Language of document : ECLI:EU:T:2023:828

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

20 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Rikors għal annullament – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Projbizzjoni ta’ kull inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja, li jkun il-proprjetà, mikri, jew ikkontrollat b’xi mod ieħor minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp Russu milli jinżel, jitlaq, jew itir fit-territorju tal-Unjoni – Artikolu 4e tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Artikolu 3d tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 – Assenza ta’ locus standi – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑233/22,

Ekaterina Islentyeva, residenti fi Strassen (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn F. Moyse u V. Sulea, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn V. Piessevaux u M.-C. Cadilhac, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland, C. Giolito, K. Simonsson, M. Carpus Carcea u B. Sasinowska, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn D. Spielmann, President, R. Mastroianni, M. Brkan, I. Gâlea (Relatur) u S. L. Kalėda, Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑10 ta’ Ottubru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Ekaterina Islentyeva, titlob l-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/335 tat‑28 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2022 L 57, p. 4, iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/334 tat‑28 ta’ Frar 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2022, L 57, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”) (iktar ’il quddiem flimkien, l-“atti kkontestati”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

3        Ir-rikorrenti għandha nazzjonalità doppja, Lussemburgiża u dik Russa. Hija għandha liċenzja ta’ bdot privat maħruġa mid-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu (DAC). Qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, hija kienet tuża inġenji tal-ajru li jappartjenu għall-assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru Lussemburgiża Avia Sport II, stabbilita fl-ajruport ta’ Luxembourg-Findel (il-Lussemburgu) u kienet ittir fuq il-Lussemburgu, Franza, il-Ġermanja, il-Belġju u r-Renju Unit. Hija kienet ittir waħedha jew ma’ għalliem, filwaqt li dejjem kellha l-kwalità ta’ bdot fil-kmand fis-sens tal-punt 93 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal‑5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012, L 296, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 251, p. 29). Fl‑2021, hija għalhekk għamlet erbatax-il titjira.

4        F’Marzu 2014, il-Federazzjoni Russa annettiet illegalment ir-Repubblika Awtonoma tal-Crimea kif ukoll il-belt ta’ Sevastopol u minn dakinhar ilha twettaq azzjonijiet kontinwi ta’ destabilizzazzjoni fil-Lvant tal-Ukraina. Bi tweġiba għal dan, l-Unjoni Ewropea introduċiet miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet li jdgħajfu jew li jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina kif ukoll miżuri restrittivi b’reazzjoni għall-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Crimea u tal-belt ta’ Sevastopol mill-Federazzjoni Russa.

5        Fl‑24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukraina, u fl-istess jum, il-forzi armati Russi attakkaw lill-Ukraina f’diversi postijiet tal-pajjiż.

6        Fit‑28 ta’ Frar 2022, fil-kuntest ta’ sensiela ta’ miżuri restrittivi li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-għeluq tal-ispazju tal-ajru tal-Unjoni għal ċerti kategoriji ta’ inġenji tal-ajru, is-sistema ta’ messaġġi finanzjarji SWIFT u r-riżorsi tal-Bank Ċentrali Russu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-deċiżjoni kkontestata u, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, ir-regolament ikkontestat.

7        L-Artikolu 4e tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014 L 229, p. 13, rettifika fil-ĠU 2014, L 263, p. 35), kif miżjud mill-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, jaqra hekk ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jiċħdu, f’konformità mar-regoli u l-liġijiet nazzjonali tagħhom u b'mod konsistenti mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari l-ftehimiet internazzjonali rilevanti dwar l-avjazzjoni ċivili, lil kwalunkwe inġenju tal-ajru operat minn trasportaturi tal-ajru Russi, inkluż bħala trasportatur ta’ kummerċjalizzazzjoni f’arranġamenti ta’ kondiviżjoni tal-kodiċi jew spazju mblukkat, lil kwalunkwe inġenju tal-ajru rreġistrat fir-Russja, u lil kwalunkwe inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja li huwa proprjetà ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika Russa, entità Russa jew korp Russu, jew mikri minn xi ħadd minnhom, jew ikkontrollat b’xi mod ieħor minn xi ħadd minnhom, permess biex jinżel, jinqata’ mill-art, jew jittajjar minn fuq it-territorju tal-Unjoni.

