Language of document : ECLI:EU:T:2016:483

Kawża T‑796/14

Philip Morris Ltd

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti mfassla fil-kuntest tax-xogħol preparatorju għall-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk u ta’ prodotti relatati – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji u tal-pariri legali – Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Interess pubbliku superjuri”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-15 ta’ Settembru 2016

1.      Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Motiv distint minn dak li jirrigwarda l-legalità fil-mertu

(Artikoli 263 TFUE u 296 TFUE)

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Interpretazzjoni u applikazzjoni stretti – Obbligu ta’ eżami konkret u individwali fir-rigward tad-dokumenti koperti minn eċċezzjoni – Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, premessi 1, 2 u 4, u Artikoli 1 u 4)

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Obbligu ta’ bbilanċjar tal-interessi inkwistjoni – Portata fir-rigward tad-dokumenti li fuqhom ikun ibbażat il-proċess leġiżlattiv

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, premessi 2 u 6, u Artikolu 4)

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-pariri legali – Obbligu għall-istituzzjoni li teżamina n-natura ta’ parir legali tal-att u l-possibbiltà konkreta li tiġi ppreġudikata l-protezzjoni tal-parir legali u li tivverifika l-assenza ta’ interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan l-att – Żvelar ta’ pariri legali marbuta ma’ proċessi leġiżlattivi – Obbligu għall-istituzzjoni li timmotiva kwalunkwe deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess b’mod iddettaljat

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2))

6.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-pariri legali – Portata – Rifjut ta’ żvelar ta’ parir tas-servizz legali ta’ istituzzjoni dwar att leġiżlattiv li huwa s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qorti nazzjonali u quddiem il-qorti tal-Unjoni – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2))

7.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji – Portata – Noti ppreżentati mill-Kummissjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni f’kawżi pendenti – Preżunjoni ġenerali ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess – Applikazzjoni għall-kawżi magħluqa – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2))

8.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji – Kamp ta’ applikazzjoni – Dokumenti mhux imfassla speċifikament għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja iżda li jistgħu jippreġudikaw il-kapaċità tal-istituzzjoni kkonċernata li tiddefendi ruħha fl-imsemmija proċedura – Inklużjoni – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2))

9.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji – Portata – Rifjut ta’ żvelar ta’ dokumenti ta’ natura li jikkompromettu l-pożizzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata u l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-kuntest ta’ proċedura pendenti – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 28)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 29-31)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 50-54)

4.      Meta tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, istituzzjoni għandha tibbilanċja l-interess speċifiku li għandu jiġi protett min-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, b’mod partikolari, l-interess ġenerali li dan id-dokument ikun aċċessibbli, fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif tosserva l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza ikbar, jiġifieri parteċipazzjoni aħjar miċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali kif ukoll iktar leġittimità, effikaċja u responsabbiltà min-naħa tal-amministrazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini f’sistema demokratika.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom, manifestament, rilevanza kompletament partikolari fir-rigward tad-dokumenti tal-Kummissjoni redatti fil-kuntest ta’ proċess leġiżlattiv. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, preċiżament f’tali każ għandu jiġi awtorizzat aċċess usa’ għal dokumenti. F’dan ir-rigward, it-trasparenza tikkontribwixxi sabiex tissaħħaħ id-demokrazija billi tippermetti liċ-ċittadini jikkontrollaw l-informazzjoni kollha li kienet ikkostitwixxiet il-bażi ta’ att leġiżlattiv. Fil-fatt, il-possibbiltà għaċ-ċittadini li jkunu jafu l-bażijiet tal-azzjoni leġiżlattiva hija kundizzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju effettiv, minn dawn tal-aħħar, tad-drittijiet demokratiċi tagħhom.

(ara l-punti 55, 56)

5.      Fir-rigward tal-eċċezzjoni marbuta mal-pariri legali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, l-eżami li għandha twettaq l-istituzzjoni kkonċernata meta ssirilha applikazzjoni għall-iżvelar ta’ dokument għandu neċessarjament jitwettaq fi tliet stadji, li jikkorrispondu għat-tliet kriterji msemmija f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, l-ewwel nett, l-istituzzjoni għandha tiżgura li d-dokument li għall-iżvelar tiegħu saret applikazzjoni jikkonċerna verament parir legali. It-tieni nett, hija għandha teżamina jekk l-iżvelar ta’ partijiet mid-dokument inkwistjoni identifikati bħala li jikkonċernaw pariri legali jippreġudikax il-protezzjoni li minnha għandhom jibbenefikaw dawn tal-aħħar, fis-sens li dan l-iżvelar ser jippreġudika l-interess ta’ istituzzjoni li titlob pariri legali u li tirċievi pariri mingħajr riżervi, oġġettivi u kompleti. Ir-riskju ta’ preġudizzju għal dan l-interess għandu, sabiex ikun jista’ jiġi invokat, ikun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. It-tielet u l-aħħar nett, jekk tqis li l-iżvelar ta’ dokument ser jippreġudika l-protezzjoni dovuta lill-pariri legali kif għadha kemm ġiet iddefinita, l-istituzzjoni għandha tivverifika li ma jeżistix interess pubbliku ikbar li jiġġustifika dan l-iżvelar, minkejja l-preġudizzju li jirriżulta minn dan l-iżvelar għall-kapaċità tagħha li titlob pariri legali u li tirċievi pariri mingħajr riżervi, oġġettivi u kompleti.

