Language of document : ECLI:EU:T:2013:482

Kawża T‑111/11

ClientEarth

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Studji rċevuti mill-Kummissjoni rigward it-traspożizzjoni ta’ direttivi fil-qasam tal-ambjent — Rifjut parzjali ta’ aċċess — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika — Eżami konkret u individwali — Kompatibbiltà mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus — Interess pubbliku superjuri — Konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu sabiex tiġi adottata deċiżjoni espliċita — Portata tal-obbligu li tixxandar b’mod attiv l-informazzjonidwar l-ambjent”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla)
tat-13 ta’ Settembru 2013

1.      Proċedura ġudizzjarja — Deċiżjoni jew regolament li jissostitwixxu fil-mori tal-kawża l-att ikkontestat — Element ġdid — Estensjoni tat-talbiet u tal-motivi inizjali

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ aċċess għal dokumenti — Rifjut ibbażat fuq diversi eċċezzjonijiet — Ammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Suġġett — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Interpretazzjoni u applikazzjoni stretti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, premessi 4 u 11, Artikoli 1 u 4)

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika — Portata — Dokumenti miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni relatata ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Inklużjoni

(Artikolu 258, TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż Artikolu 4(2))

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Obbligu tal-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti — Portata — Esklużjoni tal-obbligu — Dokumenti li jagħmlu parti minn fajl tal-Kummissjoni dwar investigazzjoni rigward din it-traspożizzjoni ta’ direttivi — Ammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1) sa (3))

6.      Ftehimiet internazzjonali — Ftehimiet tal-Unjoni — Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (Konvenzjoni ta’ Aarhus) — Effetti — Supremazija fuq l-atti tad-dritt derivat tal-Unjoni — Evalwazzjoni, fid-dawl ta’ din il-konvenzjoni, tal-legalità ta’ att tal-Unjoni — Kundizzjonijiet

(Artikolu 216(2), TFUE; Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus)

7.      Ftehimiet internazzjonali — Ftehimiet tal-Unjoni — Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (Konvenzjoni ta’ Aarhus) — Dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni dwar il-motivi għar-rifjut ta’ talba għal aċċess għal informazzjoni ambjentali — Effett dirett — Assenza — Deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokument tal-istituzzjonijiet fil-qasam tal-ambjent meta huma jirrigwardaw proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Kompatibbiltà mal-Konvenzjoni

(Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, Artikoli 3 u 4(1) u (4); Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) u Nru 1367/2006)

8.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Interess pubbliku superjuri li jista’ jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti — Distinzjoni mill-prinċipju ta’ trasparenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3))

9.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Terminu stabbilit sabiex tingħata risposta għal talba għal aċċess — Estensjoni — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 8(1) u (2))

10.    Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Nuqqas ta’ osservanza, mill-Kummissjoni, tat-termini stabbiliti sabiex tingħata risposta għal talba għal aċċess — Deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda — Żamma tal-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tirrispondi barra mit-termini stabbiliti għat-talba għal aċċess

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 8)

11.    Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Xandir attiv tal-informazzjoni ambjentali — Limiti — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti

(Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, Artikolu 5(3) u (5); Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4 u Nru 1367/2006, Artikolu 4(2))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 36)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(aral-punt 42)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 47, 48)

4.      Il-Kummissjoni tista’ validament tapplika l-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, sabiex tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti relatati ma’ investigazzjonijiet dwar eventwali ksur tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jwassal għall-bidu ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jew li effettivament wassal għall-bidu ta’ tali proċedura. F’dawn il-każijiet, ir-rifjut ta’ aċċess ġie kkunsidrat bħala ġustifikat minħabba l-fatt li l-Istati Membri kkonċernati għandhom id-dritt jistennew li l-Kummissjoni tosserva l-kunfidenzjalità f’dak li jirrigwarda dawn l-investigazzjonijiet, anki wara li jkun għadda ċertu ammont ta’ żmien wara l-għeluq tagħhom.

B’mod partikolari, żvelar ta’ dokumenti relatati mal-fażi tal-investigazzjoni, waqt in-negozjar bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, jista’ jippreġudika l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sa fejn l-għan ta’ din, li huwa li l-Istat Membru kkonċernat jiġi persważ jikkonforma ruħu volontarjament mar-rekwiżiti tat-Trattat jew, jekk ikun il-każ, jingħata l-okkażjoni li jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu, jista’ jitqiegħed fil-periklu. Dan ir-rekwiżit ta’ kunfidenzjalità jibqa’ anki wara li tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja għaliex ma jistax jiġi eskluż li n-negozjar bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, bl-intenzjoni li dan jikkonforma ruħu volontarjament mar-rekwiżiti tat-Trattat, jista’ jkompli tul il-proċedura ġudizzjarja u sal-għoti tas-sentenza. Il-ħarsien ta’ dan l-għan, jiġifieri ftehim bonarju tat-tilwima bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat qabel is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġġustifika għaldaqstant ir-rifjut ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti.

