Language of document : ECLI:EU:T:2006:167

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tielet Awla)

21 ta' Ġunju 2006(*)

"Liġi tal-kumpanniji –Direttivi 68/151/KEE u 78/660/KEE - Pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali– Protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju – Ksur tad-drittijiet fundamentali – Bażi legali – Rikors għal danni – Inammissibbiltà"

Fil-kawża T47/02,

Manfred Danzer, residenti f'Linz (L-Awstrija),

Hannelore Danzer, residenti f'Linz ,

inizjalment irrappreżentati minn J. Hintermayr, M. Krüger, F. Haunschmidt, G. Minichmayr u P. Burgstaller, wara minn Hintermayr, Haunschmidt, Minichmayr, Burgstaller, G. Tusek, T. Riedler u C. Hadeyer, Avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Giorgi Fort u M. Bauer, bħala aġenti,

Konvenut,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għal kumpens tad-danni skond l-Artikolu 288 KE, sabiex jiġi kkumpensat id-dannu allegatament subit mir-rikorrenti minħabba l-obbligu li jippubblikaw ċertu informazzjoni fil-kontijiet annwali tal-kumpannija li tagħhom huma meniġers skond l-Artikolu 2(1)(f) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta' Marzu 1968, dwar il-kordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni ta' l-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 58 tat-Trattat [KEE, li sar it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 58 tat-Trattat KE, u li issa huwa t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 48 KE], bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f'kull parti tal-Komunità (ĠU L 65, p. 8) u l-Artikolu 47 tar-Raba' Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju tal-1978, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat [KEE, li sar l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat KE, u li issa, wara emenda, huwa l-Artikolu 44(3)(g) KE] dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji (ĠU L 222, p. 11) u, min-naħa l-oħra, talba għall-konstatazzjoni ta' l-invalidità tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża

1       L-Artikolu 2(1)(f) ta' l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta' Marzu 1968, dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni ta' l-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 58 tat-Trattat [KEE, li sar it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 58 tat-Trattat KE, u li issa huwa t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 48 KE], bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f'kull parti tal-Komunità (ĠU L 65, p. 8) (iktar 'il quddiem "l-ewwel Direttiva tal-kumpanniji), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti tal-kawża, jipprovdi:

"1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw żvelar obbligatorju minn kumpanniji ta’ għall-inqas id-dokumenti u dettalji li ġejjin:

[…]

f)       Il-karta tal-bilanċ u l-kont ta’ qligħ u telf għal kull sena finanzjarja. […]"

2       Skond l-Artikolu 6 ta' l-istess Direttiva:

" L-Istati Membri għandhom ikollhom pieni xierqa fil-każ ta’:

- nuqqas ta’ żvelar tal-karta tal-bilanċ u l-kont ta’ qligħ u telf kif meħtieġ mi[ll-]Artikolu 2(1)(f)".

3       Skond l-Artikolu 47(1) tar-Raba' Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju bbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat [KEE li sar l-Artikolu 53(2)(g) u li issa, wara emenda, huwa l-Artikolu 44(3)(g), KE] dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (ĠU L 222, p. 11, iktar 'il quddiem "ir-raba' Direttiva tal-kumpanniji", kif emendata mis-Seba' Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta' Ġunju 1983 (ĠU L 193, p. 1):

"1. Il-kontijiet annwali, approvati kif imiss, u r-rapport annwali, flimkien ma’ l-opinjoni mogħtija mill-persuna responsabbli għall-verifika tal-kontijiet, għandhom jiġu pubblikati kif speċifikat mil-liġijiet ta’ kull Stat Membru skond l-Artikolu 3 ta' [l-ewwel Direttiva tal-kumpanniji"].

Il-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu, iżda, jippermettu li r-rapport annwali ma jiġix pubblikat kif stipulat hawn fuq. F’dak il-każ, huwa għandu jkun disponibbli għall-pubbliku fl-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija fl-Istat Membru konċernat. Ġħandu jkun possibbli li tinkiseb kopja tar-rapport kollu jew parti minnu bla ħlas fuq talba. Il-prezz ta' dik il-kopja m'għandux ikun iżjed mill-ispiża amministrattiva tagħha."

4       L-Artikoli 9 u 10, u 22 sa 27 ta' din id-Direttiva jiddeskrivu t-taqsimiet rispettivament, tal-karta tal-bilanċi u tal-kont tal-qligħ u telf li l-Istati Membri jadottaw. L-Artikoli 43 sa 45 u 46 jiddeskrivu, rispettivament, il-kontenut ta’ l-Anness u tar-rapport annwali.

5       Dawn id-dispożizzjonijiet ġew trasposti fil-liġi Awstrijaka bir-Rechnungslegungsgesetz (liġi dwar il-kontabbiltà) (BGB1 475/1990 u mill-EU-GesRAG (liġi li temenda l-liġi tal-kumpaniji) (BGB1 304/1996), li timmodifika ċerti artikoli tal-Handelsgesetzbuch (Kodiċi tal-Kummerċ Awstrijak, iktar 'il quddiem l-"HGB"). Skond ir-raba' Direttiva tal-kumpanniji, l-HGB jipprovdi għal sistema ta' publikazzjoni differenti skond id-daqs tal-kumpannija.

