Language of document : ECLI:EU:T:2019:675

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

24 ta’ Settembru 2019 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Settur tad-derivattivi tar-rati tal-imgħax iddenominati f’EUR – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Manipulazzjoni tar-rati ta’ referenza interbankarji tal-Euribor – Skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan – Ksur uniku u kontinwu – Multi – Ammont bażiku – Valur tal-bejgħ – Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T-105/17,

HSBC Holdings plc, stabbilit f’Londra (ir-Renju Unit),

HSBC Bank plc, stabbilit f’Londra,

HSBC France, stabbilit f’Pariġi (Franza),

irrappreżentati minn K. Bacon, QC, D. Bailey, barrister, M. Simpson, solicitor u Y. Anselin u C. Angeli, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Farley, B. Mongin u F. van Schaik, bħala aġenti, assistiti minn B. Lask, barrister,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 8530 finali tas‑7 ta’ Diċembru 2016 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39914 – Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax f’Euro) u, min-naħa l-oħra, għall-bidla tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn M. Prek (Relatur), President, E. Buttigieg, F. Schalin, B. Berke u M. J. Costeira, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad-19 ta’ Marzu 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-deċiżjoni tagħha C (2016) 8530 finali tas‑7 ta’ Diċembru 2016 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39914 – Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax f’Euro) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li r-rikorrenti, HSBC Holdings plc, HSBC Bank plc u HSBC France kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE meta ħadu sehem, mit‑12 ta’ Frar sas‑27 ta’ Marzu 2007, fi ksur uniku u kontinwu li kellu bħala suġġett it-tibdil tal-kors normali tal-iffissar tal-prezzijiet fis-suq tad-derivattivi tar-rati tal-imgħax f’EUR (Euro Interest Rate Derivatives, iktar ’il quddiem “EIRD”) marbuta mal-“Euro Interbank Offered Rate” (Euribor) u/jew l-Euro Over-Night Index Average (EONIA) (Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata) u imponitilhom in solidum multa fl-ammont ta’ EUR 33 606 000 (Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata).

2        Il-grupp HSBC (iktar ’il quddiem “HSBC”) huwa grupp bankarju li ftit mill-attivitajiet tiegħu huma l-bank ta’ investiment, ta’ finanzjament u kummerċjali. HSBC Holdings hija l-kumpannija ewlenija ta’ HSBC. HSBC Holdings hija l-kumpannija omm ta’ HSBC France u din hija l-kumpannija omm ta’ HSBC Bank. HSBC France u HSBC Bank huma responsabbli min-negozjati tal-EIRD. HSBC France hija responsabbli mis-sottomissjonijiet tar-rati lill-bord tal-Euribor (premessi 58 sa 61 tad-deċiżjoni kkontestata).

3        Fl‑14 ta’ Ġunju 2011, il-grupp bankarju Barclays (Barclays plc, Barclays Bank plc, Barclays Directors Ltd, Barclays Group Holding Ltd, Barclays Capital Services Ltd u Barclays Services Jersey Ltd, iktar ’il quddiem “Barclays”) adixxa lill-Kummissjoni b’talba għall-għoti ta’ marker skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2006, C 298, p. 17) billi informaha bl-eżistenza ta’ kartell fis-settur tal-EIRD u billi esprima x-xewqa tiegħu li jikkopera. Fl‑14 ta’ Ottubru 2011, Barclays ingħata immunità kundizzjonali (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        Bejn it‑18 u l‑21 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni wettqet xi spezzjonijiet fil-bini ta’ ċertu numru ta’ stabbilimenti finanzjarji f’Londra (ir-Renju Unit) u f’Pariġi (Franza), fosthom f’dawk tar-rikorrenti (premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Fil‑5 ta’ Marzu u d‑29 ta’ Ottubru 2013, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), il-Kummissjoni nhidiet proċedura ta’ ksur fil-konfront tar-rikorrenti kif ukoll ta’ Barclays, ta’ Crédit agricole SA u ta’ Crédit agricole Corporate and Investment Bank (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Crédit agricole”), ta’ Deutsche Bank AG, ta’ Deutsche Bank Services (Jersey) Ltd u ta’ DB Group Services (UK) Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Deutsche Bank”), ta’ JP Morgan Chase & Co., ta’ JP Morgan Chase Bank National Association u ta’ JP Morgan Services LLP (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “JP Morgan”), ta’ Royal Bank of Scotland plc u ta’ the Royal Bank of Scotland Group plc (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “RBS”) u ta’ la Société générale (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Barclays, Deutsche Bank, is-Société générale u RBS xtaqu jipparteċipaw fi proċedura għar-riżolviment skont l-Artikolu 10a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), kif emendat. HSBC, il-Crédit agricole u JP Morgan iddeċidew li ma jipparteċipawx f’din il-proċedura għar-riżolviment.

7        Fl‑4 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni adottat, fil-konfront ta’ Barclays, ta’ Deutsche Bank, tas-Société générale u ta’ RBS, id-Deċiżjoni C (2013) 8512 final li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (il-Każ AT.39914 – Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax f’Euro (EIRD) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ riżolviment”), li permezz tagħha hija kkonkludiet li dawn l-impriżi kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu li kellu bħala suġġett it-tibdil tal-kors normali tal-iffissar tal-prezzijiet fis-suq tal-EIRD (premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata).

A.      Il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata

8        Fid‑19 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni indirizzat lir-rikorrenti, kif ukoll lil Crédit agricole u lil JP Morgan, dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Ir-rikorrenti setgħu jikkonsultaw fuq DVD il-partijiet aċċessibbli tal-fajl tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti tagħhom ibbenefikaw minn aċċess addizzjonali għall-fajl fil-bini tal-Kummissjoni (premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti kellhom aċċess ukoll għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lill-partijiet li waslu għal riżoluzzjoni, għat-tweġibiet ta’ dawn il-partijiet, kif ukoll għad-deċiżjoni ta’ riżolviment (premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Fl‑14 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u esprimew ruħhom fis-smigħ li nżamm bejn il‑15 u s‑17 ta’ Ġunju 2015 (premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Fis‑6 ta’ April 2016, il-Kummissjoni rrettifikat id-deċiżjoni ta’ riżolviment f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont tal-multa tas-Société générale. Ir-rikorrenti kellhom aċċess għal din id-deċiżjoni ta’ rettifika kif ukoll għall-korrispondenza relatata magħha u għad-data finanzjarja rrettifikata sottomessa mis-Société générale (premessi 105 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

B.      Id-deċiżjoni kkontestata

12      Fis‑7 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-Artikoli 7 u 23 tar-Regolament Nru 1/2003. L-Artikolu 1(b) u l-Artikolu 2(b) ta’ din id-deċiżjoni huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 1

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, fil-perijodi indikati, fi ksur uniku u kontinwu li jikkonċerna derivattivi tar-rati tal-imgħax iddenominati f’EUR. Dan il-ksur, li kien jestendi għaż-ŻEE kollha, kien jikkonsisti fi ftehimiet u/jew fi prattiki miftiehma li għandhom bħala għan id-distorsjoni tal-kors normali tal-komponenti tal-prezz fis-settur tad-derivattivi tar-rati tal-imgħax iddenominati f’EUR:

[…]

b) [ir-rikorrenti] mit‑12 ta’ Frar 2007 sas‑27 ta’ Marzu 2007 […]

Artikolu 2

Il-multi li ġejjin għandhom jiġu imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

[…]

b) [ir-rikorrenti], responsabbli in solidum: EUR 33 606 600” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

1.      Il-prodotti inkwistjoni

13      Il-ksur inkwistjoni jirrigwarda l-EIRD, jiġifieri derivattivi tar-rati tal-imgħax ddenominati f’EUR indiċjati fil-Euribor jew fl-EONIA.

14      L-Euribor hija ġabra ta’ rati ta’ imgħax ta’ referenza intiża li tirrifletti l-ispejjeż tas-self interbankarju użat frekwentement fis-swieq internazzjonali tal-kapital. Hija ddefinita bħala indiċi tar-rati li d-depożiti interbankarji ta’ żmien fiss f’EUR huma offruti fihom minn bank ewlieni lil bank ewlieni ieħor fi ħdan iż-żona EUR. L-Euribor hija kkalkolata permezz tal-prezzijiet offruti ta’ kuljum minn bord, kompost fil-perijodu kkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata ta’ 47 bank ewlieni – fosthom il-banek imsemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq –, indirizzati lil Thomson Reuters bħala aġent tal-kalkolu tal-Federazzjoni Bankarja Ewropea (FBE) bejn l‑10 h 45 u l‑11 h 00 ta’ filgħodu. Il-banek jipprovdu kontribuzzjonijiet għall-ħmistax-il rata tal-imgħax differenti tal-Euribor, li jvarjaw, skont iż-żmien tagħhom, bejn ġimgħa u tnax-il xahar. L-EONIA tissodisfa funzjoni ekwivalenti għall-Euribor, iżda f’ dak li jirrigwarda r-rati ta’ kuljum. Hija kkalkolata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) abbażi ta’ medja tar-rati għad-depożiti interbankarji mhux iggarantiti (“unsecured”) tal-istess bord ta’ banek bħal dak użat għall-iffissar tal-Euribor (premessi 20 sa 27 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      L-EIRD l-iktar frekwenti huma l-ftehimiet ta’ rati futuri (“forward rate agreements”), is-swaps ta’ rati tal-imgħax (“interest rate swaps”), l-għażliet dwar rati tal-imgħax, u l-kuntratti forward (“futuri”) ta’ rati tal-imgħax (premessi 4 sa 10 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.      Aġir ikkritikat tar-rikorrenti

16      Fil-premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet l-aġir ikkritikat tal-banek imsemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq bil-mod li ġej:

“Barclays, Deutsche Bank, JPMorgan Chase, Société générale, Crédit agricole, HSBC u RBS ipparteċipaw f’serje ta’ kuntatti bilaterjali fis-settur tal-EIRD li kien jikkonsisti essenzjalment fil-prattiċi li ġejjin bejn id-diversi partijiet:

a)      f’ċerti okkażjonijiet, ċerti operaturi impjegati mid-diversi partijiet ikkomunikaw u/jew irċivew informazzjoni fuq il-preferenzi fir-rigward tal-għażla ta’ rati ta’ imgħax mhux mibdula, baxxi jew għolja għal ċerti skadenzi Euribor; dawn il-preferenzi kienu jiddependu mill-espożizzjonijiet/pożizzjonijiet ta’ operar tagħhom;

b)      f’ċerti okkażjonijiet, ċerti operaturi ta’ diversi partijiet ikkomunikaw u/jew irċevew wieħed mingħand l-ieħor informazzjoni ddettaljata, mhux magħrufa/disponibbli pubblikament, dwar il-pożizzjonijiet ta’ operar jew l-intenzjonijiet dwar sottomissjonijiet futuri Euribor għal ċerti skadenzi ta’ mill-inqas wieħed mill-banek rispettivi tagħhom;

c)      f’ċerti okkażjonijiet, ċerti operaturi eżaminaw ukoll il-possibbiltajiet li jallinnjaw il-pożizzjonijiet ta’ operar tagħhom fuq EIRD abbażi ta’ informazzjoni bħal dik deskritta fil-punti (a) jew (b);

d)      f’ċerti okkażjonijiet, ċerti operaturi eżaminaw ukoll il-possibbiltà li jallenjaw mill-inqas waħda mis-sottomissjonijiet Euribor futuri tal-banek tagħhom abbażi ta’ informazzjoni bħal dik deskritta fil-punti (a) jew (b);

e)      f’ċerti okkażjonijiet, mill-inqas wieħed mill-operaturi involuti f’tali diskussjonijiet ikkuntattja lill-persuni responsabbli mis-sottomissjonijiet Euribor tal-bank ikkonċernat, jew iddikjara li tali kuntatt ser isir, sabiex jitlob li dawn jibagħtu lill-aġent tal-kalkolu tal-FBE rati f’ċerta direzzjoni jew f’livell speċifiku;

f)      f’ċerti okkażjonijiet, mill-inqas wieħed mill-operaturi involuti f’tali diskussjonijiet iddikjara li huwa jieħu inkunsiderazzjoni jew kien ħa inkunsiderazzjoni tat-tweġiba tal-persuna responsabbli mis-sottomissjonijiet qabel il-ħin ta’ kuljum għas-sottomissjoni tar-rati Euribor lill-aġent tal-kalkolu jew, fil-każ li dan l-operatur ikun diġà ddiskuta dan il-punt mal-persuna responsabbli mis-sottomissjonijiet, ikkomunika din l-informazzjoni rċevuta minn dan tal-aħħar lill-operatur ta’ parti oħra;

g)      f’ċerti okkażjonijiet, mill-inqas operatur wieħed ta’ parti żvela lil operatur ta’ parti oħra informazzjoni oħra ddettaljata u sensittiva dwar l-istrateġija ta’ operar jew l-iffissar tal-prezzijiet tal-EIRD tal-bank tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

17      Fil-premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet li “[b]arra minn hekk, f’ċerti okkażjonijiet, ċerti operaturi impjegati mid-diversi partijiet iddiskutew ir-riżultat tal-iffissar tar-rati Euribor, inklużi s-sottomissjonijiet ta’ banek speċifiċi, wara l-iffissar u l-pubblikazzjoni tar-rati Euribor tal-jum” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

18      Il-Kummissjoni qieset li dan l-aġir kien jaqa’ taħt ksur uniku u kontinwu.

19      Sabiex tiġġustifika din il-klassifikazzjoni, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni argumentat li l-imsemmi aġir kellu għan ekonomiku uniku (premessi 444 sa 450 tad-deċiżjoni kkontestata), ikkostitwit bit-tnaqqis ta’ flussi tal-flus li l-parteċipanti kien ikollhom iħallsu bħala EIRD jew permezz taż-żieda ta’ dawk li huma kellhom jirċievu. Fit-tieni lok, hija qieset li l-aġir differenti kien jaqa’ taħt skema ta’ aġir komuni, peress li grupp stabbli ta’ persuni kien involut fl-akkordju, li l-partijiet kienu segwew skema simili ħafna fl-attivitajiet antikompetittivi tagħhom u li d-diversi diskussjonijiet bejn il-partijiet kienu jkopru suġġetti identiċi jew li kienu jikkoinċidu u għalhekk kellhom kontenut identiku jew parzjalment identiku (premessi 451 sa 456). Fit-tielet lok, hija qieset li l-operaturi parteċipanti fl-iskambji antikompetittivi kienu bejjiegħa jew fornituri kkwalifikati u kellhom għarfien jew kien imisshom kellhom għarfien tal-portata ġenerali u tal-karatteristiċi essenzjali tal-akkordju fit-totalità tiegħu (premessi 457 sa 483).

20      Hija qieset li HSBC kien ipparteċipa f’dan il-ksur uniku u kontinwu, filwaqt li enfasizzat li l-iskambji bilaterali ma’ Barclays kienu fihom infushom jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE (premessa 486 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      F’dak li jirrigwarda t-tul ta’ din il-parteċipazzjoni, il-Kummissjoni ħadet bħala punt ta’ tluq fil-konfront ta’ HSBC it‑12 ta’ Frar 2007 (premessa 620 tad-deċiżjoni kkontestata) u bħala data ta’ tmiem is‑27 ta’ Marzu 2007 (premessa 625 tad-deċiżjoni kkontestata).

3.      Kalkolu tal-ammont tal-multa

a)      Ammont bażiku tal-multa

22      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, id-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ tal-banek li pparteċipaw fl-akkordju, sa fejn l-EIRD ma jiġġenerawx bejgħ fis-sens normali tal-kelma, il-Kummissjoni ddeterminat il-valur tal-bejgħ permezz ta’ valur ta’ sostituzzjoni. Barra minn hekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, hija qieset li kien aħjar li ma jittiħidx inkunsiderazzjoni l-valur ta’ sostituzzjoni annwalizzat, iżda li wieħed jibbaża ruħu fuq il-valur ta’ sostituzzjoni li jikkorrispondi għax-xhur ta’ parteċipazzjoni tal-banek fil-ksur (premessa 640 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija fakkret li ma kinitx obbligata tapplika formula matematika u li kellha marġni ta’ diskrezzjoni meta hija tiddetermina l-ammont ta’ kull multa (premessa 647 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Il-Kummissjoni qieset xieraq li tieħu bħala valur ta’ sostituzzjoni d-dħul tal-flus iġġenerat mill-flussi tal-flus li kull bank kiseb mill-portafoll ta’ EIRD tiegħu marbut ma’ kull skadenza Euribor u/jew EONIA u konkluż ma’ kontropartijiet stabbiliti fiż-ŻEE (premessa 641 tad-deċiżjoni kkontestata) li għalihom ġie applikat fattur ta’ tnaqqis uniformi ta’ 98.849 %.

24      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ħadet bħala valur tal-bejgħ fil-konfront tar-rikorrenti l-ammont ta’ EUR 192 081 799 (premessa 648 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni fattur ta’ gravità ta’ 15 % sa fejn il-ksur irrigwarda l-koordinazzjoni tal-prezzijiet u tal-ftehimiet ta’ ffissar tal-prezz. Hija żiedet fattur ta’ gravità ta’ 3 % billi għamlet riferiment għaċ-ċirkustanza li l-akkordju kien ikkonċerna ż-ŻEE kollha u kien irrigwarda rati rilevanti għall-EIRD kollha u li l-imsemmija rati, dwar l-EUR, kellhom importanza fundamentali għall-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet finanzjarji fis-suq intern u għall-attivitajiet bankarji fl-Istati Membri (premessi 720 u 721 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, it-tul tal-ksur, il-Kummissjoni enfasizzat li ħadet inkunsiderazzjoni t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ kull parteċipant fl-akkordju f’ “numru ta’ xhur imqarrba ’l isfel u prorata”, li wassal għall-applikazzjoni għar-rikorrenti ta’ proporzjon multiplikatur ta’ 0.08 % (premessi 727 sa 731 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni żiedet ammont addizzjonali ta’ 18 % tal-valur tal-bejgħ, ikklassifikat bħala “dritt ta’ dħul” sa fejn il-ksur ikkonsista f’iffissar orizzontali tal-prezzijiet, sabiex l-impriżi jiġu skoraġġuti milli jipparteċipaw f’tali prattiċi, indipendentement mit-tul tal-ksur (premessi 732 sa 734 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Il-Kummissjoni għaldaqstant stabbilixxiet l-ammont bażiku tal-multa tar-rikorrenti f’EUR 37 340 000 (premessa 735 tad-deċiżjoni kkontestata).

b)      L-ammont finali tal-multa

29      F’dak li jirrigwarda l-iffissar tal-ammont finali tal-multa, il-Kummissjoni ddeċidiet li HSBC kellu rwol iktar marġinali jew żgħir fil-ksur li ma setax jiġi pparagunat mal-atturi prinċipali u ngħata tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont bażiku tal-multa (premessi 747 sa 749 tad-deċiżjoni kkontestata). L-Artikolu 2(1)(b) tad-deċiżjoni kkontestata jimponi għaldaqstant fuq ir-rikorrenti multa ta’ ammont finali ta’ EUR 33 606 000.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

30      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-rikors odjern.

31      Fuq proposta tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tirreferi l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

32      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet fit‑30 ta’ Jannar 2019. Fl‑14 u fil‑15 ta’ Frar 2019 il-Kummissjoni u r-rikorrenti, rispettivament, wieġbu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali.

33      Fit‑8 ta’ Marzu 2019, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsija addizzjonali lill-partijiet, għal tweġiba matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali.

34      Fit‑18 ta’ Marzu 2019, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, wara li semgħet lill-partijiet, li s-seduta għas-sottomissjonijiet orali tinżamm in camera, skont l-Artikolu 109 tar-regoli tal-proċedura.

35      Matul is-seduta tad‑19 ta’ Marzu 2019, instemgħet it-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali. Matul din is-seduta, il-Kummissjoni ntalbet tipprovdi spjegazzjonijiet addizzjonali fuq id-determinazzjoni tal-fattur ta’ tnaqqis ta’ 98.849 % li hija kienet applikat għad-dħul tal-flus.

36      Fit‑2 ta’ April 2019, il-Kummissjoni wieġbet għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali.

37      Fl‑10 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq ir-risposta tal-Kummissjoni.

38      Fit‑28 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha.

39      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Ġunju 2019, il-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla Estiża) għalqet il-fażi orali tal-proċedura.

40      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        b’mod iktar sussidjarju, tannulla parzjalment l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn fih hemm meqjus li huma pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu;

–        tannulla l-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas b’mod sostanzjali l-multa li hija imposta fuqhom skont l-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata għal ammont li l-Qorti Ġenerali tqis xieraq;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż jew, sussidjarjament, għal parti xierqa mill-ispejjeż tagħhom.

41      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

42      Fil-kuntest tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jippreżentaw kemm talbiet għall-annullament tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll talbiet għall-bidla tal-ammont tal-multa imposta mill-imsemmi Artikolu 2(b). Ser issir distinzjoni bejn, minn naħa, l-eżami tat-talbiet għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, tal-Artikolu 1(b) tal-imsemmija deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, l-eżami tat-talba għall-annullament tal-Artikolu 2(b) tal-imsemmija deċiżjoni, li permezz tagħha l-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 33 606 000 fuq ir-rikorrenti, kif ukoll tat-talba għall-bidla tal-ammont ta’ din il-multa.

43      Sa fejn ir-rikorrenti jippreżentaw kemm talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll għall-bidla tal-ammont tal-multa imposta, għandu jiġi enfasizzat, b’mod preliminari, li s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE tikkonsisti fi stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE, li jista’ jitwettaq, skont l-Artikolu 261 TFUE u fuq talba tar-rikorrenti, bl-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tas-sanzjonijiet imposti f’dan il-qasam mill-Kummissjoni (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-portata tal-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, dan jestendi għall-punti kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE li l-Qorti tal-Unjoni tiżgura stħarriġ fil-fond tagħhom, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, fid-dawl tal-motivi mqajma mir-rikorrenti u b’kunsiderazzjoni tal-punti rilevanti kollha mqajma minn din tal-aħħar (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Għandu jitfakkar, madankollu, li l-qrati tal-Unjoni ma jistgħux, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 263 TFUE, jissostitwixxu l-motivazzjoni tagħhom għal dik tal-awtur tal-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-portata tal-ġurisdizzjoni sħiħa rrikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUE, din tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-penalità imposta (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 193, u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Min-naħa l-oħra, il-portata ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa hija strettament limitata, b’differenza tal-isħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

A.      Fuq it-talbiet għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, tal-Artikolu 1(b) tal-imsemmija deċiżjoni

48      Insostenn tat-talbiet tagħhom għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarament, tal-Artikolu 1(b) tal-imsemmija deċiżjoni, ir-rikorrenti jqajmu ħames motivi.

49      L-ewwel motiv jirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan mogħtija mill-Kummissjoni.

50      Permezz tat-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi, ir-rikorrenti jikkontestaw il-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu mogħtija mill-Kummissjoni. It-tieni motiv jirrigwarda l-konklużjoni tal-Kummissjoni skont liema l-ftehimiet kollużorji mfassla minn HSBC u l-partijiet l-oħrajn kienu parti minn pjan wieħed li jfittex għan uniku. It-tielet u r-raba’ aggravju jirrigwardaw l-intenzjoni ta’ HSBC li jikkontribwixxi għal dan l-għan u l-għarfien tiegħu tal-aġir tal-parteċipanti l-oħrajn fil-ksur, rispettivament.

51      Il-ħames motiv jirrigwarda l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata wara deċiżjoni ta’ riżolviment li fiha l-Kummissjoni kienet diġà ħadet pożizzjoni fuq il-parteċipazzjoni ta’ HSBC fil-ksur inkwistjoni. Ir-rikorrenti jiddeduċu minn dan li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll id-drittijiet tad-difiża.

