Language of document : ECLI:EU:F:2012:77

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

6 ta’ Ġunju 2012

Kawża F‑54/12 R

Luigi Carosi

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ ammissjoni għall-parteċipazzjoni fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni — Proċedura għal miżuri provviżorji — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Fumus boni juris — Assenza — Kundizzjonijiet speċifiċi ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni — Esperjenza professjonali”

Suġġett: Talba mressqa skont l-Artikoli 278 TFUE u 157 EA kif ukoll skont l-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li biha L. Carosi jitlob, b’mod partikolari, is-sospensjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/117/11 (iktar ’il quddiem, il-“Bord tal-Għażla”) li permezz tagħha ma jitħalliex jipparteċipa fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni tal-imsemmija kompetizzjoni.

Deċiżjoni: It-talba għal miżuri provviżorji tar-rikorrent hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni — Iffissar mill-avviż ta’ kompetizzjoni — Evalwazzjoni, mill-Bord tal-Għażla, tal-esperjenza professjonali tal-kandidati — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Kompetizzjoni fil-qasam tas-segretarjat

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikoli 2 u 5)

Il-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni għandu r-responsabbiltà li jevalwa, każ b’każ, jekk l-esperjenza professjonali li jkollu kull kandidat tikkorrispondix għal-livell rikjest mill-avviż tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-proċeduri tal-kompetizzjoni, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni kemm tan-natura u tat-tul tal-esperjenzi professjonali preċedenti tal-kandidati u kif ukoll għar-rabta xi ftit jew wisq mill-qrib li dawn jista’ jkollhom mar-rekwiżiti tal-pożizzjoni vakanti. B’hekk, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jillimita ruħu li jivverifika li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma kienx ivvizzjat minn żball manifest.

F’dan ir-rigward, Bord tal-Għażla ma jagħmilx evalwazzjoni manifestament żbaljata meta jqis li, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni għal kompetizzjoni fil-qasam tas-segretarjat, diploma universitarja kif ukoll esperjenza professjonali, b’mod partikolari fil-qasam legali, ma jikkorrispondux, rispettivament, għal diploma miksuba fil-qasam tas-segretarjat u għal esperjenza professjonali f’dan l-istess qasam.

(ara l-punti 35, 39, 40 u 47)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Lulju 2010, Časta vs Il‑Kummissjoni, F‑40/09, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata