Language of document : ECLI:EU:T:2007:250

DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Settembru 2007 (*)

“Rikors għal annullament – Regolament (KE) Nru 1854/2005 – Indikazzjoni ġeografika protetta – ‘Miel de Provence’ – Att ta’ applikazzjoni ġenerali – Nuqqas ta’ interess individwali – Inammissibbiltà”

Fil-kawża T‑35/06

Honig-Verband eV, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Hagenmeyer u T. Teufer, Avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Erlbacher u B. Doherty, bħala aġenti,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1854/2005 ta’ l-14 ta’ Novembru 2005, li jikkompleta l-anness tar-Regolament (KE) Nru 2400/96 f’dak li jirrigwarda r-reġistrazzjoni ta’ isem fir-“Reġistru ta’ denominazzjoni protetta ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti” [Miel de Provence (IĠP)] (ĠU L 297, p. 3),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. D. Cooke, President, R. García-Valdecasas u V. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU L 208, p.1), jistabbilixxi, skond l-Artikolu 1 tiegħu, ir-regoli relattivi għal protezzjoni Komunitarja tad- denominazzjoni ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi, li minnhom jistgħu jibbenefikaw ċerti prodotti agrikoli u prodotti ta’ l-ikel.

2        L-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Nru 2081/92 jipprovdi li l-indikazzjoni ġeografika tfisser l-isem ta’ reġjun, ta’ post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali, ta’ pajjiż, użat biex jiddeskrivi prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel illi joriġina f’ dak ir-reġjun, post speċifiku jew pajjiż, u li jipposjedi kwalità, reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi marbuta ma’ dik l-oriġini ġeografika u li l-produzzjoni u/jew l-ipproċessar u/jew it-tħejjija tiegħu jseħħu fiż-żona ġeografika definita.

3        Ir-reġistrazzjoni ta’ l-isem ta’ prodott agrikolu jew ta’ prodott ta’ l-ikel bħala denominazzjoni protetta ta’ oriġini (DPO) jew indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) għandha, għal dan il-għan, tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 2081/92 u, b’mod partikolari, għandha tkun konformi ma’ ċerti speċifikazzjonijiet definiti fl-Artikolu 4 ta’ l-imsemmi regolament. Ir-registrazzjoni tagħti lill-isem imsemmi l-protezzjoni definita fl-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Nru 2081/92.

4        L-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 2081/92 jistabbilixxu proċedura ta’ reġistrazzjoni li tippermetti lil kull grupp, iddefinit bħala assoċjazzjoni ta’ produtturi u/jew proċessuri li jaħdmu l-istess prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel jew, taħt ċerti kundizzjonijiet, lil kull persuna fiżika jew ġuridika tressaq applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ DPO jew ta’ IĠP għall-prodotti agrikoli jew għall-prodotti ta’ l-ikel li hija tipproduċi jew takkwista, li joriġinaw miż-żona ġeografika definita, lill-Istat Membru li fih tinsab l-imsemmija żona ġeografika. L-Istat Membru għandu jikkonferma li l-applikazzjoni hija ġġustifikata u għandu jibgħat l-applikazzjoni inkluża l-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 4 (Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 2081/92) lill-Kummissjoni.

5        Skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 2081/92, il-Kummissjoni għandha tivverifika f’terminu ta’ sitt xhur u permezz ta’ investigazzjoni formali jekk l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tinkludix l-elementi kollha msemmija fl-Artikolu 4. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-isem jikkwalifika għall-protezzjoni, hija għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej diversi dettalji relattivi għall-applikant u għall-prodott in kwistjoni (Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 2081/92). Jekk ma tiġi nnotifikata ebda nota ta’ oġġezzjonijiet lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2081/92, l-isem għandu jiddaħħal f’reġistru miżmum mill-Kummissjoni msejjaħ “Reġistru ta’ [DOP] u ta’ [IGP]” (l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 2081/92). Wara, l-ismijiet imdaħħla fir-reġistru huma ppublikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 2081/92).

6        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2081/92, kif emendat bir-Regolament Nru 535/97 tal-Kunsill, tas-17 ta’ Marzu 1997 ( ĠU L 83, p. 3), jipprovdi :

“1. Fi żmien sitt xhur mid-data tal-publikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 6 (2), kull Stat Membru jista’ joġġezzjona għar-reġistrazzjoni. 

2. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert illi l-persuni kollha li għandhom interess ekonomiku leġittimu jkunu awtorizzati biex jikkonsultaw l-applikazzjoni. Barra minn dan u skond s-sitwazzjoni eżistenti fl-Istati Membri, l-Istati Membri jistgħu jagħtu aċċess lil persuni oħra b’interess leġittimu.

3. Kull persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu tista’ toġġezzjona għar-reġistrazzjoni proposta billi tibgħat dikjarazzjoni sostanzjata lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn [t]għix jew [hija] stabbilit[a]. L-awtorità kompetenti għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra dawn il-kummenti jew l-oġġezzjoni fit-termini ta’ żmien stipulati.

4. Dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni hija ammissibbli biss jekk:

- turi li m’hemmx konformità mal-kondizzjonijiet li għalihom issir referenza fl-Artikolu 2,

- turi li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni proposta tipperikola l-eżistenza ta’ denominazzjoni interament jew parzjalment identika jew ta’ marka jew l-eżistenza ta’ prodotti li kienu qegħdin fuq is-suq legalment għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6(2).

- jew tindika l-karatteristiċi illi juru li l-isem li għalih tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni huwa ta’ natura ġenerika.

5. Meta oġġezzjoni tkun ammissibbli skond il-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istati Membri involuti sabiex jiftiehmu bejniethom skond il-proċeduri interni tagħhom fi żmien tlett xhur. Jekk:

(a) jintlaħaq ftehim, l-Istati Membri inkwistjoni għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni il-fatturi kollha li waslu għall-ftehim flimkien ma’ l-opinjoni ta’ l-applikant u dik tal-persuna li tkun għamlet l-oġġezzjoni. Meta ma jkun hemm l-ebda bidla fl-informazzjoni milqugħa skond l-Artikolu 5, il-Kummissjoni għandha tipproċedi skond l-Artikolu 6(4). Jekk kien hemm xi bidla, għandha tagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7 mill-ġdid;

(b) ma jintlaħaqx ftehim, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 15, u għandha tqis il-prassi imparzjali tradizzjonali u l-possibiltà attwali ta’ konfużjoni. Jekk tiddeċiedi li tissokta bir-reġistrazzjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq il-pubblikazzjoni skond l-Artikolu 6(4).”

7        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2400/96 tas-17 ta’ Diċembru 1996 dwar l-iskrizzjoni ta’ ċerti ismijiet fir-“Reġistru ta’ [DPO] u ta’ [IĠP]” li jinsab fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (ĠU L 327, p. 11, kif emendat f’diversi okkazzjonijiet) jinkludi f’Anness id-DPO u l-IĠP, konformament ma’ l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 2081/92.

8        Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1854/2005(KE) ta’ l-14 ta’ Novembru 2005, li jikkompleta l-anness tar-Regolament Nru 2400/96 (ĠU L 297, p.3 ; iktar’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”), ipproċeda għar-reġistrazzjoni ta’ l-IĠP “miel de Provence”.

 Fatti li wasslu għall-kawża

9        Ir-rikorrenti hija assoċjazzjoni li l-membri tagħha jipproduċu u jikkummerċjalizzaw l-għasel. Il-membri tar-rikorrenti ilhom jikkumerċjalizzaw, għal għexieren ta’ snin, bosta taħlitiet ta’ għasel taħt l-isem “Honig aus der Provence” (għasel ta’ Provence).

10      Skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 2081/92, il-Kummissjoni, fit-30 ta’ Ottubru 2003, ippubblikat l-applikazzjoni ta’ l-awtoritajiet Franċiżi biex jirreġistraw l-isem “Miel de Provence” (ĠU C 261, p.4). Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2081/92, din l-applikazzjoni kienet ibbażata fuq ċerti speċifikazzjonijiet li, b’mod partikolari, kienu jeskludu l-ġirasol.

11      Fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Marzu 2004 indirizzata lill-Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung (Uffiċċju Federali għall-Agrikoltura u Ikel), li hija l-awtorità Ġermaniża kompetenti, ir-rikorrenti opponiet għall-iskrizzjoni ta’ l-isem “Miel de Provence”.

12      Billi bbażat ruħha fuq din l-ittra, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja oġġezzjonat għar-reġistrazzjoni f’ittra tat-22 ta’April 2004 indirizzata lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2081/92.

13      Fl-ittra tagħha tal-11 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Ġermaniżi li l-oppozizzjoni kienet ammissibbli u stednithom jikkomunikaw ma’ l-awtoritajiet Franċiżi.

14      Fl-ittra tagħha tas-16 ta’ Marzu 2005, l-awtorità Franċiża kompetenti, il-Ministère de l’Agriculture, de l’Alimentation, de la Pêche et de la Ruralité (Ministeru ta’ l-Agrikoltura, ta’ l-Ikel, tas-Sajd u l-Affarjiet Rurali Franċiż), ħadet pożizzjoni fuq l-oġġezzjoni ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi, filwqat li żammet l-applikazzjoni għar- reġistrazzjoni.

