Language of document : ECLI:EU:T:2023:675

Kawża T688/21

BNP Paribas Public Sector SA

vs

IlBord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal25 ta’ Ottubru 2023

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Kuntratti relatati mal-impenn ta’ pagament irrevokabbli u l-arranġamenti ta’ kollateral – Ċaħda tat-talba għall-ħlas lura tal-kollateral marbut mal-kontribuzzjonijiet ex ante pprovduti fil-forma ta’ impenji ta’ pagament irrevokabbli – Istituzzjoni li l-awtorizzazzjoni tagħha ġiet irtirata – Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/81 – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Arrikkiment indebitu”

1.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond uniku ta’ riżoluzzjoni – Natura annwali u mhux rimborsabbli

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikoli 69(1) u 70(1) u (4))

(ara l-punti 28 sa 30)

2.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Irkupru u riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni – Istituzzjonijiet taħt superviżjoni ġodda jew bidla fl-istatus – Kunċett ta’ bidla fl-istatus ta’ istituzzjoni – Irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Inklużjoni – Assenza ta’ effett fuq l-obbligu ta’ kontribuzzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2015/63, Artikolu 12(2))

(ara l-punt 31)

3.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond uniku ta’ riżoluzzjoni – Pagament ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet taħt il-forma ta’ impenn ta’ pagament irrevokabbli koperti b’kollateral – Irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Ħruġ ta’ din l-istituzzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni – Ħlas lura tal-kollateral marbut mal-imsemmija kontribuzzjonijiet – Kundizzjoni – Ħlas lura tal-kollateral fi flus kontanti li jkopri l-impenji ta’ pagament irrevokabbli biss wara l-ħlas tal-ammont tal-kontribuzzjoni marbuta ma’ dan il-kollateral

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikolu 70(3); Regolament tal-Kunsill Nru 2015/81, Artikolu 7)

(ara l-punti 32 sa 51)

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Prinċipju ta’ projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu tal-Unjoni – Rimedju ġudizzjarju – Rikors għad-danni – Kundizzjoni – Rikors għad-danni bbażat fuq arrikkiment indebitu minn obbligi kuntrattwali – Inammissibbiltà

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punti 72 sa 77)

Sunt

Ir-rikorrenti, il-kumpannija BNP Paribas Public Sector SA, kienet istituzzjoni ta’ kreditu Franċiża b’awtorizzazzjoni sal-24 ta’ Marzu 2021, data li fiha hija kisbet l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Għall-perijodi ta’ kontribuzzjoni mill-2016 sal-2021, hija kkontribwixxiet għall-Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF), għal mill-inqas parti mill-kontribuzzjonijiet ex ante tagħha fil-forma ta’ impenn ta’ pagament irrevokabbli. Għal dan l-għan, hija kkonkludiet mal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), għal kull perijodu, impenji ta’ pagament irrevokabbli (iktar ’il quddiem l-“IPI 2016–2021”). Fl-1 ta’ April 2021, ir-rikorrenti informat lis-SRB li, fuq talba tagħha, il-BĊE kien irtira l-awtorizzazzjoni tagħha u talbitu informazzjoni bl-għan li tikseb il-ħlas lura tal-kollateral marbut mal-impenji ta’ pagament irrevokabbli konklużi.

Fid‑29 ta’ Lulju 2021, ir-rikorrenti kkomunikat lis-SRB ix-xoljiment tal-IPI 2016–2021. Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Awwissu 2021, dan tal-aħħar indika lir-rikorrenti li kien ser iħallasha lura l-kollateral marbut mal‑IPI 2016–2021 wara r-riċezzjoni tal-flus kontanti li jikkorrispondu għall-ammont impenjat taħt dawn l-impenji. Huwa indika, b’mod partikolari li, fid-dawl tal-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 (1), li jipprovdi li l-kontribuzzjonijiet debitament irċevuti ma kinux irrimborsati lill-entitajiet, u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 (2), li jipprovdi li l-użu tal-impenji ta’ pagament irrevokabbli bl-ebda mod ma jikkomprometti l-kapaċità finanzjarja u l-likwidità tas-SRF, l-annullament tal-IPI 2016–2021 u l-ħlas lura sussegwenti tal-kollateral li jkopri dawn l-impenji seta’ jseħħubiss wara l-ħlas fi flus kontanti ta’ somma fl-ammont ugwali għall-ammont tal-impenn ta’ pagament irrevokabbli kkonċernat. Is-SRB għalhekk stieden lir-rikorrenti tittrasferixxilu somma ta’ ċertu ammont. Fil-25 ta’ Ottubru 2021, ir-rikorrenti informat lis-SRB li, peress li skont il-fehim tagħha tal-qafas regolatorju applikabbli, hija ma kellhiex tittrasferixxilu l-flus li jikkorrispondu għas-somma impenjata abbażi tal-IPI 2016–2021 sabiex jiġi rrestitwit il-kollateral, hija ma kinitx ser tipproċedi bl-imsemmi trasferiment.

