Language of document : ECLI:EU:T:2021:312

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

2 ta’ Ġunju 2021 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea Hispano Suiza – Trade mark verbali preċedenti tal-Unjoni Ewropea HISPANO SUIZA – Raġuni relattiv għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001)”

Fil-Kawża T‑177/20,

Erwin Leo Himmel, residenti f’Walchwil (l-Isvizzera), irrappreżentat minn A. Gomoll, avukat,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn M. Fischer, bħala aġent,

konvenuta,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

Gonzalo Andres Ramirez Monfort, residenti f’Barcelona (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑21 ta’ Jannar 2020 (Każ R 67/2019‑1) dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn E. Himmel u Ramirez Monfort,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, Z. Csehi u G. Steinfatt (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Marzu 2020,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Lulju 2020,

wara li rat l-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u peress li ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr ma jkun hemm fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit‑18 ta’ Frar 2017, il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), Gonzalo Andres Ramirez Monfort ippreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-EUIPO, taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali Hispano Suiza.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il‑klassi 12 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Vetturi”

4        L-applikazzjoni għat-trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks tal-Unjoni Ewropea Nru 2017/038 tal‑24 ta’ Frar 2017.

5        Fis‑17 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrent Erwin Leo Himmel ressaq oppożizzjoni, abbażi tal-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 2017/1001), għar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark verbali preċedenti tal-Unjoni HISPANO SUIZA, irreġistrata fl‑1 ta’ Awwissu 2016 bin-Numru 9184003, li tkopri prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 14 u 25 u li jikkorrispondu b’mod partikolari, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 14: “Strumenti li juru l-ħin u kronometriċi”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ [ta’ lbies], xedda tas-saqajn [żraben] u xedd ir-ras [kpiepel]”.

7        Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament 2017/1001).

8        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Novembru 2018, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni minħabba li fl-assenza ta’ xebh bejn il-prodotti kkontestati u dawk koperti mit-trade mark preċedenti, ma setgħet teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

9        Fl‑10 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrent ppreżenta appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 66 sa 68 tar-Regolament Nru 2017/1001, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Jannar 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell.

11      Il-Bord tal-Appell irrileva li, kif kienet spjegat id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, vetturi, bħal karozzi, fl-ebda każ ma setgħu jitqiesu li jixbhu arloġġi tal-idejn, kronometri, ħwejjeġ ta’ lbies, żraben u kpiepel (punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa kkonstata li l-ewwel prodotti, li kienu mezzi ta’ trasport, kienu differenti minn kull aspett mill-prodotti oħra, li kienu strumenti ta’ kejl tal-ħin u tal-oġġetti intiżi sabiex ikopru u jipproteġu l-ġisem (punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti huma evidentement distinti min-natura, id-destinazzjoni tagħhom u l-użu tagħhom (punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn ma humiex prodotti kompetituri, peress li jissodisfaw manifestament bżonnijiet differenti, u lanqas prodotti komplementari, sa fejn, b’mod partikolari, is-sewqan ta’ karozza ma huwiex indispensabbli għal xi ħadd li għandu jilbes jew jixtieq ikun jaf il-ħin (punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, ir-rikorrent ma sostniex li l-prodotti konfliġġenti kienu jixxiebhu min-natura tagħhom, mid-destinazzjoni tagħhom jew mill-użu tagħhom u lanqas li kienu f’kompetizzjoni ma’ xulxin jew komplementari (punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ċaħad l-argument tar-rikorrent li, l-ewwel, teżisti “prattika kummerċjali” li tikkonsisti, għall-manifatturi tal-karozzi, fl-estensjoni tal-użu tat-trade mark tagħhom magħrufa sew għal prodotti oħra, bħal ħwejjeġ ta’ lbies, arloġġi u aċċessorji oħra, it-tieni, il-pubbliku inġenerali kien jaf b’din il-prattika, it-tielet, il-pubbliku ġenerali jippreżumi għalhekk li l-użu tal-istess trade mark għall-prodotti konfliġġenti jindika li dawn joriġinaw mill-istess impriża u r-raba’, dawn il-prodotti huma, konsegwentement, ipperċepiti bħala “li jixxiebhu” (punti 23 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Bord tal-Appell, ir-rikorrent jipprova jissostitwixxi kriterju ġdid ta’ xebh, jiġifieri l-“prattiki kummerċjali”, għal dawk stabbiliti mill-ġurisprudenza, jiġifieri n-natura, id-destinazzjoni, l-użu, il-kompetizzjoni eventwali u r-relazzjoni ta’ komplementarjetà (punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, ir-rikorrent ma kkontestax li, b’applikazzjoni ta’ dawn l-aħħar kriterji, il-karozzi, minn naħa, u l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, min-naħa l-oħra, ma kellhom ebda xebh (punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Skont il-Bord tal-Appell, il-prattiki kummerċjali jistgħu jkunu rilevanti biss sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “rabta” bejn it-trade marks u l-prodotti li huma jkopru, fil-kuntest tar-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament 2017/1001, li r-rikorrent ma invokax quddiem il-Bord tal-Appell (punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Minn dan il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-użu tat-trade mark ikkontestata għal vetturi ma joħloqx probabbiltà ta’ konfużjoni jew ta’ assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti rreġistrata għal prodotti inklużi fil-klassijiet 14 u 25, b’tali mod li huwa kkunsidra l-oppożizzjoni bħala “manifestament infondata”.

