Language of document : ECLI:EU:C:2021:813

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

6 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu liberament fit-territorju tal-Istati Membri – Artikolu 21 TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Artikoli 4 u 5 – Obbligu li wieħed ikollu karta tal-identità jew passaport – Regolament (KE) Nru 562/2006 (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) – Anness VI – Qsim tal-fruntiera marittima ta’ Stat Membru fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni – Reġim ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ moviment bejn Stati Membri mingħajr karta tal-identità jew passaport – Reġim kriminali ta’ multi ta’ kuljum – Kalkolu tal-multa abbażi tad-dħul fix-xahar medju tal-awtur tar-reat – Proporzjonalità – Severità tal-piena fir-rigward tal-ksur”

Fil-Kawża C‑35/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Jannar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Jannar 2020, fil-proċeduri kriminali kontra

A

fil-preżenza ta’:

Syyttäjä,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász, C. Lycourgos (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A, minn U. Väänänen, asianajaja,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti, G. Wils, J. Tomkin u I. Koskinen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(1) TFUE, tal-Artikolu 4(1), tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), kif ukoll tal-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 182, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2014, L 225, p. 91.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra A dwar il-qsim minn dan tal-aħħar tal-fruntiera nazzjonali tal-Finlandja fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni mingħajr karta tal-identità jew passaport.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2004/38

3        Skont il-premessi 1, 7 u 31 tad-Direttiva 2004/38:

“(1)      Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni tikkonferixxi lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni d-dritt primarju u individwali li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għall-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat u għall-miżuri adottati fl-applikazzjoni ta’ l-istess.

[…]

(7)      Il-formalitajiet konnessi mal-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni fit-territorju ta’ l-Istati Membru għandhom jitfissru b’mod ċar, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet applikabbli għall-kontrolli nazzjonali fil-fruntiera.

[…]

(31)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea; […]”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

a)      il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;

b)      id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom;

(ċ)      il-limiti għad-drittijiet stabbiliti f’(a) u (b) minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

6        L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ ħruġ”, jipprevedi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli għall-kontroll fil-fruntieri nazzjonali, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità valida jew passaport validu u l-membri tal-familja tagħhom li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom passaport validu għandhom id-dritt li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru biex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor.

[…]

3.      Skond il-liġijiet tagħhom, l-Istati Membri għandhom joħorġu jew iġeddu għaċ-ċittadini tagħhom karta ta’ l-identità jew passaport li jiddikjara ċ-ċittadinanza tagħhom.

[…]”

7        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ dħul”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli fil-kontrolli tal-fruntieri nazzjonali, l-Istati Membri għandhom iħallu jidħlu fit-territorju tagħhom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi, kif ukoll lill-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru li għandhom passaport validu.

[…]

4.      Meta ċittadin ta’ l-Unjoni, jew membru tal-familja li mhux ċittadin ta’ Stat Membru, m’għandux id-dokumenti ta’ vjaġġar neċessarji jew, jekk meħtieġ, il-visas neċessarji, l-Istat Membru kkonċernat, qabel ma jibgħathom lura, għandu jagħti lil dawn il-persuni kull opportunità raġonevoli biex jiksbu jew iġibu d-dokumenti neċessarji f’perjodu ta’ żmien raġonevoli jew inkella jistgħu juru jew jiċċertifikaw b’mezzi oħra li huma koperti mid-dritt ta’ moviment liberu u residenza.

5.      L-Istat Membru jista’ jeħtieġ lill-persuna kkonċernata li tiddikjara l-presenza tagħha fit-territorju nazzjonali fi żmien raġonevoli u mhux diskriminatorju. In-nuqqas li dan l-obbligu jiġi osservat jista’ jwassal biex il-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal sanzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji.”

8        L-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 u 2 tiegħu:

“1. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet ma għandhomx jiġu invokati biex jaqdu għanijiet ekonomiċi.

2.      Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. […]

[…]”

9        Skont l-Artikolu 36 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Sanzjonijiet”:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-disposizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tar-regoli nazzjonali adottati għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom. Is-sanzjonijiet stabbiliti għandhom ikunu effettivi u proporzjonati. […]”

 Ir-Regolament Nru 562/2006

10      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 562/2006, intitolat “Suġġett u prinċipji”, kien jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jipprovdi għall-assenza ta’ kontrolli fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri interni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa jistabbilixxi regoli li jirregolaw il-kontroll fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati membri ta’ l-Unjoni Ewropea.”

11      L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, kien jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)      ‘fruntieri interni’ tfisser:

a)      il-fruntieri ta’ l-art komuni, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, ta’ l-Istati Membri;

b)      l-ajruporti ta’ l-Istati Membri għal titjiriet interni;

ċ)      il-portijiet tal-baħar, tax-xmajjar u tal-lagi ta’ l-Istati Membri għal kollegamenti regolari bi traġitt;

2)      ‘fruntieri esterni’ tfisser il-fruntieri ta’ l-art ta’ l-Istati Membri, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, il-fruntieri marittimi u l-ajruporti, il-portijiet tax-xmajjar, tal-baħar u tal-lagi tagħhom, sakemm m’humiex fruntieri interni;

[…]”

12      L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Qsim ta’ fruntieri esterni” kien jipprovdi:

“1.      Il-fruntieri esterni jistgħu jinqasmu biss minn punti ta’ qsim tal-fruntiera u waqt il-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti. Il-ħinijiet tal-ftuħ għandhom ikunu indikati b’mod ċar fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera li mhumiex miftuħa għal 24 siegħa kuljum.

[…]

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, jistgħu jkunu permessi eċċezzjonijiet għall-obbligu li wieħed jaqsam fruntieri esterni biss f’punti ta’ qsim tal-fruntiera u waqt ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti:

[…]

c)      f’konformità mar-regoli speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 18 u 19 flimkien mal-Annessi VI u VII

[…]”

13      Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 562/2006, intitolat “Verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni f’punti ta’ qsim tal-fruntiera”:

“1.      Moviment trans-konfini fi fruntieri esterni għandu jkun soġġett għal verifiki mill-gwardji tal-fruntiera. […]

[…]

2.      Il-persuni kollha għandhom jgħaddu minn verifika minima sabiex jiġu stabbiliti l-identitajiet tagħhom abbażi tal-produzzjoni jew il-preżentazzjoni tad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar tagħhom. Tali verifika minima tikkonsisti f’verifika rapida u sempliċi, fejn ikun xieraq bl-użu ta’ mezzi tekniċi u billi tkun ikkonsultata informazzjoni esklussivament dwar dokumenti misruqa, misapproprijati, mitlufa u invalidati fid-databases rilevanti, dwar il-validità tad-dokument li jawtorizza lid-detentur leġittimu li jaqsam il-fruntiera u dwar il-preżenza ta’ sinjali ta’ falsifikazzjoni jew kontrafazzjoni.

