Language of document : ECLI:EU:C:2015:769

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fid-19 ta’ Novembru 2015 (1)

Kawża C‑377/14

Ernst Georg Radlinger

Helena Radlingerová

vs

FINWAY a.s.

[talba għal deċiżjoni preliminari mill-Krajský soud v Praze (qorti reġjonali ta’ Praga, ir‑Repubblika Ċeka)]

“Direttiva 93/13/KE – Direttiva 2008/48/KE – Regoli proċedurali nazzjonali li jirregolaw proċeduri ta’ insolvenza – Obbligu ta’ qorti nazzjonali li teżamina ex officio kwistjonijiet relatati mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fi proċeduri ta’ insolvenza – Tifsira ta’ “ammont totali tal-kreditu” – Kalkolu tar-rata perċentwali annwali – Klawżoli inġusti fi ftehimiet ta’ kreditu lill-konsumatur – Evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli penali – Konsegwenzi ta’ konstatazzjoni ta’ natura inġusta kumulattiva”





1.        Il-kawża prinċipali tirrigwarda rikors inċidentali magħmul minn debituri fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza. (2). Id-djun li wasslu għal din il-kawża joriġinaw mill-inabbiltà tad-debituri li jissodisfaw l-impenji tagħhom taħt ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur. F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Krajský soud v Praze (qorti reġjonali ta’ Praga) tistaqsi dwar jekk regoli proċedurali nazzjonali li jirregolaw tali proċeduri, li jipprekluduha milli tikkunsidra jekk id-debituri jibbenefikawx mir-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fid-Direttiva 93/13 (3) u d-Direttiva 2008/48 (4), humiex konsistenti mid-dritt tal-Unjoni. Essenzjalment hija tistaqsi sa liema punt hija għandha l-obbligu teżamina dawk id-dispożizzjonijiet ex officio, jekk l-obbligu tal-kredituri li jipprovdu informazzjoni skont id-Direttiva 2008/48 għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha, kif għandhom jiġu evalwati l-penalitajiet taħt il-ftehim ta’ kreditu fil-kuntest tad-Direttiva 93/13, u x’effetti għandu jkun hemm jekk jirriżulta li dawn il-penalitajiet, b’mod kumulattiv, huma inġusti.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 93/13

2.        Id-Direttiva 93/13 tapplika għal klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur (5). L-għanijiet tad-Direttiva 93/13 jinkludu li jiġi żgurat li kuntratti mal-konsumatur ma jinkludux klawżoli inġusti, u li l-konsumaturi jiġu protetti mill-abbuż mill-poter minn bejjiegħa jew fornituri, b’mod partikolari permezz ta’ kuntratti standard li jiġbdu lejn naħa waħda u l-esklużjoni inġusta ta’ drittijiet essenzjali f’kuntratti (6). Meta klawżola kuntrattwali ma tkunx ġiet innegozjata individwalment, din għandha titqies inġusta “jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinjifikattiv fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur” (7). Klawżoli abbozzati minn qabel, li l-konsumatur ma setax jinfluwenza għandhom dejjem jitqiesu li ma humiex “innegozjat[i] individwalment” għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) (8). L-Anness tad-Direttiva 93/13 jinkludi lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jitqiesu li huma inġusti (9), inkluż dawk li għandhom il-għan jew l-effett li jeżiġu li konsumatur li jonqos milli jissodisfa l-obbligi tiegħu jħallas somma għolja b’mod sproporzjonat bħala kumpens (10).

3.        In-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata, “billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu” (11).

4.        L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, fil-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 93/13, li “klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti” (12).

5.        L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li “fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” (13).

 Id-Direttiva 2008/48

6.        Id-Direttiva 2008/48 (14) tarmonizza ċerti aspetti tar-regoli tal-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehimiet li jkopru kreditu għall-konsumaturi (15). Il-premessa 10 tispjega li, minkejja li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 huwa espressament iddefinit fiha, l-Istati Membri jistgħu madankollu, skont id-dritt tal-Unjoni, japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħha għal kwistjonijiet li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva. L-għanijiet iddikjarati li ġejjin huma rilevanti hawnhekk: l-iżvilupp ta’ suq tal-kreditu lill-konsumaturi iktar trasparenti u effiċjenti fi ħdan is-suq intern (16); il-kisba ta’ armonizzazzjoni sħiħa filwaqt li jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha fl-Unjoni jgawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni (17); li jiġi żgurat li ftehimiet ta’ kreditu jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa b’mod ċar u konċiż, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom b’għarfien sħiħ tal-fatti u sabiex ikunu jistgħu jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont il-ftehim ta’ kreditu, u jiġi żgurat li l-konsumaturi jkollhom informazzjoni dwar ir-rata ta’ imposti perċentwali fis-sena (iktar 'il quddiem ir-“RIPS”) madwar l-Unjoni , li tagħmilha possibbli għalihom li jikkomparaw dawn ir-rati (18).

7.        Id-Direttiva 2008/48 tkopri ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumaturi (19). Madankollu, ftehimiet “li huma garantiti b’ipoteka jew b’garanzija komparabbli oħra użata komunament fi Stat Membru fuq proprjetà immobbli jew garantiti bi dritt relatat ma’ proprjetà immobbli” huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (20).

8.        Is-segwenti definizzjonijiet fl-Artikolu 3 huma rilevanti:

“(ċ)      ‘ftehim ta’ kreditu’ tfisser ftehim li bih kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti lil konsumatur kreditu fil-forma ta’ ħlas differit, self jew akkomodazzjoni finanzjarja simili oħra [...]

(g)      ‘l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’ tfisser l-ispejjeż kollha, inklużi interessi, kummissjonijiet, taxxi, u kwalunkwe tip ta’ onorarji oħrajn li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu u li huma magħrufin mal-kreditur [...]

(h)      ‘ammont totali pagabbli mill-konsumatur’ tfisser is-somma ta’ l-ammont totali tal-kreditu u l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur;

(i)      ‘rata ta’ imposta perċentwali fis-sena’ [‘RIPS’] tfisser l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur espressa bħala perċentwali annwali ta’ l-ammont totali ta’ kreditu, fejn applikabbli inklużi l-ispejjeż msemmija fl-Artikolu 19(2) [(21)];

[...]

(l)      ‘ammont totali ta’ kreditu’ tfisser il-limitu massimu jew is-somom totali disponibbli taħt ftehim ta’ kreditu;

[...]”

9.        L-Artikolu 5 jimponi obbligu sabiex il-konsumaturi jiġu pprovduti b’informazzjoni qabel il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kreditu. Minkejja li din id-dispożizzjoni ma hijiex, bħala tali, inkwistjoni f’din il-kawża, l-informazzjoni li tinkludi hija riflessa fil-lista obbligatorja ta’ informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehimiet ta’ kreditu fl-Artikolu 10. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar teżiġi li ftehimiet ta’ kreditu jitfasslu fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor. Il-partijiet kontraenti kollha għandhom jirċievu kopja tal-ftehim ta’ kreditu (22). L-Artikolu 10(2) jelenka 22 tip ta’ informazzjoni li għandu jiġi speċifikat b’mod ċar u konċiż fi kwalunkwe ftehim ta’ kreditu. Din il-lista tinkludi: “l-ammont totali ta’ kreditu u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ġbid ta’ self” (23).

10.      Sa fejn id-Direttiva 2008/48 tarmonizza ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumaturi, l-Istati Membri huma preklużi milli jintroduċu dispożizzjonijiet diverġenti u milli jħallu konsumaturi jċedu d-drittijiet mogħtija lilhom minn liġijiet nazzjonali li jimplementaw jew li jikkorrispondu ma’ din id-direttiva (24).

11.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal penalitajiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-finijiet tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2008/47 (25).

 Id-dritt nazzjonali

 Il-proċeduri ta’ insolvenza

12.      Il-qorti tar-rinviju tispjega li r-regoli nazzjonali li jirregolaw il-proċeduri ta’ insolvenza japplikaw b’dan il-mod.

13.      Individwu huwa fallut meta ma jkunx jista’ jonora l-impenji finanzjarji tiegħu iktar minn 30 jum wara li l-ħlasijiet jiġu dovuti. Debitur li ma huwiex negozjant jista’ jirrikorri għall-qorti ta’ insolvenza sabiex l-istatus ta’ falliment jiġi rivedut u riżolt permezz ta’ liberazzjoni. F’dawn il-proċeduri, il-qorti ta’ insolvenza ma tistax teżamina l-validità, l-ammont jew il-gradazzjoni tal-krediti rreġistrati, anki meta jqumu kwistjonijiet irregolati bid-Direttiva 93/13 jew 2008/48, sakemm dawk il-krediti ma jkunux ikkontestati mill-amministratur ta’ proċedura ta’ falliment, minn kreditur ieħor jew, eċċezzjonalment, mid-debitur innifsu. Rikors inċidentali f’dan ir-rigward għandu jsir lill-qorti ta’ insolvenza mill-parti rilevanti.