 It-talbiet tal-partijiet

15      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

16      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

17      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur, minn naħa, tal-Artikolu 46(1)(a) tar-Regolament 2017/1001, flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) tiegħu, u min-naħa l-oħra, tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

18      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tad-data ta’ introduzzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ, jiġifieri t‑18 ta’ Frar 2017, li hija determinanti sabiex jiġi identifikat id-dritt sostantiv applikabbli, il-fatti f’din il-kawża huma rregolati bid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, Bimbo vs UASI, C‑591/12 P, EU:C:2014:305, punt 12, u tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Primart vs EUIPO, C‑702/18 P, EU:C:2020:489, punt 2 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, ir-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa applikabbli fid-data li fiha dawn jidħlu fis-seħħ (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sussegwentement, f’dan il-każ, fir-rigward tar-regoli sostantivi, għandhom jinftiehmu r-riferimenti magħmula mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mir-rikorrent u mill-EUIPO fl-argumentazzjoni mqajma dwar l-Artikolu 8(1) u (5) tar-Regolament 2017/1001, bħala li jirreferu għall-Artikolu 8 (1) u (5), ta’ portata identika, tar-Regolament Nru 207/2009. Fir-rigward tar-regoli proċedurali, sa fejn l-oppożizzjoni saret fis‑17 ta’ Mejju 2017, ir-riferimenti magħmula mir-rikorrent għall-Artikolu 46(1)(a) tar-Regolament 2017/1001, dwar b’mod partikolari t-terminu li fih għandha ssir l-oppożizzjoni, għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-Artikolu 41(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 li dak iż-żmien kien fis-seħħ fid-data tal-oppożizzjoni.

19      Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell żbalja meta kkonkluda li kien hemm assenza ta’ xebh bejn il-prodotti konfliġġenti. Fil-fatt, huwa la ħa inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha għall-paragun tagħhom, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, u lanqas ma indirizza l-argumenti kollha rilevanti mressqa minnha favur l-eżistenza ta’ xebh bejn dawn il-prodotti.

20      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-lista tal-fatturi stabbiliti mill-ġurisprudenza għall-finijiet tal-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti u/jew tas-servizzi ma hijiex eżawrjenti.

21      Mill-punt 23 tas-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, EU:C:1998:442) jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi konfliġġenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-iskop tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura tagħhom bħala prodotti li jikkompetu ma’ xulxin jew li huma komplementari (iktar ’il quddiem il-kriterji “Canon”). L-espressjoni “fost oħrajn” turi li l-elenkar ta’ dawn il-fatturi huwa purament indikattiv, peress li fatturi rilevanti oħra jistgħu jiżdiedu jew jissostitwixxuhom, kif inhu l-każ f’din il-kawża. Ix-xebh tal-prodotti u tas-servizzi ma jiddependix fuq numru speċifiku ta’ kriterji li jistgħu jiġu ddeterminati minn qabel u applikati għall-każijiet kollha.

22      Skont ġurisprudenza kostanti, hemm lok ukoll li jiġu kkunsidrati, minbarra l-kriterji Canon, fatturi oħra, jiġifieri, ir-rotot ta’ distribuzzjoni, tal-pubbliku rilevanti u tal-oriġini abitwali tal-prodotti, jew saħansitra l-identiċità tal-produtturi. Fl-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti, il-paragun għandu jkun ibbażat fuq l-identifikazzjoni tal-fatturi rilevanti li jikkaratterizzaw b’mod partikolari l-prodotti li għandhom jiġu pparagunati, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-realtà kummerċjali proprja għal prodott partikolari. Ir-rilevanza ta’ fattur partikolari tiddependi għaldaqstant fuq il-prodotti rispettivi li għandhom jiġu pparagunati. L-oriġini abitwali tal-prodotti u ċerta prattika tas-suq stabbilita sew fost il-manifatturi tal-karozzi fi ħdan l-Unjoni huma, f’dan il-każ, il-fatturi determinanti. Issa, il-Bord tal-Appell ma ħa inkunsiderazzjoni ebda fattur ieħor għajr il-kriterji Canon u sempliċement iddikjara li l-fattur relatat mal-prattika kummerċjali, invokat mir-rikorrent, huwa fattur ġdid u assenti tas-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, EU:C:1998:442), b’tali mod li ma huwiex ammissibbli.

23      Ir-rikorrent isostni li l-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti konfliġġenti ma tistax, f’dan il-każ, tkun limitata għall-kriterji Canon biss, taħt piena li elementi rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti jiġu injorati, bħall-prattika kurrenti tal-maġġoranza tal-manifatturi tal-karozzi fi ħdan l-Unjoni li tikkonsisti fil-produzzjoni u l-bejgħ ta’ ħwejjeġ ta’ lbies fuq skala kbira, minn naħa, u l-fatt li l-konsumaturi kienu jafu dwar din il-prattika u huma mdorrija biha, min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, din il-prattika tas-suq, f’dan il-każ, wasslet għal ċertu aġir konjittiv, ċertu stat ta’ ħsieb.

24      Barra minn hekk, ċerta prattika tas-suq f’settur kummerċjali partikolari ġeneralment titqies bħala fattur determinanti, kif juru d-deċiżjonijiet tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑8 ta’ Ġunju 2017 (Każ R 1447/2016‑55, punt 54); tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tas‑16 ta’ Novembru 2017 (Każ R 968/2015‑5, punt 49), u tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑15 ta’ Diċembru 2017 (Każ R 1527/2017‑2, punt 26).