(ara l-punti 58, 59)

5.      Meta istituzzjoni tintalab tiżvela dokument, din għandha l-obbligu li tevalwa, f’kull każ ineżami, jekk dan id-dokument jaqax taħt l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. L-eżami ta’ talba għal aċċess għal dokumenti għandu jkun ta’ natura konkreta u individwali u għandu jsir fuq il-kontenut ta’ kull dokument msemmi fl-imsemmija talba. Huwa għandu jkun ukoll ċar mill-motivi tad-deċiżjoni tal-istituzzjoni, f’dak li jirrigwarda l-eċċezzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni.

Madankollu, l-imsemmi eżami jista’ ma jkunx neċessarju meta, minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikun ċar li l-aċċess għandu jiġi rrifjutat jew, bil-kontra, jingħata. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk ċerti dokumenti jew ikunu koperti b’mod ċar fl-intier tagħhom minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess jew ikunu manifestament aċċessibbli fl-intier tagħhom, jew jekk diġà kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni konkreta u individwali mill-Kummissjoni f’ċirkustanzi simili. Barra minn hekk, bħala prinċipju, huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li tibbaża ruħha, inkluż fil-kuntest tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili li jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura, bil-kundizzjoni li hija tivverifika f’kull każ jekk il-kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali normalment applikabbli għal tip ta’ dokumenti partikolari humiex effettivament applikabbli għal dokument partikolari li tkun intalbet tiżvela.

B’dan il-mod, minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-Kummissjoni tista’ tqis, minn naħa, li l-istudji li hija ordnat fil-kuntest tal-fażi preliminari tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li jeżaminaw fid-dettall il-konformità tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri kkonċernati mad-dritt tal-Unjoni, jaqgħu taħt l-istess kategorija ta’ dokumenti u, min-naħa l-oħra, li l-aċċess għal din il-kategorija ta’ dokumenti għandu jiġi rrifjutat abbażi tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament.

Fil-fatt, dawn l-istudji jikkostitwixxu, għaldaqstant, elementi li jista’ jkollhom impatt fuq il-possibbiltajiet għall-Kummissjoni li tibda negozjar ma’ dawn l-Istati Membri, mingħajr pressjoni esterna, bl-għan li dawn jikkonformaw volontarjament mad-dritt tal-Unjoni. Dawn huma dokumenti ffokalizzati u ddedikati għall-eżami tat-traspożizzjoni minn Stat Membru speċifiku ta’ direttiva speċifika, u intiżi li jagħmlu parti minn fajl tal-Kummissjoni rigward din it-traspożizzjoni. Meta l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tkun diġà nbdiet, ma jistax jitqies li dawn l-istudji ma jagħmlux parti mill-fajl relatat mal-proċedura inkwistjoni, għaliex huwa, b’mod partikolari, abbażi ta’ dawn l-istudji li l-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-imsemmija proċedura. Fir-rigward tal-istudji li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għadha ma tatx bidu għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa wkoll meħtieġ li tinżamm il-kunfidenzjalità tagħhom, għaliex l-informazzjoni li taqa’ taħt il-qasam pubbliku ma tistax titneħħa minnu mal-bidu tal-proċedura.

(ara l-punti 64, 65, 68-70, 79)

6.      Skont l-Artikolu 216(2) TFUE, meta jiġu konklużi ftehim internazzjonali mill-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta b’dan il-ftehim u, konsegwentement, dawn jipprevalu fuq l-atti tal-Unjoni. Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus ġiet iffirmata mill-Komunità u sussegwentement ġiet approvata bid-Deċiżjoni 2005/370, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni issa huma parti integrali mis-sistema legali tal-Unjoni.

Il-legalità ta’ att tal-Unjoni tista’ tkun affettwata bl-inkompatibbiltà ta’ dan l-att ma’ ftehim internazzjonali. Meta l-inkompatibbiltà ta’ att tal-Unjoni mar-regoli tad-dritt internazzjonali tiġi invokata quddiem qorti tal-Unjoni, din tal-aħħar tista’ teżaminaha sakemm jiġu osservati żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, l-Unjoni għandha tkun marbuta b’dawn ir-regoli. It-tieni nett, il-qorti tal-Unjoni tista’ twettaq l-eżami tal-legalità tal-att tal-Unjoni fid-dawl ta’ dispożizzjoni ta’ trattat internazzjonali biss meta n-natura u l-istruttura ta’ dan ma jipprekluduhx u meta, minbarra dan, l-imsemmija dispożizzjoni tidher, mil-lat tal-kontenut tagħha, inkundizzjonali u preċiża biżżejjed.