14.      Meta l-qorti tal-insolvenza tkun approvat ir-riżoluzzjoni ta’ insolvenza permezz ta’ liberazzjoni, debitur jista’ jippreżenta rikors inċidentali. Jekk dak ir-rikors jikkonċerna kreditu infurzabbli mhux iggarantit, il-qorti ta’ insolvenza tkun tista’ teżaminah. Madankollu, b’dan il-mod l-evalwazzjoni tal-qorti tal-insolvenza hija ristretta għal jekk il-kreditu spiċċax jew huwiex preskritt (26). Skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, il-qorti ta’ insolvenza ma tistax tinvestiga l-mertu ta’ rikors inċidentali sa fejn jirrigwarda krediti ggarantiti (27).

 Il-liġi tal-konsumaturi u l-kreditu lill-konsumatur

15.      Il-qorti tar-rinviju tindika li kwalunkwe att legali li bil-kontenut jew bil-għan tiegħu jikser jew jevita liġi jew li huwa kuntrarju għal prinċipji aċċettati ta’ moralità, huwa invalidu.

16.      Ftehimiet ta’ kreditu lill-konsumatur għandhom ikunu bil-miktub u l-kreditur għandu jinkludi, inter alia, informazzjoni dwar l-ammont totali ta’ kreditu u r-RIPS mitluba. In-nuqqas li jiġu ssodisfatti dawn ir-rekwiżiti ma jrendix il-ftehim ta’ kreditu invalidu fl-intier tiegħu (28). Madankollu, meta l-konsumatur jibbaża ruħu fuq dan il-fatt kontra l-kreditur, l-interessi jitqiesu li kienu pagabbli fuq il-ftehim ta’ kreditu mid-data meta kien konkluż bir-rata ta’ skont applikabbli dak iż-żmien ippubblikata mill-bank nazzjonali Ċek; u kwalunkwe arranġamenti oħrajn fir-rigward ta’ ħlasijiet fil-ftehim ta’ kreditu jitqiesu invalidi (29).

17.      Arranġamenti f’kuntratti mal-konsumaturi li, bi ksur tar-rekwiżiti ta’ bona fede, jinvolvu żbilanċ kbir fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għad-detriment tal-konsumatur huma invalidi (30).

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

18.      Fid-29 ta’ Awwissu 2011, Ernst Radlinger u Helena Radlingerová (iktar 'il quddiem “il-koppja Radlinger” jew “il-konsumaturi” jew “id-debituri”) ikkonkludew ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur ma’ Smart Hypo (“is-sellief”). Skont dan il-ftehim, Smart Hypo tat self ta’ CZK 1 170 000 (EUR 43 205) (31). Min-naħa tagħhom, il-koppja Radlinger qablu li jħallsu lura s-somma ta’ CZK 2 958 000 (EUR 109 231) f’120 pagament ta’ CZK 24 375 (EUR 900) pagabbli fl-20 ta’ kull xahar (apparti l-ewwel pagament li kellu jitħallas fil-31 ta’ Awwissu 2011 u spejjeż ta’ CZK 33 000: dawn l-ammonti tnaqqsu mis-somma prinċipali mislufa). Is-somma ta’ CZK 2 958 000 kienet tinkludi li ġej: (i) is-somma prinċipali ta’ CZK 1 170 000; (ii) interessi imposti bir-rata ta’ 10 % fis-sena fuq is-somma prinċipali għat-tul tal-ftehim ta’ kreditu (li wkoll jammonta għal CZK 1 170 000); (iii) miżati pagabbli lis-sellief li jammontaw għal CZK 585 000 (EUR 21 602); u (iv) l-ispejjeż indikati iktar ’il fuq (32). Mill-pjan ta’ pagament taħt il-ftehim irriżulta li l-pagamenti tal-koppja Radlinger kienu fil-fatt ser imorru għall-ħlas tal-ispejjeż, tal-interessi u tal-miżati tas-sellief bejn il-31 ta’ Awwissu 2011 u l-20 ta’ Lulju 2017. Kien biss mit-73 pagament mensili li huma kellhom jibdew iħallsu lura s-somma prinċipali. Ir-RIPS kienet ikkwantifikata bħala 28.9 % (33).

19.      Fl-istess ħin, il-koppja Radlinger qablet li tiggarantixxi s-self kif ġej: (i) permezz ta’ ipoteka fuq id-dar matrimonjali u l-art tagħhom; (ii) billi jagħmlu arranġamenti sabiex ikun hemm assigurazzjoni fuq din il-proprjetà b’mod li, jekk iseħħ l-avveniment assigurabbli, kwalunkwe benefiċċji jitħallsu direttament lis-sellief; u (iii) permezz ta’ att notarili li kien jinkludi klawżola fir-rigward tal-inforzabbiltà immedjata tad-dejn.

20.      Minbarra l-interessi moratorji li tipprovdi l-liġi, fil-ftehim ta’ kreditu l-koppja Radlinger intrabtu wkoll li jħallsu lis-sellief penalità kuntrattwali ta’ 0.2 % tas-somma prinċipali għal kull jum jew parti minn jum ta’ inadempjenza fil-ħlas ta’ din is-somma, tal-miżati tas-sellief jew tal-interessi. Fil-każ ta’ inadempjenza li taqbeż xahar, huma qablu wkoll li jħallsu multa kuntrattwali waħda ta’ CZK 117 000 (EUR 4 320) u somma f’daqqa ta’ CZK 50 000 (EUR 1 846) għall-ispejjeż tas-sellief sabiex jieħu lura l-ammonti dovuti, li ma kinitx tinkludi spejjeż ta’ arbitraġġ jew l-ispejjeż ta’ proċeduri fil-qorti jew ta’ rappreżentanza legali (34).

21.      Jekk il-koppja Radlinger ikunu inadempjenti fil-pagamenti jew jekk is-sellief jiskopri li huma kienu taw informazzjoni falza jew qarrieqa ħafna, jew ma pprovdewx informazzjoni importanti fl-applikazzjoni għall-kreditu, is-sellief seta’ jitlob il-ħlas lura b’mod immedjat tas-somma prinċipali u l-ispejjeż assoċjati elenkati fil-ftehim ta’ kreditu. Barra minn hekk, il-penalitajiet kuntrattwali u l-interessi moratorji jsiru pagabbli.

22.      Fis-27 ta’ Settembru 2011, is-sellief innotifika lill-koppja Radlinger li huwa sar jaf li huma ma kinux ipprovdew informazzjoni li tindika li l-proprjetà tagħhom preċedentement kienet suġġetta għal ordni ta’ infurzar. Din l-ordni kienet għall-ammont ta’ CZK 4 285 (EUR 158). Madankollu, abbażi ta’ dan il-fatt is-sellief talab il-ħlas lura tad-dejn kollu b’mod immedjat. B’ittra tad-19 ta’ Novembru 2012, is-sellief tenna t-talba tiegħu, filwaqt li ddikjara li l-pagamenti tal-koppja Radlinger taħt il-ftehim ta’ kreditu kienu irregolari u tard. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, il-koppja Radlinger ma kinux inadempjenti sa Diċembru 2012.

23.      FINWAY a.s. (iktar 'il quddiem “Finway” jew “il-kreditriċi”), il-konvenuta fil-kawża prinċipali, sussegwentement ħadet f’idejha dawn it-talbiet minn Smart Hypo.

24.      Fis-26 ta’ April 2013, il-qorti tar-rinviju ddikjarat lill-koppja Radlinger falluti, appuntat amministratur ta’ proċedura ta’ falliment u talbet lill-kredituri sabiex jirreġistraw il-krediti tagħhom. Fit-23 ta’ Mejju 2013, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ insolvenza, Finway irreġistrat żewġ krediti infurzabbli. L-ewwel waħda kienet kreditu ggarantit ta’ CZK 3 045 991 (EUR 112 480). It-tieni waħda kienet kreditu mhux iggarantit fl-ammont ta’ CZK 1 359 540 (EUR 50 204), li jirrappreżenta l-penalità kuntrattwali għal inadempjenza fil-pagamenti bir-rata ta’ 0.2 % kuljum mit-23 ta’ Settembru 2011 sal-25 ta’ April 2013.