1.      Fuq l-ewwel motiv, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE

52      Peress li inkwistjoni hemm il-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan applikata mill-Kumissjoni, għandu jitfakkar li, sabiex jaqgħu taħt il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 101(1) TFUE, ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma għandu jkollhom “bħala għan jew riżultat tagħhom” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

53      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi juru grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni b’mod li jkun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 49, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 113; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 34).

54      Id-distinzjoni bejn “ksur bħala għan” u “ksur minħabba r-riżultat” tirriżulta miċ-ċirkustanza li ċerti forom ta’ kollużjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, minħabba n-natura tagħhom stess, bħala ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-proċess normali tal-kompetizzjoni (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 50, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 114; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 35).

55      Għalhekk, huwa preżunt li ċertu aġir kollużiv, bħal dak li jwassal għall-iffissar orizzontali tal-prezzijiet permezz ta’ kartelli, jista’ jitqies bħala li tant jista’ jkollu effetti negattivi fuq, b’mod partikolari, il-prezz, il-kwantità jew il-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi li jista’ jitqies inutli, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, li jintwera li dan għandu effetti konkreti fis-suq. Fil-fatt, l-esperjenza turi li tali aġir jinvolvi tnaqqis fil-produzzjoni u żidiet fil-prezzijiet, li jwassal għal allokazzjoni ħażina tar-riżorsi b’detriment, b’mod partikolari, għall-konsumaturi (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 51, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 115).

56      Fil-każ li l-analiżi ta’ tip ta’ koordinazzjoni bejn impriżi ma turix grad suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni, ikun meħtieġ, min-naħa l-oħra, li jiġu eżaminati l-effetti tiegħu u, sabiex dan jiġi pprojbit, li jiġu ssodisfatti l-elementi li jistabbilixxu li kien hemm, fil-fatt, prevenzjoni jew restrizzjoni jew distorsjoni tal-proċess tal-kompetizzjoni b’mod sostanzjali (sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 34; tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 52, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 116).

57      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi għandux grad suffiċjenti ta’ ħsara sabiex jitqies li huwa restrizzjoni tal-kompetizzjoni “bħala għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, wieħed għandu jiffoka fuq il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, fuq l-għanijiet li huwa intiż li jilħaq kif ukoll fuq il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jidħol fih. Fl-ambitu tal-evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll in-natura tal-beni jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew swieq inkwistjoni (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 117; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 36).

58      Barra minn hekk, minkejja li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element neċessarju għad-determinazzjoni tan-natura restrittiva ta’ ftehim bejn impriżi, xejn ma jżomm lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew lill-qrati nazzjonali u tal-Unjoni milli jiħduha inkunsiderazzjoni (sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 37; tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB/vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 54, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 118).

59      F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri, għandu jitfakkar li l-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li jikkostitwixxu prattika miftiehma għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-interpretazzjoni inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-kompetizzjoni, skont liema kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa bi ħsiebu jsegwi fis-suq komuni (sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 32, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 119).

60      Minkejja li dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jeskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi milli jadattaw ruħhom b’mod intelliġenti għall-aġir ikkonstatat jew mistenni tal-kompetituri tagħhom, huwa madankollu jipprekludi b’mod rigoruż kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi ta’ natura li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali jew li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li ġie deċiż li għandu jsir f’dan is-suq jew li ġie maħsub li jiġi adottat fih, meta dawn il-kuntatti jkollhom l-għan jew l-effett li jwasslu għal kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, tal-kobor u tan-numru ta’ impriżi u tal-volum tal-imsemmi suq (sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 33, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 120).

61      B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri seta’ jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni meta dan kien itaffi jew ineħħi l-livell ta’ inċertezza fil-funzjonament tas-suq inkwistjoni bil-konsegwenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi (sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, C‑194/99 P, EU:C:2003:527, punt 89; tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 35, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 121).

62      B’mod partikolari, għandu jitqies li għandu għan antikompetittiv skambju ta’ informazzjoni li jista’ jelimina inċertezzi f’moħħ il-persuni kkonċernati fir-rigward tad-data, tal-kobor u tal-modalitajiet tal-adattament tal-aġir fis-suq li l-impriżi kkonċernati jkunu ser jimplementaw (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 122; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 41).

63      Barra minn hekk, prattika miftiehma jista’ jkollha għan antikompetittiv anki jekk ma jkollhiex rabta diretta mal-prezzijiet għall-konsumaturi. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE ma tippermettix li jitqies li huma pprojbiti biss il-prattiki miftiehma li għandhom effett dirett fuq il-prezz imħallas mill-konsumaturi finali (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 123; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 36).

64      Għall-kuntrarju, mill-imsemmi Artikolu 101(1)(a) TFUE jirriżulta li prattika miftiehma jista’ jkollha għan antikompetittiv jekk din tkun tikkonsisti fl-“iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju” (sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 37, u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 124).

65      Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 101 TFUE, bħar-regoli l-oħra tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-trattat, huwa intiż li jipproteġi mhux biss l-interessi diretti tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, iżda wkoll l-istruttura tas-suq u, b’dan il-mod, il-kompetizzjoni bħala tali. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għan antikompetittiv ta’ prattika miftiehma ma tistax tkun suġġetta għal dik ta’ rabta diretta tagħha mal-prezzijiet għall-konsumaturi (sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 38 u 39, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 125).

66      Finalment, għandu jitfakkar li mill-kliem stess tal-Artikolu 101(1) TFUE jirriżulta li l-kunċett ta’ prattika miftiehma jinvolvi, minbarra l-ftehim bejn l-impriżi kkonċernati, aġir fis-suq li jsegwi dan il-ftehim u rabta ta’ kawża u effett bejn dawn iż-żewġ elementi (sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 51, u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 126).

67      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kien hemm lok li jiġi preżunt, bla ħsara għal prova kuntrarja li kienet ir-responsabbiltà tal-operaturi kkonċernati li jipproduċu, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-ftehim u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dan is-suq. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li tali prattika miftiehma kienet taqa’ taħt l-Artikolu 101(1) TFUE anki fl-assenza ta’ effetti antikompetittivi fuq l-imsemmi suq (sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C-8/08, EU:C:2009:343, punt 51, u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 127).

68      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv, li permezz tiegħu r-rikorrenti jikkontestaw il-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan applikata għal kull waħda mill-katagoriji tal-aġir ikkritikat mill-Kummissjoni. Huma jaqsmu l-argumenti tagħhom f’żewġ partijiet skont jekk dawn jirrigwardawx, minn naħa, l-aġir relatat mal-manipulazzjoni tas-sottomissjonijiet lill-Euribor tad‑19 ta’ Marzu 2007 jew, min-naħa l-oħra, aġir mhux relatat ma’ din il-manipulazzjoni, jiġifieri skambji bejn l-operaturi ta’ HSBC u operaturi ta’ banek oħrajn fuq il-pożizzjonijiet ta’ operar tagħhom jew il-prezzijiet medjani tagħhom.

69      Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni argumentat li l-Artikolu 101 TFUE kien ġie miksur minħabba ksur li jikkonsisti “fi ftehimiet u/jew fi prattiki miftiehma li għandhom bħala għan id-distorsjoni tal-kors normali tal-komponenti tal-prezz fis-settur [tal-EIRD]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

70      Dawn il-ftehimiet u/jew prattiki miftiehma kkritikati lill-banek, fosthom HSBC, ġew deskritti fil-premessi 113, 358 u 392 tad-deċiżjoni kkontestata. Bħalma jenfasizzaw ġustament ir-rikorrenti, dawn jistgħu jiġu organizzati fi tliet gruppi skont jekk jirrigwardawx, l-ewwel nett, il-manipulazzjoni tas-sottomissjonijiet lill-Euribor (premessi 113, 358 u 392(a): skambji dwar il-preferenzi tagħhom għal livell ta’ rati tal-Euribor; premessi 113, 358 u 392(d): skambji dwar il-possibbiltà li jallinjaw is-sottomissjonijiet lill-Euribor; premessi 113, 358 u 392(e): kuntatt mill-operatur implikat tal-persuna responsabbli mis-sottomissjonijiet Euribor fi ħdan il-bank tagħha; premessi 113, 358 u 392(f): ftehimiet sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni tentattivi sabiex jiġu influwenzati s-sottomissjonijiet lill-Euribor), it-tieni nett, skambji dwar pożizzjonijiet ta’ operar f’dak li jirrigwarda l-EIRD (premessi 113, 358 u 392(b): skambji dwar il-pożizzjonijiet ta’ operar/espożizzjonijiet rispettivi tagħhom; premessi 113, 358 u 392(c): skambji dwar il-possibbiltà li jallinjaw il-pożizzjonijiet ta’ operar tagħhom) u, it-tielet nett, skambji dwar informazzjoni ddettaljata mhux aċċessibbli għall-pubbliku dwar l-intenzjonijiet u l-istrateġija tagħhom fil-qasam ta’ prezz tal-EIRD (premessi 113, 358 u 392(g)).

71      Il-Qorti Ġenerali tqis li għandhom jiġu eżaminati preliminarjament żewġ osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u tar-rikorrenti.

72      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni targumenta li r-rikorrenti jikkontestaw b’mod żbaljat l-aġir differenti kkritikat lil HSBC fuq bażi individwali u tenfasizza l-interdipendenza tagħhom. Essenzjalment, hija targumenta li huwa artifiċjali li wieħed jagħmel distinzjoni skont liema inkwistjoni hemm il-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007, skambji dwar il-pożizzjonijiet ta’ operar u skambji dwar informazzjoni ddettaljata mhux aċċessibbli għall-pubbliku fuq l-intenzjonijiet u l-istrateġija tagħhom ta’ prezzijiet tal-EIRD, f’dan il-każ il-prezzijiet medjani tal-EIRD.

73      Tali kritika madankollu ma tistax tiġi segwita. Fil-fatt, id-distinzjoni magħmula mir-rikorrenti sempliċement tieħu dik magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt 70 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, b’mod partikolari mill-premessi 365, 387, 393 u 442 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li dan l-aġir kellu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, mhux biss kollettivament, iżda wkoll fuq bażi individwali.

74      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti josservaw li, f’uħud mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tiġġustifikax biss l-eżistenza ta’ għan restrittiv tal-kompetizzjoni fis-sens li l-prattiċi inkwistjoni jkunu wasslu għal distorsjoni tal-kors normali tal-komponenti tal-prezz fis-settur tal-EIRD, iżda wkoll b’riferiment għal distorsjoni ta’ kundizzjonijiet oħrajn tan-negozju tal-EIRD fis-sens tal-Artikolu 101(1)(a) TFUE. Huma jargumentaw li, sa fejn tali klassifikazzjoni ma tinsabx fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, din ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ġġustifikata l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni bħala għan mogħtija mill-Kummissjoni.

75      Il-Kummissjoni targumenta li l-formulazzjoni tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata ma tipprekludix li din tibbaża ruħha fuq il-konklużjoni li hemm distorsjoni ta’ kundizzjonijiet oħrajn tan-negozju, peress li din hija esposta b’mod ċar fil-premessi tagħha.

76      Għandu jitfakkar li d-dispożittiv ta’ att huwa inseparabbli mill-motivazzjoni tiegħu, b’tali mod li għandu jiġi interpretat, jekk hemm bżonn, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (ara d-digriet tat‑30 ta’ April 2007, EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il‑Kummissjoni, T‑387/04, EU:T:2007:117, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata). Filwaqt li huwa minnu li d-dispożittiv ta’ deċiżjoni biss jista’ jipproduċi effetti legali, xorta jibqa’ l-fatt li l-evalwazzjonijiet magħmula fil-motivi ta’ deċiżjoni jistgħu jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità mill-qorti tal-Unjoni sa fejn, bħala motivi ta’ att li jikkawża preġudizzju, huma jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tad-dispożittiv ta’ dan l-att jew jekk dawn il-motivi jistgħu jbiddlu s-sustanza ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv tal-att inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑1 ta’ Lulju 2009, KG Holding et vs Il‑Kummissjoni, T‑81/07 sa T‑83/07, EU:T:2009:237, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Għaldaqstant, sa fejn il-Kummissjoni enfasizzat, insostenn tal-konklużjoni tagħha li kien hemm restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni, mhux biss il-koordinazzjoni u/jew l-iffissar tal-prezzijiet, iżda wkoll id-distorsjoni ta’ kundizzjonijiet oħrajn tan-negozju fis-settur tal-EIRD, b’mod partikolari fil-premessi 384, 388, 393, 415, 423 u 488 tad-deċiżjoni kkontestata, xejn ma jipprekludi, bħala prinċipju, li dan ir-raġunament jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li dan ma jagħmilx riferiment espliċitu għall-imsemmija kundizzjonijiet tan-negozju.

a)      Fuq l-ewwel parti tal-motiv, li tikkontesta l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan applikata għall-manipulazzjoni tal-Euribor tad19 ta’ Marzu 2007

78      Ir-rikorrenti jargumentaw, b’mod preliminari, li l-banek jikkompetu fis-suq tal-EIRD biss fil-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti u abbażi biss tar-rata fissa li tikkostitwixxi l-prezz tagħhom. Huma jqisu li l-argument tal-Kummissjoni, li jipprovdi li l-għan tal-partijiet għal EIRD huwa li jottimizzaw il-flussi tal-flus tagħhom, iħalli barra l-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq u ta’ kopertura tar-riskju. Huma jqisu li l-kawża odjerna hija distinta minn dik li tat lok għas-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il‑Kummissjoni (T‑180/15, EU:T:2017:795), li fiha l-importanza tal-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq ma ġietx diskussa, minkejja li minnha jirriżulta li, għall-banek li jaġixxu f’din il-kapaċità, ir-rata fissa hija ddeterminata b’mod differenti u l-kompetizzjoni sseħħ biss abbażi tal-imsemmija rata fissa.

79      F’dak li jirrigwarda l-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007, ir-rikorrenti jirrikonoxxu, essenzjalment, li din kellha l-għan li tnaqqas il-Euribor-3M fid‑19 ta’ Marzu 2007 u li, f’dan il-kuntest, operatur ta’ Barclays staqsa lil operatur ta’ HSBC sabiex dan jitlob lill-persuna responsabbli mis-sottomissjonijiet tar-rati toħroġ offerta baxxa fid‑19 ta’ Marzu 2007, li fil-fatt sar. Madankollu, minn naħa, huma jiċħdu li din il-manipulazzjoni kellha bħala għan li jiġu distorti l-komponenti tal-prezz u/jew kundizzjonijiet tan-negozju tal-EIRD u, min-naħa l-oħra, huma jargumentaw li l-għan ta’ manipulazzjoni tal-flussi tal-flus ma għandux natura antikompetittiva.

80      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jiċħdu li din il-manipulazzjoni kellha bħala għan il-koordinazzjoni u/jew l-iffissar ta’ komponenti tal-prezz tal-EIRD, bħalma enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din tirrigwarda r-rati varjabbli tal-EIRD filwaqt li l-prezz tiegħu huwa kkostitwit mir-rata fissa. L-Euribor-3M lanqas ma tikkostitwixxi fattur rilevanti tad-determinazzjoni tal-prezz tal-EIRD jew komponent ta’ dan il-prezz. F’dan ir-rigward, huma jargumentaw li l-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li r-rata varjabbli hija element tad-determinazzjoni tar-rata fissa fl-okkażjoni tal-konklużjoni ta’ EIRD ġodda huwa neċessarjament ibbażat fuq il-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda wara l-manipulazzjoni. Billi jibbażaw ruħhom fuq għarfien espert ekonomiku magħmul fuq it-talba tagħhom, huma jargumentaw li kien ikun sfavorevoli għall-operaturi kkonċernati li jadattaw il-pożizzjonijiet ta’ operar tagħhom skont il-manipulazzjoni prevista. Huma jiddeduċu minn dan li l-premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, bi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

81      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jenfasizzaw li d-deċiżjoni kkontestata donnha timplika li l-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007 – minbarra ffissar tal-prezzijiet – tikkostitwixxi skambju ta’ informazzjoni fuq l-intenzjonijiet tal-operaturi li għandu bħala konsegwenza tnaqqis tal-inċertezza inerenti fis-suq tal-EIRD. Huma jargumentaw li ma ġietx prodotta l-prova ta’ dan l-aġir fil-konfront tal-operaturi ta’ HSBC mill-Kummissjoni. Ma ntweriex li l-imsemmija operaturi bbenefikaw minn asimmetrija fl-informazzjoni li ppermettitilhom jipproponu kundizzjonijiet aħjar mir-rivali tagħhom. Huma jiċħdu li kellhom jippruvaw li l-ftehim bl-ebda mod ma influwenza l-aġir ta’ HSBC u jfakkru li hija l-Kummissjoni li għandha turi l-eżistenza ta’ għan antikompetittiv.

82      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jargumentaw li l-indikazzjoni fil-premessa 388 tad-deċiżjoni kkontestata li l-manipulazzjoni tikkostitwixxi ffissar tal-kundizzjonijiet tan-negozju fis-sens tal-Artikolu 101(1)(a) TFUE ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, peress li din ma tissemmiex fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata. Huma jżidu li dan l-aspett tar-raġunament tal-Kummissjoni huwa, fi kwalunkwe każ, ivvizzjat b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, peress li ma hija pprovduta ebda spjegazzjoni. Din l-indikazzjoni hija wkoll żbaljata, peress li d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet bis-saħħa ta’ kuntratt ma humiex inkwistjoni.

83      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jargumentaw li l-għan ta’ manipulazzjoni tal-flussi tal-flus ma għandux natura antikompetittiva, peress li dan ma ntlaħaqx permezz ta’ ftehim restrittiv tal-kompetizzjoni bejn operaturi. Huma jfakkru li hemm kompetizzjoni fis-suq tal-EIRD fil-mument tal-konklużjoni tiegħu u mhux fuq il-livell tal-flussi tal-flus li huma jħallsu jew jirċievu skont l-EIRD. Essenzjalment, huma jiċħdu li l-flussi tal-flus jista’ jkollhom effett indirett fuq il-prezz tal-EIRD.

84      Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tal-motiv tiġi miċħuda.

85      F’din il-parti tal-motiv hemm inkwistjoni l-klassifikazzjoni tal-għan restrittiv tal-kompetizzjoni applikata għall-manipulazzjoni tal-Euribor tad‑19 ta’ Marzu 2007. Il-parteċipazzjoni materjali ta’ HSBC f’din il-manipulazzjoni hija maħsuba, b’mod partikolari, fil-premessi 271, 275, 289, 322, 328 u 329 tad-deċiżjoni kkontestata.

86      Minn dan jirriżulta, essenzjalment, li dan l-aġir ikkonsista fl-ippreżentar ta’ sottomissjonijiet baxxi tal-Euribor-3M fid‑19 ta’ Marzu 2007 sabiex titbaxxa din ir-rata f’din id-data, sabiex isir profitt fuq kategorija ta’ prodotti dderivati li ser jiskadu f’din id-data b’differenza tar-rata (l-“ispread”) ma’ prodotti derivattivi indiċjati fuq l-EONIA.

87      B’mod iktar partikolari, din il-manipulazzjoni kienet ibbażata essenzjalment fuq manipulazzjoni ta’ tip ta’ EIRD, il-kuntratti forward (“futuri”) ta’ rati tal-imgħax indiċjati fuq l-Euribor-3M. Essenzjalment, b’dan it-tip ta’ kuntratt, parti, ikklassifikata bħala xerrej, tirċievi r-rata fissa matul il-kuntratt, filwaqt li l-parti l-oħra, ikklassifikata bħala bejjiegħ, tirċievi r-rata varjabbli. Il-manipulazzjoni kienet tikkonsisti f’li tittieħed b’mod progressiv espożizzjoni kbira ħafna ta’ “xerrej”, li għaldaqstant għaliha l-bank jirċievi r-rata fissa u jħallas ir-rata varjabbli, u permezz ta’ azzjoni miftiehma jbaxxi l-livell tar-rata varjabbli fid-data ta’ skadenza.

88      Ir-riferiment għall-prodotti dderivati indiċjati fuq l-EONIA tinsab fil-fatt li l-parteċipanti fl-akkordju jkopru l-espożizzjonijiet “ta’ xerrej” tagħhom fuq il-“futuri” indiċjati fuq l-Euribor-3M permezz ta’ espożizzjonijiet kuntrarji: jiġifieri, f’dan il-każ, kuntratt ta’ “swap” li għandu l-istess skadenza u indiċjat fuq l-EONIA. Bħalma huwa msemmi fil-punt 14 iktar ’il fuq, l-EONIA hija rata ta’ kuljum kkalkulata mill-BĊE.

89      Għaldaqstant, billi jbaxxu artifiċjalment ir-rata tal-Euribor meta mqabbel ma’ dik tal-EONIA fid‑19 ta’ Marzu 2007, il-banek li jipparteċipaw fl-akkordju setgħu jgawdu minn profitt finanzjarju.

90      Mill-premessi 257 u 258 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-idea ta’ din il-manipulazzjoni tmur lura mill-inqas għall‑1 ta’ Frar 2007, matul diskussjonijiet bejn operaturi ta’ Deutsche Bank, ta’ Barclays u tas-Société générale. Mill-premessa 271 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li, fit‑12 ta’ Frar 2007, operatur ta’ Barclays informa lil operatur ta’ HSBC b’dan il-pjan u mill-premessa 275 ta’ din l-istess deċiżjoni jirriżulta li nżammet ukoll diskussjoni l-għada dwar din il-manipulazzjoni. Fil-premessa 289 tad-deċiżjoni kkontestata tissemma konversazzjoni tat‑28 ta’ Frar 2007 bejn dawn l-istess żewġ operaturi dwar it-tnaqqis tal-“ispread” bejn l-Euribor-3M u l-EONIA. Fl-aħħar nett, fil-premessa 322 tad-deċiżjoni kkontestata, tissemma diskussjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007 li permezz tagħha l-operatur ta’ Barclays jitlob lill-operatur ta’ HSBC sabiex jitlob lill-persuni responsabbli mis-sottomissjonijiet ta’ dan l-istess bank biex jissottometti stima Euribor-3M baxxa ħafna, fatt li huwa rnexxielu jagħmel.

91      Ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-materjalità tal-fatti rrilevati mill-Kummissjoni. Huma jqisu pjuttost li dawn ma jistgħux jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan mogħtija mill-Kummissjoni.

92      Mill-premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007 kellha bħala għan li tinfluwenza l-flussi tal-flus dovuti bħala EIRD f’sens favorevoli għall-partijiet fl-imsemmija manipulazzjoni. Fil-premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata, bi tweġiba għal argument tar-rikorrenti li jirribatti l-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan tal-aġir imputat lil HSBC, hija enfasizzat, essenzjalment, li l-Euribor kien jiddetermina direttament il-flussi tal-flus dovuti bħala l-“parti varjabbli” tal-EIRD u kien wkoll rilevanti għad-determinazzjoni tal-flussi tal-flus dovuti bħala l-“parti fissa” tal-EIRD peress li dan kien ittieħed inkunsiderazzjoni indirettament fid-determinazzjoni tar-rata fissa permezz tal-kurva tar-rendiment, li kienet ibbażata fuq ir-rati varjabbli mistennija.

93      Fil-premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-aġir kollu deskritt fil-premessa 392 tad-deċiżjoni tagħha, li jinkludi l-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007, kien jirrestrinġi l-kompetizzjoni billi joħloq asimmetrija ta’ informazzjoni bejn l-atturi tas-suq, peress li l-parteċipanti fil-ksur, minn naħa, kienu f’pożizzjoni aħjar li jkunu jafu minn qabel b’ċerta preċiżjoni l-livell li l-Euribor huwa jew kellu jiġi ffissat fih mill-kompetituri tagħhom li jaġixxu f’kollużjoni u, min-naħa l-oħra, kienu jafu jekk l-Euribor f’data speċifika kienx iffissat jew le f’livell artifiċjali.