15      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Mejju 2005, ir-rikorrenti indirizzat lill-Ministeru Ġermaniż kompetenti, osservazzjonijiet fuq l-imsemmija ittra tas-16 ta’ Marzu 2005. L-ittra tat-2 ta’ Mejju 2005 ġiet mibgħuta mill-awtoritajiet Ġermaniżi lill-Kummissjoni fl-24 ta’ Mejju 2005, sabiex tgħin lil din ta’ l-aħħar tieħu d-deċiżjoni tagħha.

16      Fl-14 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontesat li jżid l-isem “Miel de Provence (IĠP)” fl-Anness tar-Regolament Nru 2400/96. Ir-Regolament ikkontestat ġie ppublikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fil-15 ta’ Novembru 2005.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Registru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrenti ressqet ir-rikors preżenti.

18      B’att separat irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-24 ta’ April 2006, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skond l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

19      Fis-16 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub b’ risposta għal din l-eċċezzjoni.

20      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

–        tannulla r-Regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21       Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

22      Skond l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, jekk parti tagħmel talba għal dan il-għan, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tieħu deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skond l-Artikolu 114(3), il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tiddeċidix mod ieħor. Fil-każ preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-eżami tad-dokumenti tal-proċess sabiex tiddeċiedi fuq it-talba mingħajr ma tiftaħ il-proċedura orali.

 Argumenti tal-partijiet

23      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli minħabba li r-Regolament ikkontestat huwa att ta’ applikazzjoni ġenerali, li r-rikorrenti bħala assoċjazzjoni professjonali ma tinsabx f’sitwazzjoni li tiddistingwiha minn kull persuna oħra u li r-rikorrenti ma tistax issostni nuqqas ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

24      Preliminarjament, il-Kummissjoni ssostni li r-regolamenti li bihom il-Kummissjoni tipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ oriġini, konformament mar-regolament bażiku, f’din il-kawża r-Regolament Nru 2081/92, huma atti ta’ applikazzjoni ġenerali skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE li japplikaw għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u li jipproduċu l-effetti ġuridiċi tagħhom fil-konfront ta’ kategoriji ta’ persuni kkontemplati b’manjiera astratta. (digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Novembru 1999, CSR Pampryl vs Il-Kummissjoni, T-114/99, Ġabra p. II-3331, iktar’il quddiem id-“digriet CSR Pampryl”, punti 42 u 43 ; tat-30 ta’ Jannar 2001, La Conqueste vs Il-Kummissjoni, T-215/00, Ġabra p. II-181, iktar’il qudiem id-“digriet La Conqueste”, punt 33, u tas-6 ta’ Lulju 2004, Alpenhain-Camembert-Werk et vs Il-Kummissjoni, T-370/02, Ġabra p. II-2097, punt 55).

25      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li assoċjazzjoni professjonali kostitwita għad-difiża u r-rapreżentazzjoni ta’ l-interessi tal-membri tagħha tista’ tressaq rikors għal annullament fi tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet biss. Minn fost dawn it-tliet sitwazzjonijiet, ir-rikorrenti tinvoka biss tnejn minnhom, jiġifieri dik fejn dispożizzjoni legali tirrikonoxxi espressament numru ta’ setgħat proċedurali lill-assoċjazzjoni, u dik fejn l-assoċjazzjoni tirrapreżenta l-interessi ta’ impriżi li, huma stess, ikollhom locus standi.

26      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza, iċċitata fil-punt 24 iktar’il fuq, ir-Regolament Nru 2081/92 ma jagħtix garanziji proċedurali lill-individwi u, għaldaqstant, lill-assoċjazzjonijiet professjonali. L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2081/92 jipprevedi biss l-oġġezzjoni ta’ Stat Membru u l-ittri tar-rikorrenti ma jistgħux jikkostitwixxu tali oġġezzjoni, anki jekk l-awtorità kompetenti Ġermaniża rreferiet għalihom u anki jekk ir-rikorrenti kienet indirizzathom direttament lill-Kummissjoni.

27      It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-membri tar-rikorrenti lanqas ma għandhom locus standi. Is-sitwazzjoni tagħhom mhijiex differenti minn dik ta’ produtturi oħra jew distributuri ta’ l-għasel tal-Komunità u ta’ pajjiżi terzi li kkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom taħt l-isem in kwistjoni (“miel de Provence”) u li m’għadhomx awtorizzati jużaw l-imsemmi isem li issa huwa protett bir-reġistrazzjoni tiegħu.

28      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-inammissibbiltà tar-rikors mhijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti relattiv għan-neċessità ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Skond il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja wara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963 Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, Ġabra p. 197), ikkonfermata mis-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C 50/00 P, Ġabra p. I-6677), rikors għall-annullament ta’ regolament huwa ammissibbli biss fil-każ li jiġi stabbilit l-interess individwali tar-rikorrent.