[…]

6.      Verifiki fuq persuna li jkollha d-dritt għal moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni għandhom jitwettqu skond id-Direttiva [2004/38].

[…]”

14      L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli speċifiċi għal tipi differenti ta’ fruntiera u l-mezzi differenti ta’ trasport użati biex jinqasmu l-fruntieri esterni”, kien ifformulat kif ġej:

“Ir-regoli speċifiċi stabbiliti fl-Anness VI għandhom japplikaw għall-verifiki mwettqa fit-tipi differenti ta’ fruntiera u l-mezzi differenti ta’ trasport użati biex jinqasmu l-punti ta’ qsim tal-fruntieri [esterni].

Dawk ir-regoli speċifiċi jista’ jkun fihom derogi mill-Artikoli 4 u 5 u l-Artikoli 7 sa 13.”

15      L-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament, intitolat “Qsim tal-fruntieri interni” kien jipprevedi:

“Fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kull punt mingħajr ma jsiru verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom.”

16      L-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, intitolat “Verifiki fit-territorju”, kien jipprovdi:

“It-tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni m’għandhiex taffettwa:

a)      l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali, safejn l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat ma jkollux effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera; dan japplika wkoll f’żoni tal-fruntiera. Fis-sens ta’ l-ewwel sentenza l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija ma jistax, b’mod partikolari, ikun ikkunsidrat ekwivalenti għall-eżerċizzju ta’ kontrolli fuq il-fruntiera meta l-miżuri ta’ pulizija:

i)      ma jkollhomx bħala objettiv il-kontrolli fuq il-fruntiera;

ii)      ikunu bbażati fuq informazzjoni u esperjenza ġenerali ta’ pulizija dwar theddid possibbli għas-sigurtà pubblika u jkunu mmirati, b’mod partikolari, biex jiġġieldu l-kriminalità trans-konfini,

iii)      huma maħsuba u mwettqa b’mod li huwa differenti b’mod ċar minn verifiki sistematiċi fuq persuni fil-fruntieri esterni;

iv)      huma mwettqa abbażi ta’ verifiki saltwarji;

b)      il-verifiki ta’ sigurtà fuq persuni mwettqa f’portijiet u ajruporti mill-awtoritajiet kompetenti taħt il-liġi ta’ kull Stat Membru, minn uffiċjali tal-port jew ajruport jew trasportaturi, basta li tali verifiki jitwettqu wkoll fuq persuni li jivvjaġġaw fi Stat Membru;

ċ)      il-possibbiltà għal Stat Membru li jipprovdi, permezz ta’ liġi, għal obbligu li wieħed ikun fil-pussess jew iġorr miegħu karti u dokumenti;

[…]”

17      L-Anness VI tar-Regolament Nru 562/2006, intitolat “Regoli speċifiċi għal tipi differenti ta’ fruntieri u l-mezzi differenti ta’ trasport użati biex jinqasmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri”, kien jinkludi taqsima intitolata “Dgħajjes tad-divertiment”, li kienet ifformulata kif ġej:

“3.2.5. B’deroga mill-Artikoli 4 u 7, il-persuni abbord ta’ dgħajjes tad-divertiment li jkunu ġejjin minn jew qed jitilqu lejn port li jinsab fi Stat Membru m’għandhomx ikunu soġġetti għal kontrolli tal-fruntiera u jistgħu jidħlu f’port li mhux punt ta’ qsim tal-fruntiera.

Madankollu, meta skond il-valutazzjoni tar-riskji ta’ l-immigrazzjoni illegali, u b’mod partikolari fejn il-kosta ta’ pajjiż terz tinsab fil-viċinanza immedjata tat-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat, għandhom jitwettqu verifiki fuq dawn il-persuni u/jew tfittxija fiżika fid-dgħajjes tad-divertiment.

[…]

3.2.7      Waqt dawn il-verifiki, għandu jiġi sottomess dokument li fih il-karatteristiċi tekniċi kollha tad-dgħajsa u l-ismijiet tal-persuni abbord. Kopja ta’ dan id-dokument għandha tingħata lill-awtoritajiet fil-portijiet tad-dħul u tat-tluq. Sakemm id-dgħajsa tibqa’ fl-ilmijiet territorjali ta’ wieħed mill-Istati Membri, kopja ta’ dan id-dokument għandha tkun inkluża fost il-karti tad-dgħajsa.”

18      Dan ir-regolament, applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32)

 Id-dritt Finlandiż

 Il-leġiżlazzjoni fuq id-dokumenti tal-ivvjaġġar

19      L-Artikolu 1 tal-passilaki (671/2006) (il-Liġi dwar il-Passaporti (671/2006)) jipprevedi:

“Iċ-ċittadini Finlandiżi għandhom id-dritt li jitilqu mill-pajjiż skont id-dispożizzjonijiet previsti f’din il-liġi.

Iċ-ċittadini Finlandiżi ma jistgħux jitwaqqfu milli jidħlu fit-territorju.”

20      L-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-Passaporti jipprovdi:

“Iċ-ċittadini Finlandiżi għandhom id-dritt li jitilqu, u li jidħlu fit-territorju b’passaport, suġġett għall-eċċezzjonijiet stabbiliti f’din il-liġi, skont id-dritt tal-Unjoni jew skont ftehim internazzjonali li jorbot lill-Finlandja. Iċ-ċittadini Finlandiżi jistgħu jivvjaġġaw lejn l-Islanda, in-Norveġja, l-Isvezja u d-Danimarka mingħajr passaport. Regolament adottat mill-kunsill tal-ministri jiddetermina l-pajjiżi l-oħra li ċ-ċittadini Finlandiżi jistgħu jivvjaġġaw lejhom billi jużaw bħala dokument tal-ivvjaġġar, karta tal-identità minflok passaport […].”

21      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 28 tal-Liġi dwar il-Passaporti:

“Jekk ċittadin Finlandiż irid ikollu passaport jew karta tal-identità waqt il-vjaġġ tiegħu, huwa għandu, meta jitlaq mill-pajjiż u meta jasal fil-pajjiż, juri dan id-dokument lill-awtorità ta’ sorveljanza tal-fruntieri jekk din tistaqsih għaliha.”

