Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ April 2022 – Russian Direct Investment Fund vs Il-Kunsill

(Kawża T-235/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Russian Direct Investment Fund (Moska, ir-Russja) (rappreżentanti: K. Scordis u A. Gavrielides, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

skont l-Artikolu 263 TFUE, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/346 tal-1 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna 1 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/345 tal-1 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna 2 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”, u flimkien l-“atti kkontestati”) sa fejn isemmu jew jikkonċernaw lir-rikorrent jew japplikaw fil-konfront tiegħu;

sussidjarjament, skont l-Artikolu 277 TFUE, tikkonstata l-inapplikabbiltà u/jew in-nullità, minħabba l-illegalità tagħhom, tal-Artikolu 4b(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK (kif emendata) u tal-Artikolu 2e(3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 (kif emendat), sa fejn isemmu jew jikkonċernaw lir-rikorrent jew japplikaw fil-konfront tiegħu, u tannulla d-Deċiżjoni kkontestata u r-Regolament ikkontestat sa fejn isemmu jew jikkonċernaw lir-rikorrent jew japplikaw fil-konfront tiegħu.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ “bażi fattwali suffiċjentement solida” sabiex jiġu imposti miżuri restrittivi li jirrigwardaw lir-rikorrent.

Il-Kunsill naqas manifestament milli josserva l-obbligu tiegħu li jiżgura li d-deċiżjoni li jiġu imposti l-miżuri restrittivi relatati mar-rikorrent jew mal-involviment jew mal-kooperazzjoni miegħu tiġi adottata fuq “bażi fattwali suffiċjentement solida”.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tad-difiża u tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent.

Billi adotta l-atti kkontestati, il-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti, sa fejn:

l-atti kkontestati ġew adottati mingħajr ma r-rikorrent ġie nnotifikat, la qabel l-adozzjoni tagħhom u lanqas f’terminu raġonevoli wara tali adozzjoni;

ir-rikorrent qatt ma rċieva lanqas sunt tar-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tal-atti kkontestati (sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent jew japplikaw fil-konfront tiegħu);

il-konvenut qatt ma kkomunika lir-rikorrent il-provi li fuqhom huwa bbaża ruħu sabiex jadotta l-atti kkontestati u qatt ma ta lir-rikorrent l-opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet u li jiddefendi d-drittijiet tiegħu.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur fil-forma ta’ restrizzjoni sproporzjonata tad-dritt fundamentali tar-rikorrent għal-libertà ta’ intrapriża.

Billi adotta l-atti kkontestati, il-Kunsill kiser id-dritt fundamentali għal-libertà ta’ intrapriża tar-rikorrent, sa fejn:

l-atti kkontestati jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv il-libertà ta’ intrapriża tar-rikorrent;

l-atti kkontestati jiksru s-sustanza tad-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

in-nuqqas ta’ osservanza mill-Kunsill tal-obbligi legali tiegħu (b’mod partikolari l-obbligu ta’ motivazzjoni u dak li jikkomunika l-provi li fuqhom huma bbażati l-atti kkontestati) jagħmilha impossibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa u li tiddetermina jekk il-miżuri restrittivi rilevanti humiex: a) neċessarji u jekk jilħqux verament l-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija; u b) proporzjonali għall-għan imfittex;

fi kwalunkwe każ, il-miżuri inkwistjoni ma humiex neċessarji u ma jilħqux verament l-għan imfittex, sa fejn l-attivitajiet tar-rikorrent u l-proġetti kofinanzjati minnu ma jikkontribwixxux għall-“aggressjoni militari kontra l-Ukraina” u ma jiffinanzjawx, ma jippermettux jew ma jappoġġjawx l-azzjonijiet tal-forzi armati Russi fl-Ukraina.

____________

1     ĠU 2022, L 63, p. 5

1     ĠU 2022, L 63, p. 1.