupponi li l-għanijiet imfittxija permezz ta’ residenza au pair jintlaħqu normalment waqt residenza limitata għal sena.

F –    Konklużjoni parzjali

85.      Ċittadin Tork li jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru bl-għan li jsegwi studji u jwettaq attività professjonali matul l-istudji tiegħu sabiex jiffinanzja dawn l-istudji ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Min-naħa l-oħra, id-dħul għal impjieg au pair ma jrendix inapplikabbli l-Artikolu 6(1).

VI – Konklużjoni

86.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru qabel, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti r-risposta li ġejja lill-Court of Appeal:

1.      Ċittadin Tork li kien awtorizzat jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru bl-għan li jieħu impjieg au pair huwa legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol u jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, meta jwettaq attività reali u effettiva, għall-benefiċċju ta’ persuna oħra u taħt it-tmexxija ta’ l-istess persuna, u jirċievi ħlas bħala kumpens.

2.      Ċittadin Tork li kien awtorizzat jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru bl-għan li jistudja f’dan il-pajjiż u għandu impjieg sekondarju matul l-istudji tiegħu ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 _ ĠU 1964, L 217, p. 3685.


3 – Id-deċiżjoni mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali, iżda tista’ tiġi kkonsultata fil-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u Protokolli KEE-Turkija u testi oħta bażiċi, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, Brussell 1992”.


4 – Sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Birden (C‑1/97, Ġabra p. I‑7747, punt 23).


5 – Għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ara biss is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2002, Kurz (C‑188/00, Ġabra p. I‑10691, punt 32); u Birden (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna, punti 25 u 28).


6 – Sentenzi tat-23 ta’ Marzu 1982, Levin (53/81, Ġabra p. 1035, punt 16); u tat-3 ta’ Ġunju 1986, Kempf (139/85, Ġabra p. 1741, punt 11).


7 – Sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1988, Steymann (196/87, Ġabra p. 6159, punt 12); u tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C‑456/02, Ġabra p. I‑7573, punt 22).


8 – Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen (C‑337/97, Ġabra p. I‑3289, punt 15).


9 – Ara, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 39 KE, il-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Trabucchi tat-2 ta’ Ġunju 1976, Watson (118/75, Ġabra p. 1201, punt 2).


10 – Ara l-konklużjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, punt 24.


11 – Ara wkoll il-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Alber tat-28 September 2000, Grzelczyk (C-184/99, Ġabra p. I-6193, punti 70 et seq) fejn ġie ddikjarat li l-istudenti li għandhom impjieg sekondarju huma ħaddiema fir-rigward tat-Trattat.


12 – Sentenza tal-31 ta’ Mejju 1989, Bettray (344/87, Ġabra p. 1621, punt 17).


13 – Sentenza Birden (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna, punt 31).


14 – Sentenzi ta’ l-20 ta’ Settembru 1990, Sevince (C-192/89, Ġabra p. I‑3461, punt 30); tas-6 ta’ Ġunju 1995, Bozkurt (C-434/93, Ġabra p. I‑1475, punt 26); u tas-16 ta’ Diċembru 1992, Kus (C-237/91, Ġabra p. I‑6781, punti 12 u 22).


15 – Sentenza Kurz (iċċitata fin-nota 5 ta’ qiegħ il-paġna, punt 49).


16 – Sentenza tat-30 ta’ Settembru 1997, Ertanir (C‑98/96, Ġabra p. I‑5179, punt 58).


17 – Ara s-sentenza Sevince (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 14 ta’ qiegħ il-paġna, punt 31) u s-sentenza Kus (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 14 ta’ qiegħ il-paġna, punt 13), fej ġie deċiż illi ż-żamma fl-Istat ospitanti matul il-perjodu tal-proċedura relattiva għall-għoti tal-permess ta’ residenza lanqas ma jissodisfa din il-kundizzjoni.


18 – Sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1997, Günaydin (C‑36/96, Ġabra p. I‑5143, punt 29); Birden (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna, punt 33); u Ertanir (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 16 ta’ qiegħ il-paġna, punt 39).


19 – Sentenza Birden (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna, punti 47 et seq) illi tirreferi għall-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-Deċiżjoni Nru 1/80.


20 – Sentenzi Birden (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna, punt 51); ta’ l-10 ta’ Frar 2000, Nazli (C‑340/97, Ġabra p. I‑957, punt 31); u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Güzeli (C‑4/05, Ġabra p. I‑10279, punt 32).


21 – Sentenza Birden (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna, punt 51).


22 – ĠU L 375, S. 12; iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/114”.


23 – Ara l-ħamsa u għoxrin premessa tad-Direttiva 2004/114.


24 – Ara per eżempju s-sentenzi Nazli (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 20 ta’ qiegħ il-paġna, punt 29); Ertanir (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 16 ta’ qiegħ il-paġna, punt 23); u Kus (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 14 ta’ qiegħ il-paġna, punt 25).


25 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata wkoll f’dan il-kuntest l-Artikolu 36 tal-protokoll addizzjonali ffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970, anness ma’ l-imsemmi ftehim u konkluż mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU L 293, p. 1).


26 – Sentenza Levin (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 6 ta’ qiegħ il-paġna, punt 21).


27 – Ara s-sentenza Kurz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 5 ta’ qiegħ il-paġna, punt 30); Nazli (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 20, punt 55); Bozkurt (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 14 ta’ qiegħ il-paġna, punt 20); u tat-23 ta’ Jannar 1997, Tetik (C‑171/95, Ġabra p. I‑329, punt 20).


28 – Għal distinzjoni ċara bejn l-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Artikolu 39 KE, ara l-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Geelhoed tat-12 ta’ Settembre 2006, Tum & Dari (C-16/05, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra).


29 – Ara, per eżempju, is-sentenza Sedef (C‑230/03, Ġabra p. I‑157, punt 34) u Tetik (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 27 ta’ qiegħ il-paġna, punt 21).


30 – Sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1997, Günaydin (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 18 ta’ qiegħ il-paġna, punt 52); Kus (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 14 ta’ qiegħ il-paġna, punt 52); u Kurz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 5 ta’ qiegħ il-paġna, punt 56).


31 – Sentenza Günaydin (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 18 ta’ qiegħ il-paġna).


32 – Sentenza Kus (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 14 ta’ qiegħ il-paġna).


33 – Sentenza Kurz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 5 ta’ qiegħ il-paġna).


34 – Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Eroglu (C‑355/93, Ġabra p. I‑5113).