Permezz tar-rikors tagħha, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE (3) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, ir-rikorrenti titlob, b’mod partikolari, lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-pożizzjoni espressa mis-SRB fl-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2021 tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-IPI 2016‑2021 u tordna lis-SRB iħallasha lura s-somom li jikkorrispondu għall-kollateral fi flus kontanti marbut ma’ dawn l-impenji li huwa żamm bi ksur tal-obbligi kuntrattwali tiegħu.

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors tar-rikorrenti. Minn naħa, hija tikkonferma li l-fatt li entità tieqaf milli teżerċita l-attivitajiet tagħha ta’ istituzzjoni ta’ kreditu matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni, minħabba l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha, ma għandux effett fuq l-obbligu tagħha li tħallas il-kontribuzzjoni ex ante kollha dovuta għall-imsemmi perijodu ta’ kontribuzzjoni u, min-naħa l-oħra, hija tippreċiża li l-obbligu li titħallas din il-kontribuzzjoni kollha ma huwiex limitat biss għall-parti tal-ħlas imwettaq immedjatament, iżda jinkludi wkoll il-parti pprovduta permezz ta’ impenn ta’ pagament irrevokabbli.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li mill-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li, għal kull sena ta’ kontribuzzjoni, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stat Membru parteċipanti huma obbligati jħallsu l-kontribuzzjoni ordinarja lis‑SRF. Dan il-ġbir annwali tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ġie stabbilit sabiex jiġi żgurat li, fi tmiem il-perijodu inizjali, il-mezzi finanzjarji disponibbli tas‑SRF jilħqu l-livell immirat (4). Fid-dawl ta’ dan l-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreċiża, fl-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014, li l-kontribuzzjonijiet ex ante “riċevuti debitament” ma kinux irrimborsati. Permezz ta’ din il-formulazzjoni, huwa stabbilixxa regola li ma għandhiex eċċezzjoni. Din hija r-raġuni għaliex ma tissemmiex il-possibbiltà li jiġu aġġustati a posteriori l-kontribuzzjonijiet ex ante (5). Minn dan jirriżulta li bidla fl-istatus ta’ istituzzjoni matul il-perjodu ta’ kontribuzzjoni ma jkollha l-ebda effett fuq l-ammont ta’ kontribuzzjoni dovuta għas-sena inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tal-Unjoni diġà ddeċidiet li l-fatt li entità tieqaf teżerċita l-attivitajiet tagħha ta’ istituzzjoni ta’ kreditu matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni, minħabba l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha, ma għandux effett fuq l-obbligu tagħha li tħallas il-kontribuzzjoni ex ante kollha dovuta għall-imsemmi perijodu ta’ kontribuzzjoni (6).

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tindika li, sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ kontribuzzjoni għas-SRF, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom, konformement mal-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 806/2014, il-possibbiltà jew li jħallsu immedjatament il-kontribuzzjoni tagħhom, jew li jidħlu għal impenn ta’ pagament irrevokabbli.

Fit-tielet u l-aħħar lok, l-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jistabbilixxi ċerti regoli applikabbli għall-impenji ta’ pagament irrevokabbli, li għandhom il-partikolarità li huma kuntratti konklużi għal żmien indeterminat li jippermettu lill-istituzzjonijiet jiddifferixxu l-ħlas tal-kontribuzzjoni tagħhom.