25.      Fit-3 ta’ Lulju 2013, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ eżami mill-ġdid, il-koppja Radlinger aċċettaw li l-krediti kienu infurzabbli, iżda kkontestaw l-ammonti tal-krediti kemm iggarantiti kif ukoll mhux iggarantiti abbażi tal-fatt li l-klawżoli tal-ftehim ta’ kreditu oriġinali kienu kontra l-prinċipji aċċettati tal-moralità. Huma jargumentaw li l-ammont li huma għandhom iħallsu (CZK 1 496 801 (EUR 55 272.70) huwa sostanzjalment inqas mill-krediti rreġistrati ta’ Finway. L-amministratur ta’ proċedura ta’ falliment ma kkontestax it-talba ta’ Finway.

26.      B’ordni tat-23 ta’ Lulju 2013, il-qorti tar-rinviju approvat il-liberazzjoni mill-falliment tal-koppja Radlinger abbażi ta’ pjan ta’ pagamenti. L-għada, il-koppja Radlinger ippreżentat rikors inċidentali intiż għal dikjarazzjoni li l-krediti rreġistrati ta’ Finway ma humiex leġittimi għaliex huma kontra l-prinċipji aċċettati tal-moralità.

27.      Il-qorti tar-rinviju tindika li r-regoli nazzjonali li jirregolaw proċeduri ta’ insolvenza jipprekluduha milli teżamina l-mertu tar-rikors inċidentali tal-koppja Radlinger. Taħt dawk ir-regoli, tali rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati biss f’każijiet meta r-riżoluzzjoni tal-falliment tad-debitur fil-forma ta’ liberazzjoni hija approvata mill-qorti ta’ insolvenza. Hawnhekk, ir-regoli nazzjonali jipprekludu totalment lill-koppja Radlinger milli jippreżentaw rikors inċidentali kontra l-kreditu ggarantit. Għalhekk, din il-parti tar-rikors għandha tiġi miċħuda. Madankollu, ir-regoli nazzjonali jagħtu possibbiltà lil debitur li jippreżenta rikors inċidentali fir-rigward tal-kreditu mhux iggarantit.

28.      Sabiex tagħti deċiżjoni fuq ir-rikors inċidentali tal-koppja Radlinger, il-Krajský soud v Praze (qorti reġjonali ta’ Praga) titlob deċiżjoni preliminari dwar id-domandi mqassra li ġejjin:

1.      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 u l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/48, jew kwalunkwe dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, jipprekludu regoli nazzjonali li, fi proċeduri ta’ insolvenza:

–        iħallu lill-qorti teżamina l-validità, l-ammont jew il-gradazzjoni ta’ krediti kontra debitur li huwa konsumatur abbażi biss ta’ rikors inċidentali ppreżentat mill-amministratur ta’ proċedura ta’ falliment, minn kreditur jew mid-debitur?

–        iħallu tali debitur jitlob reviżjoni mill-qorti tal-krediti rreġistrati tal-kredituri (i) biss meta r-riżoluzzjoni tal-falliment tiegħu fil-forma ta’ liberazzjoni hija approvata, (ii) biss fir-rigward ta’ krediti mhux ggarantiti, u (iii) fil-każ ta’ krediti ddikjarati inforzabbli b’deċiżjoni tal-awtorità kompetenti, biss sabiex jasserixxi li l-kreditu skada jew huwa preskritt?

2.      Fil-proċeduri ta’ insolvenza li jirrigwardaw pretensjonijiet taħt ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur, il-qorti għandha tqis ex officio (anki fl-assenza ta’ kwalunkwe oġġezzjoni mill-konsumatur) in-nuqqas tas-sellief li jipprovdi l-informazzjoni rikjesta taħt l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, u tiddikjara l-arranġamenti kuntrattwali invalidi skont il-liġi nazzjonali?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda:

3.      Id-dispożizzjonijiet ta’ dawk id-direttivi għandhom effett dirett u jistgħu jiġu applikati direttament, peress li eżami mill-qorti ex officio jinterferixxi mar-relazzjoni orizzontali bejn il-konsumatur u l-fornitur tal-oġġetti jew servizzi?

4.      X’inhu “l-ammont totali ta’ kreditu” fl-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2008/48 u x’inhuma “l-ammonti ta’ ġbid ta’ kreditu” fil-formula għall-kalkolu tar-RIPS fl-Anness I ta’ din id-direttiva, jekk (i) il-ftehim ta’ kreditu formalment jispeċifika ammont ta’ kreditu li għandu jitħallas iżda (ii) huwa miftiehem li t-talbiet tas-sellief għal miżata u għall-ewwel pagament (i) ser jitnaqqsu minn dan l-ammont, sabiex is-somom imnaqqsa fil-fatt qatt ma jitħallsu lill-konsumatur iżda jinżammu dejjem fid-dispożizzjoni tas-sellief? L-inklużjoni ta’ dawk is-somom taffettwa l-kalkolu?

5.      Fl-evalwazzjoni ta’ jekk klawżoli penali humiex inġusti fis-sens tal-punt 1(e) tal-Anness tad-Direttiva 93/13, huwa neċessarju li jitqies l-effett kumulattiv ta’ dawn il-klawżoli kollha fil-ftehim, irrispettivament minn jekk il-kreditur jinsistix li għandhom ikunu issodisfatti kollha kemm huma jew jekk ftit minnhom jistgħu jitqiesu invalidi taħt id-dritt nazzjonali, jew biss din tal-penalità li huma, jew li fil-fatt jistgħu jiġu, mitluba?

6.      Jekk penalitajiet kuntrattwali jinstabu li huma inġusti, huwa neċessarju li l-ebda waħda mill-penalità individwali ma tiġi applikata li (iżda meta kkunsidrati flimkien biss) wasslu lill-qorti sabiex tiddeċidi li l-ammont tal-kumpens kien ta’ natura sproporzjonata fis-sens tal-punt 1(e) tal-Anness tad-Direttiva 93/13, jew biss xi wħud minnhom (u f’dan il-każ tal-aħħar, skont liema kriterji)?

29.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-koppja Radlinger, Finway, mill-gvernijiet tar-Repubblika Ċeka u tal-Polonja u mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta tal-15 ta’ Lulju 2015, il-Ġermanja u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali.

 Analiżi

 L-ewwel domanda

30.      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk regoli nazzjonali li jirregolaw proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward ta’ dejn li joriġina minn ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur, li (i) jirrikjedu li d-debitur jagħmel rikors inċidentali għall-proċeduri ta’ insolvenza prinċipali sabiex jevalwa l-validità, l-ammont jew il-gradazzjoni tal-kreditu; u (ii) jirrestrinġu d-dritt tiegħu li jitlob eżami mill-ġdid ta’ dawk il-krediti, humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 93/13 u d-Direttiva 2008/48. B’implikazzjoni, dan iqajjem ukoll il-kwistjoni ta’ jekk tali regoli humiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività (35).

31.      Ser nibda billi nqis il-pożizzjoni fir-rigward tad-Direttiva 93/13, li tistabbilixxi sistema li tipproteġi u tipprekludi lill-konsumaturi milli jintrabtu bi klawżoli kuntrattwali inġusti u tirrikjedi lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li jeżistu mezzi xierqa u effettivi sabiex jipprevjenu li tali klawżoli jibqgħu jintużaw f’kuntratti mal-konsumatur (36). Ma huwiex ikkontestat li l-koppja Radlinger huma konsumaturi u li s-sellief huwa fornitur għall-finijiet ta’ din id-direttiva.

32.      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-qorti tar-rinviju tiddikjara fid-deċiżjoni tar-rinviju li qorti adita bi proċeduri ta’ insolvenza ma tistax teżamina l-validità, l-ammont jew il-gradazzjoni ta’ krediti fuq l-ebda bażi, sakemm il-persuna kkonċernata – l-amministratur ta’ proċedura ta’ falliment, il-kreditur jew (bħal f’dan il-każ) id-debitur – ma tippreżentax rikors inċidentali. Din il-pożizzjoni ma hijiex differenti meta l-proċeduri ta’ insolvenza jikkonċernaw djun li joriġinaw minn kuntratt mal-konsumatur. B’hekk, ma hemm l-ebda informazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tissuġġerixxi li regoli proċedurali nazzjonali li jirrikjedu lil debitur li jippreżenta rikors inċidentali – sabiex, pereżempju, jikkontesta l-validità ta’ kreditu ta’ kreditur peress li l-kuntratt li minnu joħroġ dan il-kreditu huwa inkompatibbli mar-regoli għall-protezzjoni tal-konsumatur tal-Unjoni – huma inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet nazzjonali simili oħra.