29      Ir-rikorrenti tikkunsidra li r-Regolament ikkontestat jirrigwardaha direttament u individwalment.

30      L-ewwel nett, hija ssostni li fil-kwalità tagħha ta’ inizjatriċi u negozjatriċi fil-kuntest tal-proċedura ta’ oġġezzjoni u ta’ konċiliazzjoni, hija kienet strettament assoċjata mal-proċess ta’ registrazzjoni ta’ l-isem “miel de provence”, u li, il-fatt li hija kienet ġiet hekk assoċjata minn aspett proċedurali ma’ l-adozzjoni ta’ dan l-att Komunitarju, juri l-interess individwali tagħha.

31      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tesponi li l-assoċjazzjoni mill-qrib tagħha minn aspett proċedurali mal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tirriżulta, fil-kawża preżenti, mill-iżvolġiment konkret tal-proċedura ta’ oġġezzjoni. Hija tenfassizza li l-oġġezzjoni għar-registrazzjoni ta’ l-isem “miel de Provence” ma kinitx magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, imma minnha nnifisha u li l-imsemmija oġġezzjoni kienet biss formalment trażmessa lill-Kummissjoni mill-Ministeru Federali Ġermaniż. Huwa biss minħabba l-azzjoni tagħha li l-proċedura ta’ konċiljazzjoni ġiet miftuħa u r-rikorrenti tikkunsidra li dan huwa biżżejjed biex tkun ikkunsidrata li għandha locus standi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, 264/82, Ġabra p. 849, u tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz vs Il-Kummissjoni, 169/84, Ġabra p. 391). Ir-rikorrenti tikkunsidra li hija n-neġozjatriċi esklussiva ta’ l-oġġezzjoni magħmula u f’dan ir-rigward issostni li l-premessa 5 tar-Regolament ikkontestat issemmi espressament li d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni ġiet mibgħuta mill-awtoritajiet Ġermaniżi.

32      It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li r-Regolament ikkontestat jirrigwardaha individwalment minħabba l-fatt li ġew miksura l-garanziji proċedurali li hija għandha skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 2081/92. Preliminarjament, hija tesponi li l-imsemmi Artikolu jagħtiha dritt proċedurali li toġġezzjona indipendentement mid-dritt speċjali ta’ oġġezzjoni ta’ l-Istati Membri u li hija eżerċitat dan id-dritt. Skond ir-rikorrenti, ir-regoli proċedurali tar-Regolament Nru 2081/92 jipprevedu li dan id-dritt personali ta’ persuna fiżika jew ġuridika li toġġezzjona jingħata biss sostenn organizzazzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Hija tosserva wkoll li dan id-dritt personali li toġġezzjona ġie ppreċiżat u enfasizzat mill-emendi mdaħħla mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006, ta’ l-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU L 93, p.12), li ssostitwixxa r-Regolament Nru 2081/92.

33      Ir-rikorrenti żżid li, fil-premessa 8 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni indikat li hija kienet ibbażat d-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni fuq il-fatt li ma kienx ġie muri b’mod adegwat li l-produtturi Ġermaniżi ser ikunu effettivament ikkonċernati ekonomikament. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti għandha drittijiet proċedurali li, fil-każ preżenti, ma ġewx irrispettati.

34      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Kummmissjoni tal-ġurisprudenza relattiva għall-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2081/92. Dawn il-deċiżjonijiet ġurisdizzjonali ma jikkontradixxux l-argumenti tar-rikorrenti, għaliex din il-kawża hija differenti minn dawk li taw lok għad-digrieti La Conqueste u Alpenhain, kif ukoll għad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Confédération générale des producteurs de lait de brebis et des industriels de Roquefort vs Il-Kummissjoni (T 381/02, Ġabra p. II 5337).

35      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-membri tagħha, l-interessi ta’ liema hija tirrappreżenta, huma individwalment ikkonċernati u minn dan tiddeduċi l-locus standi tagħha.

36      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li s-sitwazzjoni tal-membri tagħha hija individwalizzata minħabba l-konsegwenzi tar-reġistrazzjoni ta’ l-isem “miel de Provence”, li jirrigwardaw direttament il-pożizzjoni ekonomika tal-membri tagħha. Minħabba dan il-fatt, il-membri tagħha jiddistingwu ruħhom mill-impriżi kollha potenzjalment ikkonċernati, peress li huma kkumerċjalizzaw il-prodotti tagħhom fil-Ġermanja għal iktar minn ħames snin taħt l-isem “Honig aus der Provence” (għasel ta’ Provence).

