Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen Sad Sofia-Grad (il-Bulgarija) fis-7 ta' Settembru 2009 - Saïd Shamilovich Kadzoev vs Ministertsvo na vatreshnite raboti

(Kawża C-357/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen Sad Sofia-Grad (il-Bulgarija).

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Saïd Shamilovich Kadzoev.

Konvenut: Ministertsvo na vatreshnite raboti.

Domandi preliminari

L-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment1, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

a) meta d-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ma jistabbilixxix perijodu massimu ta' detenzjoni jew motivi għall-estensjoni ta' detenzjoni qabel it-traspożizzjoni tal-kundizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, u meta wara t-traspożizzjoni ta' din id-direttiva, ma jiġix stabbilit li d-dispożizzjonijiet il-ġodda ser ikollhom effett retroattiv, il-kundizzjonijiet ta' din id-direttiva japplikaw biss u jwasslu sabiex il-perijodu jibda jiddekorri minn meta jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru?

b) fil-perijodi stabbiliti ta' detenzjoni f'ċentru speċjalizzat bil-għan ta' tneħħija, fis-sens tal-imsemmija direttiva, ma għandux jiġi inkluż il-perijodu li matulu tkun ġiet sospiża l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni ta' tneħħija mill-Istat Membru skont dispożizzjoni speċifika, minħabba proċedura pendenti fir-rigward ta' talba għal ażil magħmula minn ċittadin ta' pajjiż terz, minkejja li matul din il-proċedura huwa jkun baqa' jirrisjedi f'dan iċ-ċentru speċjalizzat ta' detenzjoni, jekk dan ikun permess mill-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru?

L-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115/KE [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-perijodi stabbiliti ta' detenzjoni f'ċentru speċjalizzat bil-għan ta' tneħħija, fis-sens tal-imsemmija direttiva, ma għandux jiġi inkluż il-perijodu li matulu tkun ġiet sospiża l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni ta' tneħħija mill-Istat Membru skont dispożizzjoni speċifika, minħabba appell pendenti kontra l-imsemmija deċiżjoni, minkejja li matul din il-proċedura huwa jkun baqa' jirrisjedi f'dan l-istess ċentru speċjalizzat ta' detenzjoni, meta iċ-ċittadin ma jkollux dokumenti tal-identità validi, u konsegwentement ikun jeżisti dubju dwar l-identità tiegħu jew meta ma jkollux mezzi ta' għixien jew inkella meta jkollu imġiba aggressiva?

L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115/KE [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tneħħija mhijiex raġonevolment possibbli meta:

a) fil-mument li fih ikun qed isir l-istħarriġ tad-detenzjoni mill-qorti, l-Istat li l-persuna kkonċernata tkun ċittadina tiegħu jkun irrifjuta li joħroġilha dokument tal-ivvjaġar għar-ritorn tagħha u, sa dak il-mument, ma jkunx hemm ftehim ma' pajjiż terz sabiex il-parti kkonċernata tintlaqa' hemmhekk, minkejja li l-organizzazzjonijiet amministrattivi tal-Istat Membru jkunu qed jistinkaw sabiex jagħmlu dan?

b) fil-mument li fih ikun qed isir l-istħarriġ tad-detenzjoni mill-qorti, ikun jeżisti ftehim ta' riammissjoni konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat li l-persuna kkonċernata tkun ċittadina tiegħu, iżda minħabba l-eżistenza ta' provi ġodda - jiġifieri ċertifikat tat-twelid tal-persuna kkonċernata - l-Istat Membru ma jkunx irrefera għad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi ftehim jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx tixtieq tirritorna?

ċ) il-possibbiltajiet li jiġu estiżi l-perijodi ta' detenzjoni stabbiliti fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva jkunu ġew eżawriti, fil-każ li ma jkun intlaħaq ebda ftehim ta' riammissjoni mal-pajjiżi terzi fil-mument li fih ikun qed isir l-istħarriġ tad-detenzjoni mill-qorti, fid-dawl tal-Artikolu 15(6)(b) tad-Direttiva?

L-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115/KE [...] għandu jiġu interpretat fis-sens li jekk, fil-mument li fih ikun qed isir l-istħarriġ tad-detenzjoni bil-għan tat-tneħħija tal-persuna kkonċernata lejn pajjiż terz, jiġi kkonstatat li ma jkunx jeżisti motiv raġonevoli għat-tneħħija tagħha u li l-motivi għall-estensjoni tad-detenzjoni tiegħu jkunu ġew eżawriti, f'każ bħal dan:

a) madankollu ma għandux jiġi ordnat il-ħelsien immedjat tagħha, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu kollha sodisfatti: il-persuna kkonċernata ma jkollhiex dokument validu tal-identità, irrispettivament mill-perijodu tal-validità tiegħu, bil-konsegwenza li jkun hemm dubju dwar l-identità tagħha, ikollha imġiba aggressiva, ma jkollha ebda mezzi ta' għixien u ma jkun hemm l-ebda persuna terza li ntrabtet li tiggarantixxi l-għixien tagħha?

b) fid-dawl tad-deċiżjoni dwar il-ħelsien, għandu jiġi eżaminat jekk iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikollux, b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru, il-mezzi neċessarji sabiex jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru kif ukoll indirizz li fih ikun jista' jirrisjedi?

____________

1 - ĠU L 348, p. 98.