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tirrileva, fid-dawl tat-tifsira komuni tal-kelma “irrevokabbli”, li impenn ta’ pagament irrevokabbli jinvolvi obbligu, li ma jistax jiġi kkontestat, li titħallas is-somma li għaliha jkun ġie konkluż dan l-impenn. Barra minn hekk hija tikkonstata li, għalkemm l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 ma jispeċifikax espliċitament li l-istituzzjonijiet għandhom qabelxejn iħallsu l-kontribuzzjoni tagħhom sabiex il-kollateral tagħhom sussegwentement jitħallas lura lilhom, ir-Regolament Nru 806/2014 jeżiġi li dawn l-istituzzjonijiet iħallsu, matul il-perijodu inizjali, kontribuzzjoni annwali lis-SRF sabiex dan tal-aħħar jilħaq il-livell immirat fi tmiem l-imsemmi perijodu. Minn dan isegwi li, jekk il-kollateral li jkopri impenn ta’ pagament irrevokabbli jitħallas lura mingħajr ma tiġi rċevuta minn qabel il-kontribuzzjoni li għaliha dan l-impenn ikun ġie konkluż, jiġri li mhux biss l-istituzzjoni ma tissodisfax l-obbligu tagħha li tħallas il-kontribuzzjoni kollha dovuta għall-perijodu li fih hija kienet taqa’ taħt ir-Regolament Nru 806/2014, iżda l-kontribuzzjoni ex ante fil-forma ta’ impenn ta’ pagament irrevokabbli ma tilħaqx l-għan li tagħti lis-SRF mezzi finanzjarji li jikkorrispondu għal-livell previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

Hekk kif ippeċiżat il-qorti tal-Unjoni (7), il-fatt li entità tieqaf teżerċita l-attivitajiet tagħha ta’ istituzzjoni ta’ kreditu matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni, minħabba l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha, ma għandux effett fuq l-obbligu tagħha li tħallas il-kontribuzzjoni ex ante kollha dovuta għall-imsemmi perijodu ta’ kontribuzzjoni. Il-Qorti Ġenerali tqis li sabiex tiġi evalwata l-portata tal-obbligu li din il-kontribuzzjoni titħallas kollha, ma hemmx lok li wieħed jillimita ruħu biss għall-parti tal-ħlas imwettaq immedjatament, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-parti l-oħra pprovduta permezz ta’ impenn ta’ pagament irrevokabbli. Fil-fatt, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, jipprovdi b’mod espress li l-użu ta’ impenji ta’ pagament irrevokabbli bl-ebda mod ma għandu jaffettwa l-kapaċità finanzjarja jew il-likwidità tas-SFR. L-annullament ta’ impenn ta’ pagament irrevokabbli, ikkawżat mill-ħruġ tal-istituzzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014, u l-ħlas lura tal-kollateral korrispondenti, previsti fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, ma jistgħux għalhekk isiru għad-detriment tas-SRF. Kieku dan ma kienx il-każ, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tmur kontra l-għan li għandu l-ġbir annwali tal-kontribuzzjonijiet ex ante (8). Għaldaqstant, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 japplika għall-ipproċessar tal-impenji ta’ pagament irrevokabbli ta’ istituzzjoni li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 u, għaldaqstant, l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tqis li l-annullament tal-impenn ta’ pagament irrevokabbli previst minn din id-dispożizzjoni għandu l-għan li jtemm dan l-impenn, b’tali mod li dan ma jibqax jeżisti wara l-ħruġ tal-istituzzjoni kontributriċi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014. Għalhekk din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-għan li tippermetti lill-istituzzjonijiet li joħorġu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jevitaw l-obbligu tagħhom li jħallsu l-kontribuzzjoni kollha dovuta, iżda huwa intiż li jiżgura li l-mezzi finanzjarji tas-SRF ikunu għad-dispożizzjoni tas-SRB kemm jista’ jkun malajr fil-każ ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri li tiġi ssalvagwardjata l-kapaċità finanzjarja u l-likwidità tas-SRF.

