Language of document : ECLI:EU:T:2023:685

Kawża T244/23

Eugen Tomac

vs

IlKunsill talUnjoni Ewropea

 Digriet talQorti Ġenerali (IrRaba’ Awla) tas26 ta’ Ottubru 2023

“Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Dritt istituzzjonali – Applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija – Obbligu li tiġi adottata deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-kondizzjonijiet u l-arranġamenti għall-ammissjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-Unjoni – Kwalità ta’ rikorrent ipprivileġġat – Rikors manifestament infondat fid-dritt”

Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Obbligu tal-Kunsill li jieħu azzjoni – Obbligu li tiġi adottata deċiżjoni ta’ applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fi Stat Membru fil-każ ta’ assenza ta’ unanimità tal-membri tal-Kunsill matul il-votazzjoni – Assenza – Rikors manifestament infondat fid-dritt

(it-tielet paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE)

(ara l-punti 28 sa 36)

Sunt

L-acquis ta’ Schengen (1) huwa corpus legali li l-għan tiegħu huwa t-tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni fi ħdan l-Istati Membri taż-żona Schengen.

Fir-rigward tar-Rumanija, l-Artikolu 4(1) u (2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea (2) essenzjalment jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen u l-atti li jibnu fuqu jew li huma relatati miegħu, elenkati fl-Anness II, huma vinkolanti u għandhom japplikaw fil-Bulgarija u fir-Rumanija b’effett mid-data ta’ adeżjoni. Il-paragrafu 2 jispeċifika li d-dispożizzjonijiet u l-atti li ma humiex imsemmija fil-paragrafu 1, għalkemm jibqgħu vinkolanti, għandhom japplikaw fil-Bulgarija u fir-Rumanija biss wara deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal dan l-għan, wara li jkun ġie vverifikat li l-kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha kkonċernati tal-acquis ikunu ġew issodisfatti fl-Istat inkwistjoni. Il-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu bl-unanimità tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw il-Gvernijiet tal-Istati Membri li fir-rigward tagħhom id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen ikunu diġà daħlu fis-seħħ u tar-rappreżentant tal-Gvern tal-Istat Membru li fir-rigward tiegħu dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jidħlu fis-seħħ.

Wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, fl‑1 ta’ Jannar 2007, ir-Rumanija, bejn l‑2009 u l‑2011, ħadet sensiela ta’ passi skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, bil-għan li tissodisfa l-kriterji meħtieġa għall-finijiet tal-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen.

Permezz ta’ konklużjonijiet tad‑9 ta’ Ġunju 2011 dwar it-tlestija tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-istat ta’ tħejjija tar-Rumanija biex timplimenta d-dispożizzjonijiet kollha tal-acquis ta’ Schengen, il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar “Materji Relatati ma’ Schengen” (Evalwazzjoni ta’ Schengen) ħadet nota tat-tlestija tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen fir-rigward tar-Rumanija. Filwaqt li kkonstata li l-kundizzjonijiet f’kull qasam tal-acquis ta’ Schengen kienu ssodisfatti fir-Rumanija, huwa kkonkluda li l-Kunsill seta’ jieħu d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni.

Sussegwentement, il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li r-Rumanija ssodisfat il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen jiġu rrikonoxxuti bħala applikabbli f’dan l-Istat u stiednet lill-Kunsill jieħu l-miżuri neċessarji għal dan il-għan. Fil‑21 ta’ Ottubru 2022, rapport tal-esperti mfassal taħt l-awtorità tal-Kummissjoni kkonferma l-konklużjonijiet tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni li tlestew fl‑2011. Dan ir-rapport spjega wkoll li r-Rumanija kienet implimentat l-acquis u l-għodod tiegħu u saħħet ukoll l-applikazzjoni tiegħu f’kull qasam. Il-Kummissjoni reġgħet stiednet lill-Kunsill jaċċetta l-adeżjoni tar-Rumanija maż-żona Schengen.

Fid‑29 ta’ Novembru 2022, il-Presidenza tal-Kunsill fasslet, abbażi tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, l-Abbozz Nru 15218/22 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija. Fit‑8 ta’ Diċembru 2022, matul il-laqgħa tal-formazzjoni tal-Kunsill “Ġustizzja u Affarijiet Interni” (ĠAI), fin-nuqqas ta’ unanimità tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-Abbozz Nru 15218/22, dan tal-aħħar ma ġiex adottat.