2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika f’każ ta’ inżul ta’ emerġenza jew ta’ titjira ta’ emerġenza li tgħaddi minn fuq it-territorju.

3. B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw li inġenju tal-ajru jinżel fit-territorju tal-Unjoni, jinqata’ mill-art jew jittajjar minn fuqu, jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddeterminaw li tali nżul, qtugħ mill-art jew titjir ikun meħtieġ għal skopijiet umanitarji jew għal kwalunkwe skop ieħor konsistenti mal-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni.

4. L-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernat(i) għandu/hom jinforma(w) lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 3 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”

8        L-Artikolu 3d tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014 L 229, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 246, p. 59 u fil-ĠU 2022, L 114, p. 214), kif miżjud mill-punt 2 tal-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat, jaqra kif ġej:

“1. Għandu jkun ipprojbit li kwalunkwe inġenju tal-ajru operat minn trasportaturi tal-ajru Russi, inkluż bħala trasportatur ta’ kummerċjalizzazzjoni f’arranġamenti ta’ kondiviżjoni tal-kodiċi jew spazju magħluq, jew kwalunkwe inġenju tal-ajru reġistrat fir-Russja, jew kwalunkwe inġenju tal-ajru mhux reġistrat fir-Russja li jkun proprjetà ta’ xi persuna Russa, fiżika jew ġuridika, [entità Russa jew korp Russu], jew mikri, jew ikkontrollat b’xi mod ieħor [minnhom], jinżel fit-territorju tal-Unjoni, li jitlaq minnu jew li jittajjar minn fuqu.

2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika f’każ ta’ nżul ta’ emerġenza jew ta’ titjira ta’ emerġenza li tgħaddi minn fuq it-territorju.

3. B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw li inġenju tal-ajru jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, jinżel fih, jew jittajjar minn fuqu jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddeterminaw li tali nżul, tluq jew titjir ikun meħtieġ għal skopijiet umanitarji jew għal kwalunkwe skop ieħor konsistenti mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

4. L-Istat Membru jew Stati Membri kkonċernat(i) għandu/hom jinforma(w) lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 3 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”

9        Wara l-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA) iddedikaw kull wieħed minnhom dokument jew taqsima fuq is-sit internet tagħhom intiżi sabiex iwieġbu mistoqsijiet magħmula ta’ spiss dwar l-imsemmija atti. Skont id-dokument ippubblikat mill-Kummissjoni fil‑21 ta’ Marzu 2022, il-projbizzjoni introdotta permezz tal-atti kkontestati kienet tkopri l-persuni li għandhom nazzjonalità doppja, Russa u ta’ Stat Membru, kif ukoll it-titjiriet privati. Bl-istess mod, fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet magħmula ta’ spiss ippubblikati fil‑15 ta’ Marzu 2023 fuq is-sit internet tal-EASA, l-imsemmija projbizzjoni kienet tapplika għall-persuni li għandhom nazzjonalità doppja, Russa u ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, issemma wkoll li din kienet tapplika meta persuna ta’ nazzjonalità Russa ttir b’mod privat bħala bdot u għalhekk kienet tikkontrolla meta u fejn l-ajruplan itir, bl-eċċezzjoni tal-każ fejn l-imsemmija persuna ttir bħala impjegat ta’ trasportatur bl-ajru mhux Russu, peress li, f’tali każ, hija ma tkunx qegħda tikkontrolla l-inġenju tal-ajru.

10      L-awtoritajiet tal-Ajruport ta’ Luxembourg-Findel ippubblikaw “notice to airmen” (NOTAM, messaġġi lill-bdoti) li pprovdew informazzjoni dwar il-miżuri restrittivi li jikkonċernaw is-settur tal-ajru adottati fl-atti kkontestati.

11      Fil‑21 ta’ April 2022, bi tweġiba għal mistoqsija tar-rappreżentant tar-rikorrenti, id-DAC indika, b’mod partikolari, li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fuq is-sit tal-EASA kienu bbażati fuq approċċ komuni fi ħdan l-Unjoni u interpretazzjoni uniformi tad-dipartimenti tal-Kummissjoni. Id-DAC ippreċiża wkoll li l-kelma “kontroll” kienet interpretata f’sens wiesgħa, li kien jinkludi l-kontroll effettiv u materjali ta’ inġenju tal-ajru u ma kienx limitat biss għal kontroll ekonomiku u finanzjarju.