25      Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li, kieku l-Bord tal-Appell kien evalwa x-xebh tal-prodotti konfliġġenti fid-dawl tal-kriterju tal-prattika kummerċjali, magħrufa mill-konsumaturi, li jikkonsisti, għall-manifatturi tal-karozzi tal-Unjoni, li joffru mhux biss karozzi kif ukoll partijiet u tagħmir ta’ karozzi, iżda wkoll firxa wiesgħa ta’ ħwejjeġ ta’ lbies u ta’ aċċessorji, huwa kellu jikkonkludi li dawn il-prodotti kienu jixxiebhu. Ix-xerrejja effettivi u potenzjali ta’ ħwejjeġ ta’ lbies u ta’ aċċessorji li għandhom trade mark li hija użata wkoll għal karozzi għandhom l-intenzjoni li ġeneralment jesprimu li huma għandhom karozza ġejja minn manifattur partikolari jew li għandhom l-interess jew l-ammirazzjoni għall-karozzi tiegħu, u għaldaqstant jassoċjaw dawn il-kategoriji differenti ta’ prodotti. Barra minn hekk, meta l-istess trade mark tintuża kemm għal karozzi kif ukoll għall-arloġġi, strumenti kronometriċi, ħwejjeġ ta’ lbies, żraben u kpiepel, il-pubbliku rilevanti jkun konvint li dawn il-prodotti kollha huma mmanifatturati jew ikkummerċjalizzati taħt il-kontroll uniku ta’ impriża jew, tal-inqas, ta’ impriżi li huma marbuta ekonomikament, minkejja li la huma kompetituri u lanqas komplementari.

26      Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li huwa wkoll minħabba li naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prodotti konfliġġenti kienu ġejjin mill-istess produtturi u kienu mibjugħa mill-istess rotot ta’ distribuzzjoni li l-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li dawn il-prodotti ma kinux jixxiebhu. F’dan ir-rigward, l-ewwel, huwa jsostni li l-post ta’ produzzjoni effettiv ma huwiex daqstant determinanti daqs il-kwistjoni dwar jekk il-pubbliku rilevanti jiħux inkunsiderazzjoni l-identiċità tal-entità li tmexxi u/jew tikkontrolla l-produzzjoni jew il-provvista tal-prodotti u jirrileva li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkonstatat li, illum il-ġurnata, il-manifatturi tal-karozzi pproponew ukoll taħt it-trade marks tagħhom prodotti bħal dawk li jaqgħu fil-klassijiet 14 u 25. Din tal-aħħar irrikonoxxiet ukoll li l-karozzi, il-ħwejjeġ ta’ lbies u l-arloġġ huma ħafna drabi prodotti u pprovduti taħt ir-responsabbiltà tal-istess manifatturi tal-karozzi. It-tieni, huwa jsostni li jirriżulta mill-impressjonijiet tas-siti internet annessi mar-rikors li l-ħwejjeġ ta’ lbies u l-aċċessorji proposti mill-manifatturi tal-karozzi huma disponibbli fuq is-siti internet tagħhom, li spiss jinkludu wkoll informazzjoni ddettaljata dwar il-karozzi proposti. Barra minn hekk, numru ta’ produtturi joffru l-ħwejjeġ ta’ lbies tagħhom permezz tal-konċessjonarji tal-karozzi abitwali tagħhom.

27      Għaldaqstant, ix-xebh tal-prodotti inkwistjoni jirriżulta wkoll mill-fatt li dawn joriġinaw mill-istess produttur u li huma offerti jew mibjugħa permezz tal-istess rotot ta’ distribuzzjoni. L-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal karozzi huwa għalhekk l-oriġini ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni u ta’ assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti rreġistrata għal prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 14 u 25.

28      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

29      Fl-ewwel lok, l-EUIPO jsostni li, anki jekk il-ġurisprudenza ma tipprovdix lista eżawrjenti tal-fatturi rilevanti, hija tistabbilixxi ċertu numru li għandhom sistematikament jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat ix-xebh tal-prodotti u/jew tas-servizzi kkonċernati, jiġifieri l-kriterji Canon. Skont il-partikolaritajiet ta’ kull każ, il-fatturi “supplimentari”, bħar-rotot ta’ distribuzzjoni, il-pubbliku kkonċernat jew l-oriġini abitwali tal-prodotti jew tas-servizzi jistgħu wkoll jintwerew li huma rilevanti.

30      Issa, ir-rikorrent ma jikkontestax li l-applikazzjoni tal-kriterji Canon ma twassal għal ebda xebh bejn il-karozzi, minn naħa, u l-arloġġi, l-istrumenti kronometriċi, il-ħwejjeġ tal-ilbies, iż-żraben, u l-kpiepel, min-naħa l-oħra.

31      Fit-tieni lok, l-EUIPO jikkontesta r-rilevanza tal-prattika kummerċjali partikolari għas-settur tal-karozzi invokata mir-rikorrent. Il-prattiki kummerċjali jistgħu jkollhom ċerta rilevanza fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ rabta skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, dawn ma jikkostitwixxux fattur rilevanti, u wisq inqas deċiżiv, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tax-xebh ta’ prodotti skont l-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament. Fil-fatt, il-kunċett ta’ rabta, fl-istabbiliment li fih il-prattiki kummerċjali jista’ jkollhom rwol, huwa usa’ mill-kunċett ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. L-EUIPO jirrimarka, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑8 ta’ Ġunju 2017 (Każ R 1447/2016‑5), li fuqha jibbaża ruħu r-rikorrent, ma tikkonċernax ix-xebh tal-prodotti skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, iżda l-istabbiliment ta’ rabta fil-kuntest tal-Artikolu 8(5) tal-istess regolament. Peress li, f’dan il-każ, ir-rikorrent ma invokax ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, l-argument li huwa jibbaża fuq l-importanza preżunta tal-prattiki kummerċjali bħala fattur deċiżiv għal din il-kawża għandu jiġi miċħud.