37      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li r-Regolament ikkontestat jekwivali, minħabba l-kontenut tiegħu, għal deċiżjoni mogħtija fil-konfront tagħha. Fil-fatt, ir-Regolament ikkontestat jikkostitwixxi wkoll deċiżjoni li tiċħad l-oġġezzjoni tagħha u li, għaldaqstant, jindividwalizzaha.

38      Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li hija individwalment ikkonċernata b’rigward għall-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Hija ssostni li ma tistax tikseb risposta preliminari mingħajr ma tikser ir-Regolament ikkontestat. Minbarra dan, skond ir-rikorrenti, ma jeżisti ebda rimedju nazzjonali xieraq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

39      Bis-saħħa tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament imressaq kontra regolament minn persuna fiżika jew ġuridika hija suġġetta għall-kundizzjoni li r-Regolament ikkontestat ikun, fir-realtà, deċiżjoni li tirrigwardaha direttament u individwalment. Skond ġurisprudenza kostanti, il-kriterju ta’ distinzjoni bejn regolament u deċiżjoni għandu jkun imfittex fl-applikazzjoni ġenerali jew le ta’ l-att in kwistjoni (digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 1995, Asocarne vs Il-Kunsill, C-10/95 P, Ġabra p. I-4149, punt 28, u ta’ l-24 ta’ April 1996, CNPAAP vs Il-Kunsill, C-87/95 P, Ġabra p. I-2003, punt 33). Att għandu applikazzjoni ġenerali jekk huwa japplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u jekk huwa jipproduċi effetti ġuridiċi fil-konfront ta’ kategoriji ta’ persuni kkontemplati b’manjiera ġenerali u astratta (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Lulju 1996, Weber vs Il-Kummissjoni, T-482/93, Ġabra p. II-609, punt 55).

40      Fil-każ preżenti, ir-Regolament ikkontestat jiżgura, fir-rigward ta’ l-isem “miel de Provence” il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi previsti mir-Regolament Nru 2081/92, fejn l-indikazzjoni ġeografika hija ddefinita fl-Artikolu 2(2)(b) bħala l-isem ta’ reġjun, ta’ post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali ta’ pajjiż, użat biex jiddeskrivi prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel li joriġina f’dak ir-reġjun, post speċifiku jew pajjiż, u li għandu kwalità, reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi marbuta ma’ dik l-oriġini ġeografika u li l-produzzjoni u/jew l-ipproċessar u/jew it-tħejjija tiegħu jseħħu fiż-żona ġeografika definita.

41      Il-protezzjoni li tirriżulta mir-reġistrazzjoni tikkonsisti fir-riżervazzjoni ta’ l-użu ta’ l-isem “miel de Provence” għall-produtturi li l-prodotti tagħhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ġeografiċi u kwalitattivi imposti fuq il-produzzjoni ta’ l-għasel ta’ Provence fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott. Hekk kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, ir-Regolament ikkontestat, minflok mhuwa indirizzat lil operaturi speċifiċi, bħar-rikorrenti, jagħti lill-impriżi kollha, li l-prodotti tagħhom jissodisfaw r-rekwiżiti ġeografiċi u kwalitattivi preskritti, id-dritt li jikkumerċjalizzawhom taħt l-isem imsemmi iktar’il fuq, u jiċħad dan id-dritt lil dawk kollha li l-prodotti tagħhom ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet, li huma identiċi għall-impriżi kollha. Ir-Regolament ikkontestat japplika wkoll għall-produtturi kollha tal-“miel de Provence” li huma legalment awtorizzati jużaw dan l-isem kif ukoll għal dawk kollha - fil-preżent u fil-futur (skond il-każ, wara l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju kkontemplat fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2081/92) - li mhumiex awtorizzati li jużaw l-imsemmi isem. Mhuwiex intiż li japplika biss fil-konfront tal-produtturi ta’ l-Istati Membri, iżda jipproduċi wkoll l-effetti ġuridiċi tiegħu fil-konfront ta’ numru indeterminat ta’ produtturi ta’ pajjiżi terzi li, illum jew fil-futur, jixtiequ jesportaw il-“miel de Provence” fil-Komunità.

42      Għaldaqstant, ir-Regolament ikkontestat jikkostitwixxi miżura ta’ applikazzjoni ġenerali fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE. Dan japplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u jipproduċi l-effetti ġuridiċi tiegħu fil-konfront ta’ kategoriji ta’ persuni kkontemplati b’manjiera astratta. (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, Molkerei Großbraunshain u Bene Nahrungsmittel vs Il-Kummissjoni, T-109/97, Ġabra p. II 3533, punt 51 ; tas-26 ta’ Marzu 1999, Biscuiterie-confiserie LOR u Confiserie du Tech vs Il-Kummissjoni, T-114/96, Ġabra p. II 913, punti 27 sa 29, u CSR Pampryl, punti 42 u 43).