 Ittalbiet talpartijiet

12      Ir-rikorrenti, wara kjarifika tat-talbiet tagħha bi tweġiba għal mistoqsija magħmula waqt is-seduta, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla r-regolament ikkontestat, sa fejn dan jintroduċi l-Artikolu 3d tar-Regolament Nru 833/2014, u d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tintroduċi l-Artikolu 4e tad-Deċiżjoni 2014/512;

–        tirrikonoxxilha d-dritt li tuża l-liċenzja ta’ bdot privat tagħha u li tinżel, titlaq u ttir fit-territorju tal-Unjoni;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

13      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiddikjara r-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq ilġurisdizzjoni talQorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tarrikors sa fejn dan huwa intiż sabiex ilQorti Ġenerali tirrikonoxxi lirrikorrenti ddritt li tuża lliċenzja ta’ bdot privat tagħha u li tinżel, titlaq u ttir fitterritorju talUnjoni

14      Permezz ta’ wieħed mill-kapijiet tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tirrikonoxxilha d-dritt li tuża l-liċenzja ta’ bdot privat tagħha u li tinżel, titlaq u ttir fit-territorju tal-Unjoni.

15      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti sentenzi dikjaratorji jew konfermatorji (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑9 ta’ Diċembru 2003, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑224/03, mhux ippubblikat, EU:C:2003:658, punti 20 u 21, u s-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2009, Omya vs Il‑Kummissjoni, T‑145/06, EU:T:2009:27, punt 23).

16      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sa fejn huwa intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi lir-rikorrenti d-dritt li tuża l-liċenzja ta’ bdot privat tagħha u li tinżel, titlaq jew ittir fit-territorju tal-Unjoni, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala li ġie ippreżentat quddiem qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tiegħu.

 Fuq ilġurisdizzjoni talQorti Ġenerali biex tieħu konjizzjoni tarrikors sa fejn huwa intiż għallannuallament taddeċiżjoni kkontestata

17      Il-Kunsill jeċċepixxi n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali biex tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa jsostni li, skont l-Artikolu 275 TFUE, il-qrati tal-Unjoni ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tar-rikorsi għal annullament kontra l-miżuri restrittivi stabbiliti permezz ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) li jikkostitwixxu miżuri ta’ portata ġenerali. F’dan il-każ, dan isostni li l-projbizzjoni prevista mill-Artikolu 4e tad-Deċiżjoni 2014/512 kif emendata bid-deċiżjoni kkontestata hija miżura ġenerali li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa ddeterminat b’riferiment għal kriterji oġġettivi, b’mod partikolari l-kategoriji ta’ inġenji tal-ajru, u li ma hijiex immirata lejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi identifikati.

18      Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità tal-miżuri kollha adottati skont l-Artikolu 215 TFUE kif ukoll sabiex tistħarreġ il-legalità tal-miżuri restrittivi adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE. Hija tqis li l-Kunsill jibbaża r-raġunament tiegħu fuq qari “mekkaniku” tal-kliem tal-Artikolu 275 TFUE u li n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK hija suġġetta għal eċċezzjonijiet. Barra minn hekk, din għandha wkoll ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità tar-regolamenti adottati abbażi tal-Artikolu 215(1) TFUE kif ukoll tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-PESK adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE. Fl-aħħar nett, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni ma tirriżultax minn allegata suġġettività tal-kriterju ta’ “kontroll”.

19      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Parlament. Hija ssostni li l-esklużjoni tal-PESK mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea prevista fl-Artikolu 275 TFUE għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Hija ssostni li l-portata tal-miżura restrittiva inkwistjoni ma hijiex iddeterminata b’riferiment għal kriterji oġġettivi. Fil-fehma tagħha, minn naħa, il-miżuri adottati mill-atti kkontestati għandhom impatt mhux biss fuq il-Federazzjoni Russa, iżda wkoll fuq terzi bħaċ-ċittadini Russi u, min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “kontroll” tal-inġenju tal-ajru, kif interpretat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, huwa kriterju suġġettiv. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali hija bbażata wkoll fuq l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jippermetti, fl-osservanza tat-Trattati, li d-dispożizzjonijiet eżistenti jiġu interpretati b’mod li jkunu jistgħu jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali. Ir-rikorrenti żżid li huwa imperattiv li l-miżuri restrittivi previsti mill-atti kkontestati jkunu suġġetti għal stħarriġ sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn jirrispettawx id-drittijiet fundamentali u josservawx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