32      Fit-tielet lok, fir-rigward, l-ewwel, tal-kriterju supplimentari tal-oriġini abitwali tal-prodotti, l-EUIPO jqis li huwa neċessarju li jiġi adottat approċċ restrittiv sabiex jiġi evitat li jiddgħajjef. F’dan il-każ, jekk jiġu kkunsidrati t-tipi kollha ta’ prodotti jew ta’ servizzi, li ġejjin minn impriża jew kumpannija kbira waħda, bħala li għandhom l-istess oriġini, dan il-kriterju jitlef is-sinjifikat tiegħu. Huwa jqis li, għalkemm ma huwiex inabitwali għall-manifatturi tal-karozzi li jużaw il-liċenzja tas-sinjal tad-ditta tal-karozza tagħhom fuq diversi prodotti oħra, il-pubbliku jaf sew li din hija ġeneralment attività mwettqa fil-kuntest ta’ oġġetti dderivati u ta’ aċċessorji, immanifatturati minn impriżi oħra, bl-intenzjoni li jippromwovu l-prodott prinċipali, jiġifieri karozzi, u mhux l-attività kummerċjali prinċipali tal-manifattur tal-karozza li jipposjedi l-liċenzja. Il-pubbliku huwa kompletament konxju tal-fatt li s-suq tal-ħwejjeġ ta’ lbies u tal-arloġġi huma fundamentalment differenti minn dak tal-karozzi u, konsegwentement, ġeneralment ma jistenniex li l-prodotti konfliġġenti jkunu mmanifatturati u proposti mill-istess impriża.

33      It-tieni, l-EUIPO jqis li l-prodotti konfliġġenti jistgħu effettivament jiġu indirizzati lill-konsumaturi finali. Arloġġi jew ħwejjeġ ta’ lbies jistgħu wkoll okkażjonalment jaqsmu l-istess rotot ta’ distribuzzjoni bħal karozzi, sa fejn dawn jistgħu jiġu offruti fuq is-siti internet ta’ konċessjonarji tal-karozzi jew ukoll fiżikament f’konċessjonijiet tal-karozzi bħala prodotti derivati. Madankollu, din l-eventwali relazzjoni ma timplikax li prodotti, bħal ħwejjeġ ta’ lbies jew arloġġi, jiffurmaw grupp omoġenju mal-karozzi u lanqas li huma ġeneralment offruti u mibjugħa maġenb il-karozzi. Fi kwalunkwe każ, anki rabtiet eventwali dwar fatturi addizzjonali relattivament fraġli, bħall-pubbliku kkonċernat jew iċ-ċirkwiti ta’ distribuzzjoni, fl-ebda każ ma jistgħu jwassluh għan-nuqqas ta’ xebh fir-rigward tan-natura, tad-destinazzjoni u tal-użu tal-prodotti, jew ta’ kull kriterju ieħor Canon.

34      Minn dan isegwi, skont l-EUIPO, li, sa fejn ma hijiex issodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri x-xebh ta’ prodotti, huwa ġustament li l-Bord tal-Appell ċaħad l-appell bħala manifestament infondat.

35      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li għalkemm ir-rikorrent jinvoka, insostenn tar-rikors tiegħu, mhux biss l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, iżda wkoll l-Artikolu 41(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa ma jressaq ebda argument speċifiku dwar din l-aħħar dispożizzjoni, li barra minn hekk tipprevedi essenzjalment ċerti regoli dwar il-preżentazzjoni tal-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark. B’hekk għandu jitqies li dan il-motiv huwa bbażat biss fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

36      Skont din l-aħħar dispożizzjoni, fuq oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta, għal raġuni ta’ identiċità jew tax-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u għal raġuni ta’ identiċità jew ta’ xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju li fih it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

37      Il-kunċett ta’ probabbiltà ta’ assoċjazzjoni ma huwiex alternattiva għall-kunċett ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, iżda jservi sabiex jippreċiża l-portata tiegħu. Il-kliem stess tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 jeskludu b’hekk li l-kunċett ta’ probabbiltà ta’ assoċjazzjoni jista’ jiġi applikat jekk ma teżistix, min-naħa tal-pubbliku rilevanti, probabbiltà ta’ konfużjoni (ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Continental Wind Partners vs UASI – Continental Reifen Deutschland (CONTINENTAL WIND PARTNERS), T‑185/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:769, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 il-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jirriżultaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. L-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku rilevanti għandha tiġi evalwata globalment billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami, fosthom b’mod partikolari l-livell ta’ xebh bejn is-sinjali konfliġġenti u bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti inkwistjoni kif ukoll l-intensità tar-reputazzjoni u l-livell ta’ karattru distintiv, intrinsiku jew miksub permezz tal-użu, tat-trade mark preċedenti (sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 2011, Ferrero vs UASI, C‑552/09 P, EU:C:2011:177, punt 64, u tat‑8 ta’ Mejju 2014, Bimbo vs UASI, C‑591/12 P, EU:C:2014:305, punt 20; ara wkoll is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, EU:T:2003:199, punti 30 sa 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Din l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi kkunsidrati u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh bejn it-trade marks u x-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni. B’hekk, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jista’ jiġi kkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn is-sinjali konfliġġenti u viċi versa (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, EU:C:2008:739, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Madankollu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, probabbiltà ta’ konfużjoni tippreżupponi kemm identiċità jew xebh tat-trade marks konfliġġenti kif ukoll identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnhom. Dan jirrigwarda kundizzjonijiet kumulattivi (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T‑316/07, EU:T:2009:14, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      B’hekk, jibqa’ neċessarju, anki fl-ipoteżi fejn teżisti identiċità ma’ trade mark li l-karattru distintiv tagħha jkun partikolarment qawwi, li tiġi prodotta l-prova ta’ xebh bejn il-prodotti u/jew is-servizzi koperti (digriet tad‑9 ta’ Marzu 2007, Alecansan vs UASI, C-196/06 P, mhux ippubblikat, EU:C:2007:159, punt 24). Kuntrarjament għal dak li huwa previst, pereżempju, fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, li jsemmi espliċitament il-każijiet fejn il-prodotti jew is-servizzi ma jixxibhux, l-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li probabbiltà ta’ konfużjoni tippreżupponi identiċità jew xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, Waterford Wedgwood vs Assembled Investments (Proprietary) u UASI, C‑398/07 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:288, punt 34).