22      L-Artikolu 1 tal-valtioneuvoston asetus matkustusoikeuden osoittamisesta eräissä tapauksissa (660/2013) (ir-Regolament adottat mill-kunsill tal-ministri dwar prova tal-ivvjaġġar f’ċerti każijiet speċifiċi (660/2013)) jipprovdi:

“Iċ-ċittadini Finlandiżi jistgħu jivvjaġġaw mill-Finlandja lejn il-pajjiżi li ġejjin billi jużaw bħala dokument tal-ivvjaġġar karta tal-identità minflok passaport […]: il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju, il-Bulgarija, Spanja, l-Irlanda, ir-Renju Unit, l-Italja, l-Awstrija, il-Greċja, il-Kroazja, Ċipru, il-Latvja, Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, il-Polonja, Franza, ir-Rumanija, il-Ġermanja, San Marino, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Isvizzera, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Estonja.”

 Il-Kodiċi Kriminali

23      L-Artikolu 7, intitolat “Ksur fir-rigward tal-fruntieri”, tal-Kapitolu 17 intitolat “Ksur tal-ordni pubbliku” tar-rikoslaki (39/1889) (il-Kodiċi Kriminali (39/1889)) jipprovdi:

“Kull min

1)      jaqsam jew jipprova jaqsam il-fruntiera Finlandiża mingħajr dokument tal-ivvjaġġar, viża, permess ta’ residenza jew kwalunkwe dokument ieħor ekwivalenti għal dokument tal-ivvjaġġar validu, jew xi mkien ieħor għajr f’post ta’ dħul jew ta’ ħruġ awtorizzat, jew bi ksur ta’ kwalunkwe projbizzjoni legali għajr il-projbizzjoni tad-dħul,

[…]

iwettaq ksur fir-rigward tal-fruntieri punibbli b’multa jew b’piena sa massimu ta’ sena priġunerija.”

24      L-Artikolu 7a tal-istess kapitolu ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Ksur minuri fir-rigward tal-fruntieri”, jipprovdi:

“L-awtur tar-reat huwa kkastigat b’multa għal ksur minuri rigward il-fruntieri jekk, fid-dawl tal-qosor tal-waqfa jew taċ-ċirkulazzjoni irregolari, in-natura tal-att ipprojbit jew ta’ ċirkustanzi oħra tal-ksur, il-ksur fir-rigward tal-fruntieri huwa kkunsidrat minuri fl-assjem tiegħu.”

25      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 2a tal-Kodiċi Kriminali:

“Il-multa hija imposta fil-forma ta’ multi ta’ kuljum fejn in-numru minimu huwa ta’ multa ta’ kuljum waħda u n-numru massimu huwa ta’ 120 multa ta’ kuljum.”

26      L-Artikolu 2 ta’ dan l-istess Kapitolu 2a tal-Kodiċi Kriminali jipprovdi:

“L-ammont tal-multa ta’ kuljum huwa stabbilit b’mod raġonevoli, fid-dawl tal-kapaċità ta’ ħlas tal-awtur tar-reat.

L-ammont tal-multa ta’ kuljum huwa kkunsidrat raġonevoli jekk jikkorrispondi għal wieħed minn sittin tad-dħul medju fix-xahar tal-awtur tar-reat, wara li jitnaqqsu l-imposti u t-taxxi li jiġu ddeterminati permezz ta’ regolament adottat mill-kunsill tal-ministri kif ukoll ammont stabbilit li jikkorrispondi mal-ispejjeż tal-konsum ta’ kuljum. L-obbligu ta’ manteniment dovut mill-awtur tar-reat jista’ jnaqqas l-ammont tal-multa ta’ kuljum.

Id-dħul tal-awtur tar-reat li tinsab fl-aħħar taxxa implimentata huwa l-bażi prinċipali għall-kalkolu tal-imsemmi dħul fix-xahar. Jekk id-dħul tal-awtur tar-reat ma jistax jiġi stabbilit b’mod suffiċjentement affidabbli mid-data tat-taxxa jew jekk inbidel b’mod sinjifikattiv mill-aħħar fattura tat-taxxa pprovduta, jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ dokument ieħor aċċessibbli.

[…]

Regolament adottat mill-kunsill tal-ministri jirregola iktar preċiżament il-kalkolu tad-dħul medju fix-xahar, il-mod kif jiġi stabbilit l-ammont tal-multa ta’ kuljum, l-ammont fiss li jikkorrispondi mal-ispejjeż tal-konsum ta’ kuljum, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-obbligu ta’ manteniment kif ukoll l-ammont minimu tal-multa ta’ kuljum.”

27      L-Artikolu 5 tal-asetus päiväsakon rahamäärästä (609/1999) (ir-Regolament adottat mill-kunsill tal-ministri dwar l-ammont tal-multa ta’ kuljum (609/1999)) jistipula:

“L-ammont tal-multa ta’ kuljum ma jistax ikun inqas minn EUR 6.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

28      Fil‑25 ta’ Awwissu 2015, A, ċittadin Finlandiż, wettaq vjaġġ bir-ritorn bejn il-Finlandja u l-Estonja fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni. Kemm il-post tat-tluq kif ukoll il-post ta’ ritorn ta’ dan il-vjaġġ kienu jinsabu fil-Finlandja. Matul l-imsemmi vjaġġ, A qasam żona marittima internazzjonali li tinsab bejn iż-żewġ Stati Membri.

29      Għalkemm kien detentur ta’ passaport Finlandiż validu, A ma kellux dan il-passaport fuqu waqt il-vjaġġ. Konsegwentement, matul kontroll fil-fruntieri mwettaq f’Ħelsinki fil-mument tar-ritorn tiegħu, A ma seta’ jippreżenta la dan il-passaport u lanqas dokument ieħor tal-ivvjaġġar. Madankollu, l-identità ta’ A setgħet tiġi stabbilita abbażi tal-liċenzja tas-sewqan li kellu fuqu.

30      Is-syyttäjä (il-Prosekutur) ressaq proċeduri kontra A quddiem il-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) għal ksur minuri fir-rigward tal-fruntieri.

31      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Diċembru 2016, il-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki) ikkonstatat li A kien wettaq ksur peress li qasam il-fruntiera Finlandiża mingħajr ma kellu fuqu dokument tal-ivvjaġġar, u ppreċiżat li l-fatt li l-persuna kkonċernata kellha passaport validu kien irrilevanti f’dan ir-rigward.

