Language of document : ECLI:EU:T:2012:194





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-24 ta’April 2012 — Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-554/08)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza għan-negozju, teknika u proġetti għal applikazzjonijiet informatiċi tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tad-dwana, tad-dazji u tat-tassazzjoni — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor — Rikors għal annullament — Inammissibbiltà — Rikors għad-danni — Kriterji ta’ selezzjoni u ta’ għoti — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

1.                     Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Locus standi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Deċiżjoni tal-awtorità kontraenti indirizzata lil konsorzju offerent li ma għandux personalità ġuridika — Rikors ta’ kumpannija membru tal-imsemmi konsorzju — Ammissibbiltà (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE) (ara l-punti 31-33)

2.                     Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti (ara l-punti 37, 80, 97)

3.                     Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet — Kriterji ta’ selezzjoni — Obbligu li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti u ta’ trasparenza — Assenza tal-obbligu li jitħalla marġni bejn il-livell minimu u l-livell massimu tal-elementi li għandhom jiġu ppreżentati sabiex tiġi pprovata l-kapaċità tal-offerenti (Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikoli 89 u 97(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 135(1)(2) u (5)) (ara l-punti 38, 41-45)

4.                     Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi —Kundizzjonijiet (ara l-punti 51, 67)

5.                     Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Għażla mogħtija lill-awtorità kontraenti li tikkuntattja lil offerent wara l-ftuħ tal-offerti — Obbligu li jsir kuntatt fil-każ ta’ possibbiltà u neċessità li jinkisbu preċiżazzjonijiet rigward offerta — Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti (Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikoli 89(1) u 148(3); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikoli 146(3) u 148(3)) (ara l-punti 52, 53, 55, 56, 58, 65)

6.                     Proċedura — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Kundizzjonijiet — Motiv ġdid — Kunċett (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2)) (ara l-punt 119)

7.                     Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Obbligu tal-awtorità kontraenti li teskludi mill-proċedura offerent li wettaq żball gravi fil-qasam professjonali — Offerent li jinvoka allegat żball gravi fil-qasam professjonali mwettaq minn kumpannija li rebħet il-kuntratt — Eżami mill-awtorità kontraenti tal-fatti invokati — Evalwazzjoni prima facie — Obbligu fil-każ ta’ elementi ta’ frodi infondati li jiġu miċħuda u li jiġi informat l-awtur ta’ dawn l-akkużi (Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikoli 93(1)(c) u 94; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 133) (ara l-punti 124, 126, 127, 132)

8.                     Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, li ma tintgħażilx offerta — Evalwazzjoni fid-dawl tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti fil-mument tal-preżentata tar-rikors (Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 149) (ara l-punti 136-139)

9.                     Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Rikors għall-kumpens għad-danni kkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ)) (ara l-punti 162, 163)

10.                     Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet — Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 288, KE) (ara l-punti 167, 168)

Suġġett

Minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-26 ta’ Settembru 2008, li ma tilqax l-offerta magħmula mill-konsorzju magħmul mir-rikorrenti u minn kumpanniji oħra fil-kuntest ta’ proċedura tas-sejħa għal offerti “TAXUD/2007/AO-005” fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza għan-negozju, teknika, u proġetti għal applikazzjonijiet tal-kompjuter tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-dwana, tad-dazju u tat-tassazzjoni (TIMEA) kif ukoll tad-deċiżjonijiet kollha ulterjuri inkluża dik li l-kuntratt jingħata lill-offerent magħżul, mressqa abbażi tal-Artikolu 225 KE u l-Artikolu 230 KE, u min-naħa l-oħra, talba għad-danni, imressqa abbażi tal-Artikolu 225 KE, l-Artikolu 235 KE u l-Artikolu 288 KE.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud

2)

Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Kummissjoni Ewropea.