42      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell qies li ma kienet teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku rilevanti abbażi biss ta’ paragun tal-prodotti konfliġġenti mingħajr ma eżamina l-kundizzjonijiet l-oħra mfakkra fil-punt 38 iktar ’il fuq, fosthom b’mod partikolari x-xebh bejn is-sinjali u mingħajr ma jwettaq evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha. Madankollu, xebh, anki dgħajjef, bejn il-prodotti inkwistjoni, impona fuq il-Bord tal-Appell li jivverifika jekk livell għoli possibbli ta’ xebh bejn is-sinjali kienx tali li joħloq, f’moħħ il-konsumatur, probabbiltà ta’ konfużjoni dwar l-oriġini tal-prodotti (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T‑443/05, EU:T:2007:219, punt 40).

43      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk huwiex ġustament li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li hemm l-assenza ta’ xebh bejn il-prodotti koperti mit-trade marks konfliġġenti.

 Fuq ir-rilevanza tal-kriterju ta’ “prattika kummerċjali”

44      Skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mill-punt 23 tas-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, EU:C:1998:442), sabiex isir il-paragun bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade marks konfliġġenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-iskop tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura tagħhom bħala prodotti li jikkompetu jew li jikkomplementaw lil xulxin. Fatturi oħra jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħalma huma r-rotot ta’ distribuzzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati jew ukoll il-fatt li l-imsemmija prodotti jew servizzi jinbiegħu ta’ spiss fl-istess punti ta’ bejgħ speċjalizzati, li huwa tali li jiffaċilita l-perċezzjoni mill-konsumatur ikkonċernat tar-rabtiet stretti li jeżistu bejniethom u li jsaħħaħ l-impressjoni li r-responsabbiltà għall-manifattura ta’ dawn il-prodotti jew il-provvista ta’ dawn is-servizzi taqa’ fuq l-istess impriża (sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2016, Hesse vs UASI, C‑50/15 P, EU:C:2016:34, punti 21 sa 23; u tal‑10 ta’ Ġunju 2015, AgriCapital vs UASI – Agri.capital (AGRI.CAPITAL), T‑514/13, EU:T:2015:372, punt 29; ara wkoll is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2015, The Tea Board vs UASI – Delta Lingerie (Darjeeling), T‑627/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:740, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Il-formulazzjoni li tgħid li hemm lok li “jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn il-prodotti [u/jew] servizzi” u li “[d] awn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura, l-użu intenzjonat tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru tagħhom li jikkompetu jew li jikkomplementaw lil xulxin”], tindika b’mod ċar, kif isostni ġustament ir-rikorrent, li din il-lista ta’ kriterji ma hijiex eżawrjenti. Barra minn hekk, din ġiet ikkompletata sussegwentement għall-għoti tas-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, EU:C:1998:442), biż-żieda ta’ kriterji oħra (sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2016, Ogrodnik vs EUIPO - Aviário Tropical (Tropical), T‑804/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:431, punt 58), fosthom l-oriġini abitwali tal-prodotti kkonċernati tagħha (sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2017, Banca Monte dei Paschi di Siena u Banca Widiba vs EUIPOO – ING-DIBa (WIDIBA), T‑83/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:662, punt 64, u tat‑13 ta’ Novembru 2018, Camomilla vs EUIPO – CMT (CAMOMILLA), T‑44/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:775, punti 76 u 91) u, kif indikajt fil-punt 44 iktar ’il fuq, il-rotot ta’ distribuzzjoni tagħhom. Barra minn hekk, ġie deċiż li l-fatt li l-promozzjoni tal-prodotti konfliġġenti tkun żgurata mill-istess rivisti speċjalizzati huwa wkoll fattur tali li jiffaċilita l-perċezzjoni mill-konsumatur ikkonċernat tar-rabtiet stretti li jeżistu bejniethom u li jsaħħaħ l-impressjoni li r-responsabbiltà tal-manifattura tagħhom taqa’ fuq l-istess impriża (sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Demon International vs UASI – Big Line (DEMON), T‑380/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:76, punt 42).