43      Madankollu, mhuwiex eskluż li dispożizzjoni li hija, minħabba n-natura u l-applikazzjoni tagħha, ta’ natura leġiżlattiva, tista’ tirrigwarda individwalment persuna fiżika jew ġuridika. Dan huwa l-każ meta l-att in kwistjoni jaffettwa lil din il-persuna, minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddifferenzjaha minn kull persuna oħra, u minħabba dan, tindividwalizzaha bl-istess mod bħad-destinatarju ta’ deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, p. 223 ; tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorníu vs Il-Kunsill, C-309/89, Ġabra p. I-1853, punti 19 u 20, u Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, iċċitata iktar’il fuq, punt 36 ; sentenza Weber vs Il-Kunsill, iċċitata iktar’il fuq, punt 56).

44      Fil-każ preżenti, ir-rikorrenti ressqet ħames argumenti in sostenn ta’ l-individwalizzazzjoni tagħha, iżda dawn ma jippermettux li tiġi stabbilita kwalità li hija partikolari għaliha, u lanqas sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha u, minħabba dan, tindividwalizzaha mill-operaturi ekonomiċi l-oħra kkonċernati.

45      Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq id-drittijiet proċedurali, l-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li la l-proċess ta’ preparazzjoni ta’ l-atti leġiżlattivi, u lanqas l-atti leġiżattivi nfushom, inkwantu miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali, ma jeżiġu, bis-saħħa tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, bħad-dritt li wieħed jinstema’, il-parteċipazzjoni tal-persuni affettwati, peress li l-interessi ta’ dawn ta’ l-aħħar huma meqjusa li huma rrappreżentati mill-entitajiet politiċi msejħa jadottaw dawn l-atti (Digrieti Großbraunshain u Bene Nahrungsmittel vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar’il fuq, punt 60 ; CSR Pampryl, punt 50, u La Conqueste, punt 42). B’konsegwenza ta’ dan, fin-nuqqas ta’ drittijiet proċedurali espressament garantiti, ikun kuntrarju għall-kliem u għall-ispirtu ta’ l-Artikolu 230 KE li kull persuna li pparteċipat fil-preparazzjoni ta’ att ta’ natura leġiżlattiva, titħalla tressaq susswegwentement rikors kontra dan l-att (digrieti Großbraunshain u Bene Nahrungsmittel vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar’il fuq, punt 68 ; CSR Pampryl, punt 50, u La Conqueste, punt 42).

46      Għaldaqstant, l-ammissibbiltà tar-rikors preżenti għandha tiġi evalwata biss fir-rigward tal-garanziji proċedurali speċifikament mogħtija lill-individwi mir-Regolament Nru 2081/92 (f’dan is-sens ara d-digriet CSR Pampryl, punt 51).

47      Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, fil-kuntest tal-proċedura ta’ oġġezzjoni prevista minn dan ir-regolament, il-garanziji proċedurali mogħtija lill-individwi jaqgħu biss taħt ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri u mhumiex applikabbli fil-konfront tal-Kummissjoni.

48      B’hekk, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2081/92 jagħti biss lill-Istati Membri d-dritt li joġġezzjonaw għar-reġistrazzjoni quddiem il-Kummissjoni. Għalkemm skond l-Artikolu 7(3) ta’ l-istess regolament kull persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu tista’ wkoll toġġezzjona għar-reġistrazzjoni proposta, tali persuna hija marbuta li tagħmel dan billi tibgħat dikjarazzjoni sostanzjata lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn tgħix jew fejn hija stabbilita. Din id-dispożizzjoni ma tobbligax lill-Istat Membru kkonċernat jibgħat din id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni lill-Kummissjoni, imma biss jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex “[j]ikkunsidra” din l-oġġezzjoni fit-termini stipulati (digriet La Conqueste, punt 45). Minbarra dan, għalkemm, skond it-tlettax il-premessa tar-Regolament Nru 2081/92 “il-proċedura ta’ reġistrazzjoni għandha tippermetti lil kull persuna interessata individwalment u direttament [...] sabiex tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha billi tinnotifika lill-Kummissjoni [...] l-oġġezzjoni tagħha”, din in-notifika ssir “permezz ta’ l-Istat Membru”. Ebda dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2081/92 ma tawtorizza lill-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni oġġezzjoni notifikata lilha minn persuna għajr Stat Membru. Fl-aħħar nett, meta dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni hija kkunsidrata “ammissibbli” skond l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 2081/92, l-Artikolu 7(5) jipprovdi li l-Kummissjoni għandha titlob lill-Istati Membri involuti sabiex jiftiehmu bejniethom, mingħajr ma jipprovdi għall-intervent ta’ individwi (digriet La Conqueste, punt 45).