6       Is-Sur Danzer huwa soċju meniġer tad-Dan-Kuchen Mobelfabrik M. Danzer Gesellschaft mbH (iktar 'il quddiem "Dan-Kucehn Mobelfabrik") u meniġer tad-Danzer Holding Gesellschaft mbH (iktar 'il quddiem "Danzer Holding") filwaqt li s-Sinjura Danzer hija meniġer ta' dawn iż-żewġ kumpanniji (iktar ' il quddiem, flimkien, il-"kumpanniji in kwistjoni").

7       Peress li r-rikorrenti ripetutament irrifjutaw li jissottumettu ruħhom għall-obbligu ta' pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali, skond l-eżiġenzi tal-HGB, tal-kumpanniji in kwistjoni, ġew imposti fuqhom xi multi mill-awtoritajiet Awstrijaċi kompetenti. Fiż-żmien tal-fatti, ir-rikorrenti kienu għaldaqstant ħallsu s-somma ta' 334 940 schillings Awstrijaċi (ATS) jiġifieri EUR 24 341.04 filwaqt li xi penalitajiet oħra ta' iktar minn EUR 20 800 kienu previsti.

8       Ir-rikorrenti kkontestaw uħud minn dawn il-penalitajiet quddiem il-qrati Awstrijaċi kompetenti. B’mod partikolari ir-rikorsi tar-rikorrenti ġew miċħuda mill-Oberlandesgericht Linz (Qorti Reġjonali Superjuri ta' Linz) u l-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema Awstrijaka) b'żewġ digrieti ta' l-20 ta' Ġunju u tal-31 ta' Jannar 2002 rispettivament. F'din l-okkażjoni, l-Oberster Gerichtshof ikkunsidrat b'mod partikolari li l-leġislazzjoni Awstrijaka in kwistjoni hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju u mad-drittijiet fundamentali kif ukoll mal-prinċipji ta' oġġettività u proporzjonalità. Hija qieset ukoll li ma kienx hemm lok li tintlaqa' t-talba tar-rikorrenti biex isiru xi domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9       B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta' Frar 2002, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

10     Permezz ta' digriet tal-President tar-Raba' Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2003, il-proċedura f'din il-kawża ġiet sospiża sad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li taqta' l-kawżi C-435/02 u C-103/03, bejn Springer AG u Zeitungsverlag GmbH & Co. Essen KG u Hans-Jurgen Weske, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 77(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, minħabba x-xebh bejn il-problemi imqajma f'dawn il-kawżi.  

11     Permezz ta' deċiżjoni tat-13 ta' Settembru 2004 dwar il-kompożizzjoni ta' l-Awli tal-Qorti tal-Prim'Istanza, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla, li konsegwentement, ġiet attribwita lilha din il-kawża.

12     Fit-23 ta' Settembru 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet il-kawżi ċċitati permezz ta' digriet (digriet tal-Qorti tat-23 ta' Settembru 2004, Springer, C-435/02 u C-103/03, Ġabra p. I-8663, iktar 'il quddiem id-"digriet Springer").

13     Il-proċedura fil-kuntest ta' din il-kawża tkompliet wara li ngħata d-digriet Springer. Il-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tielet Awla) stiednet lill-partijiet sabiex jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq kif għandha titkompla l-kawża. Dawn ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-22 u fis-26 ta' Novembru 2004.

14     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali, u fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lir-rikorrenti sabiex jirrispondu għal ċerti domandi bil-miktub. Ir-rikorrenti ssodisfaw din it-talba.

15     Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’ Istanza waqt is-seduta tas-16 ta' Novembru 2005.

16     F'din l-okkażjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet konjizzjoni ta' l-irtirar mir-rikorrenti ta' l-ewwel talba tagħhom intiża għall-konstatazzjoni ta’ invalidità tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi.

17     Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–       Tordna lill-Kunsill tħallas, fi żmien 14-il ġurnata, l-ammont ta' EUR 24 341.04, somma li tista' tiżdied;

–       tordna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż.

18     Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–       tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–       sussidjarjament, tiċħdu bħala mhux fondat;

–       tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż. .

 Id-dritt

 L-Argumenti tal-partijiet

19     Il-Kunsill, mingħajr ma jqajjem b’mod formali eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors minħabba, minn naħa, li fir-realtà, dan huwa intiż għall-annullament ta' l-Artikolu 2(1)(f), ta' l-ewwel Direttiva tal-Kumpanniji u ta' l-Artikolu 47 tar-Raba' Direttiva tal-kumpanniji (iktar 'il quddiem id-"dispożizzjonijiet kontenzjużi") u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti kien imisshom, qabel ma fetħu kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, stennew l-eżitu tar-rikors ippreżentat minnhom quddiem l'Oberster Gerichtshof kontra l- penalitajiet imposti mill-Landesgericht Linz (qorti reġjonali ta' Linz). Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, f'każ li persuna tqis ruħha ddanneġġjata mill-applikazzjoni ta' att normattiv Komunitarju li huwa jikkunsidra bħala illegali, għandu l-possibbiltà, meta l-implementazzjoni ta' l-att huwa r-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet nazzjonali, li jikkontesta, meta ssir din l-implementazzjoni, il-validità ta' l-att quddiem qorti nazzjonali fil-kuntest ta' kawża kontra l-awtorità interna. Din il-qorti tista' jew anki għandha, skond il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 177 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 234 KE), tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda dwar il-validità ta' l-att Komunitarju in kwistjoni. Madankollu, l-eżistenza ta' dan ir-rikors jista' jassigura b'mod effiċjenti l-protezzjoni tal-persuni kkonċernati biss jekk jista' jwassal għal kumpens għad-dannu allegat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' April, Unifrex vs Il-Kummissjoni, 281/82, Ġabra p. 1969, punt 11).