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell wettaq, fil-punti 24 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata, żball ta’ liġi billi eskluda, bħala prinċipju, li x-xebh tal-prodotti konfliġġenti jiġi evalwat fid-dawl tal-kriterju tal-prattiki kummerċjali mressqa mir-rikorrent. Fil-fatt, ma huwiex eskluż li kriterji oħra minbarra dawk imsemmija mill-Bord tal-Appell fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri, minbarra l-kriterji Canon, ir-rotot ta’ distribuzzjoni u l-identiċità tal-postijiet tal-bejgħ, jistgħu jkunu rilevanti fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti u/jew tas-servizzi b’mod ġenerali, kif ukoll tal-prodotti konfliġġenti b’mod partikolari.

47      Huwa minnu li l-Bord tal-Appell, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, fakkar kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti, filwaqt li ppreċiża li fatturi oħra setgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni. Madankollu, huwa naqas milli jevalwa x-xebh tal-prodotti konfliġġenti fir-rigward ta’ dawn il-fatturi l-oħra. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-prattika kummerċjali invokata mir-rikorrent, il-Bord tal-Appell spjega, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-raġunament tar-rikorrent ma jistax jiġi segwit peress li pprova jissostitwixxi kriterju ġdid ta’ xebh, il-prattiki kummerċjali, għal dawk stabbiliti mill-ġurisprudenza, jiġifieri n-natura, id-destinazzjoni, l-użu, il-kompetizzjoni u r-relazzjoni ta’ komplementarjetà. Skont il-Bord tal-Appell, peress li ma jeżistix xebh fir-rigward ta’ dawn l-aħħar kriterji, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-prattika kummerċjali kellu jiġi miċħud (punti 25 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fehma tiegħu, il-prattiki kummerċjali setgħu jkunu rilevanti biss sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks fil-kuntest tar-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata).

48      Il-punti 24 sa 27 tad-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li l-Bord tal-Appell qies li l-analiżi tiegħu, li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterji Canon, ma tistax tiġi kkontestata mill-fattur biss tal-prattika kummerċjali. Fil-fatt, tali kunsiderazzjoni tmur kontra l-konklużjoni li tirriżulta mill-punti 21 u 23 tas-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Hesse vs UASI (C‑50/15 P, EU:C:2016:34), li tgħid li ma huwiex eskluż li kriterju rilevanti jista’ jservi ta’ bażi, waħdu, għall-eżistenza ta’ xebh bejn il-prodotti u/jew is-servizzi, minkejja l-fatt li l-applikazzjoni tal-kriterji l-oħra tindika pjuttost l-assenza ta’ tali xebh. Fi kwalunkwe każ, huwa impossibbli li jiġi evalwat l-impatt ta’ kriterju addizzjonali, bħall-prattika kummerċjali, fuq l-analiżi diġà mwettqa b’applikazzjoni tal-fatturi li jirriżultaw mis-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, EU:C:1998:442), qabel ma dan il-kriterju jiġi eżaminat kif xieraq. Issa, il-Bord tal-Appell ma wettaqx tali eżami.

49      Barra minn hekk, xejn fil-formulazzjoni tal-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermetti li jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell kellu l-intenzjoni li jirrestrinġi l-konstatazzjoni li “[i] l-prattiki kummerċjali jistgħu jkunu rilevanti biss sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ‘rabta’ bejn it-trade marks (u l-prodotti koperti minnhom), jiġifieri fil-kuntest tar-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 8(5) tar-[Regolament Nru 207/2009]” għaċ-ċirkustanzi tal-każ. B’hekk, din il-konstatazzjoni, redatta b’mod ċara li ma tistax kkontestata, tesprimi b’mod ċar li, skont il-Bord tal-Appell, il-prattiki kummerċjali ma jistgħu fl-ebda każ ikollhom kwalunkwe rilevanza għall-eżami tax-xebh tal-prodotti fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Għandu jiġi enfasizzat li, fir-risposta, l-EUIPO kkonferma li, skont kif fehem, il-prattiki kummerċjali ma kinux jikkostitwixxu fattur rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

50      Ċertament, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrent jibbaża ruħu fuq tliet deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO sabiex isostni li l-prassi deċiżjonali tal-EUIPO diġà aċċettat dan il-kriterju bħala rilevanti għall-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara l-punt 24 iktar ’il fuq). Minn naħa, kif isostni ġustament l-EUIPO, id-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑8 ta’ Ġunju 2017 (Każ R 1447/2016‑5) ma ġietx adottata skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, iżda abbażi tal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu. Min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prattika kummerċjali fid-deċiżjonijiet tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tas‑16 ta’ Novembru 2017 (Każ R 968/2015‑5, punt 49), u tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑15 ta’ Diċembru 2017 (Każ R 1527/2017‑2, punt 26) sar fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni u mhux fil-kuntest ta’ dik tax-xebh tal-prodotti.

