Language of document : ECLI:EU:F:2009:116

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLLIKU

(It-Tieni Awla)

17 ta’ Settembru 2009

Kawża F-118/07

Guido Strack

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Kwistjonijiet proċedurali – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà – Proċedura fil-kontumaċja ”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih il-Kummissjoni, permezz ta’ att separat, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat minn G. Strack fit-22 ta’ Ottubru 2007, qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra l-imsemmi rikors, skont l-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura.

Deċiżjoni: It-talba tal-Kummissjoni biex tingħata deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà tar-rikors hija ammissibbli. It-talba tar-rikorrent għal deċiżjoni fil-kontumaċja hija miċħuda. Id-deċiżjoni dwar it-talba tal-Kummissjoni biex tingħata deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà tar-rikors hija rrinvijata għas-sentenza finali. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċedura – Ammissibbiltà tal-atti proċedurali – Evalwazzjoni fil-mument tal-preżentata tal-att

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 114; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 78; Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752, Artikolu 3(4))

2.      Proċedura – Ammissibbiltà tal-atti proċedurali – Tressiq ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà wara li nkisbet proroga tat-terminu għall-preżentata tar-risposta – Ammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 39 u 78)

1.      Fil-każ li konvenut iqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kontra rikors li jkun ġie ppreżentat qabel ma daħlu fis-seħħ l-imsemmija regoli, u suġġett għad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza skont l-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni 2004/752, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, it-terminu li għandu jiġi osservat għall-preżentata ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà huwa dak previst fir-Regoli tal-Proċedura fis-seħħ fid-data tan-notifika tar-rikors. Barra minn hekk, kemm jekk is-sitwazzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll taħt dak tal-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, it-terminu mogħti biex tiġi ppreżentata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jibda jiddekorri minn din in-notifika.

(ara l-punti 1, 6, 9 u 12)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 22 ta’ Mejju 2008, Daskalakis vs Il‑Kummissjoni, F‑107/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 25

2.      Fil-każ li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun laqa’ t-talba ta’ konvenut biex jiġi pprorogat it-terminu għall-preżentata tar-risposta, il-fatt li din il-parti tagħżel, qabel ma jiskadi t-terminu pprorogat, li tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, minflok ma tippreżenta risposta li jkun fiha analiżi tal-mertu tal-kawża, ma huwiex tali li jqajjem dubji dwar il-konformità tat-talba tiegħu għal proroga mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura jew li jippermetti li jiġi konkluż li din it-talba hija abbużiva.

Fil-fatt, meta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jakkorda l-proroga tat-terminu għall-preżentata tar-risposta qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 78 tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura għall-preżentata ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, huwa jaċċetta b’mod impliċitu li, fit-terminu pprorogat mogħti, il-konvenut jista’ jippreżenta eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà permezz ta’ att separat jew ta’ risposta. F’dan ir-rigward, għalkemm ebda dispożizzjoni espliċita ma tipprovdi għall-possibbiltà li t-terminu previst fl-imsemmi Artikolu 78 jiġi pprorogat, ma jistax jiġi dedott minn dan, peress li l-proroga tkun ġiet akkordata qabel ma skada l-imsemmi terminu, li parti ma tistax tippreżenta qabel l-iskadenza tat-terminu pprorogat eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà permezz ta’ att separat.

(ara l-punti 14 u 16)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Lulju 2002, Comitato organizzatore del convegno internazionale vs Il-Kummissjoni, T‑387/00, Ġabra p.  II‑3031, punt 35