20     Issa, f'dan il-każ, f'każ li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiġi quddiemha d-domanda għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof, tiddikjara d-dispożizzjonijiet kontenzjużi invalidi, din il-qorti tkun obbligata tannulla l-penalitajiet in kwistjoni, peress li dan ir-rikors ma jkunx għad għandu skop.

21     Waqt is-seduta, il-Kunsill madankollu għaraf li r-rikorrenti eżawrew ir-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli fl-Awstrija, peress li l-Oberster Gerichtshof caħdet, bid-digriet tal-31 ta' Jannar 2002, it-talba tagħhom għall-annullament ta' ċerti penalitajiet u ppreċiżat, f'din l-okażjoni li ma tatx risposta għat-talba tar-rikorrenti u ppreċiżat, f'din l-okkażjoni, li ma kinitx se tilqa' t-talba tar-rikorrenti biex issir domanda għal deċiżjoni preliminari sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsdira l-validità tad-dispożizzjonijiet kontenjużi.

22     Il-Kunsill madankollu reġa' afferma d-dubji tiegħu dwar l-ammissibbiltà tar-rikors f'dak illi l-għan tiegħu huwa fir-realtà li ssir mill-Qorti tal-Prim'Istanza kostatazzjoni ġenerali ta' l-illegalità tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi li l-Awtoritajiet Awstrijaki u l-leġislatur Komunitarju huma marbuta li jikkunsidraw. Issa, dan m'għandux ikun, skond il-Kunsill, l-għan ta' rikors għad-danni.

23     Ir-rikorrenti jissotomettu li l-penalitajiet imposti mill-Landesgericht Linz, invokati fil-kuntest ta' dan ir-rikors, kienu ġew ikkonfermati mill-Oberster Gerictshof u diġà ġew irkuprati. Ukoll, l-Istati Membri ma kellhom ebda diskrezzjoni fit-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet assoluti ta' l-ewwel u r-raba' Direttivi tal-kumpanniji, b'mod li l-obbligu ta' pubblikazzjoni li huwa ta' dannu għar-rikorrenti, huwa attribwibbli lill-Komunità, għalkemm il-penalitajiet in kwistjoni ġew deċiżi fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet Awstrijaki rilevanti.

24     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jqisu li, peress li l-Qrati Awstijaċi kompetenti rrifjutaw li jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-kunsiderazzjoni tal-validità quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm kellhom l-obbligu jagħmlu dan u l-validità tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi setgħet b'mod leġittimu tiġi ddubitata, id-drittijiet tagħhom jistgħu jkunu protetti b’mod effettiv biss billi jsir dan ir-rikors. Huma jsostnu, f'dan ir-rigward li r-referenza magħmula għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Diċembru 1997, Daihatsu Deutschland (C-97/96, Ġabra p. I-6843), mill-Oberlandesgericht Linz u mill-Oberster Gerichtshof fid-digrieti li ċaħdu r-rikorsi tagħhom huma nieqsa minn rilevanza fil-każ in eżami. Huma jikkonkludu minn dak kollu li ntqal qabel li, minkejja li r-rikors għal danni quddiem il-qorti Komunitarja għandu biss natura subordinata b'relazzjoni mar-rimedji ġudizzjarji nazzjonali, dan ir-rikors għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibli, fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija rimedji ġudizzjarji ma jippermettux li tiġi ggarantita b'mod effettiv il-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Frar 1986, Krohn vs Il-Kummissjoni, 175/84, Ġabra p. 753, u tat-30 ta' Mejju 1989, Roquette frères vs Il-Kummissjoni, 20/88, Ġabra p. 1553).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

25     Fil-bidu, il-Kunsill qajjem, essenzjalment, żewġ eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà ibbażati fuq, rispettivament, l-allegazzjoni li r-rimedji ġudizzjarji nazzjonali kollha li kellhom ir-rikorrenti ma ġewx eżawriti, u minn naħa l-oħra, l-allegazzjoni li dan ir-rikors għad-danni għandu fir-realtà, l-għan li jinkiseb l-annullament tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi.

26     Fir-rigward ta' l-ewwel wieħed minn dawn l-elementi, il-Kunsill ammetta fis-seduta li ma baqax fondat, peress li ir-rikors tar-rikorrenti kontra l-penalitajiet in kwistjoni ġie miċħud mill-Oberster Gerichtshof, kif jirriżulta mill-annessi tar-replika. Għaldaqstant, l-argumenti tal-Kunsill li jidhru fir-risposta intiżi sabiex ir-rikors jiġi miċħud minħabba li ma ġewx eżawriti r-rimedji ġudizzjarji nazzjonali kollha għandhom jiġu skartati.

