Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta' Jannar 2008 - L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-53/08)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentant: S. Fiorentino, Avvocato dello Stato)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 5400 finali, ta' l-20 ta' Novembru 2007, innotifikata fil-21 ta' Novembru 2007, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C 36/A/2006 (ex NN 38/2006) mogħtija mill-Italja lil Thyssenkrupp, Cementir u Nouva Terni Industie Chimiche.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna mill-Istat li l-Italja ħallset lil Thyssenkrupp, Cementir u Nouva Terni Industie Chimiche, u dik mogħtija iżda li għadha ma tħallsitx lill-istess benefiċċjarji, taħt il-forma ta' kundizzjonijiet tariffarji favorevoli għall-provvista ta' l-elettriku, ġew iddikjarati inkompatibbli mas-suq komuni.

In sostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tenfasizza l-motivi li ġejjin:

1) Ksur ta' l-Artikoli 87(1) u 88(3) KE u rappreżentazzjoni żbaljata tal-fatti. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-miżura adottata mill-Istat Taljan, u li hija s-suġġett ta' kontestazzjoni, ma kinitx għajnuna mill-Istat peress li ma tagħtix vantaġġ ekonomiku. Fil-fatt il-miżura ta' proroga tat-tariffi speċjali ta' l-elettriku applikabbli għall-kumpanniji involuti fil-proċeduri, aventi kawża tal-kumpannija Terni S.p.A, kienet dovuta bħala supplement għall-kumpens ta' esproprjazzjoni li kien mogħti żmien qabel lill-kumpannija Terni S.p.A, minħabba l-fatt li dispożizzjonijiet tal-liġi li ġew adottati wara kienu jinvolvu perijodu itwal fir-rigward tal-konċessjoni tal-produzzjoni ta' l-enerġija esproprjata.

2) Ksur ta' l-Artikoli 87 u 88(3) KE u rappreżentazzjoni żbaljata tal-fatti. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-miżura adottata mill-Istat Taljan, u li hija s-suġġett ta' kontestazzjoni, ma kinitx għajnuna mill-Istat peress li ma kinitx mogħtija permezz ta' riżorsi ta' l-Istat. Fil-fatt, il-ħlas tal-miżura huwa dovut mill-utenti l-oħra tas-servizz tal-provvista ta' l-enerġija.

3) Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali peress li ma saritx investigazzjoni u ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni ddeskriviet bħala irrilevanti r-riżultati ta' studju ekonomiku li fih ġew evalwati s-sagrifiċċji kollha imposti fuq il-kumpannija Terni minħabba l-esproprjazzjoni u l-benefiċċji kollha li hija ħadet bħala kumpens, għaliex l-evalwazzjoni dwar in-natura xierqa tal-mekkaniżmu ta' kumpens tista' ssir biss ex ante, jiġifieri, fil-mument ta' l-esproprjazzjoni. L-istudju kien sar skond l-indikazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni, filwaqt li ddikjarat b'mod astratt li studju mitlub minnha preċedentement kien irrelevanti, kellha tkompli l-investigazzjoni f'iktar dettall, bil-ftuħ mill-ġdid tal-kontradittorju fir-rigward tal-modalità ta' l-eżekuzzjoni ta' l-istudju.

____________