94      Tali raġunament ma għandu ebda żball ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni.

95      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-effett tal-manipulazzjoni tal-Euribor fuq il-flussi tal-flus iġġenerati mill-prodotti derivattivi inkwistjoni huwa ovvju. Fid‑19 ta’ Marzu 2007, il-parteċipanti artifiċjalment naqqsu r-rata tal-Euribor b’mod illi s-somom li huma kellhom iħallsu bħala l-“parti varjabbli” tal-“futuri” indiċjati fuq l-Euribor ikunu iktar baxxi.

96      Għaldaqstant, meta l-operaturi ta’ HSBC innegozjaw il-“parti fissa” ta’ dawn il-“futuri”, jiġifieri r-rata fissa li tirregola l-ħlasijiet li huma kienu ser jirċievu, huma kienu f’pożizzjoni li jagħmlu dan bl-għarfien li r-rata varjabbli, li tirregola l-ħlasijiet li huma kien ser ikollhom jagħmlu, kienet ser tkun baxxa. Għaldaqstant, huma setgħu jipproponu rata iktar kompetittiva minn dik tal-kompetituri tagħhom, peress li huma kienu jafu li l-flussi tal-flus relatati ma’ dawn il-kuntratti kienu ser jibqgħu pożittivi.

97      Dan l-aġir neċessarjament irrestrinġa l-kompetizzjoni b’benefiċċju għalihom u b’detriment għall-operaturi l-oħrajn fis-suq. Dan kien mhux biss għall-kontropartijiet tagħhom li raw il-ħlasijiet irċevuti bħala l-“parti varjabbli” tal-EIRD imnaqqsa artifiċjalment, iżda wkoll banek li xtaqu jieħdu pożizzjoni “ta’ xerrej” fit-tip ta’ EIRD inkwistjoni, iżda li ma kkonkludewx it-tranżazzjoni minħabba r-rata iktar kompetittiva proposta mill-parteċipanti għall-manipulazzjoni. Tali manipulazzjoni saret ukoll b’detriment tal-operaturi tas-suq li, peress li ma kinux jafu bl-imsemmija manipulazzjoni, ħadu pożizzjonijiet ta’ operar kuntrarji għal dawk ta’ HSBC u ta’ Barclays. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li l-kliem użat mill-operaturi ta’ dawn iż-żewġ banek f’konversazzjoni telefonika li saret immedjatament wara l-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007, imsemmija fil-premessa 329 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ċar fir-rigward tal-perċezzjoni minn dawn iż-żewġ operaturi tal-effetti negattivi tal-manipulazzjoni tagħhom fuq il-kompetituri tagħhom.

98      Id-diversi argumenti mqajma mir-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jpoġġu inkwistjoni l-fondatezza ta’ din il-konklużjoni.

99      L-ewwel serje ta’ argumenti mqajma mir-rikorrenti jikkonsistu f’li jiġi sostnut li l-manipulazzjoni tal-Euribor ma tistax tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni, peress li, essenzjalment, hemm relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-banek biss waqt il-konklużjoni tal-EIRD u abbażi biss tar-rata prevista għall-“parti fissa” tagħhom li tikkostitwixxi waħedha l-“prezz” tal-EIRD.

100    Tali kritika hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li l-konklużjoni tal-EIRD issir abbażi biss ta’ kompetizzjoni abbażi tar-rata fissa. Madankollu, bħalma rrilevat ġustament il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-flussi tal-flus iġġenerati minn EIRD jirriżultaw mill-kumpens tal-ħlasijiet dovuti għall-“parti fissa” u għall-“parti varjabbli” tal-EIRD. Għaldaqstant, operatur mhux biss ser ikun jista’ jtejjeb il-flussi tal-flus skont l-EIRD fis-seħħ, b’manipulazzjoni tar-rata ta’ referenza skont il-pożizzjoni tiegħu bħala globalment debitur jew kreditur, iżda ser ikun ukoll f’pożizzjoni li jinnegozja r-rata fissa tal-kuntratti li huwa jikkonkludi billi jkollu informazzjoni pprivileġġata f’dak li jirrigwarda r-rata varjabbli applikabbli għad-dati rilevanti għad-determinazzjoni tal-flussi tal-flus. Il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu tista’ biss titjieb meta mqabbla ma’ dik tal-kompetituri tiegħu li ma għandhomx tali informazzjoni.

101    Ir-rikorrenti jargumentaw li ma kienx fl-interess tal-banek li pparteċipaw fil-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007 li jadattaw il-pożizzjonijiet ta’ operar tagħhom skont din il-manipulazzjoni, billi jagħmlu riferiment għall-punti 347 sa 351 tal-għarfien espert ekonomiku (ara l-punt 80 iktar ’il fuq). Madankollu, dawn l-argumenti, kif ukoll is-siltiet rilevanti tal-imsemmi għarfien espert, jinkludu biss kunsiderazzjonijiet ġenerali skont liema ma huwiex fl-interess tal-banek li jipproponu termini aħjar minn dawk tal-kompetituri tagħhom għar-raġuni li dan inaqqas il-profitabbiltà tal-EIRD. Dan ma jippermettix li jiġi miċħud il-fatt li, peress li jibbenefika minn informazzjoni privileġġjata fuq ir-rata varjabbli li ser tiġi applikata għad-dati rilevanti, operatur huwa f’pożizzjoni li jiddetermina r-rata fissa li huwa għandu jipproponi sabiex, minn naħa, tiġi żgurata l-profitabbiltà tal-EIRD, jiġifieri li huwa jiġġenera flussi tal-flus pożittivi għall-bank tiegħu u negattivi għall-kontroparti tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija rata tkun tidher iktar interessanti għall-kontroparti minn dik offruta mill-kompetituri tiegħu.

102    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, il-possibbiltà għall-banek ikkonċernati li jipproponu kundizzjonijiet aħjar mill-kompetituri tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan, ma humiex kuntrarji għal xulxin. Fil-fatt, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, din il-possibbiltà tikkostitwixxi pjuttost il-manifestazzjoni tal-bdil tal-proċess kompetittiv fis-suq tal-EIRD favur il-banek li pparteċipaw fil-kollużjoni biss.

103    Din il-konklużjoni hija iktar u iktar fondata fid-dawl tal-karatteristiċi tal-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007. Minn dan isegwi li kien fl-interess tal-banek li jbiddlu l-pożizzjoni ta’ operar tagħhom fid-dawl ta’ din il-manipulazzjoni bl-akkwist ta’ espożizzjonijiet “ta’ xerrej” sinifikanti kemm jista’ jkun fuq il-“futuri” indiċjati fuq l-Euribor-3M b’antiċipazzjoni tat-tnaqqis miftiehem ta’ din ir-rata. F’dan ir-rigward, huwa rilevanti li matul il-konversazzjoni telefonika bejn l-operatur ta’ HSBC u dak ta’ Barclays, li seħħet fid‑19 ta’ Marzu 2007 direttament wara l-manipulazzjoni u msemmija fil-premessa 329 tad-deċiżjoni kkontestata, l-operatur ta’ HSBC donnu ddispjaċih li ma bbenefikax mill-manipulazzjoni daqs dak ta’ Barclays, li kien ħoloq pożizzjoni “ta’ xerrej” iktar sinjifikanti.

104    Għaldaqstant, u fid-dawl tas-sinifikanza tal-Euribor fid-determinazzjoni tal-flussi tal-flus dovuti skont dawn il-kuntratti, din l-ewwel serje ta’ argumenti intiżi li juru li wettqet żball meta kkonkludiet li l-aġir intiż li jimmanipula r-rata tal-Euribor-3M fid‑19 ta’ Marzu 2007 kellu għan restrittiv tal-kompetizzjoni, għandha tiġi miċħuda. Minn dan isegwi wkoll li l-Qorti Ġenerali setgħet teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tagħha u li dan l-aspett tar-raġunament tal-Kummissjoni, għaldaqstant, ma huwiex ivvizzjat b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, kuntrarjament għal dak li jargumentaw ir-rikorrenti.

105    Fil-kuntest tat-tieni serje ta’ argumenti, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ffukat biss fuq innegozjar f’isimhom tal-EIRD, u ħalliet barra li HSBC kien jinnegozja EIRD għal finijiet ta’ kopertura ta’ riskju u ta’ ġenerazzjoni tas-suq.

106    Il-kunċett ta’ “ġeneratur tas-suq” ġie ddefinit fil-premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata kif ġej: “[i]l-ġeneraturi tas-suq huma individwi jew kumpanniji li jiddikjaraw ruħhom kapaċi jew li jixtiequ jbigħu jew jixtru prodotti finanzjarji, bħal sigurtajiet jew prodotti finanzjarji derivattivi, għal prezzijiet iddeterminati minnhom stess b’mod ġenerali u kontinwu (permezz ta’ prezzijiet fissi ta’ talbiet u ta’ offerti), iktar milli għal kull tranżazzjoni speċifika” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din id-definizzjoni ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

107    Sa fejn dawn jidħlu b’mod ġenerali u kontinwu fis-suq tal-EIRD, il-“ġeneraturi tas-suq” jikkonkludi numru ikbar ta’ tranżazzjonijiet mill-atturi l-oħrajn tas-suq, dejjem bl-għan li jagħmlu profitt. L-argument tar-rikorrenti huwa li din it-tiftixa għall-profitt, fil-kuntest ta’ ġeneratur tas-suq, issir prinċipalment bid-differenza bejn il-prezz tax-xiri u tal-bejgħ tad-diversi kuntratti li huwa jikkonkludi, jiġifieri d-differenza bejn il-pożizzjonijiet tagħhom “ta’ xerrej” u “ta’ bejjiegħ” kollha, iktar milli bid-differenza bejn ir-rata fissa u r-rata varjabbli ta’ kull wieħed mill-kuntratti.

108    Madankollu, minkejja li ġeneratur tas-suq jista’ jagħmel profitt billi juża d-differenza bejn il-prezz li bih huwa jixtri u jbigħ l-EIRD, dan ma huwiex esklużiv mit-tiftixa għal profitt ibbażat fuq id-differenza bejn ir-rata fissa u r-rata varjabbli tal-istess EIRD. Fil-fatt, jidher improbabbli li operatur li jinnegozja numru partikolarment sinjifikanti ta’ kuntratti ma jiħux inkunsiderazzjoni tal-perspettiva ta’ x’ser tkun ir-rata varjabbli, meta huwa jipproponi prezz ibbażat fuq ir-rata fissa.

109    Barra minn hekk, il-kwalità ta’ “ġeneratur tas-suq” tal-operatur ta’ HSBC issaħħaħ in-natura implawżibbli tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegazzjoni li ma kienx fl-interess ta’ HSBC li jadatta l-pożizzjonijiet ta’ operar tiegħu skont il-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007, li għalih ingħata tweġiba fil-punti 101 sa 103 iktar’il fuq. Fil-fatt, li wieħed jaċċetta livell iktar baxx ta’ profitabbiltà għal kull tranżazzjoni huwa fil-fatt loġiku mill-perspettiva tal-konklużjoni ta’ numru ikbar ta’ tranżazzjonijiet.

110    Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-enfasi mir-rikorrenti tal-fatt li l-EIRD huma konklużi wkoll għal skopijiet ta’ kopertura tar-riskji, huwa biżżejjed jiġi enfasizzat li tali użu tal-EIRD ma jnaqqas xejn miċ-ċirkustanza li l-EIRD jistgħu jintużaw ukoll mill-ġeneraturi tas-suq għal skopijiet spekulattivi, bħalma tfakkar mill-Kummissjoni fil-premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata.

111    Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, it-tieni serje ta’ argumenti mqajma mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda, u għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament iddeċidiet li l-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007 li HSBC ipparteċipa fiha kienet taqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan skont l-Artikolu 101(1) TFUE.

112    Fil-kuntest tat-tielet serje ta’ argumenti, ir-rikorrenti jikkritikaw il-klassifikazzjoni ta’ ffissar tal-kundizzjonijiet tan-negozju fis-sens tal-Artikolu 101(1)(a) TFUE applikata wkoll mill-Kummissjoni għall-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007.

113    Madankollu, peress li l-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan applikata għall-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007 hija ġġustifikata b’mod suffiċjenti fid-dritt għar-raġunijiet esposti fil-punti 94 sa 111 iktar ’il fuq, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, fir-rigward tagħhom, tista’ tiġi applikata ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li meta ċerti motivi ta’ deċiżjoni huma, waħedhom, ta’ natura li jiġġustifikawha b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-vizzji relativi għal motivi oħra tal-att, fi kwalunkwe każ, ma jaffettwawx id-dispożittiv tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2001, Il‑Kummissjoni u Franza vs TF1, C-302/99 P u C‑308/99 P, EU:C:2001:408, punt 27, u tat‑12 ta’ Diċembru 2006, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, T‑155/04, EU:T:2006:387, punt 47).

114    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq it-tieni parti tal-motiv, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan applikata għall-aġir ikkritikat l-ieħor ta’ HSBC.

115    Fil-kuntest ta’ din il-parti tal-motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw il-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan applikata mill-Kummissjoni għal aġir li ma jirrigwardax il-manipulazzjoni tal-Euribor tad‑19 ta’ Marzu 2007 u jissemma fid-deċiżjoni kkontestata taħt it-terminoloġija ta’ skambji dwar, minn naħa, “pożizzjonijiet ta’ operar” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, min-naħa l-oħra, “informazzjoni ddettaljata mhux aċċessibbli għall-pubbliku dwar l-intenzjonijiet u l-istrateġija tagħhom fil-qasam ta’ prezz tal-EIRD”. Fir-rigward ta’ din it-tieni kategorija, ġew irrilevati fil-konfront ta’ HSBC skambji li rrigwardaw il-“prezzijiet medjani” tal-EIRD.

116    Huma josservaw li l-iskambji inkwistjoni f’din il-parti tal-motiv jirrigwardaw biss sitt diskussjonijiet onlajn bejn it‑12 ta’ Frar u s‑27 ta’ Marzu 2007, li ma jirrigwardawx il-manipulazzjoni tal-Euribor.

117    Huma jargumentaw li d-diskussjonijiet deskritti fid-deċiżjoni kkontestata bħala skambji fuq pożizzjonijiet ta’ operar kienu insuffiċjenti sabiex l-operaturi inkwistjoni jkunu jistgħu jikkoordinaw il-pożizzjonijiet ta’ operar tagħhom. Ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tad-diskussjonijiet tat‑12 u s‑16 ta’ Frar 2007, u tad‑9 u l‑14 ta’ Marzu 2007.

118    F’dak li jirrigwarda d-diskussjonijiet deskritti fid-deċiżjoni kkontestata bħala skambji fuq strateġiji dwar il-prezz, ir-rikorrenti jiċħdu li l-prezz medjan jikkostitwixxi “prezz”, “lista ta’ prezzijiet” jew “komponent tal-prezz”, ta’ natura li jippermetti din il-klassifikazzjoni u jargumentaw li l-prezz medjan ma huwiex informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali u li tali diskussjonijiet għandhom dimensjoni li tiffavorixxi l-kompetizzjoni. Huma jikkontestaw l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tad-diskussjonijiet tal‑14 u s‑16 ta’ Frar 2007.

119    Il-Kummissjoni twieġeb li l-punti kkontestati fir-rikors ma humiex l-uniċi eżempji ta’ skambji ta’ informazzjoni sensittiva li HSBC ipparteċipa fihom.

120    Hija tenfasizza, fir-rigward tad-diskussjonijiet deskritti fid-deċiżjoni kkontestata bħala skambji fuq pożizzjonijiet ta’ operar, li, minkejja li wħud minnhom huma direttament relatati mal-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007, dawn huma intiżi, bħala tali, li jinfluwenzaw il-flussi tal-flus bħala EIRD billi joħolqu distorsjoni tal-kors normali tal-kompetizzjoni.

121    Il-Kummissjoni tqis, fir-rigward tad-diskussjonijiet deskritti fid-deċiżjoni kkontestata bħala skambji fuq strateġiji dwar il-prezz, li l-prezzijiet medjani jippermettu li jiġi antiċipat il-prezz tax-xiri u tal-bejgħ u, għaldaqstant, li dawn l-iskambji jnaqqsu l-inċertezza fir-rigward tal-livell probabbli ta’ dawn il-prezzijiet, u li ż-żamma ta’ tali diskussjonijiet ma tikkorrispondix mal-kundizzjonijiet normali tal-funzjonament tas-suq inkwistjoni u ma hijiex favorevoli għall-konsumaturi.

122    Hija żżomm sħiħ l-evalwazzjoni li hija għamlet fid-deċiżjoni kkontestata fuq id-diskussjonijiet tat‑12, l‑14 u s‑16 ta’ Frar, u tad‑9 u l‑14 ta’ Marzu 2007.

123    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li mill-eżami tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv jirriżulta li l-parteċipazzjoni ta’ HSBC fi ksur bħala għan hija ppruvata b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżami ta’ din it-tieni parti madankollu għad għandu rilevanza. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv ieħor ta’ HSBC huwa rilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE mwettaq minn HSBC, kif ukoll, konsegwentement, tan-natura proporzjonata tal-multa li hija imposta fuqu. Fil-fatt, fost il-punti ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur hemm in-numru u l-intensità tal-aġir antitkompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 197).

124    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-argumenti tar-rikorrenti jistgħu jinqasmu f’żewġ ilmenti skont jekk jirrigwardawx il-fondatezza tal-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni bħala għan applikata mill-Kummissjoni għad-diskussjonijiet li hija ddeskriviet, minn naħa, bħala skambji fuq il-prezzijiet medjani jew, min-naħa l-oħra, bħala skambji fuq pożizzjonijiet ta’ operar.

1)      Fuq l-ilment li jikkontesta l-fondatezza tal-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni bħala għan applikata għall-iskambji fuq il-prezzijiet medjani

125    Inkwistjoni hemm żewġ diskussjonijiet li HSBC ipparteċipa fihom u li rrigwardaw il-prezzijiet medjani (ikklassifikati wkoll bħala “mids” fid-deċiżjoni kkontestata) tal-EIRD, fl‑14 ta’ Frar 2007 (premessi 283 sa 285 tad-deċiżjoni kkontestata), u tas‑16 ta’ Frar 2007 (premessi 286 sa 288 tal-imsemmija deċiżjoni) rispettivament. Dawn id-diskussjonijiet jaqgħu taħt il-kategorija ta’ aġir antikompetittiv imsemmi fil-premessi 113(g), 358(g) u 392(g) tad-deċiżjoni kkontestata (skambji dwar informazzjoni ddettaljata mhux aċċessibbli għall-pubbliku dwar l-intenzjonijiet u l-istrateġija tagħhom ta’ ffissar tal-prezzijiet tal-EIRD).

126    Bl-istess mod bħal fir-rigward tal-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007, il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni bħala għan ta’ tali skambji ġiet iġġustifikata mill-Kummissjoni fil-premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata b’riferiment għall-ħolqien ta’ asimmetrija ta’ informazzjoni bejn l-atturi tas-suq, peress li l-parteċipanti fil-ksur, minn naħa, kienu f’pożizzjoni aħjar li jkunu jafu minn qabel b’ċerta preċiżjoni l-livell li l-Euribor huwa jew kellu jiġi ffissat fih mill-kompetituri tagħhom li jaġixxu f’kollużjoni u, min-naħa l-oħra, kienu jafu jekk l-Euribor f’data speċifika kienx iffissat jew le f’livell artifiċjali.

127    Xi punti ta’ motivazzjoni dwar b’mod iktar partikolari l-prezzijiet medjani jinsabu f’siltiet oħrajn tad-deċiżjoni kkontestata.

128    B’dan il-mod, fil-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm enfasizzat li l-kliem “run” jew “mids”, “spjegati b’mod sempliċi […] jistgħu jiġu deskritti bħala listi ta’ prezzijiet ta’ operatur, ta’ post tan-negozjar jew ta’ bank dwar ċerti prodotti finanzjarji standard” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-premessa 34 tal-imsemmija deċiżjoni, hemm imsemmi li l-kelma “mid” “tagħmel riferiment għall-prezz medjan jew medju bejn il-prezz tat-talba u tal-offerta (per eżempju ta’ perċezzjoni, immudellat, ikkwotat jew innegozjat) għal prodott speċifiku[; d]awn ta’ spiss jikkostitwixxu approssimazzjoni affidabbli tal-prezz li ġeneratur tas-suq jinnegozja ma’ klijent, b’mod partikolari meta s-suq ikun likwidu u d-differenzjal bejn it-talba u l-offerta […] huwa baxx”.

129    Dejjem fil-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet riferiment għaċ-ċirkustanza li bank spjegalha li “l-operaturi ta’ derivattivi [kienu] jużaw il-punti medjani fil-kurvi tar-rendiment tagħhom sabiex jiddeterminaw il-prezzijiet tal-offerti jew tat-talbiet li jkunu ser jissottomettu lis-suq[; jekk huwa] jaf il-prezz medjan ta’ kompetitur, minkejja li dan fil-verità ma huwiex il-prezz tat-tranżazzjoni, operatur ta’ derivattivi issa qiegħed f’pożizzjoni li jiddetermina l-prezzijiet tal-offerti u tat-talbiet effettivi tal-kompetituri tiegħu [...; il-] prezzijiet medjani jintużaw għall-istabbiliment tal-prezzijiet, l-amministrazzjoni tal-pożizzjonijiet ta’ operar u l-evalwazzjoni ta’ portafoll” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

130    Fil-premessa 419 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, bi tweġiba għall-argumenti tar-rikorrenti, irrilevat li l-prezz medjan kien jikkostitwixxi l-estimazzjoni għal kull operatur tal-prezz reali tal-EIRD u li kien hemm estimazzjoni tal-prezz medjan daqs kemm kien hemm atturi tas-suq “peress li l-mid [kien] jirrappreżenta perċezzjoni individwali tal-prezz, u [kien] juri konsegwentement intenzjoni ta’ prezz” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, hija fakkret li r-rikorrenti nfishom kienu enfasizzaw li l-“prezz tat-talba” kien normalment iffissat ftit ogħla mill-prezz medjan u l-prezz tal-offerta ftit iktar baxx minnu u li varjazzjonijiet fil-mid “[kellhom] it-tendenza li jwasslu għal ċaqliq parallel kemm tax-xiri u tal-offerta” u li, għaldaqstant, dan kien jirrigwarda valur indikattiv viċin tal-prezzijiet.

131    Il-Kummissjoni analizzat ukoll il-kwistjoni tan-natura sigrieta jew le tal-informazzjoni skambjata u tal-livell ta’ trasparenza tas-suq.

132    B’dan il-mod, fil-premessa 395 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li dawn l-iskambji kienu jmorru lil hinn sew minn skambju ta’ informazzjoni li taqa’ taħt il-qasam pubbliku u kellhom bħala għan li jżidu t-trasparenza bejn il-partijiet u, għaldaqstant, li jnaqqsu sinjifikament l-inċertezzi normali inerenti fis-suq, b’benefiċċju għall-partijiet u bi ħsara għall-operaturi l-oħrajn.

133    Bl-istess mod, fil-premessi 399 sa 402 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-informazzjoni skambjata ma kellhiex natura sensittiva minħabba l-fatt li l-pubbliku kellu aċċess wiesa’ għaliha. Hija qieset li l-informazzjoni eżatta ta’ stima ma kinitx aċċessibbli b’mod wiesgħa fis-suq tal-EIRD, billi argumentat li mill-proċess kien jirriżulta li xi informazzjoni mhux affidabbli kultant kienet ikkomunikata b’mod konxju fil-pjattaformi pubbliċi tal-atturi tas-suq u li l-operaturi kellhom bżonn l-informazzjoni fuq il-prezzijiet stabbiliti minn operaturi oħrajn sabiex jaġġustaw l-andament tal-prezzijiet rispettivi tagħhom.

134    Fil-premessa 403 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma laqgħetx l-argument ibbażat fuq l-għan leġittimu ta’ dawn l-iskambji, għar-raġuni, essenzjalment, li dawn ma kinux jaqgħu fil-perspettiva tal-konklużjoni ta’ negozju bejn l-operaturi kkonċernati. Hija enfasizzat ukoll li tali skambji bejn ġeneraturi tas-suq kienu jagħtu lok għal trasparenza ikbar bejniethom biss u mhux b’benefiċċju tal-atturi kollha tas-suq.