Sa fejn l-iżvelar tal-pariri tas-servizz legali ta’ istituzzjoni mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri leġiżlattivi jista’ jippreġudika l-interess tal-protezzjoni tal-indipendenza ta’ dan is-servizz legali, dan ir-riskju għandu jiġi bbilanċjat mal-interessi pubbliċi ikbar li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 1049/2001. Jikkostitwixxi tali interess pubbliku ikbar il-fatt li l-iżvelar ta’ dokumenti li jinkludu l-parir tas-servizz legali ta’ istituzzjoni fuq kwistjonijiet legali li tqajmu matul id-dibattitu dwar inizjattivi leġiżlattivi huwa ta’ natura li jżid it-trasparenza u l-ftuħ tal-proċess leġiżlattiv u li jsaħħaħ id-dritt demokratiku taċ-ċittadini Ewropej li jikkontrollaw l-informazzjoni li kkostitwixxiet il-bażi ta’ att leġiżlattiv, kif imsemmi, b’mod partikolari, fil-premessi 2 u 6 tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, l-imsemmi regolament jimponi, bħala prinċipju, obbligu li jiġu żvelati l-pariri tas-servizz legali ta’ istituzzjoni dwar proċess leġiżlattiv. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tipprekludix li l-iżvelar ta’ parir legali speċifiku, mogħti fil-kuntest ta’ proċess leġiżlattiv iżda li jkun ta’ natura partikolarment sensittiva jew li jkollu portata partikolarment wiesgħa li tmur lil hinn mill-kuntest tal-proċess leġiżlattiv inkwistjoni, jista’ jiġi rrifjutat minħabba l-protezzjoni tal-pariri legali. F’tali każ, l-istituzzjoni kkonċernata għandha timmotiva r-rifjut b’mod iddettaljat.

(ara l-punti 58-62)

6.      Huwa minnu li r-rifjut ta’ żvelar ta’ parir legali, minħabba li dan l-iżvelar jista’ jippreġudika l-kapaċità tal-istituzzjoni li tiddefendi sussegwentement il-validità ta’ att leġiżlattiv quddiem qorti, ma jistax, bħala argument ta’ natura ġenerali, jiġġustifika eċċezzjoni għat-trasparenza prevista mir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

Madankollu, dan ma japplikax meta, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ żvelar ta’ parir legali speċifiku, mogħti fil-kuntest ta’ proċess leġiżlattiv, minn naħa, ikun pendenti quddiem il-qrati ta’ Stat Membru rikors li jikkontesta l-validità tal-att legali kkonċernat u li jimplika probabbiltà kbira ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari u, min-naħa l-oħra, ikun ġie ppreżentat rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni minn Stat Membru li jikkontesta l-validità ta’ nurmu ta’ dispożizzjonijiet tal-istess att minħabba li jiksru t-Trattat FUE u l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, sa fejn id-dokument li għall-iżvelar tiegħu saret applikazzjoni jinkludi ċerti siltiet mistura li jagħmlu riferiment għall-parir tas-servizz legali tal-istituzzjoni kkonċernata fir-rigward tal-assenza ta’ kompetenza tal-Unjoni li tilleġiżla u fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-iżvelar ta’ dawn il-partijiet jista’ jikkomprometti l-protezzjoni tal-pariri legali, jiġifieri l-protezzjoni tal-interess ta’ istituzzjoni li titlob pariri legali u li tirċievi pariri mingħajr riżervi, oġġettivi u kompleti, kif ukoll il-pożizzjoni tal-imsemmi servizzi legali fid-difiża tiegħu tal-validità tal-att leġiżlattiv inkwistjoni quddiem il-qori tal-Unjoni, fuq bażi ugwali bħall-partijiet l-oħra. Issa, tali żvelar iwassal sabiex tiġi żvelata l-pożizzjoni tas-servizz legali tal-istituzzjoni kkonċernata qabel ma din l-istituzzjoni jkollha l-opportunità li tippreżenta din il-pożizzjoni matul il-proċedura ġudizzjarja, u dan filwaqt li ebda obbligu simili ma huwa impost fuq il-parti l-oħra.