27     Madankollu, fir-rigward tat-tieni element imqajjem mill-Kunsill, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-azzjoni għal danni ibbażata fuq it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 288 KE hija rimedju awtonomu, li għandha funzjoni partikolari fil-kuntest tas-sistema ta' rimedji ġudizzjarji u hija soġġetta għal xi kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħha minħabba l-għan speċifiku tagħha. Hija differenti minn rikors għal annullament peress li l-għan tagħha mhuwiex it-tneħħija ta' miżura speċifika, iżda l-kumpens għad-danni kkawżati minn istituzzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Diċembru 1971, Zuckerfabrik Schoppenstedt vs Il-Kunsill, 5/71, Ġabra p. 975 punt 3; Krohn vs Il-Kummissjoni punt 24 iktar 'il fuq, punti 26 u 32, u tas-17 ta' Mejju 1990, Sonito et vs il-Kummissjoni, C-87/89, Ġabra p. I-1981, punt 14). Il-prinċipju ta' l-awtonomija ta' rikors għad-danni huwa ġġustifikat mill-fatt li l-għan ta' tali rikors huwa differenti minn dak ta' rikors għall-annullament (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Ottubru 2000, Fresh Marine vs Il-Kummissjoni, T-178/98, Ġabra p. II-3331, punt 45).

28     Huwa fuq din il-bażi li ġie deċiż, b'eċċezzjoni, li rikors għal danni għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli fejn huwa intiż fir-realtà, għar-revoka ta’ att li sar definittiv u meta għandu bħala effett, jekk jiġi milqugħ, li jneħħi l-effetti ġuridiċi ta' l-att in kwistjoni (sentenza Krohn vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ' il fuq, punt 30; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Marzu 1995, Cobrecaf et vs Il-Kummissjoni, T-514/93, Ġabra p. II-621 punt 59; u Fresh Marine vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punt 50). Dan huwa partikolarment il-każ meta r-rikors għad-danni intiż għall-pagament ta' somma fejn l-ammont jikkorispondi preċiżament għal dak li jkun tħallas mir-rikorrenti bħala dazju fl-eżekuzzjoni ta' l-att li sar definittiv (sentenza Krohn vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar 'il fuq, punt 33).

29     F'dan il-każ, ir-rikors imressaq mir-rikorrenti huwa intiż sabiex jiġi kkumpensat id-dannu allegatament subit mir-rikorrenti minħabba l- penalitajiet imposti fuqhom mill-awtoritajiet Awstrijaċi kompetenti, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali addottat għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi ta' l-ewwel u r-raba' Direttivi tal-kumpanniji. Ir-rikorrenti jevalwaw għalhekk id-danni strettament għall-ammont tal- penalitjaiet li huma kellhom iħallsu, jiġifieri EUR 24 341.04, ħaġa li huma kkonfermaw waqt is-seduta, billi żiedu li r-rikors tagħhom għandu l-għan li jinkiseb il-kumpens ta' din is-somma. Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jallegaw ebda dannu ieħor li jista' jiġi kkunsidrat bħala differenti mill-effetti li rriżultaw immedjatment u esklużivament mill-eżekuzzjoni ta' l-imsemmija deċiżjonijiet.

30     Jirriżulta minn dawn iċ-ċirkustanzi li r-rikorrenti qegħdin jippruvaw jiksbu, permezz ta' dan ir-rikors għad-danni, l-effetti li jġib miegħu l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-penalitajiet mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali awtorizzati għal dan il-għan, ħaġa li l-Qorti tal-Prim'Istanza mhijiex kompetenti tagħmel. B'konformità mal-ġurisprudenza ċċittata fil-punt 28 iktar 'il fuq, għandu għalhekk jiġi konkluż li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

31     Barra minn hekk, anki li kieku d-dispożizzjonijiet kontenzjużi jistgħu jkunu kkunsidrati bħala li huma l-kawża diretta ta' l-imsemmija deċiżjonijiet nazzjonali ta' penalitajiet, u dan minkejja li l-Artikolu 6 ta' l-ewwel Direttiva tal-kumpanniji jiddisponi sempliċement li l-Istati membri għandhom jipprovdu "pieni xierqa" fil-każ ta' ksur min-naħa tal-kumpanniji kkonċernati ta' l-obbligu tal-pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali li huwa impost fuqhom mill-ewwel u r-raba' Direttiva tal-kumpanniji, u anki li kieku r-rikorrenti b'hekk ikollhom interess li tiġi ddikjarata l-illegalità ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet kontenzjużi, għandu jiġi enfasizzat li dan ir-rikors għad-danni ma jikkostitwixxix il-kuntest xieraq għal dan il-għan.

32     Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, f'każ li persuna tħoss ruħha ddanneġġjata minn applikazzjoni ta' att normattiv Komunitarju li hija tikkunsidra bħala illegali, hija għandha l-possibbiltà, meta l-implementazzjoni ta' l-att huwa f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali, li jikkontesta, meta ssir din l-implementazzjoni, il-validità ta' l-att quddiem qorti nazzjonali fil-kuntest ta' kawża kontra l-awtorità nazzjonali. Din il-Qorti tista', jew anki għandha, skond il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 234 KE, tagħmel quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda dwar il-validità ta' l-att Komunitarju in kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Unifrex vs Il-Kummissjoni, punt 19 iktar 'il fuq, punt 11 u tad-29 ta' Settembru 1987, De Boer Buizen vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 81/86, Ġabra p. 3677, punt 9; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Settembru 1995, Nolle vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-167/94, Ġabra p. II-2589, punt 35.