135    Barra minn hekk, fil-premessa 431 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrifjutat li ċerti karatteristiċi tas-suq tal-EIRD, u b’mod partikolari n-natura mgħaġġla u tranżitorja tiegħu, kienu jimplikaw li l-kollużjoni tista’ ssir biss permezz ta’ komunikazzjonijiet frekwenti fuq dettalji speċifiċi tan-negozjati individwali, bħal informazzjoni preċiża fuq tranżazzjonijiet individwali futuri. Hija sostniet li “l-informazzjoni skambjata fuq id-dettalji tan-negozju (prezzijiet u ammonti) tal-maġġoranza tal-EIRD OTC ma kinitx pubblika u [li] l-punti ta’ informazzjoni eżatti kienu utli għall-operaturi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

136    Il-konverżazzjoni tal‑14 ta’ Frar 2007 tissemma fil-premessi 283 sa 285 tad-deċiżjoni kkontestata. L-operatur ta’ HSBC jenfasizza matulha mal-operatur ta’ Barclays li l-operatur ta’ Deutsche Bank jippubblika wħud mill-prezzijiet tiegħu fuq l-iskrijn Bloomberg tiegħu, għal liema l-operatur ta’ Barclays iwieġeb li dawn il-prezzijiet huma biss indikattivi. Sussegwentement, id-deċiżjoni kkontestata tfakkar li “[l-operatur ta’ Barclays] jistaqsi sussegwentement dwar il-prezz eżatt [mill-operatur ta’ HSBC] għal Awwissu [...; l-operatur ta’ HSBC] iwieġeb “4,012” u jippreċiża li ġie offrut “4,005-4,015 fis-suq ftit qabel jitlaq mill-konverżazzjoni onlajn” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kummissjoni tiddeduċi minn din il-konverżazzjoni li “[l-operatur ta’ Barclays] jitlob [lill-operatur ta’ HSBC] informazzjoni preċiża dwar l-iffissar tal-prezzijiet lil hinn mill-kuntest ta’ negozju possibbli, mistoqsija li [l-operatur ta’ HSBC] iwieġeb […]”.

137    Fir-rigward tad-diskussjoni tas‑16 ta’ Frar 2007, fil-premessi 286 sa 288 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sabet li “[l-operatur ta’ HSBC] u [l-operatur ta’ Barclays] [kienu jiżvelaw] lil xulxin il-prezzijiet medji rispettivi tagħhom permezz ta’ swap [indiċjat fuq l-]EONIA (‘T’as quoi 10/11 sp eonia?’) u [ftehim ta’ rati futuri] (‘et sur le 1011 Jsp fra?’). [L-operatur ta’ HSBC] ma huwiex ċert dwar il-prezz tiegħu għall-iswap EONIA (‘je dois être à la rue […] 4,06?’ ‘g 4,0625 en mid’), iżda [l-operatur ta’ Barclays] jassigurah (‘non, ça va’) u sussegwentement jiżvela l-prezzijiet tan-negozju, u jżid li huwa għamel profitt fuq [il-ftehim ta’ rati futuri] grazzi għal negozju mwettaq ma’ żewġ atturi oħrajn tas-suq li kienu joffru prezzijiet differenti għall-istess kuntratt” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

138    Il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta rrilevat li l-iskambji fuq il-prezzijiet medjani inklużi f’dawn iż-żewġ diskussjonijiet kellhom għan restrittiv tal-kompetizzjoni.

139    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li informazzjoni dwar il-prezzijiet medjani hija, kuntrarjament għal dak li jargumentaw ir-rikorrenti, rilevanti għall-iffissar tal-prezzijiet fis-settur tal-EIRD.

140    Fl-ewwel lok, ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet li d-determinazzjoni tar-rata fissa tal-EIRD minn operatur issir b’riferiment għal dak li huwa jqis li huwa l-prezz medjan, jiġifieri ftit iktar baxx minnu għall-“prezz tal-offerta” tiegħu u ftit ogħla minnu għall-“prezz tat-talba” tiegħu, bħalma fakkret il-Kummissjoni fil-premessa 419 tad-deċiżjoni kkontestata.

141    It-tieni nett, għandu jitqies ukoll li l-għarfien tal-prezz medjan ta’ kompetitur jippermetti li tiġi evalwata l-perċezzjoni tiegħu ta’ x’ser tkun ir-rata varjabbli tal-EIRD meta jsir l-iffissar, skont il-kurva tar-rendiment imsemmija fil-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-inqas fir-rigward tal-EIRD li għandhom maturità qasira. Fil-fatt, mistoqsija matul is-seduta fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kurva tar-rendiment ta’ EIRD hijiex magħrufa mill-operaturi kollha tas-suq, jew jekk tiddependix mill-perċezzjoni individwali ta’ kull operatur, ir-rikorrenti nfishom enfasizzaw li l-imsemmija kurva tar-rendiment kellha natura oġġettiva u ma kinitx suġġetta għal evalwazzjoni individwali fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ prodotti.

142    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-informazzjoni fuq il-prezzijiet medjani tad-derivattivi “OTC” (over the counter), jiġifieri nnegozjati individwalment, ma hijiex pubblika, b’differenza għall-informazzjoni dwar derivattivi nnegozjati f’suq irregolat. Filwaqt li ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet li din l-informazzjoni tal-aħħar hija disponibbli jew tista’ tiġi dedotta għall-partijiet kollha li joperaw f’suq irregolat, dan ma huwiex il-każ għad-derivattivi “OTC”.

143    Ċertament, informazzjoni fuq il-prezzijiet medjani dwar tali prodotti tista’ tkun is-suġġett ta’ pubbliċità, direttament għal ċerti operaturi jew indirettament permezz ta’ brokers. Xorta jibqa’ l-fatt li tali informazzjoni la hija ġeneralment disponibbli, u lanqas ma għandha neċessarjament natura affidabbli, bħalma turi d-diskussjoni tal‑14 ta’ Frar 2007, imsemmija fil-punt 136 iktar ’il fuq, bejn l-operatur ta’ HSBC u dak ta’ Barclays dwar il-prezzijiet medjani ppubblikati mill-operatur ta’ Deutsche Bank fuq is-sit Bloomberg tiegħu.

144    Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li tista’ ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-kompetituri li jiġbru informazzjoni b’mod indipendenti jew jiddiskutu prezzijiet futuri ma’ klijenti u ma’ terzi u, min-naħa l-oħra, il-kompetituri li jiddiskutu fatturi ta’ pprezzar u tal-evoluzzjoni tal-prezzijiet ma’ kompetituri oħra qabel jistabbilixxu l-prezzijiet ta’ referenza tagħhom. Fil-fatt, għalkemm l-ewwel aġir ma jqajjem l-ebda diffikultà fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni ħielsa u mhux distorta, dan ma huwiex l-istess għat-tieni wieħed, li jikkontradiċi r-rekwiżit li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li għandu l-intenzjoni li jsegwi fis-suq intern, peress li din l-awtonomija tipprekludi rigorożament kull tip ta’ kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi li jkollu l-għan jew l-effett jew li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jikxef ma’ tali kompetitur l-aġir li jkunu ddeċidew jew li bi ħsiebhom jadottaw huma stess fis-suq (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Dole Food u Dole Germany vs Il‑Kummissjoni, T‑588/08, EU:T:2013:130, punti 291 u 292 u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    Barra minn hekk, skambju bejn kompetituri, fuq data rilevanti għad-determinazzjoni tal-prezzijiet u li ma għandhiex natura pubblika, għandu natura iżjed u iżjed sensittiva mill-angolu tal-kompetizzjoni meta dan iseħħ bejn operaturi li jaġixxu bħala “ġeneraturi tas-suq”, fid-dawl tal-importanza li huma għandhom fis-suq tal-EIRD. Bħalma ġie enfasizzat fil-punti 106 u 107 iktar ’il fuq, il-“ġeneraturi tas-suq” huma attivi b’mod ġenerali u kontinwu u għalhekk jikkonkludu numru ikbar ta’ tranżazzjonijiet mill-atturi l-oħrajn tas-suq. Mill-angolu tal-osservanza tal-kompetizzjoni fis-suq, huwa iżjed u iżjed fundamentali li d-determinazzjoni tal-prezzijiet tagħhom issir b’mod awtonomu.

146    Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat li d-diskussjonijiet bejn l-operaturi ta’ HSBC u ta’ Barclays tal‑14 u s‑16 ta’ Frar 2007 rrigwardaw informazzjoni preċiża u li tista’ tintuża mill-parti l-oħra.

147    B’dan il-mod, minn qari tad-diskussjoni tal‑14 ta’ Frar 2007 fit-totalità tagħha jirriżulta li mhux biss l-operatur ta’ HSBC jiżvela l-livell tal-prezz medjan tiegħu (4.012) kif ukoll il-prezz tat-tranżazzjonijiet li ġew proposti lilu (4.004/4.0015), iżda wkoll li ż-żewġ operaturi jiskambjaw l-impressjoni tagħhom fuq il-livell u l-evoluzzjoni tal-prezzijiet.

148    Fir-rigward tad-diskussjoni tas‑16 ta’ Frar 2007, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti nfushom fl-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li l-operaturi ta’ HSBC u ta’ Barclays iddiskutew l-evalwazzjoni tagħhom tal-prezz medjan għal swap li għandha bħala bażi ta’ referenza l-EONIA li tibda f’għaxar xhur u li għaliha d-data ta’ ffissar kienet xahar wara (10/11 swap EONIA) u kkumparawha mal-prezz medjan għal ftehim ta’ rati futuri bbażati fuq l-Euribor dwar l-istess dati. Minn din id-diskussjoni jirriżultaw, minn naħa, evalwazzjoni mill-ġdid mill-operatur ta’ HSBC tal-prezz medjan tiegħu għall-iswap ibbażata fuq l-EONIA, wara l-opinjoni mogħtija mill-operatur ta’ Barclays u, min-naħa l-oħra, li l-partijiet jiskambjaw fuq dik li għandha tkun id-differenza ta’ prezz bejn dawn iż-żewġ derivattivi.

149    Fil-ħames lok, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq in-natura allegatament “favur il-kompetizzjoni” tal-iskambji ta’ informazzjoni bejn ġeneraturi tas-suq dwar il-prezzijiet medjani ma jistgħux jintlaqgħu. Essenzjalment, ir-rikorrenti jargumentaw li l-iskambji dwar il-prezzijiet medjani huma inerenti fl-attivitajiet tal-operaturi, u b’mod iktar partikolari tal-ġeneraturi tas-swieq, li joperaw fis-suq tal-EIRD sabiex inaqqsu r-riskji u jgħinu sabiex inaqqsu d-differenzjal bejn it-talba u l-offerta b’benefiċċju għall-klijenti.

150    Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq, l-eżami tal-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku u legali tas-suq li l-iskambji tal-informazzjoni seħħew fih.

151    Ċertament, huwa minnu wkoll li s-suq tal-EIRD għandu karatteristika partikolari. Il-banek ta’ spiss jikkonkludu EIRD bejniethom, b’mod partikolari għal għanijiet ta’ kopertura tar-riskji. Fi kliem ieħor, in-natura stess tas-suq timplika li banek, u b’mod partikolari dawk li jaġixxu bħala ġeneraturi tas-suq, li huma kompetituri fir-rigward tal-offerta tal-EIRD lil klijenti potenzjali, jistgħu wkoll jinnegozjaw bejniethom u, għaldaqstant, li f’din l-okkażjoni jikkomunikaw informazzjoni kunfidenzjali bejniethom.

152    Għandu madankollu jiġi enfasizzat li dan l-aspett tal-kuntest ekonomiku u legali tas-suq tal-EIRD ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, sa fejn hija eskludiet mill-analiżi tagħha l-informazzjoni skambjata fil-kuntest ta’ negozjar kuntrattwali.

153    Għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti jmur lil hinn mill-kritika waħda tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku u legali tas-suq tal-EIRD, iżda jikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni ta’ eventwali effetti favur il-kompetizzjoni tad-diskussjonijiet bejn operaturi.

154    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bl-eċċezzjoni tar-restrizzjonijiet anċillari għal operazzjoni prinċipali (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata), huwa biss fil-qafas tal-evalwazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE li eventwali effetti favur il-kompetizzjoni jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-eżistenza ta’ “regola ta’ raġuni”, jiġifieri eżami li jiżen l-effetti favur u kontra l-kompetizzjoni ta’ ftehim meta ssir il-klassifikazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 101(1) TFUE, ma tistax tiġi aċċettata fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni, T‑360/09, EU:T:2012:332, punt 65; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il‑Kummissjoni, T‑65/98, EU:T:2003:281, punt 106).

155    Għaldaqstant, hija r-responsabbiltà tar-rikorrenti, jew li juru li d-diskussjonijiet fuq il-prezzijiet medjani kienu direttament marbuta u neċessarji għall-funzjonament tas-suq tal-EIRD, jew li dawn kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) TFUE.

156    Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkritikawx lill-Kummissjoni li għamlet applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101(3) TFUE fil-kuntest tar-rikors odjern.

157    Min-naħa l-oħra, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti jistgħu jinftiehmu fis-sens li jsostnu li l-iskambji ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet medjani bejn ġeneraturi tas-suq huma indissoċjabbli mill-funzjonament tas-suq tal-EIRD, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk operazzjoni jew attività partikolari ma taqax taħt il-prinċipju ta’ projbizzjoni previst fl-Artikolu 101(1) TFUE minħabba n-newtralità tagħha jew l-effett pożittiv tagħha fil-livell tal-kompetizzjoni, restrizzjoni tal-awtonomija kummerċjali ta’ parteċipant wieħed jew ta’ diversi f’din l-operazzjoni jew f’din l-attività lanqas ma taqa’ taħt l-imsemmi prinċipju ta’ projbizzjoni jekk din ir-restrizzjoni hija oġġettivament neċessarja għall-implimentazzjoni tal-imsemmija operazzjoni jew tal-imsemmija attività u proporzjonali għall-għanijiet ta’ waħda jew l-oħra (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, fejn ma huwiex possibbli li tali restrizzjoni, ikklassifikata bħala restrizzjoni anċillari, tiġi ddissoċjata mill-operazzjoni jew mill-attività prinċipali mingħajr ma jiġu kompromessi l-eżistenza u l-għanijiet tagħha, hemm lok li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà ta’ din ir-restrizzjoni mal-Artikolu 101 TFUE flimkien mal-kompatibbiltà tal-operazzjoni jew tal-attività prinċipali li għaliha hija anċillari, u dan minkejja li, meqjusa waħidha, restrizzjoni simili tista’ tidher, prima facie, li taqa’ taħt il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 90).

158    Sabiex restrizzjoni tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala anċillari, għandu jiġi eżaminat, minn naħa, jekk ir-restrizzjoni hijiex oġġettivament neċessarja għall-implimentazzjoni tal-operazzjoni jew tal-attività prinċipali u, min-naħa l-oħra, jekk hijiex proporzjonali għaliha (sentenzi tat‑18 ta’ Settembru 2001, M6 et vs Il‑Kummissjoni, T‑112/99, EU:T:2001:215, punt 106, u tad‑29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni, T‑360/09, EU:T:2012:332, punt 64).

159    Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, skont il-ġurisprudenza, għandu jiġi eżaminat jekk it-twettiq ta’ din l-operazzjoni jew ta’ din l-attività tkunx impossibbli fl-assenza tar-restrizzjoni inkwistjoni. B’dan il-mod, il-fatt li l-imsemmija operazzjoni jew l-imsemmija attività sempliċement issir iktar diffiċli sabiex titwettaq, jew inqas profitabbli, fl-assenza tar-restrizzjoni inkwistjoni ma jistax jitqies li jagħti lil din ir-restrizzjoni n-natura “oġġettivament neċessarja” meħtieġa sabiex din tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala anċillari. Fil-fatt, tali interpretazzjoni twassal sabiex dan il-kunċett jiġi estiż għal restrizzjonijiet li ma humiex strettament indispensabbli għat-twettiq tal-operazzjoni jew tal-attività prinċipali. Tali riżultat jimmina l-effett utli tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 91).

160    Din l-ewwel kundizzjoni, applikata għaċ-ċirkustanzi tal-każ, twassal sabiex jiġi vverifikat jekk il-funzjonament tas-suq tal-EIRD isirx impossibbli mingħajr skambji ta’ informazzjoni fuq il-prezzijiet medjani bejn ġeneraturi tas-suq. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi enfasizzat li, ċertament, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, għall-effetti favur il-kompetizzjoni li jista’ jkollhom tali skambji bejn operaturi, sa fejn dawn ippermettewlhom inaqqsu l-inċertezza dwar il-livell li fih huma setgħu kienu f’pożizzjoni li jikkostitwixxu l-kopertura tagħhom u, għalhekk, li jipproponu prezzijiet iktar favorevoli. Madankollu, ir-rikorrenti ma jurux li s-suq tad-derivattivi OTC ma jistax jiffunzjona mingħajr tali skambji ta’ informazzjoni bejn operaturi li jaġixxu bħala ġeneraturi tas-suq. Għaldaqstant, l-imsemmija l-ewwel kundizzjoni ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ.

161    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq l-ilment li jikkontesta l-fondatezza tal-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni bħala għan applikata għall-iskambji fuq pożizzjonijiet ta’ operar

162    Fil-kuntest tal-ilment odjern hemm ikkontestata l-klassifikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni għall-aġir deskritt fil-premessi 271 sa 276 (diskussjoni tat‑12 ta’ Frar 2007), 286 sa 288 (diskussjoni tas‑16 ta’ Frar 2007), 295 (diskussjoni tad‑9 ta’ Marzu 2007), 296 sa 298 (diskussjoni tal‑14 ta’ Marzu 2007) tad-deċiżjoni kkontestata. Fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni targumenta li nżammu wkoll xi diskussjonijiet fuq il-pożizzjonijiet ta’ operar fit‑13 u t‑28 ta’ Frar u fid‑19 ta’ Marzu 2007.

163    Fir-rigward tad-diskussjonijiet tat‑13 u t‑28 ta’ Frar u tad‑19 ta’ Marzu 2007, li għalihom tagħmel riferiment il-Kummissjoni, huwa biżżejjed jiġi enfasizzat li dawn kollha seħħew fid-dawl tal-manipulazzjoni tal-Euribor tad‑19 ta’ Marzu 2007, jew li dawn kellhom rabta ma’ din tal-aħħar, u li għaldaqstant diġà ġie konkluż li huma kienu qegħdin jipparteċipaw f’aġir li għandu għan antikompetittiv. Ir-rikorrenti ma jikkontestawx, barra minn hekk, il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni bħala għan li ġiet applikata għalih, fil-kuntest ta’ din il-parti tal-motiv.

164    Għandha ssir konklużjoni analoga f’dak li jirrigwarda d-diskussjonijiet tat‑12 u s‑16 ta’ Frar 2007, peress li diġà ġie rrilevat li l-Kummissjoni kienet ġustament żammet il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan fil-konfront tagħhom. Minn naħa, mill-ewwel parti ta’ dan il-motiv jirriżulta li l-Kummissjoni ddeċidiet ġustament li d-diskussjoni tat‑12 ta’ Frar 2007 kienet taqa’ fil-kuntest tal-manipulazzjoni tal-Euribor tad‑19 ta’ Marzu 2007 u kienet parti minn ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE bħala tali. Min-naħa l-oħra, għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel ilment ta’ din il-parti tal-motiv, il-Kummissjoni iddeċidiet ukoll ġustament li d-diskussjoni tas‑16 ta’ Frar 2007 kienet parti minn ksur ta’ dan l-istess Artikolu 101(1) TFUE, peress li din kienet tikkonsisti fi skambju fuq il-prezzijiet medjani. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk l-istess okkorrenza ta’ dan l-aġir taqax ukoll taħt il-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan għal raġuni oħra.

165    Għaldaqstant, inkwistjoni jibqa’ biss id-diskussjonijiet tad‑9 u l‑14 ta’ Marzu 2007.

166    Dawn id-diskussjonijiet jaqgħu taħt il-kategorija ta’ aġir antikompetittiv msemmi fil-premessi 113(b), 358(b) u 392(b) tad-deċiżjoni kkontestata (skambji bejn l-operaturi fuq il-pożizzjonijiet ta’ operar/espożizzjonijiet rispettivi tagħhom fir-rigward tal-EIRD) u fil-premessi 113, 358 u 392(c) tad-deċiżjoni kkontestata (skambji bejn l-operaturi fuq il-possibbiltà li jallinjaw il-pożizzjonijiet ta’ operar tagħhom).

167    Mill-premessi 394 u 395 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-istess kunsiderazzjoni bħal dik użata fil-konfront tal-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007 u tal-iskambji dwar il-prezzijiet medjani sservi sabiex tiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan applikata għall-iskambji ta’ informazzjoni fuq il-pożizzjonijiet ta’ operar, jiġifieri li dawn kienu jpoġġu lill-parteċipanti f’sitwazzjoni ta’ asimettrija ta’ informazzjoni favorevoli, billi jżidu t-trasparenza bejn il-partijiet u billi jnaqqsu sinjifikament l-inċertezzi normali inerenti fis-suq.

168    Għandu jiġi rrilevat li ma hemm l-ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “pożizzjoni ta’ operar” fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu mid-diversi drabi ta’ użu fl-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li, b’din l-espressjoni, hemm koperti l-kompożizzjoni tal-portafoll ta’ investiment ta’ operatur (il-“book”), il-livell u s-sens ta’ dawn l-espożizzjonijiet fis-suq tal-EIRD.

169    Xi punti ta’ motivazzjoni dwar iktar partikolari l-pożizzjonijiet ta’ operar jinsabu f’siltiet oħrajn tad-deċiżjoni kkontestata.

170    Għaldaqstant, fil-premessa 390 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li, skont RBS, kull ġeneratur tas-suq kien iżomm ktieb tan-negozju li kienu jikkonsisti f’inventarju tal-kuntratti u ddeduċiet minn dan li “billi żvelaw lil xulxin il-pożizzjoni ta’ operar tagħhom, il-ġeneraturi tas-suq [kienu] f’pożizzjoni li jnaqqsu t-talba u l-offerta rispettiva tagħhom relattivament għal dawn il-kuntratti, u [setgħu] jużaw din l-informazzjoni għall-benefiċċju tagħhom [; dan] [seta’] iwassalhom sabiex jadattaw il-mudelli ta’ negozjar rispettivi tagħhom u [kien] jippermettilhom ikunu infurmati aħjar mill-ġeneraturi tas-suq kompetituri u minn atturi oħrajn tas-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

171    Fil-premessa 417 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni argumentat li “l-iskambji dwar il-pożizzjonijiet ta’ operar […] kienu jservu sabiex jiġi vverifikat li l-interessi kummerċjali tal-partijiet kienu konverġenti, qabel ma jkunu jistgħu jieħdu miżuri miftiehma oħrajn sabiex jinfluwenzaw il-valur tal-EIRD b’detriment tal-kompetituri li ma kinux qegħdin jipparteċipaw fl-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija żiedet li “f’suq ta’ EIRD mhux trasparenti […], il-kondiviżjoni ta’ tali informazzjoni kienet tippermetti lill-partijiet għall-akkordju li jkunu infurmati aħjar mill-atturi l-oħrajn tas-suq”. Fl-istess premessa, il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li, “billi żvelaw il-pożizzjonijiet ta’ operar tagħhom u, għaldaqstant, billi kienu jistgħu jadattaw il-mudelli ta’ negozju rispettivi tagħhom, il-partijiet għall-akkordju setgħu jinfluwenzaw il-valur tal-portafolli tagħhom, li mbagħad jinfluwenzaw il-kundizzjonijiet tan-negozju fis-sens tal-Artikolu 101(1)[(a) TFUE], u fil-fatt jaffettwaw l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq tal-EIRD”.