49      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod effettiv l-argument li l-premessa 5 tar-Regolament ikkontestat issemmi espressament li d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni kienet mibgħuta mill-awtoritajiet Ġermaniżi, u b’hekk turi li l-Kummissjoni kkunsidrat lir-rikorrenti bħala l-unika negozjatriċi. Hekk kif ġie enfassiżżat fil-punt preċedenti, il-Kummissjoni mhijiex awtorizzata tieħu in kunsiderazzjoni oġġezzjoni li ssir minn individwu. L-oġġezzjonijiet ta’ l-Istati Membri biss huma ammissibbli. B’hekk, il-premessa 5 tar-Regolament ikkontestat tillimita ruħha tiddeskrivi l-proċedura ta’ oġġezzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 2081/1992 u għaldaqstant ma tippermettix li jingħata lir-rikorrenti dritt proċedurali.

50      Inkwantu l-argument tar-rikorrenti li l-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni tikkonċerna sitwazzjoni differenti minn dik tal-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li din il-ġurisprudenza tinterpreta l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2081/92 li fuqu tibbaża ruħha r-rikorrrenti, b’tali mod li l-argument tagħha għandu jiġi miċħud.

51      F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti relattiv għar-Regolament Nru 510/2006, hekk kif emendat, għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmi regolament mhux applikabbli fil-każ preżenti u li, għaldaqstant, mhuwiex possibbli li jiġu dedotti konklużjonijiet minnu bil-għan li tiġi riżolta l-kwistjoni preżenti. Fi kwalunkwe każ, ir-Regolament Nru 510/2006 jista’ wkoll jiġi interpretat bħala li jeskludi l-eżistenza ta’ garanzija bħal din fl-iskema stabbilita mir-Regolament Nru 2081/92.

52      Għandu jiġi rrilevat ukoll li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2081/92 relattivi għad-dritt ta’ oġġezzjoni ta’ individwi huma fondamentalment differenti minn dawk, speċifiċi ħafna, li jeżistu fil-qasam ta’ dumping u ta’ sussidji, li jagħtu lill-ċerti operaturi ekonomiċi rwol speċifiku fil-proċedura Komunitarja li twassal għall-adozzjoni ta’ dazju kontra d-dumping jew kontra s-sussidji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Ottubru 1983 Fediol vs Il-Kummissjoni, 191/82, Ġabra p. 2913, punti 16 u 25). Għaldaqstant, ir-referenza għas-sentenza Timex, iċċitata iktar’il fuq, li ddikjarat ammissibbli rikors imressaq fil-qasam ta’ kontra d-dumping mill-persuna li għamlet l-ilment speċjalment minħabba d-drittijiet mogħtija lill-persuni li għamlu l-ilment mir-regolament bażiku, ir-rwol attiv tal-persuna li għamlet l-ilment fl-investigazzjoni preliminari ta’ kontra d-dumping, kif ukoll minħabba l-fatt li d-dazju kontra d-dumping istitwit kien ibbażat fuq is-sitwazzjoni individwali ta’ l-imsemmija persuna li għamlet l-ilment, kif ukoll ir-referenza għas-sentenza Cofaz, iċċitata iktar’il fuq, dwar garanziji proċedurali mogħtija lill-impriżi li għamlu l-ilment li jagħtuhom id-dritt jitolbu lill-Kummissjoni tikkonstata ksur tar-regoli Komunitarji fil-qasam ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat, mhumiex rilevanti fil-każ preżenti.

53      Minn dak li ntqal jirriżulta li r-Regolament Nru 2081/92 ma jistabbilixxix, f’livell Komunitarju, garanziji proċedurali speċifiċi favur individwi (digriet CSR Pamprly, punt 55), u li għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq dawn il-garanziji proċedurali.

54      Ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tinvoka b’utli l-fatt li r-Regolament ikkontestat kellu impatt ekonomiku serju fuq l-attivitajiet tal-membri tagħha. Fil-fatt, il-fatt li att ta’ applikazzjoni ġenerali jista’ jkollu effetti konkreti differenti għad-diversi suġġetti tad-dritt li fil-konfront tagħhom huwa japplika mhuwiex ta’ natura li jikkaratterizzahom mill-operaturi l-oħra kkonċernati meta, bħal f’dan il-każ, l-att jiġi applikat abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettivament determinata (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Frar 2000, ACAV et vs Il-Kunsill, T 138/98, Ġabra p. II-341, punt 66, u d-Digriet La Conqueste, punt 37).