33.      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, hija ġurisprudenza stabbilita li kull każ fejn tqum il-kwistjoni ta’ jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendi l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli għandu jiġi analizzat b’riferiment għall-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura, l-iżvolġiment tagħha u n-natura speċifika tagħha, meħuda f’daqqa, quddiem il-varji istanzi nazzjonali (37). Għal dawk il-finijiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-każ, il-prinċipji bażiċi tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (38).

34.      Fid-dawl tal-leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali inkwistjoni, huwa impossibbli jew eċċessivament diffiċli għall-qorti ta’ insolvenza sabiex teżamina l-validità, l-ammont jew il-gradazzjoni tal-krediti li jirriżultaw minn ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur, u dawn ir-regoli jagħmluha eċċessivament diffiċli lil debitur li huwa konsumatur sabiex jikkontesta kreditu rreġistrat?

35.      Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li, taħt dawk ir-regoli, hija prekluża fil-proċeduri inċidentali milli teżamina l-leġittimità tal-ewwel kreditu (fl-ammont ta’ CZK 3 045 991) għaliex dan il-kreditu huwa ggarantit. Hija tista’ teżamina r-rikors inċidentali fir-rigward tat-tieni kreditu (fl-ammont ta’ CZK 1 359 540), peress li dan il-kreditu huwa infurzabbli u mhux iggarantit. Madankollu, din l-evalwazzjoni hija suġġetta għal restrizzjonijiet sinjifikattivi. Tali krediti mhux iggarantiti jistgħu jiġu evalwati biss abbażi tal-validità, l-ammont jew il-gradazzjoni li fihom huma stabbiliti, u d-debituri huma ristretti li jikkontestawhom biss abbażi tal-fatt li l-kreditu skada jew huwa preskritt (39).

36.      B’riżultat ta’ din in-natura partikolari, huwa impossibbli għal debituri fil-pożizzjoni tal-koppja Radlinger li jikkontestaw krediti ggarantiti. B’mod partikolari, meta krediti ggarantiti jikkonċernaw djun li ġejjin minn ftehimiet ta’ kreditu lill-konsumatur, la l-validità tal-kreditu u lanqas il-kalkolu tas-somma dovuta ma jistgħu jiġu kkontestati. Il-kwistjoni ta’ jekk il-kuntratt li jwassal għad-dejn huwiex kompatibbli mar-regoli għall-protezzjoni tal-konsumatur tal-Unjoni hija fundamentali sabiex jiġu stabbiliti speċifikament dawk iż-żewġ punti. Meta r-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur ma ġewx osservati, il-konsegwenza taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandha tkun li l-klawżoli fil-kuntratt li jwassal għad-dejn jitqiesu inġusti u ma jorbtux lill-konsumatur. Iżda regoli nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipprekludu lill-qorti adita milli tagħmel l-evalwazzjoni neċessarja u jipprekludu lid-debitur innifsu milli jressaq azzjoni.

37.      Dan għalija jidher li huwa inkompatibbli mal-prinċipju tal-effettività.

38.      Fir-rigward tal-krediti infurzabbli mhux iggarantiti, jidher li, jekk ma huwiex impossibbli, ċertament huwa eċċessivament diffiċli għal debituri sabiex jikkontestaw il-leġittimità ta’ tali krediti abbażi tal-fatt li l-oriġini tad-dejn insolventi (il-kuntratt mal-konsumatur) huwa inkompatibbli mar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur tal-Unjoni. Minkejja li huwa minnu li d-debituri jistgħu jippreżentaw rikorsi inċidentali li jikkontestaw il-validità, l-ammont jew il-gradazzjoni ta’ tali krediti (din tal-aħħar ma tidhirx li hija rilevanti f’dan il-każ), ir-raġunijiet li abbażi tagħhom jistgħu jagħmlu dan huma limitati. Ir-regoli nazzjonali rilevanti ma jipprovdux għall-qorti nnifisha sabiex teżamina l-validità, jew l-ammont ta’ krediti li jirriżultaw minn ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur, u d-debituri huma limitati sabiex jargumentaw li l-krediti infurzabbli mhux iggarantiti skadew jew huma preskritti. Jidhirli li tali regoli fil-fatt jipprekludu lil konsumaturi li huma debituri milli jikkontestaw il-validità jew l-ammont ta’ tali krediti mhux iggarantiti meta dawk il-krediti jkunu bbażati fuq klawżoli li huma espressament ipprojbiti mid-Direttiva 93/13 (40).

39.      B’hekk nikkonkludi li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regoli proċedurali nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali li: (i) jipprekludu qorti ta’ insolvenza meta tiddeċiedi dwar rikors inċidentali sabiex teżamina ex officio l-validità, l-ammont jew il-gradazzjoni ta’ krediti infurzabbli mhux iggarantiti li jirriżultaw minn ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur; (ii) jipprekludu tali qorti milli teżamina ex officio l-leġittimità ta’ kreditu ggarantit; u (iii) jagħmluha impossibbli u/jew eċċessivament diffiċli għal konsumatur li huwa debitur sabiex jikkontesta kreditu infurzabbli mhux iggarantit, meta tali krediti jkunu ġejjin minn ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur, minkejja li l-qorti ta’ insolvenza għandha l-elementi legali u fattwali neċessarji għal dak ir-rwol fid-dispożizzjoni tagħha.

40.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk ir-regoli proċedurali nazzjonali inkwistjoni humiex preklużi mill-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/48. Fl-opinjoni tiegħi ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għal dan l-aspett tal-ewwel domanda. L-Artikolu 22(2) jeżiġi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jċedu d-drittijiet mogħtija lilhom bid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li timplementa jew tikkorrispondi għad-Direttiva 2008/48. Ma hemm xejn fir-regoli nazzjonali deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju li jirregolaw is-sitwazzjoni meta konsumatur iċedi d-drittijiet tiegħu fis-sens tal-Artikolu 22(2) jidher li huwa rilevanti f’dan il-każ. Barra minn hekk, ma hemm ebda indikazzjoni fid-deskrizzjoni tal-fatti mill-qorti tar-rinviju li l-koppja Radlinger ċedew id-drittijiet mogħtija lilhom mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw din id-direttiva. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/48 ma jidhirx li għandu impatt fuq il-kwistjoni ta’ jekk ir-regoli nazzjonali inkwistjoni humiex preklużi mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività.

 It-tieni domanda

41.      Fit-tieni domanda l-qorti tar-rinviju tqajjem żewġ kwistjonijiet. L-ewwel nett, il-qrati nazzjonali għandhom jeżaminaw ex officio jekk kreditur naqas milli jipprovdi l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, anki meta d-debitur innifsu ma jibbażax ruħu fuq din ir-raġuni? It-tieni nett, jekk il-kreditur fil-fatt naqas milli jipprovdi din l-informazzjoni, il-ftehim ta’ kreditu huwa għalhekk invalidu kif previst taħt il-liġi nazzjonali?

42.      Qabel ma neżamina dawn id-domandi nfakkar li taħt il-ftehim ta’ kreditu fil-kawża prinċipali, il-koppja Radlinger qablu li jieħdu self iggarantit u li l-proċeduri ta’ insolvenza sussegwenti jirrigwardaw żewġ krediti fir-rigward ta’ dan id-dejn. L-ewwel kreditu (CZK 3 045 991) huwa ggarantit bi tliet modi, inkluż garanzija fil-forma ta’ ipoteka. It-tieni kreditu (CZK 1 359 540) jikkonsisti f’penalitajiet kuntrattwali imposti taħt il-ftehim ta’ kreditu b’riżultat tal-inadempjenza tal-koppja Radlinger.

43.      Huwa l-ftehim ta’ kreditu nnifsu li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, iktar milli d-djun li jirriżultaw jew il-krediti tal-kreditur. Madankollu, ftehimiet ta’ kreditu ggarantiti b’ipoteka huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 (Artikolu 2(2)(a)). Il-Kummissjoni tiddikjara fl-osservazzjonijiet tagħha li d-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni huma usa’ mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/48, peress li huma jkopru wkoll ftehimiet ta’ kreditu ggarantiti b’ipoteka. Din il-pożizzjoni ma hijiex inkonsistenti mal-għanijiet tad-Direttiva 2008/48. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu, skont id-dritt tal-Unjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkorrispondi ma’ wħud mid-dispożizzjonijiet, jew mad-dispożizzjonijiet kollha, tad-Direttiva 2008/48, li tkopri ftehimiet ta’ kreditu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (41).

44.      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-bżonn ta’ rinviju u r-rilevanza tad-domandi magħmula (42). Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tagħti deċiżjoni fuq domanda rrinvijata għal deċiżjoni preliminari biss jekk ikun jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (43). Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. B’hekk, minn tal-inqas, ma huwiex manifest li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ma tistax tkun rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-ewwel kreditu (44).