32      Madankollu, din il-qorti ma ppronunzjatx ruħha dwar piena, billi kkunsidrat li l-ksur kien minuri u li, fil-każ ta’ kundanna għall-ħlas ta’ multa, l-ammont tagħha, ikkalkolat skont ir-reġim kriminali ta’ multa ta’ kuljum abbażi tad-dħul medju fix-xahar ta’ A, kienet tkun eċċessiva.

33      Il-Prosekutur appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Helsingin hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Ħelsinki, il-Finlandja). Min-naħa tiegħu, A ppreżenta appell inċidentali kontra l-istess deċiżjoni.

34      Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2018, il-Helsingin hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Ħelsinki), filwaqt li kkonstatat li kien ġie debitament stabbilit li A ma kellux dokument tal-ivvjaġġar meta qasam il-fruntiera Finlandiża, ċaħdet l-appelli. Din il-qorti fil-fatt qieset li l-ksur minuri fir-rigward tal-fruntieri ma kienx ikkaratterizzat f’dan il-każ.

35      Il-Prosekutur appella minn din is-sentenza quddiem il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja).

36      Din il-qorti tqis li l-kawża għandha tiġi eżaminata skont id-dritt tal-Unjoni.

37      Hija tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 45 tas-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1999, Wijsenbeek (C‑378/97, EU:C:1999:439), li dan id-dritt ma kienx jipprekludi li Stat Membru jobbliga, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, persuna sabiex tistabbilixxi n-nazzjonalità tagħha fil-mument tad-dħul tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, sakemm is-sanzjonijiet ikunu paragunabbli għal dawk li japplikaw għal ksur nazzjonali simili u ma jkunux sproporzjonati.

38      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din il-ġurisprudenza għadhiex applikabbli, fid-dawl tal-emendi magħmula għad-dritt tal-Unjoni wara din is-sentenza.

39      Fil-fatt, għalkemm jirriżulta effettivament mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li kull Stat Membru jista’ jipprevedi obbligu għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jkollhom fuqhom dokument tal-ivvjaġġar validu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, f’liema kundizzjonijiet in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu jista’ jkun suġġett għal sanzjoni, peress li ma huwiex eskluż li l-impożizzjoni ta’ sanzjoni tippreġudika d-dritt għall-moviment liberu, previst fl-Artikolu 21(1) TFUE.

40      Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan id-dritt inkisirx, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006, billi dan l-aħħar regolament huwa l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen applikabbli għall-kawża prinċipali.

41      Huwa wkoll neċessarju li tiġi speċifikata, fir-rigward tal-Artikoli 2, 4, 7, 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006, kif ukoll tal-punt 3.2.5 tal-Anness VI tiegħu, ir-rilevanza tal-fatt li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ivvjaġġa minn Stat Membru lejn ieħor, abbord ta’ dgħajsa ta’ rikreazzjoni u bil-qsim ta’ żona marittima internazzjonali.

42      Jekk wieħed jassumi li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-obbligu, taħt piena ta’ sanzjoni kriminali, li wieħed ikollu fuqu dokument tal-ivvjaġġar validu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk reġim ta’ multi ta’ kuljum, bħal dak previst mill-Kodiċi Kriminali, huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

43      Il-qorti tar-rinviju tindika li, matul is-sena 2014, l-ammont medju ta’ multa ta’ kuljum kien ta’ EUR 16.70 għal dħul nett medju fix-xahar ta’ EUR 1 257. Hija tippreċiża, barra minn hekk, li ksur tar-regoli dwar qsim tal-fruntieri bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa normalment suġġett għal multa ta’ ħmistax il-jum.

44      Issa, fid-dawl tad-dħul medju fix-xahar ta’ A, l-ammont ta’ multa ta’ kuljum jammonta, fil-każ tiegħu, għal EUR 6 350, b’tali mod li l-ammont totali tal-multa li tista’ tiġi imposta fuqu huwa ta’ EUR 95 250. Tali ammont huwa spjegat mill-fatt li, għalkemm il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-kawża prinċipali tiffissa livell minimu ta’ EUR 6 għall-ammont tal-multa ta’ kuljum, għall-kuntrarju hija ma tipprevedi l-ebda limitu massimu għal dan l-ammont.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva 2004/38], l-Artikolu 21 tar-[Regolament Nru 562/2006] jew id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu liberament fit-territorju tal-Unjoni, jipprekludi applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tobbliga lil persuna (irrispettivament minn jekk hijiex ċittadina tal-Unjoni) taħt piena ta’ sanzjoni, ikollha passaport validu jew dokument ta’ vvjaġġar ieħor validu meta tmur minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor permezz ta’ dgħajsa ta’ rikreazzjoni billi tgħaddi minn żona marittima internazzjonali mingħajr madankollu tidħol fit-territorju ta’ Stat terz?

2)      Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 5(1) tad-[Direttiva 2004/38], l-Artikolu 21 tar-[Regolament Nru 562/2006] jew id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu liberament fit-territorju tal-Unjoni, jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tobbliga lil persuna (irrispettivament minn jekk hijiex ċittadina tal-Unjoni), taħt piena ta’ sanzjoni, ikollha passaport validu jew dokument ta’ vvjaġġar ieħor validu meta tidħol fl-Istat Membru kkonċernat minn Stat Membru ieħor permezz ta’ dgħajsa ta’ rikreazzjoni billi tgħaddi minn żona marittima internazzjonali mingħajr madankollu ma tidħol fit-territorju ta’ Stat terz?

3)      Fil-każ li ma jkunx hemm ostakolu fid-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel u tat-tieni domanda, is-sanzjoni fil-forma ta’ multi ta’ kuljum li hija normalment imposta fil-Finlandja għall-qsim tal-fruntiera Finlandiża mingħajr dokument ta’ vvjaġġar validu hija kompatibbli mal-prinċipju tal-proporzjonalità li jirriżulta mill-Artikolu 27(2) tad-[Direttiva 2004/38]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

46      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew magħmula lilha. Hemm lok, f’dan ir-rigward, li mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali għandhom jinsiltu l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Granarolo, C‑617/19, EU:C:2021:338, punti 32 u 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda vjaġġ bejn il-Finlandja u l-Estonja magħmul minn ċittadin Finlandiż fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni, b’postijiet ta’ tluq u ta’ ritorn fil-Finlandja u l-qsim ta’ żona marittima internazzjonali. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-persuna kkonċernata hija suġġetta għal proċeduri kriminali għan-nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni Finlandiża li tobbliga liċ-ċittadini Finlandiżi jkollhom fuqhom karta tal-identità jew passaport meta huma jivvjaġġaw bejn il-Finlandja u Stati Membri oħra, fosthom ir-Repubblika tal-Estonja.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, minn naħa, jekk id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-moviment liberu previst fl-Artikolu 21(1) TFUE u speċifikat fid-Direttiva 2004/38 għandux, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar il-qsim tal-fruntieri stabbiliti mir-Regolament Nru 562/2006, jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jobbliga, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, liċ-ċittadini tiegħu li jkollhom fuqhom karta tal-identità jew passaport validu meta huma jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, jekk il-fatt li tali vjaġġ jitwettaq fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni u bil-qsim ta’ żona marittima internazzjonali huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

49      Skont l-Artikolu 21(1) TFUE, kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, suġġett għal-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda għall-implimentazzjoni tagħhom.