Fil‑15 ta’ Diċembru 2022, ir-rikorrent, Membru tal-Parlament Ewropew ta’ nazzjonalità Rumena, talab lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jikkomunikalu r-riżultati tal-votazzjoni dwar l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija, kif ukoll il-minuti ta’ din il-laqgħa. Fis‑16 ta’ Diċembru 2022, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill wieġeb lir-rikorrent li, matul din il-laqgħa, l-Abbozz Nru 15218/22 ma kienx fil-fatt ġie adottat u li, skont ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, billi dawn kienu deliberazzjonijiet dwar att mhux leġiżlattiv mhux miftuħa għall-pubbliku, ir-riżultati tal-votazzjonijiet ma kienu suġġetti għal ebda pubbliċità. L-istess jgħodd għall-minuti dwar din il-proċedura.

Fis‑6 ta’ Frar 2023, ir-rikorrent ippreżenta rikors, quddiem il-Qorti Ġenerali, intiż b’mod partikolari għall-annullament tad-“deċiżjoni” tal-Kunsill tat‑8 ta’ Diċembru 2022 li wasslet għan-nuqqas ta’ adozzjoni tal-Abbozz Nru 15218/22 (Kawża T‑48/23).

Dakinhar stess, ir-rikorrent bagħat lil Ministru, membru tal-formazzjoni ĠAI tal-Kunsill, talba għal teħid ta’ azzjoni indirizzata lill-Kunsill, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, sabiex dan tal-aħħar jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija, skont l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni. Fit‑13 ta’ April 2023, id-Direttur Ġenerali għall-Politika Ġenerali u Istituzzjonali (GIP) tal-Kunsill wieġeb lir-rikorrent billi fakkar li l-Abbozz Nru 15218/22 ma kienx irċieva l-appoġġ unanimu tar-rappreżentanti tal-Istati Membri kkonċernati u li n-negozjati kienu ser ikomplu sakemm tintlaħaq l-unanimità meħtieġa mill-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni.

Għalhekk, ir-rikorrent ippreżenta rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali intiż, b’mod partikolari, sabiex tiġi kkonstatata l-astensjoni illegali tal-Kunsill li jieħu kull pass sabiex jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija, skont l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni (Kawża T‑244/23).

Permezz ta’ żewġ digrieti, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel rikors parzjalment bħala manifestament inammissibbli u parzjalment minħabba nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni (Kawża T‑48/23) u t-tieni bħala manifestament infondat fid-dritt (Kawża T‑244/23). Il-kwistjoni ta’ dawn iż-żewġ kawżi kienet marbuta mas-sinjifikat tas-suġġett tat-tilwima, li kien jikkonċerna l-adozzjoni, mill-Kunsill, ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ kawżi taw iċ-ċans lill-Qorti Ġenerali sabiex, mingħajr preċedent, tinterpreta, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament u ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Fir-rigward tar-rikors għal annullament (T‑48/23), il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ adozzjoni, mill-Kunsill, tal-Abbozz Nru 15218/22 kienx jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. F’dan il-kuntest, f’dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li t-tlestija tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen hija biss stadju wieħed tal-proċedura prevista f’dan l-artikolu. Dan l-istadju huwa akkumpanjat minn konsultazzjoni mal-Parlament, segwita mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill. Fuq kollox, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni jirriżulta li tali deċiżjoni tal-Kunsill tista’ biss tittieħed, u għaldaqstant tipproduċi effetti legali vinkolanti għar-rikorrent, b’unanimità tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Gvernijiet tal-Istati Membri li fir-rigward tagħhom id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen ikunu diġà daħlu fis-seħħ u tar-rappreżentant tal-Gvern tar-Rumanija li fir-rigward tiegħu dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jidħlu fis-seħħ.

Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali saħqet li l-unanimità meħtieġa ma kinitx intlaħqet fir-rigward tal-votazzjoni ta’ dawn ir-rappreżentanti dwar l-Abbozz Nru 15218/22. Barra minn hekk, hija rrilevat li l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni ma jistabbilixxi ebda terminu li fl-iskadenza tiegħu d-deċiżjoni tal-Kunsill għandha tittieħed jew titqies li tkun ittieħdet. B’hekk, il-konklużjoni tal-istadji l-oħra previsti fl-imsemmi artikolu, jew kull teħid ta’ pożizzjoni ieħor ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, ma jistgħux jorbtu lill-imsemmija rappreżentanti jew jippreżumu li tkun ittieħdet pożizzjoni min-naħa tagħhom qabel l-adozzjoni formali ta’ tali deċiżjoni taħt il-kundizzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq. Barra minn hekk, il-votazzjoni dwar l-Abbozz Nru 15218/22 ma kinitx timplika li għandha tiġi eżaminata mill-ġdid it-tlestija tal-istadji ta’ qabel u li għandha terġa’ tinbeda l-proċedura kollha prevista.