55      Għall-kuntrarju, l-impriżi membri tar-rikorrenti huma kkonċernati mir-Regolament ikkontestat biss fil-kwalità tagħhom ta’ operaturi ekonomiċi li jipproduċu jew jikkumerċjalizzaw l-għasel u ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ użu ta’ l-IĠP “miel de Provence”. Għaldaqstant, huma affettwati bl-istess mod bħall-impriżi l-oħra kollha li l-prodotti tagħhom mhumiex ukoll konformi mar-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet Komunitarji in kwistjoni, mhux biss dawk ġejjin mill-Ġermanja, imma wkoll dawk ġejjin minn Stati Membri oħra tal-Komunità u anki dawk ġejjin minn pajjiżi terzi..

56      Il-fatt li l-membri tar-rikorrenti ilhom, għal żmien twil, jikkumerċjalizzaw il-prodotti tagħhom taħt l-isem “Honig aus der Provence” ma jagħtihomx dritt speċifiku li jindividwalizzawhom. Is-sitwazzjoni tar-rikorrenti mhijiex differenti, minħabba dan, minn dik ta’ produtturi oħra li kkumerċjalizzaw ukoll il-prodotti tagħhom bħala “miel de Provence” u li mhumiex iktar awtorizzati jużaw dan l-isem li, minn issa’l quddiem, huwa protett permezz tar-reġistrazzjoni tiegħu bħala IĠP (ara, f’dan is-sens, id-digriet Alpenhain-Camembert-Werk et vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar’il fuq punt 66, u d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Arla Foods et vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II 5365, punt 58).

57       Il-Qorti tal-Ġustizzja espressament ikkonfermat li l-fatt li rikorrenti tinstab, fil-mument li fiħ jiġi adottat regolament li jirreġistra denominazzjoni ta’ oriġini, f’sitwazzjoni fejn ikollha tipproċedi għal tibdiliet fl-istruttura ta’ produzzjoni tagħha sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament, mhuwiex biżżejjed sabiex hija tkun ikkonċernata individwalment b’mod analogu għal dak tad-destinatarju ta’ att. (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Jannar 2002, La Conqueste vs Il-Kummissjoni, C-151/01 P, Ġabra p. I-1179, punt 35).

58      Din is-soluzzjoni ma tistax tiġi affettwata mill-argument tar-rikorrenti li hija kienet individwalment ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat, li fir-realtà huwa deċiżjoni mogħtija fil-konfront tagħha. Ir-regolament, bħala att ta’ applikazzjoni ġenerali ma jistax, fil-każ preżenti, jiġi assimilat ma’ deċiżjoni.

59      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-ħtieġa ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li rikors dirett għal annullament ma jistax jitressaq quddiem il-qorti Komunitarja anki jekk jista’ jiġi muri, wara eżami konkret minn din ta’ l-aħħar tar-regoli proċedurali nazzjonali, li dawn ma jawtorizzawx lill-individwu jressaq rikors li jippermettilu jikkontesta l-validità ta’ l-att Komunitarju kkontestat (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Diċembru 2003, Bactria vs Il-Kummissjoni, C 258/02 P, Ġabra p. I-15105, punt 58).

60      Minbarra dan, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ l-interess individwali meħtieġa mir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet b’mod ċar li, jekk huwa minnu li din il-kundizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva billi jittieħdu in kunsiderazzjoni d-diversi ċirkostanzi li huma ta’ natura li jindividwaw rikorrent, interpretazzjoni bħal din ma tistax twassal għat-twarrib tal-kundizzjoni in kwistjoni, li hija espressament prevista mit-Trattat, mingħajr ma jiġu eċċeduti l-kompetenzi attribbwiti minn dan ta’ l-aħħar lill-Qrati Komunitarji. Minn dan isegwi li, jekk din il-kundizzjoni ma tkunx issodisfata, ebda persuna fiżika jew ġuridika m’għandha, taħt ebda ċirkostanzi, locus standi sabiex tressaq rikors għal annullament kontra regolament (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, iċċitata iktar’il fuq, punti 37 u 44, u ta’ l-1 ta’ April 2004, Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C 263/02 P, Ġabra p. I-3425, punt 36).

61      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar’il fuq, jirriżulta li r-rikorrenti, bħala assoċjazzjoni ta’ produtturi ta’ l-għasel Ġermaniżi, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala individwalment ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

62      Minn dak li ntqal jirriżulta li, peress li r-Regolament ikkontestat jikkostitwixxi miżura ta’ applikazzjoni ġenerali u r-rikorrenti mhijiex affettwata minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddifferenzjaha mill-persuni l-oħra kollha, u minħabba dan tindividwalizzaha, ir-rikors huwa inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

63      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Procedura, il-parti li titlef il-kawza għandha tbati l-ispejjez, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

tordna li :

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

Il-Lussemburgu, 11 ta’ Settembru 2007.

E. Coulon

 

      J. D. Cooke

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.