Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ Diċembru 2021 minn Fachverband Spielhallen eV u LM mid-digriet tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) mogħti fit-22 ta’ Ottubru 2021 fil-Kawża T-510/20, Fachverband Spielhallen eV u LM vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-831/21 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Fachverband Spielhallen eV, LM (rappreżentanti: A. Bartosch u R. Schmidt, Rechtsanwälte)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-510/20;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jinvokaw aggravju uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fil-Kawża T-510/20 għall-motiv uniku li l-miżura li kienet is-suġġett tal-kawża ma kinitx ta’ natura li tagħti vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-qrati tal-Unjoni fil-qasam fiskali, il-kriterji tal-vantaġġ u tas-selettività għandhom jiġu eżaminati flimkien. Il-konstatazzjoni tas-selettività tippreżupponi neċessarjament li tiġi ddefinita sistema fiskali normali. Jekk ma tiġix stabbilita din is-sistema fiskali normali, ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat jekk jeżistix vantaġġ ekonomiku. Il-Qorti Ġenerali naqset madankollu milli teżamina s-sistema fiskali normali u għalhekk ma setgħetx tikkonkludi li l-miżura inkwistjoni ma kienet tagħti ebda vantaġġ ekonomiku. Konsegwentement, id-digriet appellat huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi gravi.

____________