Barra minn hekk, il-fatt li l-ħruġ ta’ istituzzjoni jnaqqas l-ammont totali tad-depożiti koperti, u għaldaqstant il-livell immirat, jekk jitqies li huwa stabbilit, lanqas ma jeħles lill-imsemmija istituzzjoni milli tħallas il-kontribuzzjoni ex ante kollha dovuta għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fuq il-perijodu tas-snin 2016 sa 2021, ir-rikorrenti kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 u kienet għalhekk responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni għas-SRF u li, għal kull waħda minn dawn is-snin, is-SRB ikkalkola l-kontribuzzjoni individwali tagħha skont, b’mod partikolari, il-projezzjoni magħmula minnu, is-sena inkwistjoni, tal-livell immirat li kellu jintlaħaq fi tmiem il-perijodu inizjali. Għaldaqstant, il-fatt li l-livell immirat jista’, wara l-ħruġ tar-rikorrenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014, jevolvi ma jista’ jkollu ebda effett fuq il-kalkolu, u għalhekk fuq l-ammont, tal-kontribuzzjonijiet dovuti għall-perijodu preċedenti għall-ħruġ tagħha mis-sistema. Konsegwentement, il-fatt li l-ħruġ tar-rikorrenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 jista’ jinfluwenza l-livell immirat, jekk jiġi stabbilit, ma jistax jiġġustifika li jinbidel l-ammont tal-kontribuzzjonijiet li hija kellha tħallas għas-snin 2016 sa 2021. Dan lanqas ma jista’ jiġġustifika l-ħlas lura tal-kollateral li jkopri l-IPI 2016–2021 mingħajr il-ħlas minn qabel tal-kontribuzzjonijiet li għalihom ġew konklużi dawn l-impenji.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tfakkar li diġà ġie deċiż li l-ħruġ ta’ istituzzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 ma jagħtihiex dritt għal kalkolu ġdid tal-kontribuzzjoni ex ante sa fejn, kieku s-SRB kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tas-sitwazzjoni legali u finanzjarja tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni kkonċernat, huwa jkun jista’ diffiċilment jikkalkola b’mod affidabbli u stabbli l-kontribuzzjonijiet dovuti minn kull wieħed minnhom u jsegwi l-għan li jikkonsisti f’li jintlaħaq, fi tmiem il-perijodu inizjali, mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju ta’ Stat Membru (9). Minn dan jirriżulta li l-annullament tal-impenn ta’ pagament irrevokabbli u l-ħlas lura tal-kollateral previsti mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 ma jistgħux jimplikaw li l-parti ta’ kontribuzzjoni ex ante li għaliha ġie konkluż impenn ta’ pagament irrevokabbli ma għandhiex tiġi pprovduta peress li l-istituzzjoni kontributriċi ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014. Din l-istituzzjoni tibqa’ obbligata tħallas il-kontribuzzjoni individwali kollha kkalkolata regolarment mis-SRB għall-perijodu inkwistjoni u ma hijiex awtorizzata tħallas biss frazzjoni.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis li l-pożizzjoni espressa mis-SRB fl-ittra tat‑13 ta’ Awwissu 2021, li tgħid li huwa ma jistax iħallas lura l-kollateral fi flus kontanti li jkopri l-IPI 2016–2021 ħlief wara l-ħlas tal-ammont tal-kontribuzzjoni li għaliha ntużaw dawn l-istrumenti, la tmur kontra l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 u lanqas il-Klawżola 12.5 tal-IPI 2016‑2021 li tirreferi għal din id-dispożizzjoni.


1      Regolament Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).


2      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad-19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 15, p. 1).


3      Il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba tar-rikorrenti mressqa abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, bis-saħħa tal-klawżoli ta’ arbitraġġ li jinsabu fil-Klawżola 13.2 ta’ kull wieħed mill-IPI 2016–2021, liema klawżoli jattribwixxu l-ġurisdizzjoni lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar kull tilwima li tirrigwarda l-legalità, il-validità, l-interpretazzjoni jew l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-ftehimiet.


4      Konformement mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014.


5      Sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2022, ABLV Bank vs SRB (C‑202/21 P, EU:C:2020:734, punt 56).


6      Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB (T‑758/18, EU:T:2021:28, punt 85).


7      Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB (T-758/18, EU:T:2021:28, punt 85).


8      Hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014.


9      Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB (T‑758/18, EU:T:2021:28, punti 75 u 76).