Fin-nuqqas tal-unanimità meħtieġa, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ebda deċiżjoni tal-Kunsill ma ttieħdet fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni u li l-votazzjoni li wasslet għan-nuqqas ta’ adozzjoni tal-Abbozz Nru 15218/22 ma kinitx tekwivali għal rifjut tal-Kunsill li, iktar ’il quddiem, jieħu tali deċiżjoni. B’hekk, dan in-nuqqas ta’ adozzjoni tal-Abbozz Nru 15218/22 ma setax jitqies li wassal għal att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (3). Tali konklużjoni ma tmurx kontra d-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li ma għandux l-għan li jbiddel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista fit-Trattati, b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala manifestament inammissibbli, sa fejn dan kien intiż għall-annullament tan-nuqqas ta’ adozzjoni tal-Abbozz Nru 15218/22 waqt il-votazzjoni tal-Kunsill.

Fir-rigward tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni (T‑244/23), il-Qorti Ġenerali fakkret, qabelxejn, li, skont il-ġurisprudenza, ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni huwa suġġett għall-eżistenza ta’ obbligu tal-istituzzjoni kkonċernata li tieħu azzjoni, b’tali mod li l-allegata astensjoni tkun kuntrarja għat-Trattat u li persuna fiżika jew ġuridika tista’ tadixxi biss lill-qorti tal-Unjoni skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE sabiex jiġi kkonstatat li waħda mill-istituzzjonijiet, wieħed mill-korpi jew wieħed mill-organi tal-Unjoni jkun astjena, bi ksur tat-Trattat, milli jadotta att, minbarra rakkomandazzjoni jew opinjoni, li dik il-persuna fiżika jew ġuridika tkun id-destinatarja potenzjali tiegħu jew li hija tkun tista’ tikkontesta permezz ta’ rikors għal annullament.

B’hekk, il-Qorti Ġenerali rat li tivverifika jekk, f’dan il-każ, fil-mument tas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni indirizzata lill-Kunsill, dan tal-aħħar kellux obbligu li jaġixxi fis-sens irrakkomandat mir-rikorrent. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni ma jistabbilixxi ebda terminu li fl-iskadenza tiegħu d-deċiżjoni tal-Kunsill għandha tittieħed jew titqies li tkun ittieħdet. Barra minn hekk, peress li l-imsemmi artikolu jeżiġi l-unanimità tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri kkonċernati, dawn ma kinux f’kull ċirkustanza obbligati jadottaw deċiżjoni, iżda li, għall-kuntrarju, huma kellhom setgħa diskrezzjonali li teskludi d-dritt għall-individwi li jeżiġu mingħandhom, u mill-Kunsill, li, matul id-deliberazzjonijiet dwar abbozz ta’ deċiżjoni, huma jieħdu pożizzjoni speċifika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bi tweġiba għat-talba tar-rikorrent sabiex tittieħed azzjoni, il-Kunsill ma setax legalment jinjora l-assenza ta’ unanimità tar-rappreżentanti tal-Istati Membri kkonċernati waqt il-votazzjoni dwar l-Abbozz Nru 15218/22, mingħajr ma jikser, fil-każ kuntrarju, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni.

Konsegwentement, fil-mument tas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni indirizzata mir-rikorrent lill-Kunsill, din l-istituzzjoni ma kellha ebda obbligu li tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, iżda, għall-kuntrarju, kellha taġixxi b’osservanza tal-kundizzjoni ta’ unanimità prevista b’mod espliċitu f’dan l-artikolu u li għalhekk, f’dan il-każ, ma naqsitx illegalment milli tiddeċiedi fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE.

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala manifestament infondat fid-dritt sa fejn kien intiż sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas tal-Kunsill mill-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni.


1      Kif imsemmi fl-Artikolu 1, li jirreferi għall-Anness A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/435/KE tal‑20 ta’ Mejju 1999 dwar id-definizzjoni ta’ l-acquis ta’ Schengen sabiex jiġi determinat, b’konformità mad-disposizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għall-kull waħda mid-disposizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 136).


2      Protokoll dwar il-kondizzjonijiet u l-arranġamenti għall-ammissjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 29, iktar ’il quddiem il-“Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni”) tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203).


3      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑27/04, EU:C:2004:436, punt 34).