(ara l-punti 65-67, 69, 70)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 77-83)

8.      Il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jinsabu fil-qofol tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Issa, il-ħtieġa li jiġu żgurati opportunitajiet ugwali għall-partijiet quddiem il-qorti tiġġustifika l-protezzjoni mhux biss tad-dokumenti mfassla esklużivament għall-finijiet ta’ kawża partikolari, bħalma huma n-noti, iżda wkoll dokumenti li l-iżvelar tagħhom jista’ jikkomprometti, fil-kuntest ta’ kawża partikolari, l-opportunitajiet ugwali inkwistjoni, li jikkostitwixxu korollarju tal-kunċett stess ta’ smigħ xieraq. Madankollu, sabiex din l-eċċezzjoni tkun tista’ tapplika, huwa meħtieġ li d-dokumenti li għalihom saret applikazzjoni, fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għall-imsemmija dokumenti, ikollhom rabta rilevanti mal-kawża pendenti quddiem il-qorti tal-Unjoni, li fir-rigward tagħha l-istituzzjoni kkonċernata tinvoka l-eċċezzjoni, u li l-iżvelar tagħhom, minkejja li l-imsemmija dokumenti ma kinux tfasslu fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti, jippreġudika l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u potenzjalment il-kapaċità tal-istituzzjoni kkonċernata li tiddefendi ruħha fl-imsemmija proċedura. Fi kliem ieħor, huwa meħtieġ li d-dokumenti jiżvelaw il-pożizzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata dwar kwistjonijiet kontenzjużi mqajma fil-proċedura ġudizzjarja invokata.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu japplikaw ukoll għal proċeduri pendenti quddiem qorti nazzjonali fil-mument tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti li għalihom tkun saret applikazzjoni, bil-kundizzjoni li dawn il-proċeduri jqajmu kwistjoni ta’ interpretazzjoni jew ta’ validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni b’tali mod li, fid-dawl tal-kuntest tal-kawża, ikun partikolarment plawżibbli li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari. F’dawn iż-żewġ każijiet, għalkemm l-imsemmija dokumenti ma jkunux tfasslu fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari, l-integrità tal-proċedura ġudizzjarja kkonċernata u l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet jistgħu jkunu ppreġudikati b’mod gravi jekk partijiet jibbenefikaw minn aċċess privileġġat għal informazzjoni interna tal-parti l-oħra li tkun marbuta mill-qrib mal-aspetti legali ta’ kawża pendenti jew potenzjali, iżda imminenti.

(ara l-punti 88-90)

9.      Il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet jeżiġi li l-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att inkwistjoni tkun f’pożizzjoni li tiddefendi quddiem il-qorti, b’mod effikaċi, il-legalità tal-azzjoni tagħha. Issa, din il-possibbiltà tkun ippreġudikata b’mod gravi jekk l-istituzzjoni inkwistjoni tkun obbligata tiddefendi ruħha mhux biss fir-rigward tal-motivi u tal-argumenti mqajma mir-rikorrent jew fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari futura, iżda wkoll fir-rigward tal-pożizzjonijiet meħuda internament fir-rigward tal-legalità ta’ diversi għażliet ikkunsidrati fil-kuntest tat-tfassil tal-att inkwistjoni. B’mod partikolari, fil-qasam ta’ aċċess għal dokumenti, l-iżvelar tad-dokumenti li jinkludu dan it-tip ta’ pożizzjonijiet huwa ta’ natura li jobbliga, de facto, lill-istituzzjoni kkonċernata tiddefendi ruħha kontra evalwazzjonijiet magħmula mill-persunal tagħha stess, li fl-aħħar mill-aħħar ma kinux adottati. Dan il-fatt jista’ jikser l-ekwilibriju bejn il-partijiet fi proċedura ġudizzjarja, sa fejn ir-rikorrent ma jistax ikun obbligat jiżvela evalwazzjonijiet interni ta’ dan it-tip.

Għaldaqstant, l-iżvelar ta’ tali dokumenti lill-pubbliku meta jkun hemm proċedura ġudizzjarja pendenti li tikkonċerna l-interpretazzjoni u l-legalità tal-att inkwistjoni jista’ jikkomprometti l-pożizzjoni ta’ difiża tal-istituzzjoni kkonċernata kif ukoll il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, sa fejn din l-istituzzjoni tkun qiegħda tikkomunika diġà l-pożizzjonijiet interni ta’ natura legali meħuda mid-dipartimenti tagħha fir-rigward ta’ kwistjonijiet kontenzjużi filwaqt li ebda obbligu simili ma jkun impost fuq il-parti l-oħra.

(ara l-punti 97, 98)