20      Għandu jitfakkar li, minkejja li, skont l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni, bħala prinċipju, ma għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK kif ukoll tal-atti adottati abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, madankollu, it-Trattati jistabbilixxu b’mod espliċitu żewġ eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju. Fil-fatt, minn naħa, kemm l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE kif ukoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jipprevedu li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ l-osservanza tal-Artikolu 40 TUE. Min-naħa l-oħra, l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Min-naħa tagħha, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi l-ġurisdizzjoni tal-imsemmija Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi, ippreżentati fil-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dwar l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK, li jipprevedu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 60).

21      Għalhekk, fir-rigward tal-atti adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet relattivi għall-PESK, hija n-natura individwali ta’ dawn l-atti li tagħti, konformement mal-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, l-aċċess għall-qrati tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Gazprom Neft vs Il‑Kunsill, T‑735/14 u T‑799/14, EU:T:2018:548, punt 53).

22      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 4 u 4a tad-Deċiżjoni 2014/512 jipprevedu miżuri li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom kien iddeterminat b’riferiment għal kriterji oġġettivi, b’mod partikolari għal kategoriji ta’ proġett ta’ esplorazzjoni u ta’ produzzjoni taż-żejt. Għall-kuntrarju, dawn il-miżuri ma humiex immirati lejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ddefiniti, iżda japplikaw għall-operaturi kollha involuti fil-bejgħ, fil-forniment, fit-trasferiment jew fl-esportazzjoni li jaqa’ taħt l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u għall-fornituri kollha ta’ servizzi konnessi b’mod ġenerali (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 97). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li dawn il-miżuri ma kinux jikkostitwixxu miżuri kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, iżda miżuri ta’ portata ġenerali u li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-validità tagħhom (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 98 u 99).

23      Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 1(2)(b) sa (d) u (3), tal-Artikolu 7 u tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li s-suġġett ta’ dawn il-miżuri kien iddefinit b’riferiment għal entitajiet speċifiċi. Din iddeċidiet li dawn id-dispożizzjonijiet kienu jipprojbixxu, b’mod partikolari, l-eżekuzzjoni ta’ diversi tranżazzjonijiet finanzjarji fir-rigward tal-entitajiet inklużi fl-Anness III tal-imsemmija deċiżjoni u li hija kellha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-validità tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 100 u 107).

24      Għaldaqstant, billi jistabbilixxi kriterji li jippermettu li tiġi identifikata persuna fiżika jew ġuridika u billi jsemmi l-isem ta’ din il-persuna fl-anness ta’ deċiżjoni meħuda skont dispożizzjonijiet dwar il-PESK, il-Kunsill jadotta miżuri restrittivi kontra l-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata, minkejja l-fatt li tali miżuri jistgħu wkoll jimmiraw, b’mod individwali, entitajiet oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 104 u tat‑13 ta’ Settembru 2018, Gazprom Neft vs Il‑Kunsill, T‑735/14 u T‑799/14, EU:T:2018:548, punt 54).

25      F’dan il-każ, il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4e tad-Deċiżjoni 2014/512, inkluż permezz tal-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata tkopri “kwalunkwe inġenju tal-ajru operat minn trasportaturi tal-ajru Russi, inkluż bħala trasportatur ta’ kummerċjalizzazzjoni f'arranġamenti ta’ kondiviżjoni tal-kodiċi jew spazju mblukkat [kif ukoll] kwalunkwe inġenju tal-ajru rreġistrat fir-Russja […] kwalunkwe inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja li huwa proprjetà ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika Russa, entità Russa jew korp Russu, jew mikri minn xi ħadd minnhom, jew ikkontrollat b’xi mod ieħor minn xi ħadd minnhom”.