51      Issa, anki mingħajr ma jissemma b’mod espliċitu, il-kriterju tal-prattika kummerċjali diġà ttieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti u/jew is-servizzi konfliġġenti. B’hekk, pereżempju, ittieħed kont tal-fatt li l-prodotti u s-servizzi konfliġġenti ħafna drabi kienu kkummerċjalizzati flimkien sabiex jiġi konkluż li kien hemm xebh bejn l-imsemmija oġġetti u servizzi (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Yoo Holdings vs UASI – Eckes-Granini Grupp (YOO), T‑562/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:363, punt 27). Ġie enfasizzat ukoll li kien importanti li jiġi evalwat jekk il-konsumaturi kkunsidrawx li huwa komuni li l-prodotti konfliġġenti jiġu kkummerċjalizzati taħt l-istess trade mark, li normalment jimplika li parti kbira tal-manifatturi jew distributuri rispettivi ta’ dawk il-prodotti jkunu l-istess (sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2015, Nanu-Nana Joachim Hoepp vs UASI – Vincci Hoteles (NANU), T‑89/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:479, punt 35, u tal‑10 ta’ Ottubru 2018, Cuervo y Sobrinos 1882 vs EUIPO – A. Salgado Nespereira (Cuervo y Sobrinos LA HABANA 1882), T‑374/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:669, punt 41; ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2020, Delta-Sport vs EUIPO – Delta Enterprise (DELTA SPORT), T‑387/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:65, punti 59 u 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jista’ jinftiehmu l-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll l-argumenti tal-EUIPO riprodotti fil-punt 31 iktar ’il fuq, il-fatt li kriterju huwa kkunsidrat bħala rilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jimplikax fih innifsu li ma huwiex fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1(b) tal-istess artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Compagnie des Montres Longines, Francillon vs UASI – Cheng (B), T‑505/12, EU:T:2015:95, punti 47 u 48).

53      Bl-istess mod, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tal-EUIPO li jgħidu li, minn naħa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kriterji Canon għandhom sistematikament jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat ix-xebh ta’ prodotti jew ta’ servizzi, filwaqt li kriterji supplimentari jistgħu jkunu rilevanti skont il-partikolaritajiet ta’ kull każ, u min-naħa l-oħra, li dawn l-aħħar kriterji huma “fraġli” b’mod li ma jistgħu fl-ebda każ jieħdu preċedenza fuq in-nuqqas ta’ xebh fir-rigward tal-kriterji Canon. Fil-fatt, mis-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Hesse vs UASI (C‑50/15 P, EU:C:2016:34, punt 23), jirriżulta li, l-ewwel, kull wieħed mill-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan huwiex wieħed mill-kriterji oriġinali jew minn dawk li żdiedu, huwa biss kriterju wieħed fost oħrajn, it-tieni, il-kriterji huma awtonomi, u t-tielet, ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi konfliġġenti jista’ jkun ibbażat fuq wieħed biss minn dawn il-kriterji (ara l-punt 48 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, għalkemm l-EUIPO huwa obbligat jieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn il-prodotti kkonċernati, huwa jista’ ma jiħux inkunsiderazzjoni fatturi mhux rilevanti għar-relazzjoni bejn l-imsemmija prodotti (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2011, Pukka Luggage vs UASIA – Azpiroz Arruti (PUKKA), T‑483/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:692, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Għandu jiżdied li mid-direttivi tal-EUIPO dwar l-eżami tat-trade marks tal-Unjoni jirriżulta wkoll li użu kummerċjali stabbilit li jikkonsisti fil-fatt li l-produtturi jestendu l-kamp ta’ attività tagħhom għal swieq relatati, għandu importanza partikolari sabiex jiġi konkluż li prodotti jew servizzi ta’ natura differenti għandhom l-istess oriġini. Skont dawn id-direttivi f’tali sitwazzjonijiet għandu jiġi ddeterminat jekk din l-estensjoni hijiex komuni fis-settur.

55      Minn dan isegwi li l-eżistenza ta’ ċerta prattika kummerċjali tista’ tikkostitwixxi kriterju rilevanti għall-finijiet tal-eżami tax-xebh bejn prodotti jew servizzi fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

56      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell wettaq żball meta eskluda, bħala prinċipju, ir-rilevanza tal-kriterju bbażat fuq il-prattika kummerċjali fil-kuntest tal-eżami tiegħu tax-xebh tal-prodotti konfliġġenti. Sa fejn, minħabba l-iżball tiegħu, ma eżaminax speċifikament ir-rilevanza u mbagħad, jekk ikun il-każ, l-impatt ta’ dan il-kriterju fl-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-prodotti konfliġġenti, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiddeċiedi dwar dan il-kwistjoni hija stess (sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72; tat‑12 ta’ Lulju 2018, Lotte vs EUIPO – Nestlé Unternehmungen Deutschland (Rappreżentanza ta’ koala), T‑41/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:438, punti 54 u 55, u tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Idea Groupe vs EUIPO – The Logistical Approach (Idealogistic Verhoeven Greatest care in getting it there), T‑29/19, mhux ippubblikata, EU:T:2019:841, punt 91).

 Fuq il-kriterji tal-identità tal-produtturi u tal-mezzi ta’ distribuzzjoni

57      Quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrent sostna li l-prodotti konfliġġenti kienu jixxiebhu wkoll skont il-kriterji tal-oriġini abitwali, jew tal-identiċità tal-produtturi, kif ukoll ta’ dak tar-rotot ta’ distribuzzjoni. Issa, anki jekk dawn iż-żewġ kriterji ġew rikonoxxuti kemm mill-ġurisprudenza (ara b’mod partikolari l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 iktar ’il fuq) li l-Bord tal-Appell stess, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala rilevanti sabiex jevalwa x-xebh tal-prodotti u/jew tas-servizzi skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell, f’dan il-każ, la eżamina dawn iż-żewġ kriterji u lanqas, barra minn hekk, ma ta raġunijiet għaliex ma jistax ikollhom rwol fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, kif ġustament isostni r-rikorrent (ara l-punt 19 iktar ’il fuq).