50      Kif jistabbilixxi l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/38, din għandha b’mod partikolari l-għan li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt kif ukoll il-limitazzjonijiet għalih.

51      Għal dan il-għan, l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jistipula li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar id-dokument tal-ivvjaġġar, applikabbli għall-kontrolli fil-fruntieri, kull ċittadin tal-Unjoni li jkollu karta tal-identità jew passaport validu għandu d-dritt jitlaq mit-territorju ta’ Stat Membru u jmur fi Stat Membru ieħor.

52      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 sa 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-frażi “għandhom karta ta’ l-identità valida jew passaport validu”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, jirriżulta li l-eżerċizzju, miċ-ċittadini ta’ Stat Membru, tad-dritt tagħhom li jmorru fi Stat Membru ieħor huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn ikollhom fuqhom karta tal-identità jew passaport li jkunu validi.

53      Għalhekk, u filwaqt li huma l-Istati Membri, skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38, li għandhom joħorġu liċ-ċittadini tagħhom, jew li jġeddu, karta tal-identità jew passaport, il-leġiżlatur tal-Unjoni, billi jissuġġetta, skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, id-dritt ta’ ċittadin tal-Unjoni li jmur fi Stat Membru ieħor għall-kundizzjoni li jkollu fuqu tali dokument, kellu l-intenzjoni li jiddefinixxi formalità marbuta mal-moviment liberu, fis-sens tal-premessa 7 tal-imsemmija direttiva. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-formalità hija intiża sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu billi tiggarantixxi li kull persuna li tibbenefika minn dan id-dritt tkun identifikata bħala tali mingħajr diffikultà fil-kuntest ta’ eventwali verifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1999, Wijsenbeek, C‑378/97, EU:C:1999:439, punt 43, kif ukoll tas‑17 ta’ Frar 2005, Oulane, C‑215/03, EU:C:2005:95, punti 21 u 22).

54      Din il-kundizzjoni marbuta mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu tapplika, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, għal kull ċittadin tal-Unjoni li jmur fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu.

55      Minn dan isegwi li Stat Membru li jobbliga liċ-ċittadini tiegħu li jkollhom fuqhom il-karta tal-identità tagħhom jew il-passaport tagħhom meta jaqsmu l-fruntiera nazzjonali sabiex imorru lejn Stat Membru ieħor, jikkontribwixxi, b’dan il-mod, għall-osservanza ta’ formalità li, skont id-Direttiva 2004/38, hija neċessarja għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu. Tali regola tad-dritt nazzjonali taqa’, għaldaqstant, taħt l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva.

56      Skont l-Artikolu 36 tal-imsemmija direttiva, kull Stat Membru għandu s-setgħa li jiddetermina r-reġim tas-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati b’applikazzjoni tagħha.

57      Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jagħżlu dawk li jidhrilhom li huma xierqa, sakemm jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ġenerali tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, K.M. (Sanzjonijiet imposti fuq il-kaptan tal-bastiment), C‑77/20, EU:C:2021:112, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Konsegwentement, u minkejja l-evoluzzjoni li kien suġġett għaliha minn meta ngħatat is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1999, Wijsenbeek (C‑378/97, EU:C:1999:439), id-dritt tal-Unjoni jżomm dejjem, fl-istat attwali tiegħu, l-awtonomija tal-Istati Membri fir-rigward tas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq ċittadin tal-Unjoni li ma josservax formalità marbuta mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu. Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 45 tal-imsemmija sentenza, l-Istati Membri jistgħu, f’każ bħal dan, jipprevedu sanzjonijiet kriminali, bil-kundizzjoni li dawn josservaw, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan il-prinċipju issa huwa stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jipprovdi li s-severità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur.

59      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi kriminali nazzjonali ma jistgħux jiddiskriminaw fil-konfront ta’ persuni li lilhom id-dritt tal-Unjoni jagħti d-dritt għal ugwaljanza fit-trattament u lanqas jillimitaw il-libertajiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, ZW, C‑454/19, EU:C:2020:947, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Il-leġittimità, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, tal-obbligu impost minn Stat Membru fuq iċ-ċittadini tiegħu li jkollhom fuqhom, taħt piena ta’ sanzjoni kriminali, karta tal-identità valida jew passaport validu meta jaqsmu l-fruntiera nazzjonali bl-għan li jiċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor ma hijiex invalidata mill-preċiżjoni li tinsab fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38, li tipprovdi li din id-dispożizzjoni hija “[m]ingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli għall-kontroll fil-fruntieri nazzjonali”.

61      Ċertament, minn din il-preċiżazzjoni jirriżulta li kull regola dwar il-kontrolli fil-fruntieri nazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 562/2006, li jipprevedi t-tneħħija ta’ dawn il-kontrolli fil-fruntieri interni taż-żona Schengen, għandha tapplika b’mod sħiħ. Għaldaqstant, kontroll ma jistax, bħala prinċipju, jitwettaq mal-qsim ta’ dawn il-fruntieri.

62      Madankollu, it-tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri interni ma tippreġudikax il-possibbiltà, imsemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006, għall-Istati Membri, li jwettqu kontrolli tal-identità ġewwa t-territorju u li jipprevedu għal dan il-għan l-obbligu li wieħed iżomm u jkollu fuqu karti tal-identità u dokumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Adil, C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Barra minn hekk, għalkemm il-punt 3.2.5 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 562/2006 jistabbilixxi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, ir-regola li l-persuni li jinsabu fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni ġejja minn jew sejra lejn port li jinsab fi Stat Membru u li jaqsmu fruntiera esterna taż-żona Schengen ma humiex suġġetti għal verifiki ta’ identità, dan l-istess punt jistabbilixxi, fit-tieni paragrafu tiegħu, eċċezzjoni għal din ir-regola, eċċezzjoni li abbażi tagħha dawn il-persuni jistgħu madankollu jiġu suġġetti għal verifiki “skond il-valutazzjoni tar-riskji ta’ l-immigrazzjoni illegali”.