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni huwa ddeterminat b’riferiment għal kriterji oġġettivi, jiġifieri kategoriji ta’ inġenji tal-ajru. Fil-fatt, huma kkonċernati mill-miżuri inkwistjoni l-inġenji tal-ajru operati minn trasportaturi bl-ajru Russi, inkluż bħala trasportatur ta’ kummerċjalizzazzjoni f’arranġamenti ta’ kondiviżjoni tal-kodiċi jew spazju mblukkat, dawk irreġistrati fir-Russja u dawk li ma humiex irreġistrati fir-Russja u li huma miżmuma, mikrija jew ikkontrollati b’xi mod ieħor minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp Russu. Għaldaqstant, il-miżuri restrittivi inkwistjoni ma humiex immirati lejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi identifikati, iżda japplikaw għall-inġenji tal-ajru kollha li jissodisfaw il-kriterji msemmija iktar ’il fuq.

27      Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-miżuri restrittivi jidhru, fl-istess waqt, bħala atti ta’ portata ġenerali sa fejn huma jipprojbixxu kategorija ġenerali u astratta ta’ destinatarji milli jpoġġu riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tal-entitajiet imsemmija fl-annessi tagħhom, u kif ukoll bħala deċiżjonijiet individwali fir-rigward ta’ dawn l-entitajiet (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li l-miżuri restrittivi stabbiliti skont l-Artikolu 4e tad-Deċiżjoni 2014/512 kif emendata bid-deċiżjoni kkontestata ma humiex maħsuba b’tali mod u li l-imsemmi artikolu ma jagħmel riferiment għal ebda anness. Issa, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 21 iktar ’il fuq, hija n-natura individwali tal-atti li tagħti, skont il-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, l-aċċess għall-qrati tal-Unjoni.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri stabbiliti mill-Artikolu 4e tad-Deċiżjoni 2014/512 kif emendata bid-deċiżjoni kkontestata ma jikkostitwixxux miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, iżda huma miżuri ta’ portata ġenerali.

29      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti li jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni minħabba allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet fundamentali, peress li, skont il-ġurisprudenza, argumenti li jirrigwardaw esklużivament il-mertu tar-rikors ma jistgħux jikkontestaw in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għal annullament kontra dispożizzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ Lulju 2007, Commune de Champagne et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑212/02, EU:T:2007:194, punt 217).

30      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-validità tal-Artikolu 4e tad-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata. Konsegwentement, sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala li ġie ppreżentat quddiem qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tiegħu.

 Fuq lammissibbiltà tarrikors sa fejn huwa intiż għallannullament tarregolament ikkontestat

31      Il-Kunsill jeċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors sa fejn huwa intiż għall-annullament tar-regolament ikkontestat. Għalkemm dan jammetti li l-Artikolu 3d(1) tar-Regolament Nru 833/2014 kif emendat huwa att regolatorju li jikkonċerna direttament lir-rikorrenti, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprekludiha milli tuża l-liċenzja ta’ bdot privat tagħha, dan isostni li l-imsemmija dispożizzjoni tinkludi, għall-kuntrarju, miżuri ta’ implimentazzjoni. Għalhekk, ir-rikorrenti għandha tistabbilixxi li hija mhux biss direttament, iżda wkoll individwalment ikkonċernata mir-regolament ikkontestat. Issa, skont il-Kunsill, ir-rikorrenti ma hijiex individwalment ikkonċernata mir-regolament ikkontestat.

32      Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni tagħha li jirriżultaw mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 3d(1) tar-Regolament Nru 833/2014 kif emendat, il-Kunsill isostni li, bl-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-intenzjoni tiegħu ma kinitx li jipprojbixxi liċ-ċittadini Russi li għandhom liċenzja ta’ bdot privat milli jużaw din il-liċenzja sabiex itiru, b’mod privat, inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja li ma huwiex ta’ proprjetà jew mikri minnhom. Skont il-Kunsill, l-espressjoni “ikkontrollat b’xi mod ieħor” li tinsab fl-Artikolu 3d(1) tar-Regolament Nru 833/2014 kif emendat għandha tinftiehem biss fis-sens ta’ kontroll ekonomiku jew finanzjarju. Dan isostni li din l-interpretazzjoni tikkorrispondi għall-għan tal-atti kkontestati, jiġifieri li ssir pressjoni fuq il-President tal-Federazzjoni Russa u l-Gvern Russu sabiex itemmu l-azzjonijiet tagħhom intiżi sabiex jiddestabbilizzaw l-Ukraina. Il-Kunsill jippreċiża li tali għan ma jistax jintlaħaq permezz ta’ restrizzjonijiet fir-rigward ta’ persuni fiżiċi Russi għas-sempliċi raġuni li huma jtiru ajruplan. Barra minn hekk, dan ifakkar li, meta test jista’ jkun is-suġġett ta’ iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tingħata preferenza lil dik li tirrendi d-dispożizzjoni konformi mat-Trattati. Għalhekk, huwa jqis li, bl-adozzjoni tal-interpretazzjoni li huwa jsostni, l-Artikolu 3d(1) tar-Regolament Nru 833/2014 kif emendat ma jistax jikser id-dispożizzjonijiet tat-Trattati jew tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