33     Fil-każ in eżami, in kunsiderazzjoni ta' dak li qed ifittxu r-rikorrenti, effettivament, li jiksbu l-annullament tad-deċiżjonijiet nazzjonali minħabba l-fatt li huma fondati fuq dispożizzjonijiet tad-dritt Awstrijak addottati biex jimplementaw id-dispożizzjonijiet allegatament illegali ta' l-ewwel u r-raba' Direttivi tal-kumpanniji, li jikkonstitwixxu atti normattivi Komunitarji ta' portata ġenerali, għandu jiġi kkunsidrat li, fis-sistema ta' rimedji previsti mit-Trattat, ir-rimedju legali xierqa jikkonsisti fit-talba, lill-qorti nazzjonali, li quddiemha jkun tressaq rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet, biex tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija l-unika qorti li hija kompetenti sabiex tistabbilixxi l-invalidità, skond il-każ (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Marzu 2000, Greenpeace France et, C -6/99, Ġabra p. I-1651, punt 54).

34     Is-sempliċi fatt, invokat mir-rikorrenti, li kemm l-Oberlandesgericht Linz kif ukoll il-Oberster Gerichtshof ċaħdu t-talbiet tagħhom f'dan is-sens mhuwiex ta’ tip li jwassal għal konklużjoni differenti.

35     Għall-kuntrarju, skond ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita permezz ta' l-Artikolu 234KE, huwa biss għall-qorti nazzjonali, li għandha konjizzjoni tal-kawża u li trid tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-bżonn ta' deċiżjoni preliminari sabiex tkun f'pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38; tas-27 ta' Frar 2003, Adolf Truley, C-373/00, Ġabra p. I-1931, punt 21 u tat-12 ta' Arpil 2005, Keller, C-145/03, Ġabra p. I-2529, punt 33).

36     Huwa veru illi, meta tqum kwistjoni ta' interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju quddiem qorti nazzjonali fejn kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, din hija, bħala regola, marbuta, skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 234 KE, li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, u bla ħsara għall-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tat-30 ta' Settmebru 2003, Kobeler (C-224/01, Ġabra p. I-10239), f'każ li l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju hija tant ċara li m’hemmx lok għal ebda dubju raġonevoli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ottubru 1982, CILFIT, 283/81, Ġabra p. 3415, punt 21), din il-qorti tista' tastjeni, fl-eżerċiżżju ta' setgħa diskrezzjonali li hija tagħha biss, milli tissotometti lill-Qorti tal-Ġustizzja talba ta' interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun tressqet quddiemha (sentenza tal-15 ta' Settembru 2005, Intermodal Transports, C-495/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37).

37     A fortiori, din il-qorti ma tistax tkun kostretta li tilqa' għal kull talba ta' rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità ta' att Komunitarju ppreżentata quddiemha. Fil-fatt, mhuwiex biżżejjed li parti ssostni li l-kawża tqajjem kwistjoni fuq il-validità tad-dritt Komunitarju sabiex il-qorti kkonċernata tkun marbuta li tikkunsidra li tali talba ġiet imressqa skond l-Artikolu 234KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Jannar 2006, International Air Transport Association et., C‑344/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28). B'mod partikolari, hija għandha d-dritt li tikkunsidra li m'hemm ebda dubju dwar il-validità ta' l-att Komunitarju kkontestat u għalhekk m'għandhiex issir id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja f'dan ir-rigward. B'dan il-mod ġie deċiż li l-qorti in kwistjoni tista' teżamina l-validità ta' att Komunitarju u, jekk tqis bħala mhux fondati l-motivi ta' invalidità li l-partijiet jinkovaw quddiemha, tista' tiċħad dawn il-motivi filwaqt li tikkonkludi li l-att huwa kompletament validu. Fil-fatt, meta tagħmel hekk, hija ma tqajjimx dubji dwar l-eżistenza ta' l-att Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ottubru 1987, Foto-Frost, 314/85, Ġabra p. 4199, punt 14).

38     Huwa fl-eżerċizzju tal-kompetenza esklużiva li huma għandhom f'dan il-qasam li, f'dan il-każ, il-qrati nazzjonali Awstrijaċi kkunsidraw li l-motivi mressqa mir-rikorrenti, intiżi sabiex jikkontestaw il-validità ta' l-ewwel u r-raba' Direttivi tal-kumpanniji, ma jiġġustifikawx li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi ta' l-imsemmija Direttivi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

39     Issa, mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim’ Istanza li tevalwa, fil-kuntest ta' rikors għad-danni, jekk din id-deċiżjoni hijiex xierqa. L-ammissibbiltà ta' dan ir-rikors tagħti ukoll il-fakulta tar-rikorrenti li jevitaw kemm iċ-ċaħda, mill-qrati nazzjonali li huma l-uniċi li għandhom il-kompetenza jagħmlu dan, tat-talbiet tagħhom għall-annullament tad-deċiżjonijiet nazzjonali li jimponu penalitajiet, kif ukoll iċ-ċaħda mill-istess qrati tat-talba għar-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ħaġa li hija ta' dannu għall-prinċipju stess ta' kooperazzjoni ġurisdizzjonali li fuqha hija bbażata il-proċedura tad-domanda preliminari. F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti stess indikaw fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom u waqt is-seduta, li huma jikkunsidraw ir-rikors tagħhom bħala l-uniku mezz, li kien għad għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, sabiex jindirrizaw direttament lill-Qorti Komunitarja, sabiex jiksbu, mingħandha evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi; dan l-aġir jikkostitwixxi abbuż ta' l-għan stess tar-rikors għad-danni.

40     Għall-kompletezza, il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrileva li l-qrati Awstijaċi ġustament ikkunsidraw li m'hemm l-ebda dubju dwar il-validità ta' l-ewwel u r-raba' Direttivi kumpanniji.