172    Il-konverżazzjoni tad‑9 ta’ Marzu 2007, li saret bejn operatur ta’ HSBC u operatur ta’ Deutsche Bank, tissemma fil-premessa 295 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni qieset fiha li din il-konverżazzjoni kienet dwar il-pożizzjonijiet ta’ operar speċifiċi ta’ atturi importanti u nżammet ’il barra mill-kuntest ta’ negozju potenzjali.

173    Id-diskussjoni tal‑14 ta’ Marzu 2007 tissemma fil-premessi 296 sa 298 tad-deċiżjoni kkontestata. Minnhom jirriżulta li l-imsemmija konverżazzjoni kienet dwar spekulazzjonijiet tal-passat fuq id-differenza fir-rata bejn l-EONIA u l-Euribor-1M li fil-kuntest tagħhom l-operatur ta’ HSBC għamel telf, filwaqt li dak ta’ Barclays kiseb profitt finanzjarju sinjifikanti. Barra minn hekk, l-operatur ta’ Barclays spjegalu kif, skont hu, ħadem is-suq u jenfasizza li għandu jkun l-istess għall-iskadenzi ta’ Ġunju.

174    Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni bħala għan applikata għal dawn id-diskussjonijiet, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ddeċidiet li dawn id-diskussjonijiet kienu kkontribwixxew għal distorsjoni tal-kors normali tal-komponenti tal-prezz fis-settur tal-EIRD. Barra minn hekk, b’mod partikolari fil-premessa 417 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li l-konverżazzjonijiet fuq il-pożizzjonijiet ta’ operar kienu influwenzaw kundizzjonijiet oħrajn tan-negozju fis-sens tal-Artikolu 101(1)(a) TFUE.

175    Fir-rigward ta’ din it-tieni klassifikazzjoni, għalkemm din tista’, bħala prinċipju u għar-raġunijiet spjegati fil-punti 74 sa 77 iktar ’il fuq, tittieħed inkunsiderazzjoni minkejja li din ma tissemmiex fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, dan huwa, madankollu, suġġett għall-kundizzjoni li din tkun immotivata b’mod suffiċjenti fid-dritt.

176    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet individwali, l-obbligu li jiġu mmotivati tali deċiżjonijiet huwa għalhekk intiż, apparti li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata b’difett li minħabba fih tkun tista’ tikkontesta l-validità tagħha (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

177    Issa, bħalma josservaw ġustament ir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, id-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jiġu identifikati liema huma l-“kundizzjonijiet l-oħrajn tan-negozju” li jkunu ġew ikkoordinati wara skambji fuq pożizzjonijiet ta’ operar li jinvolvu lil HSBC. Minn dan isegwi li tali ġustifikazzjoni ma tissodisfax il-kriterji mfakkra mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 176 iktar ’il fuq u, għaldaqstant, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni meta jsir l-istħarriġ tal-fondatezza tal-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni bħala għan applikata għall-iskambji fuq il-pożizzjonijiet ta’ operar.

178    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat fil-qafas ta’ dan l-ilment jekk il-Kummissjoni setgħetx, ġustament, tiddeċiedi li tali skambji kkawżaw distorsjoni tal-kors normali tal-komponenti tal-prezz fis-settur tal-EIRD.

179    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li skambji bejn kompetituri fuq il-kompożizzjoni tal-portafoll ta’ investiment tagħhom jew il-livell tal-espożizzjonijiet tagħhom ma għandhomx l-istess rilevanza għall-iffissar tal-prezzijiet fis-suq tal-EIRD bħal informazzjoni fuq il-prezzijiet medjani. Fil-fatt, minkejja li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 139 sa 141 iktar ’il fuq, tali informazzjoni fuq il-prezzijiet medjani tiffaċilita l-identifikazzjoni tar-rata fissa proposta minn kompetitur għal prodott idderivat u l-perċezzjoni tiegħu ta’ x’ser tkun ir-rata varjabbli meta jsir l-iffissar, dan ma huwiex l-istess fir-rigward ta’ skambju fuq il-pożizzjonijiet ta’ operar, li ma jirrigwardawx direttament ir-rati tal-EIRD.

180    Mistoqsija fuq dan il-punt matul is-seduta, il-Kummissjoni nfisha rrikonoxxiet li l-iskambji fuq il-pożizzjonijiet ta’ operar ma kellhomx, intrinsikament, l-istess portata restrittiva tal-kompetizzjoni bħal skambji dwar il-prezzijiet medjani.

181    Din il-konklużjoni hija sostnuta wkoll mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata. Minnha jirriżulta li l-maġġoranza tal-iskambji fuq il-pożizzjonijiet ta’ operar pjuttost kellhom natura komplementari għal prattiċi oħrajn restrittivi tal-kompetizzjoni li għandhom għan restrittiv tal-kompetizzjoni ppruvat. Għaldaqstant, fil-premessa 417 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tenfasizza li l-“iskambji fuq il-pożizzjonijiet ta’ operar […] kienu jservu sabiex jiġi vverifikat li l-interessi kummerċjali tal-partijiet kienu konverġenti, qabel ma jkunu jistgħu jieħdu miżuri miftiehma oħrajn sabiex jinfluwenzaw il-valur tal-EIRD b’detriment tal-kompetituri li ma kinux qegħdin jipparteċipaw fl-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

182    Għaldaqstant, il-maġġoranza l-kbira tad-diskussjonijiet fuq il-pożizzjonijiet ta’ operar li l-operaturi ta’ HSBC ipparteċipaw fihom kellhom rabta mal-manipulazzjoni tal-Euribor tad‑19 ta’ Marzu 2007. Dan huwa l-każ tad-diskussjonijiet mal-operatur ta’ Barclays tat‑12, it‑13 u t‑28 ta’ Frar u tad‑19 ta’ Marzu 2007.

183    Dan huwa differenti fir-rigward tad-diskussjonijiet tad‑9 u l‑14 ta’ Marzu 2007, li ma seħħewx fid-dawl tal-manipulazzjoni tal-Euribor tad‑19 ta’ Marzu 2007.

184    Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 54, 55, 59 u 62 iktar ’il fuq jirriżulta li, minkejja li skambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri jista’ jkun kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni meta dan itaffi jew ineħħi l-livell ta’ inċertezza fil-funzjonament tas-suq inkwistjoni bil-konsegwenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi, il-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan għandha tkun irriżervata għal dawk l-iskambji li jiżvelaw livell suffiċjenti ta’ ħsara fil-konfront tal-kompetizzjoni, b’tali mod illi ma jkunx neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti tagħhom. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ skambju ta’ informazzjoni li jista’ jelimina inċertezzi fil-persuni kkonċernati fir-rigward tad-data, tal-kobor u tal-modalitajiet tal-adattazzjoni tal-aġir fis-suq li l-impriżi kkonċernati ser jimplimentaw.

185    Fit-tielet lok, u konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni skambjata matul id-diskussjonijiet tad‑9 u l‑14 ta’ Marzu 2007 taffietx jew neħħietx il-livell ta’ inċertezza fis-suq b’tali mod li l-Kummissjoni setgħet tiddeduċi minn dan effett fuq il-kors normali tal-komponenti tal-prezz fis-settur tal-EIRD, mingħajr ma jkollha teżamina l-effetti tagħha.

186    F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, id-diskussjoni tad‑9 ta’ Marzu 2007, għandu jiġi enfasizzat li, fil-premessa 295 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkritika lill-operatur ta’ HSBC li informa lil dak ta’ Deutsche Bank bil-pożizzjonijiet ta’ operar tiegħu, billi ddikjara, b’mod partikolari, “j’ai fait la patte 5 ans […] je suis flattener à des niveau[x] imbattables! et je reste short du court euro”, għal liema l-operatur ta’ HSBC wieġeb “bravo bien joué”. Hija tikkritika wkoll lill-operatur ta’ HSBC, matul din l-istess konverżazzjoni, li kiteb dwar il-portafoll tiegħu “flattener euro maintenant 2-5 ans short de juin et sept 7 euribor”, li l-Kummissjoni interpretat bħala li jantiċipa “tnaqqis tal-ispread bejn il-prezz tal-EIRD li għandu skadenza bejn sentejn u ħames snin u [li t-trader ta’ HSBC] għandu pożizzjoni ta’ operar qasira fil-kuntratti forward ta’ Ġunju u Settembru 2007”. Il-Kummissjoni nnutat ukoll li l-operatur ta’ Deutsche Bank wieġbu “moi j’ai pas de h8 et de 2y!”, li l-Kummissjoni interpretat li jimplika li huwa ma kellux “kuntratti forward ta’ Marzu 2008, u lanqas fuq l-EIRD għal sentejn”.

187    Ċertament, għandu jiġi osservat li l-operaturi ddiskutew il-kompożizzjoni tal-portafoll tagħhom, u b’dan il-mod skambjaw informazzjoni li għandha natura kunfidenzjali, ’il barra mill-kuntest ta’ negozju potenzjali.

188    Madankollu, kuntrarjament għal dak li targumenta l-Kummissjoni, hija ma tippruvax b’mod suffiċjenti fid-dritt li din id-diskussjoni tat lill-operaturi vantaġġ fil-qasam ta’ informazzjoni li seta’ jippermettilhom jaġġustaw konsegwentement l-istrateġiji ta’ operar tagħhom.

189    Fil-fatt, minn naħa, l-impressjoni li toħroġ minn din il-konverżazzjoni hija li l-operatur ta’ HSBC jiftaħar ma’ dak ta’ Deutsche Bank dwar negozju tajjeb li huwa għamel u dan tal-aħħar jifraħlu. L-informazzjoni pprovduta, ftit li xejn preċiża u ftit li xejn iddettaljata, ma tippermettix li wieħed jara f’din il-konverżazzjoni l-ispjegazzjoni ta’ “strateġija”, li l-għarfien tagħha mill-operatur wieħed ta’ Deutsche Bank kien ipoġġih f’sitwazzjoni tant favorevoli meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu li l-Kummissjoni setgħet tiddeduċi minn dan li l-imsemmija konverżazzjoni kellha għan restrittiv tal-kompetizzjoni.

190    Min-naħa l-oħra, bħalma jenfasizzaw ir-rikorrenti, mingħajr ma huma kontradetti mill-Kummissjoni, il-biċċiet ta’ informazzjoni pprovduti mill-operaturi fuq il-portafoll tagħhom la jikkonċernaw il-maturitajiet tar-rati tal-imgħax ikkonċernati u lanqas il-portata tal-pożizzjonijiet ikkonċernati.

191    Issa, fl-assenza ta’ informazzjoni iktar preċiża ta’ dan it-tip, ma jistax jiġi konkluż li din id-diskussjoni taffiet jew neħħiet il-livell ta’ inċertezza fis-suq b’tali mod li l-Kummissjoni setgħet tiddeduċi minnha effett fuq il-kors normali tal-komponenti tal-prezz fis-settur tal-EIRD, mingħajr ma jkollha teżamina l-effetti tagħha.

192    F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, id-diskussjoni tal-14 ta’ Marzu 2007, imsemmija fil-premessi 296 sa 298 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu, ċertament, jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-konverżazzjoni preċedenti, l-informazzjoni skambjata bejn l-operaturi hija preċiża u ċara. L-operatur ta’ Barclays jinforma lill-operatur ta’ HSBC fuq il-mod kif fil-futur jikseb profitt finanzjarju billi juża d-differenza fir-rati bejn l-Euribor-1M u l-EONIA.

193    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, billi pproċeda b’dan il-mod, l-operatur ta’ Barclays ma jipprovdi ebda informazzjoni kunfidenzjali lill-operatur ta’ HSBC. Huwa sempliċement jaqsam miegħu l-osservazzjoni skont liema, essenzjalment, ir-rata tal-EONIA jista’ jkollha effett fuq dik tal-Euribor-1M. Issa, anki jekk l-operatur ta’ HSBC ma kienx jidher li jaf dwar din il-karatteristika tal-interazzjoni bejn dawn iż-żewġ rati, din hija biss sempliċi osservazzjoni li l-osservaturi kollha tas-suq setgħu jagħmlu. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-ispjegazzjoni tiegħu lil kompetitur ittaffi jew tneħħi l-livell ta’ inċertezza fis-suq b’tali mod li l-Kummissjoni setgħet tiddeduċi minnha effett fuq il-kors normali tal-komponenti tal-prezz fis-settur tal-EIRD.

194    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li d-diskussjonijiet tad‑9 u l‑14 ta’ Marzu 2007, individwalment jew flimkien, ma jistgħux jitqiesu li għandhom għan restrittiv tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

195    Għaldaqstant, fit-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jargumentaw ġustament li l-Kummissjoni ma setgħetx tiddeċiedi li d-diskussjonijiet tad‑9 u l‑14 ta’ Marzu 2007 kellhom għan restrittiv tal-kompetizzjoni.

2.      Fuq it-tieni, it-tielet u r-raba’ motiv, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu applikata mill-Kummissjoni

196    It-tieni, it-tielet u r-raba’ motiv huma intiżi li jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni ta’ HSBC fi ksur uniku u kontinwu.

197    Skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att individwali, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew anki minn aġir kontinwu, anki fil-każ li wieħed minn dawn l-aspetti ta’ din is-serje ta’ atti jew aġir kontinwu, jew iktar, jistgħu fihom infushom u individwalment, jikkostitwixxu wkoll ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, meta d-diversi azzjonijiet jagħmlu parti minn “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom li tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni għandha d-dritt timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur meqjus fl-intier tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 156 u l-ġurisprudenza ċċitata).

198    Impriża li tkun ipparteċipat f’tali ksur uniku u kumpless bl-aġir tagħha stess, f’għamla ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma b’għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li kienu intiżi li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-ksur fl-intier tiegħu, tista’ wkoll tkun responsabbli għall-aġir ta’ impriżi oħrajn fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur. Dan huwa l-każ meta jiġi stabbilit li l-imsemmija impriża kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li kellha għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur previst jew implimentat minn impriżi oħrajn fil-kisba tal-istess għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedihom u kienet lesta taċċetta dan ir-riskju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 157 u l-ġurisprudenza ċċitata).

199    Għalhekk, impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, f’liema każ il-Kummissjoni tista’ timputa fil-konfront tagħha r-responsabbiltà għal dan l-aġir kollu, u għalhekk għal dan il-ksur kollu fl-intier tiegħu. Impriża tista’ wkoll tipparteċipa direttament f’parti biss mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, iżda jkollha għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur kollu l-ieħor previst jew implimentat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju għall-kisba tal-istess għanijiet, jew li tkun setgħet raġonevolment ipprevediet u aċċettat li tieħu dan ir-riskju. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni wkoll għandha dritt li timputa fuq din l-impriża r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi tali ksur u, sussegwentement, tal-ksur fl-intier tiegħu (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 158 u l-ġurisprudenza ċċitata).

200    A contrario, jekk impriża tkun ipparteċipat direttament f’wieħed jew iktar mill-għamliet ta’ aġir antikompetittiv li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu, iżda ma jkunx ġie stabbilit li, permezz tal-aġir tagħha stess, hija kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti l-oħrajn fl-akkordju u li kellha għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur l-ieħor kollu previst jew implimentat minn dawn il-parteċipanti fil-kisba tal-stes għanijiet, jew li setgħet raġonevolment tipprevedihom u li kienet lesta taċċetta dan ir-riskju, il-Kummissjoni għandha dritt timputa responsabbiltà fuq din l-impriża biss fir-rigward tal-aġir li fih hija pparteċipat direttament u għall-aġir previst jew implimentat mill-parteċipanti l-oħrajn fil-kisba tal-istess għanijiet tagħha, u fejn ikun ġie pprovat li hija kellha għarfien ta’ dan jew setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta taċċetta dan ir-riskju (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 159 u l-ġurisprudenza ċċitata).

201    Barra minn hekk, sabiex tipi ta’ aġir differenti jiġu kklassifikati bħala ksur uniku u kontinwu, ma hemmx lok li jiġi vverifikat jekk dawn għandhomx rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull wieħed minnhom huwa intiż sabiex jittratta konsegwenza jew konsegwenzi tal-kors normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxu, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha mixtieqa mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan ġenerali li jipprevedi għan wieħed. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni dwar il-kunċett ta’ għan wieħed timplika li għandu jiġi vverifikat jekk hemmx xi elementi li jikkaratterizzaw id-diversi tipi ta’ aġir li jagħmlu parti mill-ksur li jistgħu jindikaw li l-aġir materjali ta’ impriżi parteċipanti oħrajn ma għandhomx l-istess għan jew l-istess effett antikompetittiv u konsegwentement ma jaqgħux taħt “pjan ġenerali” minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punti 247 u 248).

202    Barra minn hekk, sa fejn il-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu twassal li impriża tiġi imputata bil-parteċipazzjoni fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandu jitfakkar li, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, fil-każ ta’ tilwima dwar l-eżistenza ta’ ksur, hija l-Kummissjoni li għandha ġġib il-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li tistabbilixxi l-provi xierqa sabiex tipprova, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

203    Sabiex tiġi ppruvata l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tikkunsidra provi serji, preċiżi u konkordanti. Madankollu, mhux kull prova prodotta minn din tal-aħħar għandha neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li l-ġabra ta’ indizji invokati mill-imsemmija istituzzjoni, evalwati globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

204    Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tmur favur l-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Fil-fatt, il-preżunzjoni ta’ innoċenza tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li llum il-ġurnata huwa stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

205    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza japplika għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jirriżultaw fl-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ penalità (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

206    F’dan il-każ, bħalma diġà ġie enfasizzat fil-punt 70 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni applikat din il-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu għal tliet gruppi ta’ aġir skont jekk dawn jirrigwardawx, l-ewwel nett, il-manipulazzjoni tas-sottomissjonijiet lill-Euribor (premessi 113, 358 u 392(a): skambji dwar il-preferenzi għal livell ta’ rati tal-Euribor; premessi 113, 358 u 392(d): skambji dwar il-possibbiltà li jallinjaw is-sottomissjonijiet lill-Euribor; premessi 113, 358 u 392(e): kuntatt mill-operatur implikat tal-persuna responsabbli mis-sottomissjonijiet Euribor fi ħdan il-bank tagħha; premessi 113, 358 u 392(f): ftehimiet sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni tentattivi sabiex jiġu influwenzati s-sottomissjonijiet lill-Euribor), it-tieni nett, skambji dwar pożizzjonijiet ta’ operar f’dak li jirrigwarda l-EIRD (premessi 113, 358 u 392(b): skambji dwar il-pożizzjonijiet ta’ operar/espożizzjonijiet rispettivi; premessi 113, 358 u 392(c): skambji dwar il-possibbiltà li jallinjaw il-pożizzjonijiet ta’ operar tagħhom) u, it-tielet nett, skambji dwar informazzjoni ddettaljata mhux aċċessibbli għall-pubbliku dwar l-intenzjonijiet u l-istrateġija fil-qasam ta’ prezz tal-EIRD (premessi 113, 358 u 392(g)).

207    Il-motivi mqajma fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi ġġustifikata din il-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu jinsabu fil-premessi 442 sa 492 tad-deċiżjoni kkontestata u huma mqassra fil-punt 19 iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni ddeċidiet li kien hemm għan ekonomiku uniku (premessi 444 sa 450) u qieset li d-diversi tipi ta’ aġir inkwistjoni kienu jaqgħu taħt skema ta’ aġir komuni (premessi 451 sa 456) u li l-operaturi tal-banek inkwistjoni kienu jafu jew misshom kienu jafu bil-portata ġenerali u l-karatteristiċi essenzjali tal-akkordju fit-totalità tiegħu (premessi 457 sa 483).

208    Bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 197 u 198 iktar ’il fuq, tliet elementi huma determinanti sabiex jiġi konkluż li impriża pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu. L-ewwel wieħed jirrigwarda l-eżistenza nfisha tal-ksur uniku u kontinwu. Id-diversi tipi ta’ aġir inkwistjoni għandhom jaqgħu taħt “pjan ġenerali” li għandu għan uniku. It-tieni u t-tielet elementi jirrigwardaw l-imputabbiltà tal-ksur uniku u kontinwu għal impriża. Minn naħa, din l-impriża kellu jkollha l-intenzjoni li tikkontribwixxi bl-aġir rispettiv tagħha għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti kollha. Min-naħa l-oħra, hija ried ikollha għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur maħsub jew implimentat minn impriżi oħrajn fit-tfittxija tal-istess għanijiet, jew setgħet raġonevolment tipprevedih u tkun lesta li taċċetta dan ir-riskju. L-eżistenza ta’ dawn it-tliet elementi hija kkontestata fit-tieni, it-tielet u r-raba’ motiv tar-rikorrenti, rispettivament.

a)      Fuq it-tieni motiv, li jikkontesta l-eżistenza ta’ pjan ġeneralili għandu għan uniku

209    Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw l-eżistenza ta’ “pjan ġenerali” li għandu għan uniku u jiddeduċu minnu li l-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu mogħtija mill-Kummissjoni hija żbaljata.

210    Il-motivi rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata jinsabu fil-premessi 444 sa 456 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Għan ekonomiku uniku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “Skema ta’ aġir komuni” u ġew mqassra fil-punt 19 iktar ’il fuq.

211    L-argumenti tar-rikorrenti li jinsabu fit-tieni motiv jistgħu jiġi maqsuma f’żewġ partijiet, skont jekk dawn jirrigwardawx, essenzjalment, l-għan uniku tal-ksur jew l-eżistenza ta’ “pjan ġenerali”.

1)      Fuq l-ewwel parti tal-motiv, dwar l-għan uniku tal-ksur

212    Skont ir-rikorrenti, diskussjonijiet bejn operaturi fuq kwistjonijiet li ma humiex relatati mal-manipulazzjoni tar-rati ta’ referenza ma jistax ikollhom l-istess għan uniku bħal diskussjonijiet dwar il-manipulazzjoni tal-imsemmija rati.

213    Il-Kummissjoni tqis li l-aġir kollu inkwistjoni jista’ jkun marbut mal-għan uniku li hija identifikat.

214    Fil-premessa 445 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għan uniku kkunsidrat mill-Kummissjoni ġie ppreżentat bħala t-“[tnaqqis tal-] flussi tal-flus [li l-partijiet fl-akkordju] ikollhom iħallsu (jew [iż-żieda ta’] dawk li jkollhom jirċievu) u konsegwentement [iż-żieda] tal-valur tal-EIRD li huma kellhom fil-portafoll tagħhom, b’detriment tal-kontropartijiet għal dawn l-EIRD” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

215    Bħalma ġie spjegat fil-punt 100 iktar ’il fuq, il-flussi tal-flus marbuta ma’ EIRD jirriżultaw mid-differenza bejn ir-rata fissa tal-kuntratt, jiġifieri dik li hija nnegozjata bejn il-partijiet, u r-rata varjabbli, li hija skont ir-rata ta’ referenza.

216    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ għan uniku ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni f’suq partikolari, peress li l-effett fuq il-kompetizzjoni jikkostitwixxi, bħala oġġett jew effett, element kostituttiv ta’ kull aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE. Tali definizzjoni tal-kunċett ta’ għan uniku toħloq ir-riskju li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu titneħħielu parti mis-sens tiegħu sa fejn dan għandu bħala konsegwenza li diversi tipi ta’ aġir, dwar settur ekonomiku, ipprojbiti mill-Artikolu 101(1) TFUE jkollhom, b’mod sistematiku, jiġu kklassifikati bħala elementi kostituttivi ta’ ksur uniku (sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, EU:T:2007:380, punt 180, tat‑28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, T‑446/05, EU:T:2010:165, punt 92, tat‑30 ta’ Novembru 2011, Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni, T‑208/06, EU:T:2011:701, punt 149).