33      Il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm ir-regolament ikkontestat huwa att regolatorju, dan jinkludi miżuri ta’ implimentazzjoni, b’tali mod li r-rikorrenti għandha turi li hija direttament u individwalment ikkonċernata. Issa, bħall-Kunsill, il-Kummissjoni tafferma li r-rikorrenti ma hijiex individwalment ikkonċernata mill-imsemmi regolament.

34      Fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 3d(1) tar-Regolament Nru 833/2014 kif emendat, il-Kummissjoni ssostni li l-kunċett ta’ “kontroll” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, fis-sens li persuna titqies li “tikkontrolla” l-inġenju tal-ajru meta jkollha l-kontroll tekniku jew operazzjonali tiegħu, b’mod partikolari billi ttir b’mod privat bħala pilota. Skont il-Kummissjoni, ir-riferiment għal kontroll “b’xi mod ieħor” jikkonferma n-natura mhux restrittiva tal-kunċett ta’ kontroll. Din tindika li l-leġiżlazzjoni dwar il-miżuri restrittivi tuża l-kunċetti ta’ “pussess, żamma u kontroll” fil-qasam tal-iffriżar ta’ fondi, sabiex tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ miżura, u li, f’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “kontroll” jintuża f’sens finanzjarju. Madankollu, din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi trasposta għal dan il-każ, fejn il-kwistjoni tal-kontroll hija rilevanti sabiex jiġi ddeterminat l-inġenju tal-ajru li huwa pprojbit li jinżel fit-territorju tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, l-użu ta’ interpretazzjoni wiesgħa jikkorrispondi għall-għan li tiġi evitata l-evażjoni tal-miżuri restrittivi.

35      Ir-rikorrenti ssostni li r-rikors tagħha huwa ammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tar-regolament ikkontestat. Għalkemm hija tammetti li ma hijiex id-destinatarja tiegħu, hija ssostni li hija direttament affettwata mid-dispożizzjonijiet tiegħu li hija tikkontesta. Hija tqis li l-Kummissjoni, l-EASA u d-DAC, billi jadottaw interpretazzjoni tal-Artikolu 3d(1) tar-Regolament Nru 883/2014 kif emendat li abbażi tagħha hija tikkontrolla inġenju tal-ajru fis-sens li hija tkun tista’ tiddeċiedi meta u fejn għandu jtir l-imsemmi inġenju tal-ajru, għandha l-konsegwenza, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li tipprekludiha milli tuża l-liċenzja ta’ bdot privat tagħha. Ir-rikorrenti tqis ukoll li hija individwalment ikkonċernata mir-regolament ikkontestat u, fi kwalunkwe każ, li dan huwa att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

36      Barra minn hekk, fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 3d(1) tar-Regolament Nru 833/2014 kif emendat, hija tqis li l-kelma “kontroll” għandha tfisser kontroll ta’ natura ekonomika jew finanzjarja tal-inġenju tal-ajru, b’tali mod li hija ma hijiex ikkonċernata mill-projbizzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni u li hija tista’ tkompli tibbenefika mil-liċenzja ta’ pilota privat tagħha.

37      Għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni paragrafi, tippreżenta rikors kontra atti indirizzati lilha jew li jirrigwardawha direttament u individwalment, kif ukoll kontra kull att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

38      Issa, sa fejn il-kundizzjoni ta’ interess dirett hija komuni għat-tieni u għat-tielet parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u sa fejn, skont il-ġurisprudenza, din il-kundizzjoni għandha l-istess tifsira f’kull waħda minn dawn il-partijiet tas-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 73), għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmija kundizzjoni hijiex issodisfatta.