41     Fil-fatt għandu jiġi mfakkar li l-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati, fl-ewwel lok, fuq l-allegat ksur tal-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju, tal-prinċipji tal-kompetizzjoni ħielsa u tal-proporzjonalità, kif ukoll tad-dritt għall-proprjetà u l-korollarju tiegħu il-"prinċipju ta' l-awtonomija privata", peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat, waqt is-seduta, li l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta' l-ugwaljanza fit-trattament, tal-libertà ta' stabbiliment u ta' l-eżerċizzju liberu ta' attività eknomika ġew irtirati. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti invokaw ksur tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u tas-sigriet fiskali. Fit-tielet lok, huma jallegaw li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi jikkonsistu fi ksur ta' dritt li ma jixhdux kontrihom infushom. Fir-raba' u l-aħħar lok, huma jargumentaw dwar nuqqas ta' bażi ġuridika għad-dispożizzjonijiet kontenzjużi u l-ksur ta' l-Artikolu 44(1)(g), KE.

42     Issa, f'dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju, tal-prinċipji tal-kompetizzjoni ħielsa u tal-proporzjonalità, kif ukoll tad-dritt għall-proprjetà, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, fid-digriet Springer, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tiddeċiedi, essenzjalment, dwar il-validità tad-Direttiva tal-Kunsill 90/605/KEE tat-8 ta' Novembru li temenda d-Direttiva 78/660 u d-Direttiva 83/349 li jikkonċernaw rispettivament il-kontijiet annwali u l-kontijiet ikkonsolidati rigward il-kamp ta' applikazzjoni ta’ dawn id-Direttivi (ĠU L317, p. 60), moqrija flimkien ma' l-Artikolu 47 tar-Raba' Direttiva tal-kumpanniji. Id-Direttiva 90/605 testendi l-obbligu ta' pubblikazzjoni li jirriżulta mir-raba' Direttiva tal-kumpanniji lis-soċjetajiet f'isem kollettiv u lis-soċjetajiet in akkomandita. Ir-raġunament li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat f'dan il-kuntest, essenzjalment, jista' japplika wkoll għas-sitwazzjoni tal-kumpanniji u għal dawn l-ilmenti tar-rikorrenti, kif isostni l-Kunsill

43     Fuq din il-bażi, għandu wkoll jiġi kkunsidrat li, anki jekk l-obbligi ta' pubblikazzjoni in kwistjoni kellhom effett biżżejjed dirett u sinjifikattiv fuq l-użu tad-drittijiet invokati mir-rikorrenti, ir-restrizzjoni li fihom, partikolarment dik relattiva għad-dritt ta' impriża li tista' żżomm sigrieta ċerta data li hija potenzjalment sensittiva, jidher, fi kwalunkwe każ, ġġustifikat b'mod ċar. Fil-fatt, minn naħa, il-miżuri imposti mill-ewwel u r-raba' Direttivi tal-kumpanniji għandhom l-għan doppju ta' interess ekonomiku ġenerali stipulat fl-Artikolu 44(2)(g), KE, jiġifieri l-protezzjoni ta' terzi kontra r-riskji finanzjarji li fihom it-tipi ta' kumpanniji li joffru bħala garanziji lil terzi l-assi tal-kumpannija biss u ta' l-introduzzjoni fil-Komunità ta' rekwiżiti legali minimi ekwivalenti f'dak li jikkonċerna l-portata ta' l-informazzjoni finanzjarja li għandha tingħata lill-pubbliku minn xi kumpanniji kompetitriċi. Min-naħa l-oħra, id-danni eventwali li joħolqu l-obbligi imposti minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-publikazzjoni jidhru ta' natura limitata, tant illi jidher dubjuż li dawn ir-regoli jistgħu jbiddlu l-pożizzjoni kompettitiva tal-kumpanniji kkonċernati. Fl-aħħarnett, id-dispożizzjonijiet stess tar-raba' Direttiva tal-kumpanniji, partikolarment dawk ta' l-Artikoli 11, 27 u 44 sa 47, jipprovdu l-possibbiltà li titnaqqas l-informazzjoni li għandha tidher fil-kontijiet annwali u fir-rapport annwali tal-kumpanniji li ma jaqbżux iċ-ċifri limitati relattivi għal ċerti kriterji, kif ukoll il-pubblikażżjoni tal-kontijiet ta' tali kumpanniji, filwaqt li l-Artikolu 45 ta' din id-Direttiva b'mod partikolari għandu bħala għan li jevita li l-pubblikazzjoni ta' ċerta data tikkawża danni serji għall-impriżi kkonċernati. Bl-istess mod, skond l-Artikolu 46, l-indikazzjonijiet li għandhom jidhru b'mod imperattiv fir-rapport annwali jistgħu jingħataw f'termini ġenerali (ara, f'dan is-sens, id-digriet Springer, punti 49 sa 55).

44     Minn dan isegwi li, anki jekk ikun ikkunsidrat li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi jistgħu jiksru, sa ċertu punt, il-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju, il-prinċipju ta' kompetizzjoni ħielsa u d-dritt għall-proprjetà, l-obbligi li jimponu fuq il-kumpanniji in kwistjoni ma jikkostitwixxux intervent sproporzjonat u intollerabbli b'mod li jfixkel is-sustanza stess ta' dawn id-drittijiet, u m'għandhomx, għaldaqstant, ikunu kkunsidrati bħala disproporzjonati fir-rigward ta' l-għan ta' interess ġenerali msemmi fl-Artikolu 44(2)(g)KE. Dan jgħodd ukoll għall-allegat ksur tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, li tinkorpora l-protezzjoni tas-sigriet fiskali, mingħajr ma hemm bżonn li titqajjem kwistjoni dwar l-eżistenza ta' dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali għall-benefiċċju tal-persuni ġuridiċi.

