Language of document : ECLI:EU:T:2010:267

Kawża T-53/08

Ir-Repubblika Taljana

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Kumpens għal esproprjazzjoni minħabba raġunijiet ta’ utilità pubblika — Proroga ta’ tariffa preferenzjali għall-provvista tal-elettriku — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Kunċett ta’ vantaġġ — Prinċipju ta’ kontradittorju”

Sommarju tas-sentenza

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Ħlas mogħti bħala kumpens għall-esproprjazzjoni ta’ assi — Esklużjoni

(Artikolu 87(1) KE)

2.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Applikazzjoni għall-proċeduri amministrattivi mibdija mill-Kummissjoni — Eżami tal-proġetti ta’ għajnuna — Portata

(Artikolu 88(2) KE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ miżura statali — Għan u portata tal-proċedura

(Artikolu 88(2) KE)

1.      Miżuri li, taħt diversi forom, itaffu l-piżijiet li normalment jaqgħu fuq il-baġit ta’ impriża u li, għalhekk, jixbħu sussidju, bħalma huma, b’mod partikolari, il-provvisti ta’ oġġetti jew servizzi b’kundizzjonijiet preferenzjali jikkostitwixxu vantaġġi fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Min-naħa l-oħra, interessi li l-awtoritajiet nazzjonali jiġu, eventwalment, ikkundannati jħallsu lill-individwi bħala kumpens għad-dannu li huma jkunu kkawżawlhom huma ta’ natura legali fundamentalment differenti u ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikoli 87 KE u 88 KE.

Min-naħa l-oħra, għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat miżura li testendi miżura li tagħti lill-impriża tariffa preferenzjali applikabbli għall-provvista tal-elettriku, u dan bħala kumpens għal esproprjazzjoni fil-kuntest tan-nazzjonalizzazzjoni tas-settur tal-elettriku, meta t-tariffa preferenzjali ngħatat bħala kumpens għal perijodu tabilħaqq speċifiku, mingħajr il-possibbiltà ta’ estensjoni. Barra minn hekk, miżura li hija biss waħda mill-kundizzjonijiet tariffarji favorevoli li l-proroga tagħhom hija intiża sabiex “il-produzzjoni tal-impriżi kkonċernati tkun tista’ tiżviluppa u tiġi ristrutturata” ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kontinwazzjoni legali tal-kumpens li minnu bbenefikat l-impriża wara n-nazzjonalizzazzjoni.

(ara l-punti 49, 52, 55, 63, 65, 75, 77)

2.      Fil-qasam tal-investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-Istat Membru inkwistjoni jitqiegħed f’pożizzjoni li jesponi b’mod utli l-fehma tiegħu dwar dawk il-kummenti, sottomessi minn terzi interessati skont l-Artikolu 88(2) KE, li fuqhom il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha, u li, sa fejn l-Istat Membru ma jkunx tqiegħed f’pożizzjoni li jikkummenta dwar dawn il-kummenti, il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidrahom fid-deċiżjoni tagħha kontra dan l-Istat. Madankollu, sabiex tali ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għal annullament, huwa meħtieġ li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.

(ara l-punt 115)

3.      Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha l-għan li tippermetti li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jesponu l-fehma tagħhom u li l-Kummissjoni jkollha għarfien sħiħ tad-data kollha tal-kawża qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha. Il-portata tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma tistax tkun differenti u, b’mod partikolari, ma għandiex tinkludi s-setgħa li tittieħed deċiżjoni definittiva, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, fuq ċerti dokumenti tal-fajl. Barra minn hekk, minn ebda dispożizzjonijiet relatati mal-għajnuna mill-Istat u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżulta li l-Kummissjoni hija marbuta tisma’ lill-benefiċjarju ta’ riżorsi tal-Istat dwar l-evalwazzjoni legali tagħha tal-miżura inkwistjoni jew li hija marbuta tinforma lill-Istat Membru kkonċernat – u, a fortiori, lill-benefiċjarja tal-għajnuna – dwar il-pożizzjoni tagħha qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha meta l-partijiet interessati u l-Istat Membru kienu ġew intimati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom.

(ara l-punti 122, 123)