64      Fir-rigward tas-setgħa rriżervata b’dan il-mod lill-Istati Membri li jivverifikaw, f’diversi sitwazzjonijiet ippreċiżati fir-Regolament Nru 562/2006, l-identità tal-persuni, għandu jiġi kkunsidrat li Stat Membru ma jippreġudikax id-dritt ta’ moviment liberu meta jobbliga, taħt piena ta’ sanzjonijiet, jekk ikun il-każ, ta’ natura kriminali, u kemm dissważivi u konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, liċ-ċittadini tiegħu li jkollhom fuqhom il-karta tal-identità tagħhom jew il-passaport tagħhom meta jitilqu mit-territorju nazzjonali sabiex imorru, irrispettivament mill-mezz tat-trasport jew mir-rotta, fi Stat Membru ieħor. Tali obbligu jiggarantixxi, fil-fatt, li dawn iċ-ċittadini jkunu f’pożizzjoni li juru l-identità tagħhom, in-nazzjonalità tagħhom u, konsegwentement, l-istatus tagħhom ta’ ċittadin tal-Unjoni meta waħda mill-imsemmija sitwazzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 562/2006 tirriżulta u tagħti lok għal verifika.

65      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni ta’ moviment liberu previst fl-Artikolu 21 TFUE u speċifikat mid-Direttiva 2004/38 għandu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar il-qsim tal-fruntieri stabbiliti mir-Regolament Nru 562/2006, jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jobbliga, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, liċ-ċittadini tiegħu li jkollhom fuqhom karta tal-identità valida jew passaport validu meta huma jivvjaġġaw, irrispettivament mill-mezz ta’ trasport jew mir-rotta, lejn Stat Membru ieħor, sakemm il-modalitajiet ta’ dawn is-sanzjonijiet ikunu konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk ta’ proporzjonalità u nondiskriminazzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

66      Fid-dawl tal-elementi esposti fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, it-tieni domanda hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk id-dritt ta’ moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni previst fl-Artikolu 21(1) TFUE u ppreċiżat mid-Direttiva 2004/38 għandux, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar il-qsim tal-fruntieri stabbiliti mir-Regolament Nru 562/2006, jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jobbliga, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, liċ-ċittadini tiegħu li jkollhom fuqhom karta tal-identità valida jew passaport validu meta huma jidħlu fit-territorju tiegħu meta jkunu ġejjin minn Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, jekk il-fatt li l-vjaġġ jitwettaq fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni u bil-qsim ta’ żona marittima internazzjoni huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

67      Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li sitwazzjoni li fiha ċittadin tal-Unjoni jaqsam, meta jasal minn Stat Membru ieħor, il-fruntiera tal-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin ma hijiex irregolata mid-Direttiva 2004/38.

68      Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 3(1) tagħha, din id-direttiva tirregola biss il-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istati Membri minbarra dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punti 33 u 34).

69      B’teħid inkunsiderazzjoni tad-delimitazzjoni magħmula b’dan il-mod għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 u peress li jirriżulta minn prinċipju ta’ dritt internazzjonali, sostnut mill-ġdid fl-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 4 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, li Stat Membru ma jistax jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu d-dritt li jkollhom aċċess għat-territorju tiegħu u li jirrisjedu fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn, 41/74, EU:C:1974:133, punt 22, u tal‑5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C‑434/09, EU:C:2011:277, punt 29), id-dħul ta’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu ma huwiex suġġett għall-kundizzjonijiet dwar id-dritt tad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.

70      Għalhekk, ir-ritorn ta’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Istat Membru li huwa għandu n-nazzjonalità jaqa’ taħt l-Artikolu 21(1) TFUE jekk dan iċ-ċittadin ikun eżerċita, fi Stat Membru ieħor minbarra dak li huwa ċittadin tiegħu, id-dritt ta’ moviment liberu tiegħu previst minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-obbligu impost minn Stat Membru fuq iċ-ċittadini tiegħu li jkollhom fuqhom karta tal-identità valida jew passaport validu meta jidħlu fit-territorju tiegħu meta jaslu minn Stat Membru ieħor huwiex ta’ natura li jostakola l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu previst fl-Artikolu 21 TFUE.

72      Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċ-ċittadini Finlandiżi li ma għandhomx il-karta ta’ identità jew il-passaport tagħhom meta jirritornaw fil-Finlandja huma awtorizzati jidħlu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru mill-mument li huma jkunu f’pożizzjoni li juru l-identità tagħhom permezz ta’ mezz ieħor.

73      Għalhekk jidher li l-obbligu li wieħed ikollu karta tal-identità jew passaport ma jikkundizzjonax id-dritt ta’ dħul iżda jikkostitwixxi formalità intiża sabiex tarmonizza u, għalhekk, sabiex tiffaċilita l-kontrolli ta’ identità li jistgħu jitwettqu fil-każijiet iddefiniti mir-Regolament Nru 562/2006.

74      Peress li kull ċittadin tal-Unjoni huwa detentur ta’ karta tal-identità jew ta’ passaport u għandu jkollu dan id-dokument fuqu meta jmur fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità, l-obbligu, impost minn leġiżlazzjoni nazzjonali, li jkollu dan l-istess dokument fil-mument tar-ritorn fl-Istat Membru ta’ oriġini la huwa oneruż u lanqas inadegwat u ma jistax, għaldaqstant, jitqies li għandu l-effett li jiddisswadi l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat ukoll li dan l-obbligu ma jikkundizzjonax id-dritt ta’ dħul fit-territorju tal-Istat Membru ta’ oriġini, sakemm, madankollu, is-sanzjonijiet previsti f’każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta, kif ukoll mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni l-oħra, inkluż dak ta’ nondiskriminazzjoni, li huma kollha applikabbli fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fid-dawl tal-Artikolu 21(1) TFUE (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Freitag, C‑541/15, EU:C:2017:432, punti 31 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

75      Barra minn hekk, il-fatt li l-vjaġġ ikkonċernat jitwettaq fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni u bil-qsim ta’ żona marittima internazzjonali ma jipprekludix li ssir verifika tal-identità tal-okkupanti ta’ din id-dgħajsa.