45     Safejn ir-rikorrenti jinvokaw, fit-tieni lok, ksur tal-protezzjoni tad-data personali relattiva għad-dħul tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm id-data tal-kont tal-qligħ u telf, li l-pubblikazzjoni tiegħu hija obbligatorja skond l-ewwel u r-raba' Direttivi tal-kumpanniji, għandha effettivament issemmi l-ispejjeż tal-persunal, [partikolarment tas-salarji, tal-pagi u tas-sigurtà socjali, skond l-Artikolu 23 6)(a) u (b), u l-Artikolu 24(3)(a) u (b), tar-raba' Direttiva tal-kumpanniji], kif ukoll tat-total tar-remunerazzjoni mogħtija lill-membri tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija jew ta' sorveljanza minħabba l-funzjonijiet tagħhom (Artikolu 43(1), punt 12 tar-raba' Direttiva tal-kumpanniji), dawn id-Direttivi ma jimponu bl-ebda mod l-identifikazzjoni tal-persuni li jibbenifikaw minn dan il-qligħ u, bħala regola, lanqas ma jagħmlu dawn il-persuni identifikabbli. B'mod partikolari, għandu jiġi enfassiżat li l-imsemmi Artikolu 43|(1), punt 12 jipprovdi espressament li r-remunerazzjonijiet previsti għandhom ikunu indikati b'mod ġenerali għal kull kategorija. Ir-rikorrenti ammettew dawn ic-cirkustanzi waqt s-seduta iżda sostnew, minn naħa li fil-każ tagħhom il-bord tad-diretturi tal-kumpanniji in kwistjoni huwa kompost minn membru wieħed biss, jiġifieri s-Sinjur Danzer, u min-naħa l-oħra li dawn il-kumpanniji għandhom biss żewġ diretturi, jiġifieri s-Sinjur u s-Sinjura Danzer. Meta jitqies li l-Firmenbuch (reġistru tal-kumpanniji miżmum mill-qrati kompetenti fl-Awstrija) isemmi b'isimhom is-soċji u diretturi ta' kumpanniji, il-qligħ tar-rikorrenti huwa indirettament identifikabbli.

46     Anki jekk dawn iċ-ċirkustanzi jiġu stabbiliti, huwa biżżejjed li jiġi rilevat li, mhuwiex l-Artikolu 43(1), punt 12 tar-raba' Direttiva tal-kumpanniji li, fih iniffsu, jwassal għall-iżvelar tar-remunerazzjoni tar-rikorrenti u, għalhekk jikser id-drittijiet fundamentali allegati, iżda l-fatt li, minn naħa, l-identità tas-soċji u tad-Diretturi ta' kumpanniji tiġi ppublikata fil-Firmenbuch, u min-naħa l-oħra, li s-Sinjur Danzer huwa l-uniku membru tal-bord tad-diretturi tal-kumpanniji in kwistjoni u s-sinjur u s-sinjura Danzer huma l-uniċi diretturi. Huwa għalhekk l-abbinament ta' dawn l-elementi differenti, li m'għandhomx x'jaqsmu ma' l-eżiġenzi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet kontenzjużi, li jista' jwassal għall-isvelar tar-remunerazzjoni tar-rikorrenti. minn dan isegwi li d-danni eventwali li jistgħu jbatu r-rikorrenti minħabba l-publikazzjoni rikjesta mid-dispożizzjonijiet kontenżjuzi m'huwiex konsegwenza diretta ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

47     Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ksur allegat, imqajjem fir-replika, tad-dritt li persuna ma tixhedx kontriha nfisha previst fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950 mingħajr ma hemm bżonn li tqum il-kwisjoni dwar l-ammissibilta ta' dan l-argument safejn huwa għandu rabta stretta ma' wieħed mill-ilmenti li jidhru fir-rikors, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, anki li kieku tali prinċipju jeżisti għall benefiċċju ta' persuni ġuridiċi, l-applikabbiltà tiegħu jippresupponi l-eżistenza ta' akkuża penali, f'sens wiesa', li hija ddefinita, skond il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, bħala n-notifika uffiċjali, li tinħareġ mill-awtorità kompetenti, ta' l-allegazzjoni li sar reat, anki jekk din tista' f'ċerti każi tieħu miżuri oħra li jimplikaw tali allegazzjoni u wkoll joħolqu riperkussjonijiet importanti fuq is-sitwazzjoni ta' l-akkużat. (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Ozturk c. Ġermanja, tal-21 ta' Frar 1984, serje A Nru 73,§ 55).

48     Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu impost fuq il-kumpanniji in kwistjoni, b'mod ġenerali, mid-dispożizzjonijiet kontenżjuzi, li jippubblikaw il-kontijiet annwali tagħhom bl-ebda mod ma jidħol fil-kuntest ta' akkuża kontra r-rikorrenti u ma jimplika, fih innifsu ebda allegazzjoni kontrihom. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux jiġġustifikaw il-kwalità ta' akkużati jew imputati fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata qabel. Isegwi li ma jistgħux jinvokaw għall-benifiċċju tagħhom id-dritt li ma jixhdux kontrihom infushom.