39      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun ikkonċernata direttament mill-miżura li tkun is-suġġett tar-rikors, kif prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li żewġ kriterji kumulattivi jkunu ssodisfatti, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, peress li din l-implimentazzjoni hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti hijiex direttament ikkonċernata mill-miżuri restrittivi inkwistjoni, għandha tiġi eżaminata minn qabel il-kwistjoni dwar jekk din taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3d(1) tar-Regolament Nru 883/2014 kif emendat.

41      Għal dan l-għan, għandha tiġi ddeterminata l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “kontroll” ta’ inġenju tal-ajru.

42      Skont il-ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss il-kliem tagħha, imma wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, D. u G., C‑358/13 u C‑181/14, EU:C:2014:2060, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 3d(1) tar-Regolament Nru 833/2014 kif emendat jirriżulta li l-projbizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni tkopri kull inġenju tal-ajru operat minn trasportaturi bl-ajru Russi, kull inġenju tal-ajru rreġistrat fir-Russja kif ukoll kull ajruplan mhux irreġistrat fir-Russja li huwa ta’ proprjetà, mikri jew ikkontrollat b’xi mod ieħor minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp Russu.

44      F’dan ir-rigward, interpretazzjoni letterali tal-kunċett ta’ “kontroll b’xi mod ieħor” ta’ inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja tista’ twassal sabiex jingħad li dan il-kunċett ikopri, kif isostni l-Kunsill, biss kontroll ta’ natura ekonomika jew finanzjarja jew, kif issostni l-Kummissjoni, ukoll kontroll “tekniku jew operazzjonali”, b’tali mod li l-projbizzjoni tista’ tikkonċerna inġenju tal-ajru li jittajjar minn persuna fiżika ta’ nazzjonalità Russa.

45      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali tal-kunċett ta’ inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja “kkontrollat b’xi mod ieħor”, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-regolament ikkontestat jemenda r-Regolament Nru 833/2014, li jipprevedi miżuri restrittivi settorjali ta’ natura ekonomika adottati abbażi tal-Artikolu 215(1) TFUE. It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li l-espressjoni “ikkontrollat b’xi mod ieħor” taqa’ fl-estensjoni tal-kliem “proprjetà” u “mikri”, li huma kliem li jindikaw kunċetti rilevanti mill-perspettiva ekonomika jew finanzjarja. It-tielet nett, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, il-kunċett ta’ “kontroll” jintuża f’sens ekonomiku jew finanzjarju fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 833/2014 sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-miżuri restrittivi settorjali (ara, pereżempju, l-Artikolu 2(4)(e) u (f) u l-Artikolu 3(6)(b) tal-imsemmi regolament) jew tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64), għal miżuri restrittivi individwali fil-qasam tal-iffriżar ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi (ara l-Artikolu 2(1), tal-imsemmi regolament).

46      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika tal-kunċett ta’ “kontroll b’xi mod ieħor” ta’ inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-għan imfittex mir-regolament ikkontestat huwa, b’mod partikolari, li tiġi eżerċitata pressjoni massima fuq l-awtoritajiet Russi, sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet u l-politiki tagħhom li jiddestabbilizzaw l-Ukraina kif ukoll l-aggressjoni militari ta’ dan il-pajjiż (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 163).

47      F’dan il-każ, għandu jitqies, kif għamel il-Kunsill, li l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq inġenji tal-ajru mhux irreġistrati fir-Russja ta’ proprjetà, mikrija jew ikkontrollati b’xi mod ieħor fuq livell ekonomiku jew finanzjarju tikkontribwixxi għall-eżerċizzju ta’ tali pressjoni fuq l-awtoritajiet Russi. Fil-fatt, tali restrizzjonijiet, sa fejn jaffettwaw ekonomikament is-settur tal-avjazzjoni Russu, jikkontribwixxu għall-għan tat-tkabbir tal-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Rosneft et vs Il‑Kunsill, T‑715/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:544, punt 157 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      It-tieni nett, fir-rigward tal-eventwali neċessità li tintuża interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 3d(1) tar-Regolament Nru 833/2014 kif emendat, sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ evażjoni tal-miżuri restrittivi inerenti għad-diversi possibbiltajiet eżistenti sabiex wieħed jibbenefika minn trasport bl-ajru billi jaħbi l-identità u n-nazzjonalità tal-benefiċjarju, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni (ara l-punt 33 iktar ’il fuq), il-possibbiltà li tinħeba l-identità u n-nazzjonalità tal-benefiċjarju taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kontroll” fis-sens ekonomiku jew finanzjarju u mhux fis-sens “tekniku” jew “operazzjonali”.