(ara l-punti 84, 85, 91)

7.      L-Unjoni Ewropea hija marbuta bil-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (Konvenzjoni ta’ Aarhus). Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-motivi għar-rifjut ta’ talba għal aċċess għal informazzjoni ambjentali, din il-konvenzjoni ma tidhirx, mil-lat tal-kontenut tagħha, inkundizzjonali u preċiża.

L-imsemmija konvenzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(4)(c) tagħha, ġiet maħsuba manifestament sabiex tiġi applikata prinċipalment għall-awtoritajiet tal-Istati kontraenti u tuża kunċetti proprji għalihom, kif jirriżulta mir-riferiment għall-qafas tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali previst fl-Artikolu 4(1). Min-naħa l-oħra, hija ma tiħux inkunsiderazzjoni karatteristiċi speċifiċi tal-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika soċjali, li jistgħu madankollu jaderixxu mal-Konvenzjoni. B’mod partikolari, l-ebda indikazzjoni fl-Artikolu 4(4)(c) jew f’dispożizzjonijiet oħra tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma tippermetti li jiġu interpretati l-kunċetti użati minn din id-dispożizzjoni u li jiġi stabbilit jekk investigazzjoni relatata ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tista’ tagħmel parti minnhom. Fin-nuqqas ta’ kull tip ta’ preċiżjoni għal dan il-għan, ma jistax jitqies li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus tipprekludi lil-leġiżlatur tal-Unjoni milli jipprevedi eċċezzjoni mill-prinċipju ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet fil-qasam tal-ambjent meta huma jirrigwardaw proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li taqa’ taħt il-mekkaniżmi kostituzzjonali tad-dritt tal-Unjoni, kif previsti permezz tat-Trattati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049,2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ma jistax jitqies li huwa inkompatibbli mal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għaliex din id-dispożizzjoni ma tipprevedi l-ebda eċċezzjoni mid-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti intiża sabiex tipproteġi l-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni għajr dawk ta’ natura penali jew dixxiplinari.

(ara l-punti 92, 96, 97, 99)

8.      Id-dritt tal-pubbliku li jirċievi din l-informazzjoni jikkostitwixxi l-espressjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza, li huwa implementat mid-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif jirriżulta mit-tieni premessa tal-imsemmi regolament, li tipprovdi li t-trasparenza tippermetti li tiġi żgurata parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll li tiġi ggarantita leġittimità, effikaċja u responsabbiltà ikbar tal-amministrazzjoni fir-rigward tagħhom, u jikkontribwixxi sabiex jissaħħaħ il-prinċipju tad-demokrazija. Madankollu, l-interess pubbliku superjuri, imsemmi fl-aħħar parti tal-Artikolu 4(2), u fl-aħħar parti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jista’ jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument li jippreġudika jew jippreġudika serjament l-interessi legali protetti permezz tal-eċċezzjonijiet imsemmija minn dawn id-dispożizzjonijiet, għandu, bħala regola ġenerali, ikun distint mill-prinċipji msemmija hawn fuq li huma l-bażi tal-imsemmi regolament.

Huwa minnu li l-fatt li applikant għal aċċess ma jinvokax interess pubbliku distint mill-prinċipji msemmija hawn fuq ma jimplikax awtomatikament li t-tweżin tal-interessi preżenti ma huwiex meħtieġ. Fil-fatt, l-invokazzjoni ta’ dawn l‑istess prinċipji tista’ tkun tant qawwija, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, li hija tipprevali fuq il-bżonn li jiġu protetti d-dokumenti inkwistjoni.

Madankollu, dan ma japplikax għal din il-kawża fejn l-applikant għal aċċess sempliċement jinvoka kunsiderazzjonijiet ġeneriċi li ma għandhomx x’jaqsmu maċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, jiġifieri li ċ-ċittadini għandhom id-dritt li jkunu informati dwar il-livell ta’ rispett mill-Istati Membri tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ambjent kif ukoll li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Kunsiderazzjonijiet ġeneriċi ma jistgħux ikunu tali li jistabbilixxu li l-prinċipju ta’ trasparenza f’każ speċifiku huwa partikolarment qawwi b’mod li jipprevali fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba.

(ara l-punti 106-109)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 117)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 118, 119)

11.    Kemm il-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif ukoll ir-Regolament Nru 1367/2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, jipprevedu l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni dwar l-ambjent fuq talba, jiġifieri fil-kuntest ta’ xandir attiv mill-awtoritajiet u istituzzjonijiet ikkonċernati. Sa fejn l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet jistgħu jirrifjutaw talba għal aċċess għal informazzjoni meta din taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti eċċezzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li huma ma humiex marbuta jxandru attivament din l-informazzjoni. Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, l-eċċezzjonijiet inkwistjoni jisfaw mingħajr l-ebda effett utli, li huwa manifestament inkompatibbli mal-ispirtu u mal-ittra tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tar-Regolament Nru 1367/06.

(ara l-punt 128)