49     Fl-aħħarnett, fir-raba' u l-aħħar lok, fir-rigward ta' l-allegat nuqqas ta' bażi ġuridika tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi u l-ksur ta' l-Artikolu 44(2)(g), KE, anki jekk dawn l-ilmenti huma dwar regola tad-dritt intiża biex tagħti drittijiet lill-individwi, għandu jiġi kkonstatat li huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li tgħid li direttiva ta' koordinazzjoni ma tistax toħloq dispożizzjonijiet ġodda li ma kinux jeżistu qabel fis-sistema ġuridika ta' l-Istati Membri. Fil-fatt, l-għan tal-koordinazzjoni tal-leġislazzjoni jikkonsisti, fir-rigward tad-direttivi bbażati fuq l-Artikolu 44 KE, li jneħħi l-impedimenti għal-libertà ta' l-istabbiliment li jirriżultaw mill-eteroġeneità tar-regolamenti ta' l-Istati Membri differenti billi jiddaħħlu fil-Komunita, fir-rigward b'mod partikolari ta' l-għan previst fl-Artikolu 44(2)(g) KE rekwiżiti legali minimi ekwivalenti f'dak li jikkonċerna l-portata ta' l-informazzjoni finanzjarja li għandha tingħata lill-pubbliku minn kumpanniji kompetitriċi. Il-kisba ta' dan il-għan jista' jimplika għall-Istati Membri, kemm it-tneħħija ta' ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali kif ukoll l-adozzjoni ta' dispozizzjonijiet ġodda li b'mod konformi ma' l-għanijiet stabbiliti mill-imsemmija Direttiva, sabiex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet leġislattivi, regolamentari u amministrattivi ekwivalenti fit-territorju kollu tal-Komunità.

50     Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li huwa biss ir-Regolament għad-differenza tad-Direttiva, li jippermetti l-introduzzjoni mill-Komunità ta' regoli li ma kinux jeżistu qabel fis-sistema ġuridika ta' l-Istati Membri, għandu jiġi kkonstatat li huwa każ ta' sempliċi allegazzjoni nieqsa minn kull bażi ġuridika. Fil-fatt, skond it-termini tat-tieni u t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 249 KE, id-differenza bejn ir-Regolament u d-Direttiva hija illi ta' l-ewwel jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha, filwaqt li d-Direttiva torbot lill-Istati Membri li lilhom hija indirizzata d-Direttiva f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżultat li jrd jinkiseb, iżda tħalli l-għażla tal-forom u metodi f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Id-distinzjoni magħmula mir-rikorrenti skond l-eżistenza jew in-nuqqas ta' dispożizzjonijiet nazzjonali preċedenti hija għalhekk manifestament nieqsa minn kull rilevanza.

51     Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti mhumiex ta' tali natura li jqajmu dubji dwar il-legalità tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi u li għalhekk, il-Qrati Awstrijaċi ġustament ikkunsidraw li s-sempliċi kontestazzjoni, quddiemhom, tal-validità ta' dawn id-dispożizzjonijiet ma tiġġustifikax ir-rinviju ta' domanda għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

52     Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, minħabba r-raġunijiet imsemmija fil-punti 41 sa 50 iktar 'il fuq, dan ir-rikors għal danni għandu jiġi miċħud ukoll bħala infondat. Peress li r-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jressqu provi dwar l-illegalità tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi, l-adozzjoni tagħhom mill-Kunsill ma tistax, fil-fatt, tikkostitwixxi aġir illegali ta' natura li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Komunità. Dan huwa iktar il-kaz meta, kif iddeċidew il-Qorti tal-Gustizzja u l-Qorti tal-Prim'Istanza fil-qasam tar-responsabbilta' tal-Komunita minħabba atti normativi li jirriflettu għazliet ta' politika ekonomika, li għat-tfassil tagħhom l-istituzzjonijiet Komunitarji jiddisponu wkoll minn diskrezzjoni wiesgħa (Zuckerfabrik Schöppenstedt vs Il-Kunsill, punt 27 iktar ' il fuq, punt 11; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Diċembru 1995, Exporteurs in Levande Varkens et vs Il-Kummissjoni, T-481/93 u T-484/93, Ġabra p. II-2941, punt 81; tal-15 ta' April 1997, Schroder et vs Il-Kummissjoni, T-390/94, Ġabra p. II-501, punti 62 u 63 u ta' l-20 ta' Frar 2002, Forde-Reedereo vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-170/00, Ġabra p. II-515, punt 46), l-illegalità ta’ direttiva ta' koordinazzjon m'hijiex, waħedha, biżżejjed sabiex tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, peress li din ir-responsabbiltà tista' tinħoloq biss fil-preżenza ta' ksur suffiċjentement gravi ta' regola tad-dritt intiża biex tagħti drittijiet lill-individwi (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' April 1991, Assurance du crédit vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-63/89, Ġabra p. I-1799, punt 12 u ta' l-4 ta' Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291 punt 42).

53     Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kwalunke każ, mhux fondat, mingħajr ma hemm bżonn li tintlaqa' t-talba għal perizja magħmula mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

54     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kunsill.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

taqta' u tiddeċiedi

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill.

Jaeger

Tiili

Czúcz

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil- 21 ta' Ġunju 2006

E. Coulon

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.