45.      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha għalhekk tiġi applikata skont id-Direttiva 2008/48 kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

46.      F’dan il-każ, ma tagħmilx differenza għall-analiżi jekk il-ftehim ta’ kreditu li minnu joriġina d-dejn iggarantit kienx jaqa’ ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 fl-assenza tar-regoli ta’ implementazzjoni tar-Repubblika Ċeka, u jekk id-dejn mhux iggarantit kienx ikun irregolat minn din id-direttiva. Huwa għalhekk aħjar li dawk il-kwistjonijiet jitħallew miftuħa sabiex jiġu evalwati f’każ fil-futur meta jkunu rilevanti.

47.      Insegwitu, nosserva li l-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2008/48 jinkludi lista ta’ 22 tip ta’ informazzjoni li għandu jiġi ppreċiżat fi ftehim ta’ kreditu. Huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat jekk qrati nazzjonali għandhomx jagħmlu evalwazzjoni ex officio fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn it-tipi?

48.      L-iskema leġiżlattiva tad-Direttiva 2008/48 tipprovdi li l-konsumaturi għandhom jingħataw informazzjoni kemm qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu kif ukoll fil-ftehim innifsu (45). L-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 10 (“Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”) tirrifletti d-dsatax-il tip ta’ informazzjoni speċifikat fl-Artikolu 5 (“Informazzjoni prekuntrattwali”) u l-għanijiet taż-żewġ dispożizzjonijiet huma li jiġi żgurat li l-konsumatur ikun totalment informat (46).

49.      Il-qorti tar-rinviju hawnhekk tixtieq tkun taf jekk qrati nazzjonali għandhomx jevalwaw ex officio jekk l-obbligu fl-Artikolu 10(2)(d) sabiex il-konsumatur jiġi informat bl-“ammont totali ta’ kreditu u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ġbid ta’ self” ġiex issodisfatt. Il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni tan-nuqqas tas-sellief li jipprovdi dak li l-qorti nazzjonali tiddeskrivi bħala l-informazzjoni “korretta” fir-rigward tal-ammont totali tal-kreditu? Fis-sitwazzjoni fattwali inkwistjoni, il-ftehim ta’ kreditu jistipula ammont ta’ kreditu li għandu jitħallas lil konsumatur, iżda taħt il-ftehim l-ispejjeż tas-sellief (pereżempju, miżati amministrattivi u l-ewwel pagamenti tal-interessi) għandhom jitnaqqsu mill-ammont tas-self u s-somom li jirrappreżentaw dawk l-ispejjeż fil-verità qatt ma jitpoġġew fid-dispożizzjoni tal-konsumatur. Meta l-ammont totali tal-kreditu jinkludi dawn l-ispejjeż, ir-RIPS tkun iktar baxxa minn meta dawk l-ispejjeż ikunu esklużi mill-ammont li fil-fatt jitħallas (47). Il-qorti tar-rinviju għalhekk tistaqsi hekk qrati nazzjonali għandhomx jeżaminaw ex officio n-nuqqas ta’ kreditur li jipprovdi informazzjoni fir-rigward tal-ammont totali ta’ kreditu kif jeżiġi l-Artikolu 10(2)(d).

50.      Din id-domanda għandha rilevanza partikolari sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża prinċipali: jekk il-qorti tar-rinviju ssib li l-konsumatur ma kienx informat dwar l-ammont totali ta’ kreditu, tkun tapplika rata ta’ interessi differenti u arranġamenti oħrajn jitqiesu invalidi (48).

51.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’numru ta’ drabi li qrati nazzjonali għandhom japplikaw ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur tal-Unjoni ex officio. Dan ir-rekwiżit “ġie ġġustifikat mill-kunsiderazzjoni li s-sistema ta’ protezzjoni implementata minn dawn id-direttivi hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’pożizzjoni ta’ inferjorità fir-rigward tal-bejjiegħ f’dak li jikkonċerna kemm is-setgħa ta’ nnegozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni u li jeżisti riskju mhux negliġibbli li, b’mod partikolari, b’nuqqas ta’ għarfien, il-konsumatur ma jinvokax ir-regola ta’ dritt intiża li tipproteġih” (49). Il-Qorti tal-Ġustizzja applikat dawn il-prinċipji (pereżempju) meta qieset id-dritt ta’ konsumatur li jfittex rimedji kontra min jagħti l-kreditu taħt l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 87/102/EEC (50) u fir-rigward ta’ dritt ta’ konsumatur li jirtira minn kuntratt innegozjat ’il barra minn post tan-negozju (51). Fis-sentenza Faber, (52) fejn il-kwistjoni kienet jekk inkwistjoni kienx hemm garanzija li bejjiegħ għandu jagħti lil xerrej taħt kuntratt ta’ bejgħ ta’ karozza, il-qorti nazzjonali xtaqet tkun taf jekk kellhiex teżamina ex officio l-istatus tax-xerrej bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 1999/44/EC (53), minkejja l-fatt li Froukje Faber ma kinitx ibbażat ruħha fuq dan l-istatus fil-proċeduri nazzjonali.

52.      Fl-opinjoni tiegħi, l-istess prinċipji jistgħu jiġu applikati b’mod utli fl-evalwazzjoni ta’ jekk regoli proċedurali nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jagħmlux l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Fi kliem ieħor: dawn ir-regoli nazzjonali huma kompatibbli mal-prinċipju tal-effettività? (54)

53.      Mid-deskrizzjoni mill-qorti tar-rinviju tar-regoli proċedurali li jirregolaw proċeduri nazzjonali ta’ insolvenza jidher li qrati nazzjonali ma jistgħux jevalwaw jekk ġiex issodisfat ir-rekwiżit li kredituri għandhom jipprovdu lil konsumaturi li huma debituri l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 10(2)(d). Jidher ukoll li l-koppja Radlinger innifishom ma setgħux iqajmu din il-kwistjoni.

54.      Konsumaturi għandhom bżonn l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2)(d): (i) sabiex ikunu jistgħu jevalwaw l-ammont li qegħdin iħallsu għall-kreditu; (ii) sabiex jistabbilixxu jekk jistgħux isibu offerta aħjar xi mkien ieħor; u (iii) sabiex jorganizzaw il-finanzi personali tagħhom bil-għan li jevitaw id-diżabbiltajiet u l-inkonvenjenzi li jinvolvi l-istatus ta’ falliment. Dawn l-elementi huma konformi mal-għanijiet tad-Direttiva 2008/48 li tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumatur u sabiex jinħoloq suq intern ġenwin (55). Informazzjoni dwar l-ammont totali tal-kreditu hija rilevanti għall-kalkolu tar-RIPS taħt ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur (56). Li jista’ jkun anki ta’ importanza iktar immedjata lill-konsumatur huma l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ġbid ta’ kreditu: kemm flus ser jitpoġġew fid-dispożizzjoni tiegħu taħt il-ftehim ta’ kreditu?

55.      Jekk regoli proċedurali nazzjonali jipprekludu konsumatur li sar debitur milli jqajjem in-nuqqas ta’ kreditur li jipprovdi informazzjoni skont l-Artikolu 10(2)(d), il-konsumatur jiċċaħħad mill-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2008/48.

56.      Il-kwistjoni ta’ jekk din l-informazzjoni ġietx ipproduta jew le f’din il-kawża tista’ taffettwa l-validità tal-kreditu tal-kreditur kif ukoll tal-ammont tar-responsabbiltà tad-debitur. Jekk il-qorti adita ma tistax teżamina din il-kwistjoni, hija ma tistax tiddetermina jekk il-krediti li ġejjin mill-ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur jaqgħux fi ħdan ir-regoli nazzjonali (usa’) li jimplementaw id-Direttiva 2008/48. Lanqas ma tista’ tapplika regoli nazzjonali li jimponu penalitajiet meta kreditur jonqos milli jipprovdi informazzjoni dwar l-ammont totali ta’ kreditu u l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ġbid ta’ self. Dawk ir-regoli nazzjonali jistgħu jwasslu sabiex ir-responsabbiltà tal-konsumatur tonqos jew anki tispiċċa.

57.      Minn dan isegwi li regoli proċedurali li jipprekludu qorti nazzjonali milli teżamina jekk ir-rekwiżit elenkat fl-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2008/48 ġiex issodisfat jimminaw l-effettività tal-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva. Qorti nazzjonali għandu jkollha l-possibbiltà li twettaq din l-evalwazzjoni ex officio u, fejn meħtieġ, timponi penalitajiet taħt id-dritt nazzjonali għal nuqqas ta’ konformità (57).