76      Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, it-tieni paragrafu tal-punt 3.2.5, tal-Anness VI tar-Regolament Nru 562/2006 jawtorizza, “skond il-valutazzjoni tar-riskji ta’ l-immigrazzjoni illegali”, il-verifiki fuq il-persuni fuq dgħajjes ta’ rikreazzjoni minn jew lejn port li jinsab fi Stat Membru u li jaqsmu fruntiera esterna taż-żona Schengen. L-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni jkun ippreġudikat jekk din tiġi interpretata fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti għandhom, matul dawn il-verifiki, jillimitaw ruħhom li jeżaminaw id-dokument li jinkludi l-karatteristiċi tekniċi kollha tad-dgħajsa kif ukoll l-isem tal-persuni abbord, imsemmi fil-punt 3.2.7 ta’ dan l-anness, mingħajr ma jkunu jistgħu jikkontrollaw, permezz tal-verifika dokumenti ta’ identità, l-eżattezza tal-lista tal-ismijiet li tinsab f’dan id-dokument.

77      F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dgħajsa inkwistjoni fil-kawża prinċipali qasmet, waqt il-vjaġġ tagħha, iż-żona marittima internazzjonali li tinsab bejn l-ibħra territorjali tal-Finlandja u tal-Estonja, b’tali mod li għandha titqies li qasmet fruntiera esterna, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 562/2006. Barra minn hekk, il-vjaġġ sar fix-xahar ta’ Awwissu 2015, perijodu rrikonoxxut mill-partijiet fil-kawża prinċipali bħala li kellu riskju ikbar ta’ immigrazzjoni illegali. Għalhekk, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, jidher li l-awtoritajiet kompetenti Finlandiżi kienu jinsabu f’sitwazzjoni fejn huma setgħu leġittimament jivverifikaw l-identità tal-persuni li kienu jinsabu fuq l-imsemmija dgħajsa mar-ritorn tagħha fl-ibħra territorjali Finlandiżi.

78      Kif ġie rrilevat fil-punti 73 u 74 ta’ din is-sentenza, id-dritt għal moviment liberu ma jipprekludix li Stat Membru jobbliga, sabiex jarmonizza u, għalhekk, sabiex jiffaċilita l-kontrolli ta’ identità li jistgħu jitwettqu fil-każijiet iddefiniti mir-Regolament Nru 562/2006, liċ-ċittadini tiegħu jżommu fuqhom karta tal-identità jew passaport meta huma jirritornaw fit-territorju tiegħu minn Stat Membru ieħor, sakemm is-sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu jkunu kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru jistgħu, fil-każ ta’ kontroll leġittimu mwettaq skont it-tieni paragrafu tal-punt 3.2.5 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 562/2006, jitolbu lill-persuna kkonċernata l-karta tal-identità jew il-passaport tagħha u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ tali dokument, jimponu sanzjoni fuqha.

79      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li d-dritt ta’ moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni previst fl-Artikolu 21(1) TFUE għandu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar il-qsim tal-fruntieri stabbiliti mir-Regolament Nru 562/2006, jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jobbliga, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, liċ-ċittadini tiegħu li jkollhom fuqhom karta tal-identità valida jew passaport validu meta jidħlu fit-territorju tiegħu minn Stat Membru ieħor, sakemm dan l-obbligu ma jikkundizzjonax id-dritt tad-dħul u sakemm il-modalitajiet tas-sanzjonijiet previsti fil-każ ta’ ksur tal-imsemmi obbligu jkunu konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk ta’ proporzjonalità u ta’ diskriminazzjoni. Vjaġġ lejn l-Istat Membru kkonċernat minn Stat Membru ieħor imwettaq fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni u bil-qsim taż-żona marittima internazzjonali huwa inkluż, taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-punt 3.2.5 tal-Anness VI ta’ dan ir-regolament, fost il-każijiet li fihom tista’ tintalab il-preżentazzjoni ta’ tali dokument.

 Fuq it-tielet domanda

80      Kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali ċċitati fid-deċiżjoni tar-rinviju, kull min jaqsam jew jipprova jaqsam il-fruntiera Finlandiża mingħajr dokument tal-ivvjaġġar jew dokument ieħor li jista’ jitqies simili għalih, iwettaq ksur suġġett għal multa jew għal piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn sena, filwaqt li jiġi ppreċiżat li, meta l-ksur jitqies li huwa minuri, is-sanzjoni prevista tikkonsisti f’multa imposta fil-forma ta’ multa ta’ kuljum, fejn l-ammont tal-multa ta’ kuljum jikkorrispondi għal massimu ta’ wieħed minn sittin tad-dħul medju fix-xahar tal-awtur tar-reat, wara li jitnaqqsu l-imposti, it-taxxi u l-ispejjeż.

81      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-multa imposta fil-każ ta’ ksur minuri tal-osservanza tal-fruntiera nazzjonali tikkonsisti normalment fi ħmistax-il jum ta’ multa u li l-ammont tal-multa finalment imposta jammonta, tipikament, għal madwar 20 % tad-dħul nett fix-xahar tal-awtur tar-reat.

82      F’dan il-każ, il-Prosekutur beda proċeduri kontra A minħabba l-fatt li dan ma kellu fuqu, waqt il-qsim tal-fruntiera Finlandiża, la passaport validu u lanqas dokument tal-ivvjaġġar ieħor, u dan, minkejja li l-identità tiegħu setgħet tiġi stabbilita abbażi tal-liċenzja tas-sewqan li kellu fuqu.

83      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-tielet domanda preliminari hija intiża sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 21(1) TFUE u l-Artikoli 4 u 36 tad-Direttiva 2004/38, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 49(3) tal-Karta, jipprekludux reġim ta’ sanzjonijiet kriminali li permezz tiegħu Stat Membru jirrendi l-qsim tal-fruntiera nazzjonali tiegħu mingħajr karta tal-identità valida jew passaport validu punibbli b’multa li tista’, b’mod indikattiv, tammonta għal 20 % tad-dħul nett fix-xahar tal-awtur tar-reat.