217    Minn dan jirriżulta neċessarjament li huma biss restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li fir-rigward tagħhom intwera li dawn kellhom bħala għan li joħolqu distorsjoni tal-kors normali jew tar-rata fissa jew tar-rata varjabbli tal-EIRD, li jistgħu jaqgħu taħt l-għan uniku kkunsidrat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, ikun kuntrarju għall-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 216 iktar ’il fuq li fl-imsemmi għan jiġi inkluż aġir restrittiv tal-kompetizzjoni li ma għandux rabta suffiċjentement mill-qrib mal-iffissar ta’ dawn ir-rati.

218    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk it-tliet gruppi ta’ aġir enfasizzati mill-Kummissjoni u mfakkra fil-punti 70 u 206 iktar ’il fuq jistgħux jiġu marbuta ma’ dan l-għan uniku. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-aġir li jirrigwarda l-manipulazzjoni tas-sottomissjonijiet lill-Euribor u, min-naħa l-oħra, l-iskambji li jirrigwardaw pożizzjonijiet ta’ operar f’dak li jirrigwarda l-EIRD kif ukoll dawk li jirrigwardaw informazzjoni ddettaljata mhux aċċessibbli lill-pubbliku fuq l-intenzjonijiet u l-istrateġija fil-qasam tal-prezz tal-EIRD.

219    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-manipulazzjonijiet tas-sottomissjonijiet lill-Euribor, sa fejn ir-rata varjabbli ta’ EIRD hija bbażata direttament fuq ir-rata ta’ referenza, dawn jaqgħu neċessarjament taħt l-għan uniku identifikat mill-Kummissjoni.

220    Fir-rigward ta’ HSBC, jistgħu għaldaqstant mingħajr diffikultà jiġu inklużi f’dan l-għan id-diskussjonijiet tat‑12, it‑13 u t‑28 ta’ Frar u d‑19 ta’ Marzu 2007 imsemmija fil-punti 85, 163 u 164 iktar ’il fuq li jidħlu fil-perspettiva tal-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007.

221    Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jargumentaw, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma ppruvatx li xi manipulazzjonijiet dwar diversi maturitajiet ta’ rati ta’ referenza kienu suffiċjentement relatati bejniethom sabiex ikunu parti mill-istess ksur uniku.

222    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkunsidrat fil-konfront ta’ HSBC li dan ipparteċipa f’diskussjoni fis‑27 ta’ Marzu 2007, deskritta fil-premessa 339 tad-deċiżjoni kkontestata, li matulha l-operatur ta’ Barclays qies il-possibbiltà ta’ manipulazzjoni futura tar-rati ta’ referenza. Minħabba din id-diskussjoni, li l-għan restrittiv tal-kompetizzjoni tagħha ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, it-tmiem tal-perijodu tal-ksur deċiż fil-konfront tar-rikorrenti ġie stabbilit għas‑27 ta’ Marzu 2007.

223    Minkejja li din il-kritika tar-rikorrenti ġiet ippreżentata b’mod sommarju u biss fl-istadju tar-replika, din madankollu tista’ tiġi eżaminata mill-Qorti Ġenerali. Minn naħa, din il-qorti qiegħda f’pożizzjoni li tifhem is-sens ta’ din il-kritika u, min-naħa l-oħra, din tikkostitwixxi sempliċi estensjoni tal-argumenti li diġà jinsabu fir-rikors u mhux il-preżentazzjoni ta’ motiv ġdid matul l-istanza li huwa pprojbit bl-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, din il-kritika għandha rabta suffiċjentement mill-qrib mar-rikors sabiex din tkun tista’ titqies li tirriżulta mill-iżvilupp normali tad-dibattitu fi proċedura kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2017, Petrov et vs Il‑Parlament, T‑452/15, EU:T:2017:822, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

224    Fir-rigward tal-fondatezza ta’ din il-kritika, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 216 iktar ’il fuq tipprekludi lill-Kummissjoni milli tagħti definizzjoni tal-għan uniku tant wiesgħa li tkun qisha riferiment ġenerali għal distorsjoni tal-kompetizzjoni f’settur partikolari, ikun kuntrarju għal-loġika tal-kunċett ta’ ksur uniku li wieħed jimponi fuq il-Kummissjoni, fid-definizzjoni ta’ dan l-għan uniku, obbligu ta’ tali preċiżjoni li hija tiġi prekluża, fil-fatt, milli tinkludi fl-istess ksur aġir differenti.

225    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li diversi manipulazzjonijiet tar-rati ta’ referenza jistgħu jaqgħu taħt l-istess għan uniku.

226    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-iskambji dwar pożizzjonijiet ta’ operar u dwar informazzjoni ddettaljata mhux aċċessibbli għall-pubbliku fuq l-intenzjonijiet u l-istrateġija fil-qasam tal-prezz tal-EIRD, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li hawnhekk inkwistjoni hemm biss l-imsemmija skambji li ma seħħewx fid-dawl ta’ manipulazzjoni tar-rata ta’ referenza jew flimkien magħha.

227    Fil-fatt, id-diskussjonijiet bejn operaturi li seħħew fid-dawl ta’ manipulazzjoni tar-rati ta’ referenza jew flimkien ma’ tali manipulazzjoni jaqgħu taħt l-għan uniku tal-ksur għar-raġunijiet esposti fil-punti 219 sa 225 iktar ’il fuq. Dan huwa l-każ, f’dak li jirrigwarda lil HSBC, għar-raġunijiet esposti fil-punti 181 u 182 iktar ’il fuq, tad-diskussjonijiet fuq il-pożizzjonijiet ta’ operar li l-operaturi tiegħu pparteċipaw fihom fit‑12, it‑13 u t‑28 ta’ Frar, u d‑19 ta’ Marzu 2007.

228    Kuntrarjament għal dak li donnhom jargumentaw ir-rikorrenti, ma jistax jiġi eskluż prima facie li skambji dwar pożizzjonijiet ta’ operar u dwar informazzjoni ddettaljata mhux aċċessibbli għall-pubbliku fuq l-intenzjonijiet u l-istrateġija tagħhom fil-qasam tal-prezz tal-EIRD, minkejja li dawn ma nżammux fid-dawl ta’ manipulazzjoni tar-rati ta’ referenza jew flimkien magħha, jistgħu jaqgħu taħt l-għan uniku kkunsidrat mill-Kummissjoni. Madankollu, għar-raġunijiet spjegati fil-punti 216 u 217 iktar ’il fuq, tali inklużjoni hija possibbli biss suġġett għall-kundizzjoni li l-Kummissjoni tkun uriet li l-imsemmija skambji jkollhom bħala għan li joħolqu distorsjoni tal-kors normali jew tar-rata fissa, jew tar-rata varjabbli tal-EIRD. Fir-rigward ta’ HSBC, mill-punti 139 sa 161 iktar ’il fuq jirriżulta li dan kien il-każ fil-kuntest tad-diskussjonijiet tal‑14 u s‑16 ta’ Frar 2007 li l-operaturi tiegħu pparteċipaw fihom.

229    Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

2)      Fuq it-tieni parti tal-motiv, li tikkontesta l-eżistenza ta’ “pjan ġenerali”

230    Essenzjalment, ir-rikorrenti jikkontestaw l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, ibbażata fuq il-kwistjoni li d-diversi tipi ta’ aġir kollużiv kienu jidħlu fi pjan ġenerali bl-għan li jiġu mtejba l-pożizzjonijiet ta’ operar attwali u futuri tal-bank tagħhom, għar-raġuni li ma teżisti ebda prova ta’ pjan globali. F’dan ir-rigward, huma jargumentaw, essenzjalment, li l-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-allegazzjoni li dan l-aġir kien il-fatt “ta’ grupp stabbli ta’ individwi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma tistax tapplika għal HSBC. Barra minn hekk, ir-riferiment għas-“sigriet” fid-deċiżjoni kkontestata ma jippruvax l-eżistenza ta’ għan ekonomiku uniku fir-rigward ta’ aġir li, min-natura tiegħu stess, huwa differenti ħafna. Huma jargumentaw ukoll li l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, li jipprovdu li d-diskussjonijiet kellhom “l-istess jew kważi l-istess kontenut” jew li kienu jirrigwardaw “dejjem l-istess tipi ta’ negozju” huma żbaljati fil-fatt mill-inqas f’dak li jirrigwarda lil HSBC.

231    Il-Kummissjoni targumenta, essenzjalment, li ppruvat b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza ta’ “pjan ġenerali” fid-deċiżjoni kkontestata.

232    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, essenzjalment, ibbażat l-eżistenza ta’ “pjan ġenerali”, fil-premessa 446 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq iċ-ċirkustanza li l-partijiet aderixxew b’mod ċar għal strateġija komuni li kienet tillimita l-aġir kummerċjali individwali tagħhom billi ffissaw linji gwida għall-azzjoni jew astensjoni reċiproka tagħhom fis-suq, u b’dan il-mod issostitwixxew il-kompetizzjoni bejniethom għal kooperazzjoni b’detriment tal-parteċipanti l-oħrajn fis-suq. Hija enfasizzat ukoll, fil-premessa 451, li l-akkordju kien “immexxi u mkompli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] minn grupp stabbli ta’ persuni u, fil-premessa 452, li l-partijiet kienu segwew skema simili ħafna fl-attivitajiet antikompetittivi tagħhom. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat, fil-premessi 452 sa 456, li l-kuntatti bejn il-banek kienu ta’ spiss iseħħu b’mod parallel jew kienu viċin ħafna fiż-żmien, li l-lingwaġġ użat kien juri li dawn il-komunikazzjonijiet kienu ta’ spiss jintużaw mill-persuni parteċipanti fl-akkordju, li l-partijiet kienu jieħdu prekawzjonijiet sabiex jaħbu l-kuntatti tagħhom u li l-komunikazzjonijiet varji kellhom kontenut identiku jew parzjalment identiku.

233    Fid-diversi motivi enfasizzati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-element ċentrali ta’ natura li jipprova l-eżistenza ta’ “pjan ġenerali” jinsab fl-enfasi, fil-premessa 451 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq l-istipulazzjoni li l-akkordju kien “immexxi u mkompli” minn grupp stabbli ta’ persuni.

234    Fil-fatt, il-motivi l-oħrajn li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata u mqassra fil-punt 232 iktar ’il fuq, bħas-similarità tal-attivitajiet antikompetittivi tal-operaturi fis-suq, il-frekwenza jew ir-rieda tal-imsemmija operaturi li jżommu l-aġir tagħhom sigriet, minkejja li dawn jistgħu jagħtu l-impressjoni li jeżisti “pjan ġenerali”, ma jippruvawx, waħedhom, fin-nuqqas ta’ punti iktar probatorji, l-eżistenza ta’ tali pjan.

235    Għaldaqstant, huwa biss sa fejn dan l-aġir differenti jista’ jitqies bħala immexxi jew ikkontrollat mill-istess grupp ta’ persuni li jista’ jitqies li hemm l-eżistenza ta’ tali “pjan ġenerali”, li tiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku.

236    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-materjalità tal-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-akkordju kien immexxi u mkompli minn grupp stabbli ta’ operaturi, iżda pjuttost jargumentaw li ebda wieħed mill-operaturi ta’ HSBC ma kien parti minnu. Għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma huwiex daqshekk fuq il-fondatezza tal-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku kkunsidrat mill-Kummissjoni, iżda pjuttost fuq l-imputabbiltà tiegħu lil HSBC, li taqa’ taħt l-eżami tar-raba’ motiv.

237    B’din ir-riżerva, it-tieni parti tal-motiv u, għaldaqstant, it-tieni motiv, għandhom jiġu miċħuda.

b)      Fuq ir-raba’ motiv, li jikkontesta l-għarfien minn HSBC tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-parteċipanti l-oħrajn

238    Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li kkonkludiet li HSBC kellu, jew missu kellu, għarfien tal-aġir li allegatament jikkostitwixxi ksur tal-banek l-oħrajn. Huma jargumentaw li la l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-banek kollha, u lanqas dawk speċifikament dwar HSBC, ma jippruvaw li HSBC kellu jew missu kellu għarfien tal-portata ġenerali u tal-karatteristiċi essenzjali tal-akkordju globali.

239    Ir-rikorrenti jargumentaw, b’mod partikolari, li mid-diskussjoni tat‑12 ta’ Frar 2007 jista’ jiġi dedott biss li l-operatur ta’ HSBC kellu idea approssimattiva tal-proġett ġenerali intiż li jiġi mmanipulat l-Euribor-3M fid‑19 ta’ Marzu 2007, mingħajr madankollu ma kien jaf liema banek kienu qegħdin jipparteċipaw fih, u jirrifjutaw li l-operatur ta’ Barclays kien informa ċarament lil dak ta’ HSBC bil-parteċipazzjoni tal-banek l-oħrajn fl-imsemmija manipulazzjoni jew li dan kien kompletament konxju tagħha. Fi kwalunkwe każ, l-eventwali għarfien tal-parteċipazzjoni ta’ banek oħrajn fil-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007 ma jfissirx għarfien tal-iskema ikbar ta’ kuntatti bejn banek oħrajn li seħħew fuq perijodu itwal. Bl-istess mod, iċ-ċirkustanza rrilevata fil-premessa 491 tad-deċiżjoni kkontestata li l-operatur ta’ Barclays kien semma lil operatur ta’ HSBC – fis‑27 ta’ Marzu 2007 – repetizzjoni fil-futur tal-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007, hija nieqsa minn rilevanza fir-rigward ta’ akkordju globali bejn it‑12 ta’ Frar 2007 u s‑26 ta’ Marzu 2007.

240    Il-Kummissjoni targumenta, b’mod preliminari, li, permezz tal-kuntatti tiegħu ma’ Barclays, HSBC ipparteċipa fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu u li din iċ-ċirkustanza hija biżżejjed sabiex hija timputalu r-responsabbiltà għall-imsemmi aġir kollu.

241    Il-Kummissjoni targumenta li madankollu hija ppruvat li HSBC kellu għarfien jew seta’ raġonevolment jipprevedi l-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-impriżi l-oħrajn. Hija tagħmel riferiment f’dan ir-rigward għall-kontenut tal-iskambji bejn HSBC u Barclays tat‑12 ta’ Frar, is‑7 u d‑19 ta’ Marzu 2007. Il-Kummissjoni tiċħad l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-għarfien minn HSBC tal-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007 ma jimplikax dik ta’ aġir antikompetittiv ieħor.

242    Il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur jinsabu fil-premessi 457 sa 465 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-motivi komuni għall-banek kollha, u fil-premessi 471 sa 476 tal-imsemmija deċiżjoni, fir-rigward tal-motivi speċifiċi għal HSBC.

243    F’dak li jirrigwarda l-motivi komuni għall-banek kollha, dawn huma bbażati fuq is-suppożizzjoni, stipulata fil-premessa 457 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-operaturi parteċipanti fl-iskambji antikompetittivi kienu professjonisti kkwalifikati u kienu jafu jew misshom kienu jafu l-portata ġenerali u l-karatteristiċi tal-akkordju. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għamlet riferiment, fil-premessa 458, għall-kuntest speċifiku ħafna li l-operaturi joperaw fih, ikkaratterizzat bi skambji bilaterali, irreġistrati u kkontrollati. It-tieni nett, hija enfasizzat, fil-premessa 459, li l-operaturi involuti fil-ftehimiet kienu jafu li l-operaturi ta’ banek oħrajn kienu disposti sabiex jipparteċipaw fl-istess tip ta’ aġir kollużiv dwar il-komponenti ta’ ffissar tal-prezzijiet u ta’ kundizzjonijiet oħrajn ta’ negozjar tal-EIRD. It-tielet nett, fil-premessi 460 sa 461 tad-deċiżjoni kkontestata, hija argumentat li l-provi kienu juru li kien jeżisti għarfien ġenerali wiesa’ tan-natura deklaratorja tal-proċess ta’ determinazzjoni tar-rati tal-Euribor u, għaldaqstant, tal-possibbiltà li jiġu mibdula permezz tas-sottomissjonijiet tal-banek tal-bord. Ir-raba’ nett, fil-premessa 463, hija enfasizzat il-fatt li kull wieħed mill-banek inkwistjoni kien ilu attiv fis-suq inkwistjoni għal diversi snin u li l-operaturi ma wrewx li kienu sorpriżi meta ġew ippreżentati b’talba għal ftehim. Hija ddeduċiet minn dawn l-elementi meħuda flimkien, fil-premessi 462 u 464, essenzjalment, li l-operaturi parteċipanti fi skambji bilaterali kellhom għarfien jew imissu kellhom għarfien li probabbli diversi banek kienu involuti fl-arranġamenti kollużivi, anki jekk din l-informazzjoni ma kinitx ġiet żvelata lilhom b’mod espliċitu. Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll, fil-premessa 465, li l-operaturi kienu s-suġġett ta’ livell għoli ta’ reġistrazzjoni u ta’ sorveljanza, b’tali mod li l-bord ta’ tmexxija tagħhom kellu jitqies li kellu għarfien, jew missu kellu għarfien, tal-karatteristiċi essenzjali tal-pjan kollużiv u tal-involviment tal-impjegati tagħhom fl-imsemmi pjan. Hija żiedet li hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-prekawzjonijiet meħuda mill-operaturi sabiex jaħbu l-arranġamenti tagħhom.

244    F’dak li jirrigwarda l-motivi speċifiċi għal HSBC, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, fil-premessa 471 tad-deċiżjoni kkontestata, enfasizzat li, sa mill-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ HSBC fil-ksur tat‑12 ta’ Frar 2007, l-operatur ta’ Barclays spjegalu l-pjan fid-dawl tal-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007 b’mod li kien jinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ banek oħrajn. It-tieni nett, fil-premessa 472, hija enfasizzat li l-operatur ta’ HSBC kien konxju tar-rabtiet mill-qrib ħafna li kien hemm bejn l-operatur ta’ Barclays ma’ dawk ta’ JP Morgan, tas-Société générale u ta’ Deutsche Bank. It-tielet nett, fil-premessa 472, hija rrilevat li l-operaturi ta’ Deutsche Bank u ta’ Barclays kienu jqisu l-operatur ta’ HSBC bħala sieħeb affidabbli fl-akkordju. Hija ddeduċiet minn dan, fil-premessa 473, li l-operaturi ta’ HSBC kienu jafu jew, għall-inqas, misshom kienu jafu, li d-diskussjonijiet tagħhom ma’ Barclays kienu jagħmlu parti minn netwerk ta’ kuntatti antikompetittivi li kienu jinkludu mill-inqas lil Barclays, Deutsche Bank, is-Société générale, HSBC u bank wieħed ieħor jew diversi banek oħrajn mhux iċċitati li kienu ser jikkontribwixxu għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi msemmija permezz tal-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007. Barra minn hekk, fil-premessi 475 u 476, hija żiedet li, fid-dawl tal-perijodu qasir li fih HSBC kien involut fl-iskambji kollużivi, il-parteċipazzjoni tiegħu fil-pjan kienet kontinwa.

245    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-argument tal-Kummissjoni, irripetut fil-punt 240 iktar ’il fuq, ibbażat fuq il-premessa li HSBC ipparteċipa fl-aġir antikompetittiv inkwistjoni kollu, li jagħmilha biżżejjed sabiex hija timputalu r-responsabbiltà għall-aġir kollu, ma jistax jiġi segwit.

246    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, mill-inqas fil-konfront ta’ HSBC, l-aġir antikompetittiv ikkritikat seħħ fil-qafas ta’ diskussjonijiet bilaterali. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza li d-diskussjonijiet li HSBC ipparteċipa fihom setgħu jaqgħu taħt kull waħda mill-kategoriji msemmija fil-premessi 113, 358 u 392 tad-deċiżjoni kkontestata, anki jekk ippruvata, ma tistax, fiha nfisha, tkun biżżejjed sabiex HSBC tiġi imputata bir-responsabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-banek li hija ma kellhiex kuntatti diretti magħhom. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 198 iktar ’il fuq, kien l-obbligu tal-Kummissjoni li tipprova li HSBC kellu għarfien ta’ dan l-aġir li jikkostitwixxi ksur maħsub jew implimentat mill-banek l-oħrajn, jew li huwa seta’ jipprevedih raġonevolment.

247    F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007 u l-eventwalità tar-repetizzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, l-aġir l-ieħor meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni bħala l-ksur uniku.

1)      Fuq l-għarfien minn HSBC tal-parteċipazzjoni ta’ banek oħrajn fil-manipulazzjoni tad19 ta’ Marzu 2007 u l-eventwalità tar-repetizzjoni tagħha

248    Mit‑12 ta’ Frar sad‑19 ta’ Marzu 2007, HSBC ipparteċipa fil-manipulazzjoni deskritta fil-punti 85 sa 90 iktar ’il fuq intiża li jsir profitt minn sottomissjonijiet baxxi lill-Euribor-3M fid‑19 ta’ Marzu 2007. Barra minn hekk, f’konverżazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007 li nżammet bejn wieħed mill-operaturi ta’ HSBC u l-operatur ta’ Barclays, imsemmija fil-premessa 329 tad-deċiżjoni kkontestata, ġie invokat il-prinċipju ta’ repetizzjoni ta’ din il-manipulazzjoni. Din ir-repetizzjoni mill-ġdid ġiet maħsuba mill-operatur ta’ Barclays f’diskussjoni ma’ operatur ieħor ta’ HSBC fis‑27 ta’ Marzu 2007, imsemmija fil-premessa 339 tad-deċiżjoni kkontestata.

249    Għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni għandha provi diretti li juru l-għarfien minn HSBC tal-fatt li hija kienet qiegħda tipparteċipa fi ksur uniku u kontinwu ma’ banek oħrajn.

250    Il-Kummissjoni fil-fatt ġustament tagħmel riferiment, fil-premessa 471 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-konverżazzjoni tat‑12 ta’ Frar 2007 bħala li tiżvela dan l-għarfien minn HSBC tal-parteċipazzjoni ta’ banek oħrajn.

251    Il-qari ta’ din il-konverżazzjoni juri li l-operatur ta’ Barclays iwassal il-konverżazzjoni fuq il-benefiċċju li jista’ jittieħed minn manipulazzjoni tal-“ispread” bejn żewġ derivattivi, il-“futuri” bbażati fuq l-Euribor-3M u swaps ibbażati fuq l-EONIA tad‑19 ta’ Marzu 2007.

252    Minn naħa, minn din id-diskussjoni jirriżulta li matulha l-operatur ta’ Barclays jiżvela lil HSBC il-“pjan ġenerali” tal-manipulazzjoni maħsuba: jiġifieri żieda progressiva tal-pożizzjonijiet twal fil-“futuri” indiċjati fuq l-Euribor-3M, u wara azzjoni miftiehma sabiex ibaxxu din ir-rata fid‑19 ta’ Marzu 2007.

253    F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jargumentaw ir-rikorrenti, il-konverżazzjoni ulterjuri tat‑13 ta’ Frar 2007, li fiha l-operatur ta’ HSBC jenfasizza li l-aġir ta’ dak ta’ Barclays ma huwiex konformi mal-pjan invokat lejliet, jiżvela li huwa fehem sew kif għandha taħdem il-manipulazzjoni. Fil-fatt, l-operatur ta’ HSBC jarah suspettuż li l-aġir ta’ Barclays ma jidħolx fis-sens tal-istrateġija ddefinita. Minkejja li t-tweġiba ta’ Barclays (“je clean juste quelque truc”) ma tantx tidher li tikkonvinċih (“mouai[s]”), xorta jibqa’ l-fatt li l-enfasi mill-operatur ta’ HSBC fuq aġir ta’ Barclays apparentement kuntrarju għall-manipulazzjoni maħsuba huwa sinjal li huwa fehem sew.

254    Min-naħa l-oħra, l-operatur ta’ Barclays enfasizza fil-konverżazzjoni tat‑12 ta’ Frar 2007 li xi banek oħrajn kienu qegħdin jipparteċipaw f’din il-manipulazzjoni, minkejja li huwa ma xtaqx jiżvela l-identità tagħhom. Minn dan isegwi li l-operatur ta’ HSBC kien fil-fatt konxju taċ-ċirkustanza li xi banek oħrajn kienu qegħdin jipparteċipaw fl-imsemmija manipulazzjoni.