58.      B’hekk jiena nikkonkludi li l-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali adita bi proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward ta’ ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur għandha teżamina ex officio jekk l-informazzjoni elenkata f’din id-dispożizzjoni ġietx ipprovduta mill-kreditur lid-debitur u timponi l-penali rilevanti taħt id-dritt nazzjonali meta dan l-obbligu ma ġiex issodisfatt (58).

 Ir-raba’ domanda

59.      F’ċirkustanzi meta ftehim ta’ kreditu jistipula ammont ta’ kreditu li għandu jitħallas, iżda jkun miftiehem li l-krediti tas-sellief għal miżata and għall-ewwel pagament(i) ser jitnaqqsu minn dan l-ammont, b’mod li dawk l-ammonti fil-fatt qatt ma jitħallsu lill-konsumatur iżda jinżammu fid-dispożizzjoni tas-sellief: (i) x’inhu “l-ammont totali ta’ kreditu” għall-finijiet tal-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2008/48; (ii) x’inhuma “l-ammonti ta’ ġbid ta’ kreditu” fil-formula għall-kalkolu tar-RIPS fl-Anness I għal din id-direttiva; u (iii) l-inklużjoni ta’ dawn is-somom taffettwa dan il-kalkolu?

60.      L-“ammont totali ta’ kreditu” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(l) bħala li jfisser “[...] il-limitu massimu jew is-somom totali disponibbli taħt ftehim ta’ kreditu”. Madankollu, it-test tad-Direttiva 2008/48 ma jiddikjarax jekk din is-somma tinkludix, minbarra l-ammont tas-self li l-konsumatur fil-fatt jirċievi, spejjeż bħal miżati amministrattivi u kwalunkwe pagamenti inizjali ta’ interessi li jinżammu mis-sellief u li qatt ma jitħallsu lill-konsumatur; jew jekk tfissirx is-somma riċevuta mill-konsumatur mingħajr dawn l-ispejjeż (59).

61.      Huwa paċifiku bejn il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja u l-Polonja, li l-ammont totali ta’ kreditu jfisser dan tal-aħħar. Dawk il-partijiet jaqblu wkoll li jekk l-ammont totali ta’ kreditu minflok ikun iddefinit b’mod li tali spejjeż ikunu inklużi mal-ammont li fil-fatt jitħallas lill-konsumatur, l-effett ikun li jiġi ġġenerat RIPS li tidher iktar baxxa minn dak li kieku kien jiġi ġġenerat jekk ikun ikkalkolat abbażi biss tas-somma mħallsa lill-konsumatur mingħajr l-ispejjeż. La l-koppja Radlinger u lanqas Finway ma offrew kummenti dwar dan il-punt.

62.      Jidhirli li t-tifsira naturali tal-espressjoni “[...] is-somom totali disponibbli taħt ftehim ta’ kreditu” (60) hija “l-ammont tas-self mingħajr l-ispejjeż tas-sellief”. Dan huwa l-ammont li fil-fatt jitħallas lill-konsumatur u b’hekk imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur sabiex jużah. Din is-somma tikkorrispondi wkoll mal-ammont tal-ġbid ta’ kreditu fil-formula għall-kalkolu tar-RIPS fl-Anness I tad-Direttiva 2008/48.

63.      Tali interpretazzjoni hija konsistenti wkoll mal-iskema tad-Direttiva 2008/48 sa fejn l-Artikolu 3(h) jindika li l-“ammont totali pagabbli mill-konsumatur’ tfisser is-somma ta’ l-ammont totali tal-kreditu u l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”. Jekk l-“ammont totali tal-kreditu” jitqies li jinkludi spejjeż bħal pagamenti tal-interessi u miżati amministrattivi, dawn l-ispejjeż ikunu magħdudin darbtejn fid-determinazzjoni tal-ammont totali pagabbli mill-konsumatur – darba fid-determinazzjoni tal-“ammont totali tal-kreditu” u darba oħra fid-determinazzjoni tal-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur kif iddefinit fl-Artikolu 3(g). Dan irendi l-iskema tad-direttiva inkoerenti.

64.      L-ispejjeż li konsumatur jista’ jintalab iħallas taħt ftehim ta’ kreditu jistgħu jvarjaw fin-natura tagħhom u jistgħu jiġu kkalkolati minn kredituri li jużaw metodi u varjabbli differenti (61). Jekk dawn kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tar-RIPS, l-għanijiet tad-Direttiva 2008/48 li jiġu żgurati t-trasparenza u l-komparabbiltà fir-rigward tal-offerti għall-kreditu jistgħu jiġu mminati. Meta l-ispejjeż ma humiex ikkalkolati b’riferiment għal regoli uniformi, l-inklużjoni ta’ spejjeż fl-“ammont totali tal-kreditu” tagħmel paragun realistiku diffiċli jekk mhux impossibbli. Tali spejjeż għandhom għalhekk ikunu esklużi mill-kalkolu tar-RIPS sabiex, preċiżament, jiġu żgurati t-trasparenza u l-komparabbiltà.

65.      Finalment, jiena nenfasizza li d-Direttiva 2008/48 hija miżura ta’ armonizzazzjoni kompleta (62). Huwa għalhekk meħtieġ li “l-ammont totali tal-kreditu” u s-somom inklużi fil-ġbid ta’ kreditu għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-formula fl-Anness I ikunu interpretati bl-istess mod fl-Istati Membri kollha.

66.      B’hekk jiena nqis li “l-ammont totali tal-kreditu” fl-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2008/48 jirreferi għas-somom li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-konsumatur taħt ftehim ta’ kreditu fis-sens tal-Artikolu 3(l), jiġifieri s-somom li fil-fatt jitħallsu mis-sellief lill-konsumatur u b’hekk imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-konsumatur għall-użu tiegħu, mingħajr ebda spejjeż dovuti lill-kreditur. Il-ġbid ta’ kreditu fil-formula għall-finijiet tal-kalkolu tar-RIPS fl-Anness I ta’ din id-direttiva huwa l-istess bħall-ammont totali tal-kreditu.

 It-tielet domanda

67.      Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 u d-Direttiva 2008/48 għandhomx effett dirett, meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-fatt li l-proċeduri fil-kawża prinċipali jirrigwardaw tilwima “orizzontali” bejn individwi.

68.      Jidhirli li, strettament, din id-domanda hija irrilevanti.

69.      Id-dispożizzjonijiet taż-żewġ direttivi ġew trasposti fid-dritt nazzjonali. B’hekk l-ebda parti fil-kawża prinċipali ma għandha bżonn tibbaża ruħha fuqhom direttament.

70.      Peress li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija bejn konsumatur u fornitur, l-ebda waħda mill-partijiet ma tista’ tibbaża ruħha fuq l-effett dirett tad-Direttiva 93/13 jew tad-Direttiva 2008/48. Hija madankollu ġurisprudenza stabbilita li qorti nazzjonali li tkun qed tisma’ tilwima bejn individwi għandha, meta tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, tikkunsidra r-regoli tad-dritt nazzjonali fit-totalità tagħhom u tinterpretahom, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tal-formulazzjoni u l-għan tad-direttiva applikabbli sabiex jintlaħaq riżultat konsistenti mal-għan imfittex minn din id-direttiva (63).

 Il-ħames u s-sitt domanda

71.      Permezz tal-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar it-tifsira tal-punt 1(e) fl-Anness tad-Direttiva 93/13. Fis-sitt domanda hija tistaqsi jekk penalitajiet kuntrattwali, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, humiex inġusti għall-finijiet ta’ din id-direttiva u, jekk dan huwa l-każ, jekk il-qrati nazzjonali għandhomx jeskludu l-applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli kollha jew ta’ wħud minnhom biss. Jiena ser nitratta ż-żewġ domandi flimkien.

72.      Skont il-punt 1(e) fl-Anness tad-Direttiva 93/13, klawżoli li għandhom il-għan jew l-effett li jirrikjedu li kwalunkwe konsumatur li jonqos milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jħallas somma għolja b’mod sproporzjonat f’kumpens huma inġusti għall-finijiet tad-direttiva u għalhekk, skont l-Artikolu 6(1), ma għandhomx ikunu vinkolanti.

73.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 jiddefinixxu l-kriterji ġenerali ta’ jekk klawżoli kuntrattwali fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva humiex inġusti. B’din il-bażi leġiżlattiva, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw jekk klawżola partikolari hijiex inġusta għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) (64). Kriterji rilevanti għal din l-analiżi hawnhekk jinkludu s-saħħa relattiva tal-kumpannija finanzjarja meta mqabbla mal-pożizzjoni ta’ negozjar tal-konsumatur u jekk il-klawżoli penali kinux klawżoli standard imfassla minn qabel li ma kinux innegozjati mal-koppja Radlinger, b’mod li huma ma kellhom ebda influwenza fuqhom (65).