84      Skont ir-regola stabbilita fl-Artikolu 49(3) tal-Karta, is-severità tas-sanzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li huma jissanzjonaw, b’mod partikolari billi jiżguraw effett realment dissważiv, filwaqt li ma għandhomx jeċċedu l-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, K. M. (Sanzjonijiet imposti fuq il-kaptan tal-bastiment), C‑77/20, EU:C:2021:112, punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

85      Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk ir-reġim ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex proporzjonat mat-twettiq tal-għan leġittimu segwit mill-obbligu li wieħed ikollu fuq karta tal-identità valida jew passaport validu, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2016, Laezza, C‑375/14, EU:C:2016:60, punt 37, u tal‑11 ta’ Frar 2021, K. M. (Sanzjonijiet imposti fuq il-kaptan tal-bastiment), C‑77/20, EU:C:2021:112, punt 39).

86      Kif ġie rrilevat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, l-obbligu li wieħed ikollu fuqu karta tal-identità jew passaport waqt ċaqliq minn Stat Membru lejn ieħor jikkostitwixxi formalità intiża sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu billi jiggarantixxi li kull persuna li tibbenefika minn dan id-dritt tkun identifikata bħala tali mingħajr diffikultà fil-kuntest ta’ eventwali verifika.

87      Fir-rigward tal-multa kriminali li hija, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, imposta fil-każ fejn il-qsim tal-fruntiera nazzjonali mingħajr karta tal-identità jew passaport jiġi kklassifikat bħala ksur minuri, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din is-sanzjoni, li tipikament tammonta għal madwar 20 % tad-dħul nett fix-xahar tal-awtur tar-reat, ma hijiex proporzjonata mal-gravità tal-ksur, kif jirriżulta b’mod partikolari miċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li fiha, kif ġie rrilevat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, l-ammont totali tal-multa li tista’ tiġi imposta għal dan il-ksur minuri jammonta għal EUR 95 250, mingħajr ma huwa previst l-ebda limitu massimu.

88      Għalkemm l-Istati Membri jistgħu jimponu multa sabiex jissanzjonaw il-ksur ta’ rekwiżit formali relatat mal-eżerċizzju ta’ dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni, huwa partikolarment importanti li tali sanzjoni tkun proporzjonata mal-gravità ta’ dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, A. (Eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis), C‑895/19, EU:C:2021:216, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Issa, meta, bħal f’dan il-każ, l-obbligu li wieħed ikollu fuqu karta tal-identità valida jew passaport validu jinkiser minn benefiċjarju tad-dritt ta’ moviment liberu li huwa detentur ta’ tali dokument iżda li jkun sempliċement naqas milli jżommu fuqu waqt il-vjaġġ tiegħu, il-ksur huwa, kif barra minn hekk irrikonoxxa l-Gvern Finlandiż, ta’ gravità dgħajfa. Konsegwentement, bla ħsara għall-każijiet ta’ reċidiva, tali ksur ma jistax iwassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja tqila, bħal dik li tikkonsisti f’multa li tammonta għal 20 % tal-ammont tad-dħul nett medju fix-xahar tal-awtur tar-reat.

90      Is-severità ta’ tali sanzjoni teċċedi, fil-fatt, il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għan imfakkar fil-punt 86 ta’ din is-sentenza.

91      Ċertament, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 121 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li reġim ta’ sanzjonijiet pekunjarji jieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ ħlas tal-awtur tar-reat billi jipprevedi li l-multa tiġi kkalkolata skont il-livell tad-dħul tiegħu. Madankollu, l-osservanza miċ-ċittadini tal-Unjoni tal-formalitajiet marbuta mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu tista’, b’mod suffiċjentement dissważiv, tiġi żgurata permezz ta’ miżuri inqas restrittivi minn dawk previsti minn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, l-iffissar ta’ multi ta’ ammont li jikkorrispondi għal perċentwali inqas għolja tad-dħul fix-xahar u l-istabbiliment ta’ limitu massimu għall-ammont tal-multi.

92      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 21(1) TFUE u l-Artikoli 4 u 36 tad-Direttiva 2004/38, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 49(3) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu reġim ta’ sanzjonijiet kriminali li permezz tiegħu Stat Membru jirrendi l-qsim tal-fruntiera nazzjonali tiegħu mingħajr karta tal-identità valida jew passaport validu punibbli b’multa li tista’, b’mod indikattiv, tammonta għal 20 % tad-dħul nett fix-xahar tal-awtur tar-reat, peress li tali multa ma hijiex proporzjonata mal-gravità ta’ dan il-ksur, li huwa ta’ natura minuri.

 Fuq l-ispejjeż

93      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni ta’ moviment liberu previst fl-Artikolu 21 TFUE u speċifikat mid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar il-qsim tal-fruntieri stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Ġunju 2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jobbliga, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, liċ-ċittadini tiegħu li jkollhom fuqhom karta tal-identità valida jew passaport validu meta huma jivvjaġġaw, irrispettivament mill-mezz ta’ trasport jew mir-rotta, lejn Stat Membru ieħor, sakemm il-modalitajiet ta’ dawn is-sanzjonijiet ikunu konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk ta’ proporzjonalità u nondiskriminazzjoni.

2)      Id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni ta’ moviment liberu previst fl-Artikolu 21(1) TFUE għandu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar il-qsim tal-fruntieri stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 562/2006, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013, jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jobbliga, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, liċ-ċittadini tiegħu li jkollhom fuqhom karta tal-identità valida jew passaport validu meta jidħlu fit-territorju tiegħu minn Stat Membru ieħor, sakemm dan l-obbligu ma jikkundizzjonax id-dritt tad-dħul u sakemm il-modalitajiet tas-sanzjonijiet previsti fil-każ ta’ ksur tal-imsemmi obbligu jkunu konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk ta’ proporzjonalità u ta’ diskriminazzjoni. Vjaġġ lejn l-Istat Membru kkonċernat minn Stat Membru ieħor imwettaq fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni u bil-qsim taż-żona marittima internazzjonali huwa inkluż, taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-punt 3.2.5 tal-Anness VI ta’ dan ir-regolament, fost il-każijiet li fihom tista’ tintalab il-preżentazzjoni ta’ tali dokument.

3)      L-Artikolu 21(1) TFUE u l-Artikoli 4 u 36 tad-Direttiva 2004/38, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu reġim ta’ sanzjonijiet kriminali li permezz tiegħu Stat Membru jirrendi l-qsim tal-fruntiera nazzjonali tiegħu mingħajr karta tal-identità valida jew passaport validu punibbli b’multa li tista’, b’mod indikattiv, tammonta għal 20 % tad-dħul nett fix-xahar tal-awtur tar-reat, peress li tali multa ma hijiex proporzjonata mal-gravità ta’ dan il-ksur, li huwa ta’ natura minuri.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.