Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Diċembru 2015 – Ir-Repubblika Slovakka vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-643/15)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Slovakka (rappreżentant: Il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601, tat-22 ta’ Settembru 2015, li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja 1 , u

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Slovakka tinvoka sitt motivi:

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 68 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 13(2) TUE u tal-prinċipju tal-ekwilibriju istituzzjonali

Il-Kunsill, billi adotta d-deċiżjoni kkontestata li tmur lil hinn mil-linji gwida preċedenti tal-Kunsill Ewropew, u b’hekk kontra l-mandat tiegħu, kiser l-Artikolu 68 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 13(2) TUE u l-prinċipju tal-ekwilibriju istituzzjonali.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10(1) u (2) TUE, tal-Artikolu 13(2) TUE, tal-Artikolu 78(3) TFUE, tal-Artikoli 3 u 4 tal-Protokoll Nru 1 u tal-Artikoli 6 u 7 tal-Protokoll Nru 2, kif ukoll tal-prinċipji taċ-ċertezza legali, tad-demokrazija rappreżentattiva u tal-ekwilibriju istituzzjonali.

Tali att, bħad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE. Fid-dawl tal-kontenut tagħha, id-deċiżjoni kkontestata għandha, fil-fatt, in-natura ta’ att leġiżlattiv u b’hekk kellha tiġi adottata permezz ta’ proċedura leġiżlattiva, li madankollu ma hijiex prevista fl-Artikolu 78(3) TFUE. Il-Kunsill, billi adotta d-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, mhux biss kiser tali dispożizzjoni, iżda barra minn hekk daħal fuq id-drittijiet tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali li jirregolaw il-proċedura leġiżlattiva, kif ukoll tal-Artikolu 10(1) u (2) TUE, tal-Artikolu 13(2) TUE u tal-prinċipji tad-demokrazija rappreżentattiva, tal-ekwilibriju istituzzjonali u tal-amministrazzjoni tajba

Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, kuntrarjament għas-sottomissjonijiet tar-Repubblika Slovakka fil-kuntest tat-tieni motiv, kellha tasal għall-konklużjoni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata permezz ta’ proċedura leġiżlattiva (quad non), ir-Repubblika Slovakka teċċepixxi, sussidjarjament, il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, stabbiliti fl-Artikoli 16(8) TUE, 15(2) TFUE, 78(3) TFUE, 3 u 4 tal-Protokoll Nru 1, 6 u 7(1) u (2) tal-Protokoll Nru 2, kif ukoll ksur tal-Artikolu 10(1) u (2) TUE, tal-Artikolu 13(2) TUE u tal-prinċipji tad-demokrazija rappreżentattiva, tal-ekwilibriju istituzzjonali u tal-amministrazzjoni tajba. Speċifikament, ma ġiex osservat ir-rekwiżit ta’ deliberazzjoni u votazzjoni fi ħdan il-Kunsill f’seduta pubblika, ġiet illimitata l-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u nkiser ir-rekwiżit tal-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, previsti fl-Artikoli 78(3) TFUE u 293 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 10(1) u (2) TUE, tal-Artikolu 13(2) TUE u tal-prinċipji tad-demokrazija rappreżentattiva, tal-ekwilibriju istituzzjonali u tal-amministrazzjoni tajba

Qabel ma approva d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill wettaq diversi modifiki u żidiet għall-proposta tal-Kummissjoni. B’hekk huwa kiser il-forom proċedurali sostanzjali, previsti fl-Artikoli 78(3) TFUE u 293 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 10(1) u (2) TUE, l-Artikolu 13(2) TUE u l-prinċipji tad-demokrazija rappreżentattiva, tal-ekwilibriju istituzzjonali u tal-amministrazzjoni tajba. Il-Parlament Ewropew ma kienx, fil-fatt, ġie debitament ikkonsultat u l-Kunsill ma ħax deċiżjoni bl-unanimità dwar il-modifiki u żidiet għall-proposta tal-Kummissjoni.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 78(3) TFUE minħabba li ma humiex issodisfatti r-rekwiżiti għall-applikabbiltà tiegħu

Sussidjarjament għat-tieni motiv, ir-Repubblika Slovakka teċċepixxi l-ksur tal-Artikolu 78(3) TFUE minħabba li ma humiex issodisfatti r-rekwiżiti għall-applikabbiltà tiegħu, fir-rigward tan-natura temporanja tal-miżuri, kif ukoll tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn influss f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Id-deċiżjoni kkontestata hija manifestament kuntrarja għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li manifestament la hija adegwata u lanqas meħtieġa għall-għan imfittex.

____________

1 GU L 248, p. 80.