74.      Għandu jiġi evalwat l-effett kumulattiv ta’ dawn il-klawżoli kollha fil-ftehim ta’ kreditu, peress li huma japplikaw sakemm ma jkunux suġġetti għal kontestazzjoni legali li tirnexxi. (Madankollu, il-konsumatur jista’ ma jkunx jaf li huwa jista’ jikkontesta tali klawżoli jew ma jkunx jista’ jagħmel dan għal raġunijiet ta’ spejjeż jew għaliex ikun prekluż minn regoli proċedurali nazzjonali).

75.      It-tieni parti tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 espressament tipprovdi li kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ikomplu jorbtu lill-partijiet “fuq dawn il-klawżoli” jekk dan il-kuntratt jista’ jkompli jeżisti “mingħajr il-klawżoli inġusti”. B’hekk, “[i]l-qrati nazzjonali huma obbligati li jeliminaw l-applikazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali inġusta bil-għan li dawn ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, mingħajr ma huma awtorizzati jirrevedu l-kontenut ta’ din tal-aħħar” (66). Minn dan isegwi li meta klawżoli penali huma inġusti fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, qrati nazzjonali għandhom jeskludu dawn il-klawżoli kollha u mhux biss ftit minnhom.

76.      Minħabba n-natura u s-sinjifikat tal-interess pubbliku li jikkostitwixxi l-bażi tal-protezzjoni mogħtija lil konsumaturi taħt id-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jipprovdu mezzi xierqa u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” (Artikolu 7(1)). Kieku l-qrati nazzjonali setgħu jirrevedu l-kontenut tal-klawżoli inġusti inklużi f’tali kuntratti, dan ikun jista’ (paradossalment) jikkomprometti li jintlaħaq il-għan fuq żmien twil tal-Artikolu 7, “peress li timmina l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew fornituri bil-pur u sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-konsumaturi ta’ tali klawżoli inġusti” (67).

77.      Jekk qorti nazzjonali tkun sabet li l-klawżoli penali huma inġusti għall-finijiet tal-punt 1(e) tal-Anness tad-Direttiva 93/13, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat l-effett kumulattiv ta’ dawn il-klawżoli kollha fi ftehim iktar milli tkun ristretta l-evalwazzjoni għal dawk li s-sellief jinsisti għandhom jiġu ssodisfatti jew jiġu injorati dawk ikkunsidrati invalidi taħt id-dritt nazzjonali?

78.      Fl-opinjoni tiegħi, għandu jiġi kkunsidrat l-effett kumulattiv tal-klawżoli penali.

79.      L-ewwel nett, din il-pożizzjoni hija konsistenti mal-għanijiet tad-Direttiva 93/13, li jinkludu li tiġi eradikata l-prattika ta’ inklużjoni ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur u li jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu protetti mill-abbuż minn bejjiegħa jew fornituri li jgawdu minn pożizzjoni ta’ negozjar iktar b’saħħitha meta kkomparati mal-konsumatur (68). It-tieni nett, huwa konsistenti mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 li l-applikazzjoni ta’ tali klawżoli għandha tiġi injorata fit-totalità tagħhom sabiex tiskoraġġixxi lil bejjiegħa jew fornituri u b’mod partikolari kredituri fil-qasam politikament u ekonomikament sensittiv ta’ kreditu lill-konsumatur milli jinkludu klawżoli ta’ din in-natura fi ftehimiet ta’ kreditu. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta tali klawżoli jinsabu fi klawżoli standard li ma jkunux ġew innegozjati.

80.      B’hekk jiena nikkonkludi li, għall-finijiet tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13 u tal-punt 1(e) tal-Anness tagħha, huwa neċessarju li l-qorti tar-rinviju tqis jekk l-effett kumulattiv tal-klawżoli penali kollha fi ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur jeħtieġx mill-konsumatur li jħallas somma għolja b’mod disproporzjonat bħala kumpens, anki meta s-sellief ma jinsistix li dawn il-klawżoli kollha għandhom jiġu ssodisfatti fit-totalità tagħhom, jew meta ċerti klawżoli penali jitqiesu li huma invalidi taħt id-dritt nazzjonali. Meta tali klawżoli jinstabu li huma inġusti, għandha tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli kollha fit-totalità tagħhom għall-konsumatur.

 Konklużjoni

81.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Krajský soud v Praze (qorti reġjonali ta’ Praga) b’dan il-mod:

–        Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regoli proċedurali nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali li: (i) jipprekludu qorti ta’ insolvenza meta tiddeċiedi dwar rikors inċidentali sabiex teżamina ex officio l-validità, l-ammont jew il-gradazzjoni ta’ krediti infurzabbli mhux iggarantiti li jirriżultaw minn ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur; (ii) jipprekludu tali qorti milli teżamina ex officio l-leġittimità ta’ kreditu ggarantit; u (iii) jagħmluha impossibbli u/jew eċċessivament diffiċli għal konsumatur li huwa debitur sabiex jikkontesta kreditu infurzabbli mhux iggarantit, meta tali krediti jkunu ġejjin minn ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur, minkejja li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-proċeduri ta’ insolvenza għandha l-elementi legali u fattwali neċessarji għal dan ir-rwol għad-dispożizzjoni tagħha.

–        L-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2008/48/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali adita bi proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward ta’ ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur għandha teżamina ex officio jekk l-informazzjoni elenkata f’din id-dispożizzjoni ġietx ipprovduta mill-kreditur lid-debitur u timponi l-penali rilevanti taħt id-dritt nazzjonali meta dan l-obbligu ma ġiex issodisfatt.

–        “[L]-ammont totali tal-kreditu” fl-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2008/48 għandu jinftiehem bħala li jirreferi għas-somom li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-konsumatur taħt ftehim ta’ kreditu fis-sens tal-Artikolu 3(l), jiġifieri s-somom li fil-fatt jitħallsu mis-sellief lill-konsumatur u b’hekk jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-konsumatur għall-użu tiegħu, mingħajr ebda spejjeż dovuti lill-kreditur. Il-ġbid ta’ kreditu fil-formula għall-finijiet tal-kalkolu tar-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena fl-Anness I ta’ din id-direttiva huwa l-istess bħall-ammont totali tal-kreditu.

–        Il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk l-effett kumulattiv tal-klawżoli penali fi ftehim ta’ kreditu jeħtieġx mill-konsumatur li jħallas somma għolja b’mod disproporzjonat bħala kumpens għall-finijiet tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13 u l-punt 1(e) tal-Anness tagħha, anki meta s-sellief ma jinsistix li dawn il-klawżoli kollha għandhom jiġu ssodisfatti fit-totalità tagħhom, jew meta ċerti klawżoli penali jitqiesu li huma invalidi taħt id-dritt nazzjonali. Meta tali klawżoli jinstabu li huma inġusti, għandha tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli kollha fit-totalità tagħhom għall-konsumatur.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Nifhem li l-espressjoni “rikors inċidentali” fid-dritt Ċek tfisser rikors magħmul matul proċeduri ta’ insolvenza li għandu jiġi ddeterminat minn qorti fil-kuntest ta’ dawk il-proċeduri.


3 – Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).


4 – Direttiva 2008/48/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p. 66).


5 – Artikolu 1(1).


6 – Ir-raba’ u d-disa’ premessa fil-preambolu tad-Direttiva 93/13.


7 – Artikolu 3(1).


8 – Artikolu 3(2).


9 – Artikolu 3(3).


10 – Punt 1(e) tal-Anness.


11 – Artikolu 4(1).


12 – Artikolu 6(1).


13 – Artikolu 7(1).


14 – Id-Direttiva 2008/48 kienet sussegwentement emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/90/UE, tal-14 ta’ Novembru 2011, li temenda Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2008/48/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jipprovdi assunzjonijiet addizzjonali għall-kalkolu tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta (ĠU L 296, p. 35). Madankollu, id-Direttiva 2011/90 daħlet fis-seħħ wara d-data li fiha ġie konkluż il-ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur.


15 – Artikolu 1.


16 – Premessi 6 u 7.


17 – Premessa 9.


18 – Premessi 19 u 31.


19 – Artikolu 2(1).


20 – Artikolu 2(2)(a).


