Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Settembru 2010 - National Lottery Commission vs UASI - Mediatek Italia u De Gregorio (Rappreżentazzjoni ta' id)

(Kawża T-404/10)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: National Lottery Commission (Londra, Ir-Renju Unit) (rappreżentanti: B. Brandreth, Barrister)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Partijiet oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Mediatek Italia Srl (Napoli, L-Italja), Giuseppe De Gregorio (Napoli, L-Italja)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tad-9 ta' Ġunju 2010 fil-Każ R 1028/2009-1;

tirrinvija l-każ quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità : Trade mark figurattiva li tirrappreżenta id b'saba mrikkeb fuq l-ieħor u wiċċ daħkani għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 16, 25, 28 u 41 - Reġistrazzjoni Komunitarja Nru 4800389

Proprjetarju tat-trade mark Komunitarja : ir-rikorrenti

Parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja : il-partijiet l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell

Dritt tat-trade mark tal-parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità : il-partijiet li qed jitolbu d-dikjarazzjoni ta' invalidità bbażaw it-talbiet tagħhom fuq raġunijiet relattivi ta' invalidità skont l-Artikoli 53(1)(ċ) u 53(2)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni : trade mark Komunitarja ddikjarata invalida

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell : appell miċħud

Motivi invokati : Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 53(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, peress li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta' liġi fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta' din id-dispożizzjoni u tal-evalwazzjoni tal-fatti, u naqas milli jeżerċita s-setgħat investigattivi tiegħu. Ir-rikorrenti tqis ukoll li l-Bord tal-Appell naqas milli jeżerċita s-setgħat kollha tiegħu taħt l-Artikolu 78 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009.

____________