255    B’dan il-mod, anki jekk l-identità tagħhom ma ġietx żvelata mill-operatur ta’ Barclays, wara din il-konverżazzjoni, l-operatur ta’ HSBC kellu għarfien tal-fatt li ċertu numru ta’ banek, permezz ta’ azzjoni miftiehma, kienu ser ibaxxu r-rata tal-Euribor fid‑19 ta’ Marzu 2007. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li HSBC kellu għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur maħsub jew implimentat minn impriżi oħrajn fit-tfittxija tal-istess għanijiet fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 198 iktar ’il fuq.

256    Din il-konklużjoni għandha tiġi estiża wkoll għad-diskussjonijiet dwar il-prinċipju ta’ repetizzjoni ta’ din il-manipulazzjoni, li nżammu fit‑19 u s‑27 ta’ Marzu 2007. Fil-fatt, l-operaturi ta’ HSBC li pparteċipaw f’dawn id-diskussjonijiet setgħu raġonevolment jipprevedu li tali repetizzjoni ssir skont modalitajiet ekwivalenti u għalhekk ma’ banek oħrajn.

257    Barra minn hekk, għandu jiġi konkluż li l-parteċipazzjoni ta’ HSBC f’dan il-ksur uniku seħħet b’mod kontinwu mit‑12 sas‑27 ta’ Marzu 2007.

258    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżigi li, fl-assenza ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni tinvoka, għall-inqas, provi relatati ma’ fatti li ġraw fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur ma kienx interrott bejn żewġ dati preċiżi (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il‑Kummissjoni, T‑655/11, EU:T:2015:383, punt 482 u l-ġurisprudenza ċċitata).

259    Għalkemm il-perijodu bejn żewġ manifestazzjonijiet ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur huwa kriterju rilevanti sabiex tiġi stabbilita n-natura kontinwa ta’ ksur, xorta jibqa’ l-fatt illi l-kwistjoni jekk l-imsemmi perijodu huwiex twil biżżejjed jew le sabiex jikkostitwixxi interruzzjoni tal-ksur ma għandhiex tiġi eżaminata fl-astratt. Għall-kuntrarju, din għandha tiġi evalwata fil-kuntest tat-tħaddim tal-akkordju inkwistjoni (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il‑Kummissjoni, T‑655/11, EU:T:2015:383, punt 483 u l-ġurisprudenza ċċitata).

260    Ċertament, fil-kuntest tat-tħaddim tal-ksur inkwistjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura ta’ kuljum tal-iffissar tar-rati tal-Euribor. Minn dan jirriżulta neċessarjament li manipulazzjoni tal-imsemmija rati jkollha l-effetti tagħha limitati ratione temporis u teħtieġ li tiġi rrepetuta sabiex l-imsemmija effetti jkomplu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il‑Kummissjoni, T‑180/15, EU:T:2017:795, punt 222).

261    Bl-istess mod, għandu jitfakkar li, fiċ-ċirkustanzi fejn it-tkomplija ta’ ftehim jew ta’ prattiki miftiehma teżiġi miżuri pożittivi partikolari, il-Kummissjoni ma tistax tippreżumi t-tkomplija tal-akkordju fl-assenza ta’ prova tal-adozzjoni tal-imsemmija miżuri (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il‑Kummissjoni, T‑180/15, EU:T:2017:795, punt 223 u l-ġurisprudenza ċċitata).

262    Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fid‑19 ta’ Marzu 2007, HSBC mhux biss ipparteċipa fil-manipulazzjoni prevista f’din id-data billi kellu għarfien tal-parteċipazzjoni ta’ banek oħrajn, iżda wkoll, permezz tal-operaturi tiegħu, iddiskuta l-prinċipju tar-repetizzjoni ta’ din il-manipulazzjoni ma’ Barclays, diskussjoni li tkompliet minn operatur ieħor ta’ HSBC fis‑27 ta’ Marzu 2007. Għalhekk jista’ jiġi konkluż li ġew adottati miżuri pożittivi partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 261 iktar ’il fuq.

2)      Fuq l-għarfien minn HSBC tal-parteċipazzjoni ta’ banek oħrajn fl-aġir l-ieħor li jaqa’ taħt il-ksur uniku

263    Inkwistjoni hawnhekk hemm il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni setgħetx timputa lil HSBC, minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fil-ksur uniku, l-aġir kollu tal-banek ikkonċernati l-oħrajn.

264    Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 198 u 199 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet turi, alternattivament, minn naħa, l-għarfien minn HSBC tal-eżistenza ta’ aġir ieħor li jikkostitwixxi ksur jew, min-naħa l-oħra, li HSBC seta’ raġonevolment jipprevedih. Bl-istess mod, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 203 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq ġabra ta’ indizji.

265    Madankollu, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li din il-ġabra ta’ indizji, evalwata globalment, għandha tikkorrispondi ma’ provi serji, preċiżi u konkordanti. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 204 iktar ’il fuq, il-preżunzjoni ta’ innoċenza timplika li, jekk il-qorti jkun għad għandha xi dubju, dan għandu jmur favur l-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur.

266    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jargumentaw ġustament, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma ppruvatx b’mod suffiċjenti fid-dritt, fid-deċiżjoni kkontestata, li HSBC kellu għarfien, jew missu kellu għarfien, tal-eżistenza ta’ “pjan ġenerali” li għandu għan uniku, ta’ natura li jiġġustifika li jkun imputat lilu l-aġir kollu li jaqa’ taħt l-imsemmi għan uniku, irrispettivament minn jekk huwa pparteċipax direttament fih jew le.

267    Fil-fatt, għar-raġunijiet esposti fil-punti 233 sa 235 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-element ċentrali li jippermetti li tiġi ġġustifikata l-eżistenza ta’ tali “pjan ġenerali” jinsab fil-fatt li d-diversi tipi ta’ aġir fil-ksur uniku meqjus ġew immexxija jew ikkontrollati mill-istess grupp ta’ persuni.

268    Issa, ir-rikorrenti jenfasizzaw ġustament li ebda wieħed mill-operaturi ta’ HSBC ma kien jagħmel parti minn dan il-grupp ta’ persuni. Għall-kuntrarju, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-operaturi ta’ HSBC irċivew minn dak ta’ Barclays biss informazzjoni inkompluta ħafna, limitata għal dak li kien strettament neċessarju għall-parteċipazzjoni tiegħu biss fil-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007, u wara għar-repetizzjoni tagħha.

269    Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż li l-operaturi ta’ HSBC kien imisshom, huma nfushom, jestrapolaw mill-biċċiet ta’ informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lilhom fil-kuntest ta’ aġir iddeterminat sew – il-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007 – li grupp stabbli ta’ operaturi, li l-identità tagħhom ma ġietx żvelata lilhom, kien qiegħed jipparteċipa f’aġir ieħor restrittiv tal-kompetizzjoni fis-suq tal-EIRD.

270    Fit-tieni lok u għal raġunijiet analogi, il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, imqassra fil-punti 242 sa 244 iktar ’il fuq, ma jippermettux li jintwera li HSBC kellu għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-impriżi l-oħrajn jew li seta’ raġonevolment jipprevedi.

271    Fil-fatt, bl-eċċezzjoni tal-enfasi mill-Kummissjoni fuq il-fatt li l-operatur ta’ Barclays spjega lill-operatur ta’ HSBC il-pjan fid-dawl tal-manipulazjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007 b’mod li kien jinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ banek oħrajn, għandu jiġi kkonstatat li l-punti l-oħrajn imqajma mill-Kummissjoni huma bbażati, fir-realtà, fuq il-premessa li l-operaturi ta’ HSBC kien imisshom jiddeduċu mill-fatt li operaturi ta’ banek oħrajn li joperaw fis-suq tal-EIRD kienu jafu lil xulxin, li dawn kienu involuti fi prattiċi oħrajn restrittivi tal-kompetizzjoni li jistgħu jkollhom effett fuq il-flussi tal-flus iġġenerati mill-EIRD.

272    Għandu jiġi kkonstatat li tali premessa ma tistax tiġi aċċettata mingħajr ma tiġi injorata l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 203 iktar ’il fuq.

273    Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-parteċipazzjoni ta’ HSBC fi ksur uniku u kontinwu setgħet titqies biss fil-konfront, minn naħa, tal-aġir rispettiv tagħha fl-imsemmi ksur u, min-naħa l-oħra, tal-aġir tal-banek l-oħrajn li jagħmlu parti mill-qafas tal-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007 u tal-eventwali repetizzjoni tagħha.

274    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta imputat lil HSBC b’aġir ieħor differenti minn dak identifikat fil-punt 273 iktar ’il fuq.

c)      Fuq it-tielet motiv, dwar l-intenzjoni ta’ HSBC li jipparteċipa fil-ksur uniku u kontinwu

275    Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jargumentaw, essenzjalment, li l-kundizzjoni li tinsab fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 198 iktar ’il fuq – skont liema impriża għandu jkollha l-intenzjoni li tikkontribwixxi bl-aġir rispettiv tagħha għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti kollha – ma hijiex issodisfatta fil-konfront tagħhom.

276    F’dan il-kuntest, huma jargumentaw, essenzjalment, li HSBC ma setax ikun konxju li pparteċipa fi ksur uniku fid-dawl tad-diversità tal-aġir li huwa kkritikat bih. Ir-rikorrenti jenfasizzaw ukoll il-fatt li HSBC ipparteċipa fil-ksur b’mod differenti u iktar sekondarju mill-atturi prinċipali.

277    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

278    Fid-dawl tal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar ir-raba’ motiv, bħalma tirriżulta mill-punt 274 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed jiġi eżaminat dan il-motiv f’dak li jirrigwarda l-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007 u r-repetizzjoni tagħha.

279    Issa, fir-rigward tagħhom, l-intenzjoni li jipparteċipaw fi ksur uniku tirriżulta b’mod ċar mill-provi prodotti mill-Kummissjoni. Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007, filwaqt li huwa minnu li l-operatur ta’ HSBC jidher li kellu dubji dwar il-funzjonament ta’ din il-manipulazzjoni – bħalma turi d-diskussjoni tat‑13 ta’ Frar 2007 u d-dispjaċir li huwa jidher li kellu sussegwentement li ma beniex pożizzjoni ikbar ta’ xerrej ta’ “futuri” indiċjati fuq l-Euribor-3M –, xorta jibqa l-fatt li huwa pparteċipa, flimkien mal-operaturi tal-banek l-oħrajn, fil-manuvra li jitbaxxew ir-rati tal-Euribor-3M fid‑19 ta’ Marzu 2007, billi talab lill-persuna responsabbli mis-sottomissjonijiet fi ħdan il-bank tiegħu tippreżenta sottomissjonijiet baxxi dakinhar, kif fil-fatt sar.

280    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali fid-dawl tal-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva

281    Ir-rikorrenti jargumentaw li d-deċiżjoni ta’ riżolviment iġġudikat minn qabel ir-responsabbiltà ta’ HSBC u imminat irrimedjabbilment id-dritt tagħhom għal smigħ. Huma jiddeduċu minn dan li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba ksur, minn naħa, tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża. Huma jagħmlu riferiment ukoll għad-dikjarazzjonijiet tal-kummissarju Almunia dwar ir-riżultati tal-istħarriġ dwar l-EIRD u qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Huma jenfasizzaw ukoll li ma kellhomx il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lill-partijiet li ddeċidew li jaslu għal riżoluzzjoni.

282    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

283    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni ta’ riżolviment ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, għandu jitfakkar li l-imsemmi prinċipju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li llum il-ġurnata huwa stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li japplika għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jirriżultaw fl-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ penalità (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punti 72 u 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

284    Il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza jimplika li kull persuna akkużata hija preżunta innoċenti sakemm ma tiġix ippruvata l-ħtija tagħha skont il-liġi. Dan il-prinċipju għalhekk jipprekludi kwalunkwe konstatazzjoni formali kif ukoll kwalunkwe allużjoni li għandhom bħala għan ir-responsabbiltà ta’ persuna akkużata bi ksur partikolari f’deċiżjoni li ttemm l-azzjoni, mingħajr ma din il-persuna tkun ingħatat l-opportunità sabiex tibbenefika mill-garanziji kollha li huma inerenti fl-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ proċedimenti li jsegwu l-kors normali tagħhom u li jwasslu għal deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-kontestazzjoni (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il‑Kummissjoni, T‑180/15, EU:T:2017:795, punt 257 u l-ġurisprudenza ċċitata).

285    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata tirrispetta, matul proċedura amministrattiva fil-qasam ta’ akkordji, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, irrikonoxxut fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 154 u l-ġurisprudenza ċċitata).

286    Skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull persuna għandha d-dritt, b’mod partikolari, li l-kawżi tagħha jinstemgħu b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata li jkun responsabbli mill-każ ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata).

287    Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk eventwali nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni li seta’ jirriżulta minn ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza fil-konfront ta’ HSBC meta ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ riżolviment setax ikollu effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata hija indissoċjabbli mill-kwistjoni dwar jekk il-konstatazzjonijiet magħmula fl-imsemmija deċiżjoni humiex debitament issostanzjati mill-provi prodotti mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, EU:T:2000:180, punt 270, u tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Bavaria vs Il‑Kummissjoni, T‑235/07, EU:T:2011:283, punt 226).

288    B’dan il-mod, jekk wieħed jassumi li eventwali nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni setgħet wasslitha sabiex tqis, b’mod żbaljat, minn naħa, li d-diskussjonijiet tad‑9 u tal‑14 ta’ Marzu 2007 li HSBC kien ipparteċipa fihom kellhom għan restrittiv tal-kompetizzjoni jew, min-naħa l-oħra, li seta’ jiġi imputat lilu taħt il-ksur uniku u kontinwu ċertu aġir tal-banek l-oħrajn, mhux marbut mal-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007 u tar-repetizzjoni tagħha, għandu jiġi rrilevat li l-illegalità ta’ dawn l-aspetti tad-deċiżjoni kkontestata diġà ġiet irrilevata wara l-eżami tat-tieni parti tal-ewwel motiv u tar-raba’ motiv, rispettivament.

289    Fir-rigward tal-konstatazzjonijiet l-oħrajn magħmula fid-deċiżjoni kkontestata, l-irregolarità marbuta ma’ eventwali nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni tista’ twassal għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni biss jekk ikun ġie stabbilit li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din id-deċiżjoni kien ikollha kontenut differenti (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, EU:T:2000:180, punt 283). Issa, f’dan il-każ, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ stħarriġ sħiħ tal-motivi rilevanti ta’ din id-deċiżjoni, ġie kkonstatat li, bl-eċċezzjoni tal-aspetti msemmija fil-punt 288 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt il-parteċipazzjoni ta’ HSBC fil-ksur inkwistjoni. Għaldaqstant, xejn ma jagħti l-preżunzjoni li, fl-assenza tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżolviment qabel dik tad-deċiżjoni kkontestata, il-kontenut ta’ din tal-aħħar kien ikun differenti.

290    Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jargumentaw li n-nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni fiċ-ċirkustanzi tal-każ huwa ikbar milli fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni (T‑62/98, EU:T:2000:180, punti 270 u 283) u tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Bavaria vs Il‑Kummissjoni (T‑235/07, EU:T:2011:283, punt 226), peress li, f’dawn il-kawżi, in-nuqqas ta’ imparzjalità nħoloq wara li l-partijiet kienu nstemgħu.

291    Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipju skont liema irregolarità ta’ dan it-tip tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss jekk ikun ippruvat li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din id-deċiżjoni kien ikollha kontenut differenti, jagħmel parti minn ġurisprudenza stabbilita sew, li tmur lura għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1975:174, punti 90 u 91). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din is-sentenza ngħatat f’kuntest relattivament viċin dak ta’ din il-kawża, peress li r-rikorrenti kkritikaw lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipju ta’ smigħ xieraq meta għamlet ċerti dikjarazzjonijiet pubbliċi li taw x’jifhem li l-eżistenza tal-ksur allegat kienet ippruvata, u dan meta l-persuni interessati kien għad lanqas kellhom il-possibbiltà li jieħdu pożizzjoni fuq l-ilmenti li jikkonċernawhom.

292    Għal raġunijiet analogi, għandhom jiġu miċħuda wkoll l-argumenti l-oħrajn imqajma mir-rikorrenti insostenn tal-ilment tagħhom ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif ukoll l-ilment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, bħala ineffettivi.

293    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

4.      Fuq l-effetti tal-iżbalji kkonstatati fil-kuntest tal-ewwel u r-raba’ motiv fuq il-legalità tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata

294    Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata: “[l-]impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, fil-perijodi indikati, fi ksur uniku u kontinwu li jikkonċerna derivattivi tar-rati tal-imgħax iddenominati f’EUR. Dan il-ksur, li kien jestendi għaż-ŻEE kollha, kien jikkonsisti fi ftehimiet u/jew fi prattiki miftiehma li għandhom bħala għan id-distorsjoni tal-kors normali tal-komponenti tal-prezz fis-settur tad-derivattivi tar-rati tal-imgħax iddenominati f’EUR: […] b) [ir-rikorrenti] mit‑12 ta’ Frar 2007 sas‑27 ta’ Marzu 2007”.

295    Għandu jiġi rrilevat li l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni li hija għamlet f’dak li jirrigwarda d-diskussjonijiet tad‑9 u tal‑14 ta’ Marzu 2007, identifikati fil-punti 166 sa 195 iktar ’il fuq, ma għandhomx effett fuq il-legalità tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-konklużjoni li hemm fih tibqa’ ġġustifikata anki fl-assenza tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn iż-żewġ diskussjonijiet.

296    L-istess japplika għall-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tad-determinazzjoni preċiża tal-aġir li seta’ jiġi imputat lil HSBC għall-parteċipazzjoni fi ksur uniku u kontinwu, identifikat fil-punti 263 sa 274 iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-parteċipazzjoni ta’ HSBC, flimkien ma’ banek oħrajn, fil-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007 u l-fatt li ħaseb fir-repetizzjoni tagħha jippermettu, fihom infushom, li jiġi ġġustifikat b’mod suffiċjenti fid-dritt l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata.

297    Madankollu, sa fejn, fost il-punti li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, hemm in-numru u l-intensità tal-aġir antikompetittiv u għall-motivi stipulati fil-punt 123 iktar ’il fuq, huwa, eventwalment, meta ssir l-evalwazzjoni tan-natura proporzjonali tal-ammont tal-multa li l-Qorti Ġenerali tislet il-konsegwenzi tan-natura żbaljata ta’ dawn l-evalwazzjonijiet.

B.      Fuq it-talbiet għall-annullament tal-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, għall-bidla tal-ammont tal-multa imposta

298    Ir-rikorrenti jikkontestaw il-legalità tal-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha l-Kummissjoni imponitilhom multa minħabba l-parteċipazzjoni ta’ HSBC fil-ksur. Dan il-motiv jista’ jinqasam f’erba partijiet, peress li r-rikorrenti jikkontestaw, l-ewwel nett, l-użu tad-dħul tal-flus skontati sabiex jiġi evalwat il-valur tal-bejgħ, it-tieni nett, il-fattur ta’ gravità applikat, it-tielet nett, l-ammont addizzjonali applikat u, ir-raba’ nett, l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti. Ir-rikorrenti jitolbu, prinċipalment, l-annullament tal-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, li l-Qorti Ġenerali tuża l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom.

299    Fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li bbażat il-valur tal-bejgħ fuq id-dħul tal-flus tal-EIRD irċevut minn HSBC fil-perijodu tal-ksur, li għalih ġie applikat fattur ta’ 98.849 %.

300    Ir-raġunament tal-Kummissjoni jinsab fil-premessi 639 sa 648 tad-deċiżjoni kkontestata.

301    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 639 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-derivattivi ta’ rati tal-imgħax ma jiġġenerawx bejgħ fis-sens normali tal-kelma u applikat, konsegwentement, valur ta’ sostituzzjoni speċifiku għall-valur tal-bejgħ, li jikkostitwixxi punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-ammonti tal-multi. Fil-premessa 640, hija qieset li kien aħjar li ma tibbażax ruħha fuq il-valur ta’ sostituzzjoni tal-bejgħ imwettaq fl-aħħar sena u, minħabba l-perijodu qasir tal-ksur imwettaq minn ċerti partijiet, id-daqs varjabbli tas-suq tal-EIRD fil-perijodu tal-ksur u d-differenzi fil-perijodu ta’ parteċipazzjoni tal-banek ikkonċernati, li kien iktar xieraq li tibbaża ruħha fuq il-valur tal-bejgħ effettivament imwettaq mill-impriżi fix-xahar li jikkorrispondi mal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom fil-ksur.

302    Fil-premessa 641 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkunsidrat li l-bejgħ, fis-sens normali tal-kelma, kien jikkorrispondi mad-dħul ta’ benefiċċji ekonomiċi li l-forma tagħhom kienet normalment flus kontanti jew ekwivalenti għal flus kontanti u osservat li l-aġir antikompetittiv fil-kawża odjerna kien jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kollużjoni fuq il-komponenti tal-prezz rilevanti għall-flussi tal-flus assoċjati mal-EIRD. Għal dawn il-motivi, hija ddeċidiet li tiddetermina, għall-partijiet kollha, il-valur annwali tal-bejgħ abbażi tad-dħul tal-flus, jiġifieri l-“flussi tal-flus li kull bank kiseb mill-portafoll rispettiv tiegħu ta’ EIRD marbuta ma’ kull skandenza Euribor u/jew EONIA u konklużi ma’ kontropartijiet stabbiliti fiż-ŻEE”.

303    Fil-premessa 642 tad-deċiżjoni kkontestata, hija sabet li, fir-rigward ta’ HSBC, l-ammont ta’ dħul tal-flus kien ta’ EUR 16 688 253 649.

304    Fit-tieni lok, fil-premessa 643 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset xieraq li tnaqqas l-ammont tad-dħul tal-flus ikkunsidrat fil-konfront ta’ HSBC u tal-banek l-oħrajn b’fattur uniformi xieraq, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni partikolaritajiet tas-suq tal-EIRD, u b’mod partikolari tal-kumpens inerenti fl-innegozjar ta’ derivattivi. Fil-premessa 648 tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-fattur uniformi ġie ffissat f’98.849 %.

305    Il-ġustifikazzjoni tal-livell ta’ dan il-fattur ta’ tnaqqis hija bbażata fid-deċiżjoni kkontestata fuq ħames serje ta’ motivi. L-ewwel nett, il-Kummissjoni, fil-premessa 644, ibbażat ruħha fuq il-kumpens inerenti fl-innegozjar tad-derivattivi in ġenerali, evalwat skont l-International Swap Dealer Association fis-sens li jimplika tnaqqis ta’ bejn 85 u 90 %.

306    It-tieni nett, fil-premessa 645, hija enfasizzat l-ispeċifiċità tal-kumpens tal-EIRD, peress li l-paragun tad-dħul tal-flus tal-partijiet mal-flus netti saldati skont l-EIRD juri li l-applikazzjoni ta’ rata bejn 85 u 90 % twassal għal multi dissważivi ħafna.

307    It-tielet nett, fil-premessa 646, hija kkonstatat li l-akkordju fuq l-EIRD ikkawża spejjeż addizzjonali sinjifikament iktar baxxi minn dawk ta’ 20 % ġeneralment ikkawżati minn dan it-tip ta’ akkordju fis-setturi konvenzjonali.

308    Ir-raba’ nett, fil-premessa 647, il-Kummissjoni fakkret li hija ma kinitx obbligata tapplika formula matematika preċiża u kellha marġni ta’ diskrezzjoni meta hija kienet qiegħda tiddetermina l-ammont ta’ kull multa.

309    Il-ħames nett, fil-premessa 648, il-Kummissjoni enfasizzat li applikat lid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata l-istess rata bħal dik użata sabiex tikkalkula l-ammonti tal-multi imposti fuq id-destinatarji tad-deċiżjoni ta’ riżolviment.