49      It-tielet nett, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li huwa riprodott fl-Artikolu 5(4) TUE, jeżiġi li l-miżuri implimentati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu ta’ natura li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 122, u tal‑24 ta’ Novembru 2021, Assi vs Il‑Kunsill, T‑256/19, EU:T:2021:818, punt 194 (mhux ippubblikata)).

50      F’dan ir-rigward, kif isostni l-Kunsill, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq persuni u entitajiet Russi li jikkontrollaw minn perspettiva ekonomika jew finanzjarja inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja tikkontribwixxi għall-eżerċizzju ta’ pressjoni kontra l-President Russu u l-Gvern tiegħu, dan ma jgħoddx għar-restrizzjonijiet meħuda kontra persuni fiżiċi Russi li jillimitaw ruħhom li “jtiru” tali inġenju tal-ajru. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li projbizzjoni ta’ nżul, ta’ tluq jew ta’ titjir fit-territorju tal-Unjoni applikabbli għal kull inġenju tal-ajru kkontrollat fuq pjan “tekniku jew operazzjonali” minn ċittadin Russu, sa fejn tinkludi ċ-ċittadini Russi li għandhom liċenzja ta’ bdot privat, hija manifestament mhux xierqa fid-dawl tal-għan tal-eżerċizzju ta’ pressjoni fuq il-President Russu u l-gvern tiegħu li tista’ tinterrompi l-ksur tad-dritt internazzjonali u tippreserva l-integrità territorjali tal-Ukraina.

51      Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, meta test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jista’ jkun is-suġġett ta’ iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tingħata preferenza lil dik li tirrendi d-dispożizzjoni konformi mat-Trattat u mhux lil dik li twassal għall-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tagħha (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3d tar-Regolament Nru 833/2014 kif emendat għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni ta’ nżul fit-territorju tal-Unjoni, tat-tluq jew tat-titjir fuqu, applikabbli għal “kwalunkwe inġenju tal-ajru mhux reġistrat fir-Russja li jkun proprjetà ta’ xi persuna Russa, fiżika jew ġuridika, [entità Russa jew korp Russu], jew mikri, jew ikkontrollat b’xi mod ieħor [minnhom],” tirreferi għal kull inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja li huwa kkontrollat ekonomikament jew finanzjarjament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp Russu, mingħajr ma taffettwa s-sitwazzjoni fejn, bħal f’dan il-każ, ċittadin Russu li jkollu liċenzja ta’ bdot privat juża dik il-liċenzja biex itir inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja, li ma jkunx ta’ proprjetà jew mikri minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp Russu.

52      Minn dan isegwi li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti, li la għandha u lanqas tikri inġenji tal-ajru mhux irreġistrati fir-Russja u li ma għandha l-ebda kontroll ekonomiku jew finanzjarju fuq tali inġenju tal-ajru, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3d tar-Regolament Nru 833/2014 kif emendat. Għaldaqstant, hija ma hijiex direttament ikkonċernata mill-projbizzjoni prevista mill-imsemmi artikolu, b’tali mod li hija ma għandhiex locus standi għall-annullament ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punti 132 u 133)

53      Konsegwentement, sa fejn huwa intiż għall-annullament tar-regolament ikkontestat, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, parzjalment bħala mressaq quddiem qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tiegħu u parzjalment bħala inammissibbli.

 Fuq lispejjeż

55      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha iżda li għandha tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

56      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li, fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kontroll b’xi mod ieħor” ta’ inġenju tal-ajru, li setgħu jikkontribwixxu, sa ċertu punt, għall-ħolqien ta’ din il-kawża, minkejja li r-rikorrenti tilfet, issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti u l-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

57      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ekaterina Islentyeva u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Spielmann

Mastroianni

Brkan

Gâlea

 

      Kalėda

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑20 ta’ Diċembru 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.