58      Għalkemm il-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata jagħmel tfakkira “standard” tal-ġurisprudenza dwar il-fatturi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-prodotti, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 24 ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli f’dan il-każ, hija tirreferi biss għall-ħames kriterji Canon, mingħajr ma ssemmi dawk li ġew speċifikament invokati mir-rikorrent. Mill-punti 23 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod partikolari li l-Bord tal-Appell evalwa l-argumenti li r-rikorrent ippreżenta quddiemu mill-perspettiva biss tal-kwistjoni dwar jekk il-prattika kummerċjali invokata minn dan tal-aħħar setgħetx titqies bħala fattur rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti konfliġġenti.

59      Il-fatt li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-kriterji tal-oriġini abitwali, jew saħansitra tal-identiċità tal-produtturi, kif ukoll dak tar-rotot ta’ distribuzzjoni fl-analiżi li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huwa wkoll ikkorroborat mill-punt 7 ta’ din tal-aħħar li jiġbor fil-qosor l-argumenti mressqa mir-rikorrent insostenn tar-rikors tiegħu. Fil-fatt, dan is-sunt jonqos milli jsemmi l-argumenti tar-rikorrent dwar dawn l-aħħar kriterji.

60      Barra minn hekk, fil-punti 19 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell wettaq huwa stess l-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti konfliġġenti, iżda biss fir-rigward tal-kriterji Canon, filwaqt li r-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni ma kienx ikkontestat mir-rikorrent. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u anki fl-assenza ta’ kwalunkwe argument tal-EUIPO f’dan is-sens, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi interpretata b’tali mod li l-Bord tal-Appell kellu l-intenzjoni li jikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fid-dawl taż-żewġ kriterji inkwistjoni mressqa speċifikament mir-rikorrent, jiġifieri, l-oriġini abitwali tal-prodotti, jew saħansitra l-identiċità tal-produtturi, u r-rotot ta’ distribuzzjoni, iżda fl-istess ħin jiżviluppa l-analiżi tiegħu biss fid-dawl tal-kriterji mhux imsemmija fir-rikors ippreżentat quddiemu, mingħajr ma jwettaq evalwazzjoni espliċita preċiżament fir-rigward tal-kriterji li fuqhom hija bbażata l-argumentazzjoni tar-rikorrent. Fil-fatt, għalkemm il-Bord tal-Appell, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, irrefera għall-konklużjoni finali li kienet waslet għaliha d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fid-deċiżjoni tagħha, huwa ma rrefera għall-ebda punt jew silta preċiża ta’ din id-deċiżjoni, li jippermetti li jiġi konkluż li huwa kellu l-intenzjoni li jintegra l-kunsiderazzjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fid-deċiżjoni tiegħu stess sabiex jiġu evitati ripetizzjonijiet.

61      Fil-punt 19 tar-risposta, l-EUIPO jsostni li l-fatturi supplimentari għall-kriterji Canon, bħal dak taċ-ċirkwiti ta’ distribuzzjoni, huma “relattivament fraġli” u ma jistgħux jipprevalu fuq il-fatt li l-ebda wieħed mill-kriterji Canon ma huwa ssodisfatt f’dan il-każ. Issa, minn naħa, kif tfakkar fil-punt 45 iktar ’il fuq, il-lista ta’ kriterji msemmija espressament fis-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, EU:C:1998:442), ma hijiex eżawrjenti. Min-naħa l-oħra, kull kriterju stabbilit fil-ġurisprudenza li jirriżulta minn din is-sentenza huwa awtonomu b’tali mod li l-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi konfliġġenti tista’ tkun ibbażata fuq wieħed biss mill-imsemmija kriterji (punt 53 iktar ’il fuq).

62      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li billi naqas milli jindika l-motivi li għalihom il-kriterji tal-oriġini abitwali, jew saħansitra l-identiċità tal-produtturi, kif ukoll dak tar-rotot ta’ distribuzzjoni ma ttiħdux inkunsiderazzjoni, il-Bord tal-Appell ma esponiex il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali kollha li għandhom importanza essenzjali sabiex jitqies li l-prodotti ma kinux jixxiebħu, b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2016, Tropical, T‑804/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:431, punt 178).

63      L-EUIPO jqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali diversi argumenti li l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji ma twassalx, f’dan il-każ, għal konstatazzjoni ta’ xebh bejn il-prodotti konfliġġenti (ara l-punti 32 u 33 iktar ’il fuq).

64      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li tali evalwazzjoni ma tinsabx fid-deċiżjoni kkontestata. Issa, minn naħa, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha twettaq, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, evalwazzjoni li fuqha l-Bord tal-Appell ma ħax pożizzjoni (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72) u, min-naħa l-oħra, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-EUIPO ma jistax isostni d-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ elementi li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fiha (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2017, Aldi vs EUIPO – Rouard (GOURMET), T‑572/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:591, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Għaldaqstant, din l-argumentazzjoni hija inammissibbli (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Volvo Trademark vs EUIPO – Paalupaikka (V‑V-WHEELS), T‑356/18, EU:T:2019:690, punt 49).

66      L-iżball ta’ liġi u n-nuqqas ta’ motivazzjoni kkonstatati rispettivament fil-punti 56 u 62 iktar il fuq għandhom bħala konsegwenza li l-motiv uniku huwa fondat.

67      B’hekk jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

68      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-UASI tilef, huwa għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll l-ispejjeż tar-rikorrent, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal21 ta’ Jannar 2020 (Każ R 67/20191) hija annullata.

2)      L-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Collins

Csehi

Steinfatt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑2 ta’ Ġunju 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.