310    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni wieġbet għall-kritiċi ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva. F’dan il-kuntest, fil-premessi 656 sa 662 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ċaħdet li l-użu tad-dħul tal-flus skontat kellu natura mhux xierqa. Għaldaqstant hija argumentat li, fil-konfront tad-dħul u tal-pagamenti netti fi flus kontanti ssuġġeriti mir-rikorrenti, li setgħu jwasslu għal riżultati negattivi, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul tal-flus skontat kien iktar konformi mal-Linji Gwida fuq il-metodu ta’ kalkolu tal-multi imposti taħt l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal‑2006”), skont liema l-bejgħ, u mhux il-benefiċċju, kien jikkostitwixxi l-punt ta’ tluq tal-kalkolu tal-multi.

311    F’dak li jirrigwarda l-kritiċi fil-konfront tal-fattur ta’ tnaqqis, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, enfasizzat fil-premessa 710 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet trasparenti fir-rigward tal-intenzjoni tagħha li tnaqqas id-dħul tal-flus minn fattur uniformi b’mill-inqas 97.5 %. Hija argumentat ukoll, fil-premessa 713, li ma applikatx fatturi ta’ tnaqqis individwali, peress li dawn setgħu jwasslu għal inugwaljanza fit-trattament.

312    Fil-kuntest ta’ din il-parti tal-motiv, ir-rikorrenti jqajmu, essenzjalment, tliet ilmenti sabiex jikkontestaw il-legalità tal-kalkolu tal-valur tal-bejgħ. L-ewwel nett, huma jikkontestaw il-prinċipju nnifsu tal-użu tad-dħul tal-flus li miegħu hemm assoċjat fattur ta’ tnaqqis ta’ 98.849 %. It-tieni nett, huma jqisu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta inkludiet id-dħul tal-flus li jirriżulta minn kuntratti konklużi qabel l-akkordju. Fl-aħħar nett, it-tielet nett, huma jikkontestaw il-motivazzjoni tal-fattur ta’ tnaqqis.

1.      Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq in-natura żbaljata tal-użu tad-dħul tal-flus skontat

313    Ir-rikorrenti jargumentaw li, minkejja li l-Kummisjsoni ġustament osservat, fil-premessa 639 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-derivattivi ta’ rati tal-imgħax “ma [kinux] jiġġeneraw bejgħ fis-sens normali”, huwa b’mod żbaljat li hija evalwat l-imsemmi valur tal-bejgħ billi bbażat ruħha fuq id-dħul tal-flus riċevut skont l-EIRD li miegħu kien assoċjat fattur ta’ tnaqqis ta’ 98.849 %. Huma jikkritikaw lill-Kummissjoni li ħadet inkunsiderazzjoni biss is-sempliċi dħul tal-flus skont l-EIRD u mhux il-ħruġ tal-flus, minkejja li manipulazzjoni tar-rati ta’ referenza għandha effetti fuq dawn iż-żewġ aspetti. Dan l-approċċ ikkontribwixxa għal ivvalutar eċċessiv ħafna tad-dħul iġġenerat bl-attività ta’ operar tal-EIRD. Huma jargumentaw li l-motiv, li jinsab fil-premessa 659 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażat fuq l-argument li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-pagamenti deħlin ma jistax iwassal għall-ebda bejgħ jew għal bejgħ negattiv, ma jagħmilx id-dħul tal-flus indikatur xieraq tal-valur tal-bejgħ. L-istess japplika għall-enfasi, fil-premessa 660 tal-imsemmija deċiżjoni, fuq il-fatt li huwa l-bejgħ li jikkostitwixxi l-punt ta’ tluq tal-kalkolu tal-multi fil-Linji Gwida tal‑2006.

314    Il-Kummissjoni tqis li hija evalwat ġustament il-valur tal-bejgħ b’riferiment għad-dħul tal-flus li għalih ġie applikat fattur ta’ tnaqqis.

315    Hija tosserva li l-ħruġ ta’ fondi skont l-EIRD ma ġiex injorat. L-applikazzjoni tal-fattur ta’ tnaqqis għandha preċiżament l-għan li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kumpens inerenti fl-attività ta’ operar. Mill-angolu tad-dissważjoni, tali approċċ huwa iktar xieraq minn dak, ippreferut mir-rikorrenti, tad-dħul u pagamenti netti fi flus kontanti, li jista’ jwassal għal valuri negattivi.

316    Il-Qorti Ġenerali tfakkar b’mod preliminari li, fir-rigward tal-legalità ta’ deċiżjoni li timponi multa, l-istħarriġ fil-fond, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, li l-qorti tal-Unjoni teżerċita fuq il-punti kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE, imfakkra fil-punt 44 iktar ’il fuq, jimplika li hija ma tistax tibbaża ruħha fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni, la fir-rigward tal-għażla tal-punti meħuda inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-linji gwida, u lanqas fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dawn il-punti sabiex tirrinunzja milli tagħmel tali stħarriġ fil-fond (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 62).

317    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet li l-EIRD “ma jiġġenerawx bejgħ fis-sens normali tal-kelma” [traduzzjoni mhux uffiċjali], bħalma huwa mfakkar fil-premessa 639 tad-deċiżjoni kkontestata.

318    Fit-tieni lok, minkejja li l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħmel riferiment b’mod ġenerali għall-gravità u għat-tul tal-ksur, il-metodoloġija ppreferuta mill-Kummissjoni sabiex tapplika din id-dispożizzjoni fil-Linji Gwida tal‑2006 tagħha għandha rwol ċentrali fil-kunċett ta’ “valur tal-bejgħ”, għaliex din tikkontribwixxi sabiex tiddetermina l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll l-importanza rispettiva ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 76). Fil-fatt, skont il-paragrafu 13 tal-Linji Gwida tal‑2006, “[s]abiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, magħmul mill-impriża, b’rabta diretta jew indiretta […] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-parti introduttiva tagħhom, l-imsemmija linji gwida jippreċiżaw, fil-paragrafu 6 tagħhom li, “il-valur tal-bejgħ relatat mal-ksur meħud flimkien mat-tul tal-ksur huwa meqjus bħala valur ta’ sostituzzjoni adegwat sabiex jiġu riflessi s-sinjifikanza ekonomika tal-ksur kif ukoll l-importanza rispettiva ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

319    Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tista’ ma tapplikax il-metodu stipulat fil-linji gwida, meta xi motivi jiġġustifikaw dan. Fil-fatt, il-bżonnijiet ta’ eżami partikolari ta’ kull sitwazzjoni individwali mill-Kummissjoni meta hija timponi sanzjonijiet skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jimplikawx neċessarjament li hija twarrab, skont il-każ jekk l-ispeċifiċità tas-sitwazzjoni individwali teżiġi dan, il-metodoloġija tal-linji gwida. Din il-possibbiltà, enfasizzata mill-ġurisprudenza (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 209 u 210) hija issa espliċitament imsemmija fil-paragrafu 37 tal-Linji Gwida tal‑2006.

320    F’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta evalwat il-valur tal-bejgħ tal-EIRD abbażi tad-dħul tal-flus skontat. Dan jinvolvi, b’mod partikolari, li jiġi eżaminat jekk l-approċċ ippreferut mill-Kummissjoni kienx jippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kumpens inerenti fl-EIRD, peress li dawn il-kuntratti jagħtu lok kemm għal dħul kif ukoll għal pagamenti.

321    Għandu jitfakkar li mill-paragrafi 15 u 16 tal-Linji Gwida tal‑2006 jirriżulta li, sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ ta’ impriża, il-Kummissjoni għandha tuża l-aħjar data disponibbli ta’ din l-impriża. Meta d-data li ssir disponibbli minn impriża tkun inkompleta jew mhux affidabbli, il-Kummissjoni tista’ tiddetermina l-valur tal-bejgħ ta’ din l-impriża abbażi tad-data parzjali li hija tkun kisbet jew abbażi ta’ kull informazzjoni oħra li hija tqis bħala rilevanti jew xierqa.

322    Għandu jiġi kkonstatat li l-approċċ ipprivileġġat mill-Kummissjoni għandu t-tendenza li jirrifletti aħjar il-valur tal-bejgħ – u għalhekk is-sinjifikanza ekonomika tal-ksur – mill-approċċ alternattiv propost mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, ibbażat fuq id-dħul u pagamenti netti fi flus kontanti. Dan jinvolvi, essenzjalment, li jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-bilanċ tal-flussi tal-flus fil-perijodu tal-ksur, jiġifieri figura li hija paragunabbli għall-benefiċċju mislut mill-attivitajiet ta’ operar.

323    Fil-fatt, bħalma fakkret ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 659 tad-deċiżjoni kkontestata, tali limitazzjoni tmur kontra l-loġika li ddeterminat l-għażla tagħha li tistabbilixxi, fil-metodoloġija li tinsab fil-Linji Gwida tal‑2006, l-ammont bażiku b’riferiment għall-valur tal-bejgħ, jiġifieri li jiġu riflessi s-sinjifikanza ekonomika tal-ksur u l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata.

324    Għaldaqstant, peress li, minn naħa, l-approċċ ippreferut mill-Kummissjoni huwa konformi mal-loġika wara l-għażla tal-valur tal-bejgħ u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma pproponewx metodi alternattivi iktar xierqa fil-proċedura amministrattiva, ma jistax jiġi konkluż li l-prinċipju tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul tal-flus skontat għandu, intrinsikament, natura żbaljata.

325    Xorta jibqa’ l-fatt li, fl-approċċ ippreferut mill-Kummissjoni, ma huwiex biss importanti li d-determinazzjoni tal-ammont tad-dħul tal-flus ma tkunx ivvizzjata. Huwa importanti wkoll li tingħata attenzjoni partikolari għar-rata tal-fattur ta’ tnaqqis applikata.

326    Fil-fatt, din għandha rwol essenzjali fid-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ, minħabba l-ammont partikolarment għoli li jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul tal-flus biss, jiġifieri mingħajr tnaqqis tal-pagamenti korrispondenti.

327    Għaldaqstant, bħala eżempju, abbażi tal-applikazzjoni tal-punti dwar il-gravità, it-tul, l-ammont addizzjonali u ċ-ċirkustanzi attenwanti kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, u mingħajr ma tiġi mminata l-fondatezza tagħhom, il-Qorti Ġenerali tirrileva li varjazzjoni ta’ 0.1 % tar-rata tal-imsemmi fattur ikollha effett fuq l-ammont finali tal-multa ta’ kważi EUR 16 221 000.

328    Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li, fil-mudell ippreferut mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ, il-preċiżjoni tar-rata tal-fattur ta’ tnaqqis hija fundamentali, peress li anki l-iċken varjazzjoni tal-imsemmi fattur jista’ jkollha effetti kbar fuq l-ammont tal-multa imposta fuq l-impriżi kkonċernati.

329    Suġġett għal din ir-riżerva, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-natura żbaljata tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul tal-flus li jirriżulta minn kuntratti konklużi qabel il-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ HSBC fil-ksur

330    Ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul tal-flus skontat iġġenerat minn kuntratti konklużi qabel l-aġir ikkritikat ta’ HSBC.

331    Il-Kummissjoni titlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

332    Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tenfasizza, il-paragrafu 13 tal-Linji Gwida tal‑2006 għandu l-għan li, bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa imposta fuq impriża, jittieħed ammont li jirrifletti s-sinjifikanza ekonomika tal-ksur u l-importanza relattiva ta’ din l-impriża fih. Konsegwentement, minkejja li l-kunċett ta’ “valur tal-bejgħ” imsemmi f’dan il-paragrafu 13 ma jistax, ċertament, jiġi estiż sabiex jinkludi l-bejgħ imwettaq mill-impriża inkwistjoni li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju kkritikat, xorta waħda, madankollu, jiġi mminat l-għan ta’ din id-dispożizzjoni jekk dan il-kunċett kellu jinftiehem bħala li jipprevedi biss id-dħul mill-bejgħ li jkun sar biss mill-bejgħ li huwa stabbilit li jkun ġie affettwat realment minn dan l-akkordju (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il‑Kummissjoni, C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt 19).

333    Għaldaqstant, bejgħ imwettaq skont kuntratti konklużi qabel il-perijodu tal-ksur jista’ validament jiġi inkluż fil-valur tal-bejgħ ikkalkulat skont il-paragrafu 13 tal-Linji Gwida tal‑2006, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, bħall-bejgħ imwettaq skont kuntratti konklużi fil-perijodu tal-ksur, iżda li ma ntweriex li dawn kienu speċifikament is-suġġett ta’ kollużjoni (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il‑Kummissjoni, C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt 20).

334    Tali soluzzjoni hija iktar u iktar trasponibbli għaċ-ċirkustanzi tal-każ għaliex il-manipulazzjoni tal-Euribor li HSBC ipparteċipa fiha kienet taffettwa r-rata varjabbli tal-kuntratti indiċjati fuq l-Euribor-3M li jiskadu fid‑19 ta’ Marzu 2007, irrispettivament minn jekk id-data tal-konklużjoni tagħhom kinitx qabel jew wara t‑12 ta’ Frar 2007, punt ta’ tluq tal-parteċipazzjoni ta’ HSBC fil-ksur.

335    Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq in-natura insuffiċjentement immotivata tal-fattur ta’ tnaqqis ta’ 98.849 % applikat mill-Kummissjoni

336    Ir-rikorrenti jargumentaw li d-determinazzjoni tal-fattur ta’ tnaqqis hija vvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, sa fejn din ma tippermettilhomx ikunu jafu r-raġunijiet li għalihom l-ammont bażiku tal-multa ġie ffissat f’dan il-livell. Huma jenfasizzaw, b’mod partikolari, li dan jieħu inkunsiderazzjoni l-ipoteżi ta’ spejjeż addizzjonali ipotetiċi bejn 2 u 4 punti bażi, mingħajr ma jiġi spjegat b’liema mod tali spejjeż addizzjonali kienu realistiċi f’ċirkustanzi fejn bank seta’, fir-realtà, ivarja r-rata ta’ referenza l-iktar l-iktar b’0.1 punt bażi biss, bħalma turi n-nota ta’ qiegħ il-paġna fil-paġna Nru 441 tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti jfakkru li l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ approċċ ġdid u mingħajr preċedent għad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ kien jagħmel l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni dejjem iktar neċessarja.

337    Il-Kummissjoni targumenta li l-fattur ta’ tnaqqis ta’ 98.849 % huwa suffiċjentement immotivat, peress li l-motivi li jinsabu fil-premessi 643 sa 646 tad-deċiżjoni kkontestata jippermettu lir-rikorrenti jifhmu b’liema mod dan il-fattur ġie meqjus xieraq. Fir-rigward tal-fatt li jissemmew l-ispejjeż addizzjonali ta’ 2 sa 4 punti bażi meħuda inkunsiderazzjoni fil-premessa 646, huwa ppreċiżat fid-deċiżjoni kkontestata li inkwistjoni hemmhekk hemm spejjeż addizzjonali ipotetiċi. Il-Kummissjoni tfakkar, f’dan ir-rigward, li hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni meta hija tiddetermina l-ammont ta’ kull multa u li hija ma hijiex obbligata ssegwi approċċ matematiku.

338    Bħalma ġie rrikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jkun distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, li jirrigwardaw il-legalità fil-mertu tal-att ikkontestat. F’din il-perspettiva, il-motivazzjoni rikjesta għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet individwali, l-obbligu li jiġu mmotivati tali deċiżjonijiet għandu l-għan, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata b’xi żball li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha (ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punti 146 sa 148 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punti 114 u 115, u tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punt 44).

339    Barra minn hekk, il-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tkun evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħrajn kkonċernati direttament u individwalment hekk kif previst fl-Artikolu 263(4) TFEU jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 150; tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 116, u tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punt 45).

340    Il-ġurisprudenza ppreċiżat ukoll li l-motivazzjoni kellha għaldaqstant, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin mad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. L-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata bil-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni (sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 149; tad‑19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni, C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 74, u tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punt 46).

341    Fir-rigward ta’ deċiżjoni li timponi multa, il-Kummissjoni hija marbuta tipprovdi motivazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammont tal-multa imposta u fir-rigward tal-metodu magħżul f’dan ir-rigward (sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, EU:T:2006:270, punt 91). Huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tindika, fid-deċiżjoni tagħha, il-punti ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur, mingħajr ma hija obbligata li tipprovdi, fl-istess deċiżjoni, raġunijiet iktar fid-dettall jew iċ-ċifri relatati mal-metodu tal-kalkolu tal-multa (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2011, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, T‑138/07, EU:T:2011:362, punt 243). Madankollu hija għandha tispjega r-riflessjoni u l-evalwazzjoni li tkun għamlet tal-punti meħuda inkunsiderazzjoni (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 61).

342    Preċiżjonijiet magħmula mill-awtur ta’ deċiżjoni kkontestata, matul il-proċedura kontenzjuża, li jikkompletaw motivazzjoni diġà fiha nfisha suffiċjenti, ma jaqgħux strettament taħt l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, anki jekk dawn jistgħu jintużaw għall-istħarriġ intern tal-motivi tad-deċiżjoni, eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni, għaliex dawn jippermettu lill-istituzzjoni tispjega r-raġunijiet li d-deċiżjoni tagħha hija bbażata fuqhom. Għaldaqstant spjegazzjonijiet addizzjonali, li jmorru lil hinn mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, jistgħu jippermettu lill-impriżi li jkunu jafu fid-dettall il-mod ta’ kalkolu tal-multa li hija imposta fuqhom u, b’mod iktar ġenerali, jagħmlu l-azzjoni amministrattiva iktar trasparenti u jiffaċilitaw l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li għandu jippermettilha tevalwa, lil hinn mil-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, in-natura xierqa tal-multa imposta. Madankollu, din il-possibbiltà ma hijiex ta’ natura li tbiddel il-portata tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-obbligu ta’ motivazzjoni (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il‑Kummissjoni, C‑279/98 P, EU:C:2000:626, punti 45 u 47).

343    Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 341 iktar ’il fuq sabiex tenfasizza, essenzjalment, li hija ma kinitx obbligata tispjega b’mod preċiż fid-deċiżjoni kkontestata l-evalwazzjoni taċ-ċifri li wasslet għall-applikazzjoni ta’ fattur ta’ tnaqqis ta’ 98.849 %.

344    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 339 iktar ’il fuq, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Issa, dawn għandhom żewġ speċifiċitajiet notevoli.

345    Minn naħa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika l-metodoloġija li tinsab fil-Linji Gwida tal‑2006 iktar milli twarrabha, fatt li hija setgħet tagħmel skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 319 iktar ’il fuq u l-paragrafu 37 tal-imsemmija linji gwida. Għaldaqstant, hija għamlet l-għażla li ssegwi metodoloġija li fiha, għar-raġunijiet esposti fil-punt 318 iktar ’il fuq, id-determinazzjoni tal-“valur tal-bejgħ” kellha rwol ċentrali, minkejja li hija kienet irrilevat fil-premessa 639 tad-deċiżjoni kkontestata li l-EIRD ma kinux jiġġeneraw bejgħ fis-sens normali tal-kelma.

346    Għaldaqstant, kien essenzjali li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tippermetti lir-rikorrenti jivverifikaw jekk il-valur ta’ sostituzzjoni magħżul mill-Kummissjoni kienx eventwalment ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

347    Min-naħa l-oħra, bħalma ġie enfasizzat fil-punt 325 iktar ’il fuq, fl-approċċ segwit mill-Kummissjoni, il-fattur ta’ tnaqqis għandu rwol essenzjali minħabba l-ammont partikolarment għoli tad-dħul tal-flus li huwa jista’ japplika għalih.

348    Minn dan isegwi li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, peress li l-Kummissjoni ddeċidiet li tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa skont mudell numeriku li fih il-fattur ta’ tnaqqis għandu rwol essenzjali, kien neċessarju li l-impriżi kkonċernati jitpoġġew f’pożizzjoni li fiha jkunu jistgħu jifhmu kif hija kienet waslet għal fattur ta’ tnaqqis iffissat preċiżament f’98.849 % u li l-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita stħarriġ fid-dettall, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, fuq dan il-punt tad-deċiżjoni kkontestata, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 316 iktar ’il fuq.

349    Issa, mill-premessi 643, 644 sa 646 u 648 biss tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-fattur ta’ tnaqqis kellu jkun ta’ iktar minn 90 % peress li, minn naħa, il-paragun tad-dħul tal-flus tal-partijiet mal-flus netti saldati skont l-EIRD kien juri li l-applikazzjoni ta’ rata bejn 85 u 90 % twassal għal multi dissważivi wisq u, min-naħa l-oħra, li l-akkordju inkwistjoni kkawża spejjeż addizzjonali sinjifikament iktar baxxi minn dawk ta’ 20 % ġeneralment ikkawżati minn dan it-tip ta’ akkordju fis-setturi konvenzjonali. Fil-premessa 648 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika, minn naħa, li għamlet stima tal-fatturi msemmija fil-premessi 643 sa 646 mingħajr madankollu ma tippreċiża x’valur attribwiet għal dawn id-diversi fatturi sabiex tiffissa r-rata ta’ tnaqqis preċiżament f’98.849 %. Min-naħa l-oħra, hija tindika li applikat l-istess metodoloġija fid-determinazzjoni tal-valuri tal-bejgħ bħal dik użata għall-kalkolu tal-ammonti tal-multi fid-deċiżjoni ta’ riżolviment. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ebda indikazzjoni addizzjonali fir-rigward tad-determinazzjoni tar-rata ta’ tnaqqis f’98.849 % ma tirriżulta mid-deċiżjoni ta’ riżolviment.

350    L-unika indikazzjoni oħra li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata tikkonsisti f’li tfakkar, fil-premessa 710, dak li l-Kummissjoni kienet enfasizzat matul il-proċedura amministrattiva li l-fattur ta’ tnaqqis uniformi huwa ta’ mill-inqas 97.5 %.

351    Għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jipprovdux lir-rikorrenti spjegazzjoni tar-raġunijiet li għalihom il-fattur ta’ tnaqqis ġie ffissat f’98.849 % milli f’livell eventwalment ogħla. Bl-istess mod, minħabba l-assenza ta’ spjegazzjonijiet iktar iddettaljati fuq ir-raġunijiet li għalihom dawn il-kunsiderazzjonijiet wasslu għall-iffissar tal-fattur ta’ tnaqqis f’dan il-livell preċiż, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li teżerċita stħarriġ fil-fond fid-dritt u fil-fatt fuq punt tad-deċiżjoni li seta’ jkollu effett sinjifikanti fuq l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

352    Ċertament, wara s-seduta l-Kummissjoni pprovdiet lill-Qorti Ġenerali bi spjegazzjonijiet addizzjonali dwar id-determinazzjoni ta’ dan il-fattur ta’ tnaqqis ta’ 98.849 %. Madankollu, minn qari flimkien tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 340 u 342 iktar ’il fuq jirriżulta li tali spjegazzjonijiet addizzjonali jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, f’dak li jirrigwarda l-istħarriġ intern tal-motivi tad-deċiżjoni, biss suġġett għall-kundizzjoni li dawn jikkompletaw motivazzjoni diġà suffiċjenti fiha nfisha. Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża odjerna.

353    Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, it-tielet ilment tal-ewwel parti tal-motiv għandha tintlaqa’ u, għaldaqstant, l-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-partijiet l-oħrajn tal-motiv.

354    Sa fejn intlaqgħu t-talbiet ippreżentati prinċipalment intiżi għall-annullament tal-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata, ma hemmx lok li jiġu eżaminati t-talbiet għal bidla ppreżentati sussidjarjament mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

355    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

356    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tilfu fit-talbiet tagħhom għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u rebħu fit-talba tagħhom għall-annullament tal-Artikolu 2(b) tal-imsemmija deċiżjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ jekk jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 8530 finali tas7 ta’ Diċembru 2016 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39914 – Euro Interest Rate Derivatives), huwa annullat.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      HSBC Holdings plc, HSBC Bank plc u HSBC France huma kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Prek

Buttigieg

Schalin

Berke

 

Costeira

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Settembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.