21 –      L-Artikolu 19(1) jipprovdi li r-RIPS għandha tiġi kkalkolata skont il-formula mniżżla fil-Parti I tal-Anness I. L-Artikolu 19(2) jiddikjara li, għall-finijiet tal-kalkolu tar-RIPS meta tiġi ddeterminata l-ispiża totali tal-kreditu, ċerti spejjeż pagabbli mill-konsumatur għandhom jiġu esklużi filwaqt li ċerti spejjeż għandhom jiġu inklużi. Id-dettalji ta’ dawn il-ħlasijiet u spejjeż ma humiex rilevanti għal dan il-każ u għalhekk ma semmejthomx hawnhekk.


22 – Artikolu 10(1).


23 – Artikolu 10(2)(d). It-terminu “ġbid ta’ self” ma huwiex iddefinit fid-Direttiva 2008/48. Id-definizzjoni fix-Shorter Oxford English Dictionary tinkludi “Att ta’ ġbir ta’ flus permezz ta’ self; self” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ġieli jinftiehem ukoll bħala li jirreferi għal sitwazzjoni meta self isir disponibbli u l-persuna li tissellef taċċedi għall-fondi f’numru ta’ porzjonijiet.


24 – Artikolu 22(1) u (2).


25 – Artikolu 23.


26 – Dan it-tip ta’ kreditu huwa ttrattat bl-istess mod bħallikieku l-kreditu kien ikkontestat mill-amministratur ta’ proċedura ta’ falliment (paragrafu 410(2) u (3) tal-Liġi Nru 182/2006 dwar l-insolvenza u l-modi tar-riżoluzzjoni tagħha, kif emendat bil-Liġi Nru 185/2013 “Il-Liġi dwar l-Insolvenza”).


27 – Paragrafu 160(4) tal-Liġi dwar l-Insolvenza.


28 – Paragrafu 6(1) tal-Liġi Nru 145/2010 dwar kreditu lill-konsumaturi u l-Anness 3 għal din il-liġi.


29 – Paragrafu 8 tal-Liġi dwar kreditu lill-konsumatur.


30 – Paragrafi 55(2) u 56 tal-Kodiċi Ċivili.


31 – Indikajt l-ekwivalenti approssimattiv f’euro fir-rata ta’ kambju kurrenti. Bl-aritmetika tiegħi, hemm diffikultà żgħira b’dan il-kalkolu. Jekk il-ftehim kien biex jitħallsu lura 120 × CZK 24 375, allura t-total tal-ħlasijiet lura kien jammonta għal CZK 2 925 000, u għalhekk ma kienx jinkludi l-CZK 33 000 (EUR 1 219).


32 – Nirreferi għall-punti (ii) (iii) u (iv) bħala l-“ispejjeż assoċjati” tas-self.


33 – Hija l-qorti tar-rinviju, bħala l-qorti unika li tiddeċiedi fuq il-fatti, li għandha tivverifika l-kalkolu tar-RIPS. Bl-ammonti indikati fid-deċiżjoni tar-rinviju u d-definizzjonijiet fl-Artikolu 3(g), (h), (i) u (l) tad-Direttiva 2008/48, ma nistax nifhem kif wieħed jasal għal RIPS ta’ 28.9 %.


34 – Jiena nirreferi għal dawn l-ammonti f’daqqa bħala “l-penalitajiet kuntrattwali”.


35 – Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw ir-regoli proċedurali jew il-kundizzjonijiet li jirregolaw azzjonijiet legali intiżi li jiżguraw il-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali nazzjonali). Dan il-prinċipju huwa suġġett għall-kundizzjoni li tali regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet nazzjonali simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jagħmluhiex eċċessivament diffiċli sabiex jiġu eżerċitati d-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività); ara, pereżempju, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C-618/10, EU:C:2012:349, punt 46) u tal-1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C-32/14, EU:C:2015:637, punt 51).


36 – Ara l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13. Ara wkoll id-digriet f’Pohotovost’ (C‑76/10, EU:C:2010:685, punt 41).


37 – Ara, iktar reċentement, is-sentenza Faber (C-497/13, EU:C:2015:357, punt 43) u l-ġurisprudenza ċċitata. Fil-konklużjonijiet tiegħi f’dan il-każ, jiena ssuġġerejt formulazzjoni ftit differenti għal din: “[...] jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-irwol ta’ dispożizzjoni partikolari fi proċedura u l-iżvolġiment u l-partikolaritajiet speċjali ta’ din il-proċedura, meqjusa fit-totalità tagħhom, quddiem il-korpi nazzjonali [...]”. Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston f’Faber (C-497/13, EU:C:2014:2403, punt 59).


38 – Ara s-sentenza Asturcom Telecommunicaciones, C-40/08, EU:C:2009:615, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.


39 – Ara l-punti 12 sa 14 iktar ’il fuq.


40 – Ara l-Artikolu 3(1) moqri flimkien mal-punt 1(1)(e) fl-Anness I tad-Direttiva 93/13.


41 – Ara l-premessa 10 fil-preambolu tad-Direttiva 2008/48, iċċitata fil-punt 6 iktar ’il fuq, u s-sentenza SC Volksbank România (C-602/10, EU:C:2012:443, punti 40 sa 43).


42 – Is-sentenza SC Volksbank România (C-602/10, EU:C:2012:443, punt 48).


43 – Is-sentenza SC Volksbank România (C-602/10, EU:C:2012:443, punt 49).


44 – Is-sentenza SC Volksbank România (C-602/10, EU:C:2012:443, punt 50), u d-digriet Pohotovost’ (C-76/10, EU:C:2010:685, punti 33 sa 35).


45 – Ara l-punt 9 iktar ’il fuq.


46 – Ara l-premessi 19 u 31 fil-preambolu tad-Direttiva 2008/48.


47 – Ara l-punt 59 et seq iktar ’l isfel fejn nikkunsidra r-raba’ domanda.


48 – Ara l-punt 16 iktar ’il fuq.


49 – Ara s-sentenza Faber (C-497/13 EU:C:2015:357), punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.


50 – Direttiva tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 1986, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326). Ara wkoll is-sentenza Rampion u Godard ( C‑429/05, EU:C:2007:575, punti 60 sa 65).


51 – Ara s-sentenza Martín Martín (C‑227/08, EU:C:2009:792).


52 – Ara s-sentenzi Banco Español de Crédito (C-618/10, EU:C:2012:349, punti 45 sa 57) u Faber (C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 46).


53 – Tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223).


54 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 35 iktar ’il fuq.


55 – Ara l-premessi 6, 7, 8 u 9 fil-preambolu tad-Direttiva 2008/48.


56 – Ir-RIPS hija ddefinita bħala l-ispiża totali ta’ kreditu espressa bħala perċentwali annwali ta’ dan l-ammont; ara wkoll l-Artikolu 3(i) tad-Direttiva 2008/48.


57 – Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-penalitajiet humiex effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-finijiet tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48. Mill-informazzjoni fil-punt 16 iktar ’il fuq, jidher li dan huwa l-każ.


58 – Ara s-sentenza Kušionová (C-34/13, EU:C:2014:2189, punt 59) u l-ġurisprudenza ċċitata.


59 – Il-Kummissjoni tipprovdi illustrazzjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 12 fil-paġna 11 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Linji gwida fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48/KE (Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur) dwar spejjeż u r-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena” SWD(2012) 128 finali (iktar 'il quddiem “Il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48/KE”). Kreditur jipprovdi EUR 5 000 iżda jinftiehem mal-konsumatur li spejjeż li jammontaw għal EUR 100 għandhom jitħallsu minn dan it-total u mhux mir-riżorsi l-oħrajn tal-konsumatur. Il-konsumatur għalhekk jista’ juża EUR 5 000 nieqes EUR 100 = EUR 4 900. Il-Kummissjoni tikkunsidra din l-aħħar somma bħala l-ammont totali ta’ kreditu ddefinit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/48.


60 – Enfasi magħmula minni.


61 – Ara l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48/KE, p. 5.


62 – Ara l-premessa 9.


63 – Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fis-sentenza Rampion u Godard, C‑429/05, EU:C:2007:199, punti 31 sa 33, u s-sentenza Faber, C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 33.


64 – Ara s-sentenza Asbeek Brusse u de Man Garabito (C-488/11, EU:C:2013:341, punt 55) u l-ġurisprudenza ċċitata.


65 – Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13; ara wkoll id-digriet Pohotovost’ (C‑76/10, EU:C:2010:685, punti 57 sa 59).


66 – Ara s-sentenza Asbeek Brusse u de Man Garabito (C‑488/11, EU:C:2013:341, punti 56 u 57) u l-ġurisprudenza ċċitata.


67 – Ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013 Asbeek Brusse u de Man Garabito (C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 58).


68 – Ara l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 6(1); ara wkoll ir-raba’ u d-disa’ premessa fil-preambolu tad-Direttiva 93/13.