Language of document : ECLI:EU:C:2022:1031

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

22 ta’ Diċembru 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Direttiva 92/83/KEE – Armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku – Dazji tas-sisa – Alkoħol etiliku – Eżenzjonijiet – Artikolu 27(1)(e) – Produzzjoni ta’ ħwawar użati fil-preparazzjoni ta’ prodotti tal-ikel u ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum – Kamp ta’ applikazzjoni – Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività”

Fil-Kawża C‑332/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura

Quadrant Amroq Beverages SRL

vs

Agenţia Naţională de Administrare Fiscală ‐ Direcţia Generală de Administrare a Marilor Contribuabili,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Quadrant Amroq Beverages SRL, minn D.‑D. Dascălu, avocat,

–        għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u A. Rotăreanu, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, A. Joyce u M. Tierney, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u C. Perrin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206), kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Quadrant Amroq Beverages SRL u l-Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală a Marilor Contribuabili (l-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni Fiskali Nazzjonali ‐ id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Kontribwenti l-Kbar, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“awtorità fiskali kompetenti”) dwar ir-rimbors ta’ dazji tas-sisa li din il-kumpannija ħallset fuq l-alkoħol etiliku.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 92/83

3        It-tnejn u għoxrin premessa tad-Direttiva 92/83 tistipula:

“Billi l-Istati Membri m’għandhomx jiċċaħħdu mill-mezzi għall-ġlieda kontra xi evażjoni, ħelsien jew abbuż li jista’ jirriżulta f’dak li jirrigwarda eżenzjonijiet”.

4        L‑Artikolu 19(1) ta’ din id‑direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom japplikaw taxxa tas-sisa lil alkoħol etiliku skond din id-Direttiva.”

5        L-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva l-‘alkoħol etiliku’ jkopri:

–        il-prodotti kollha b’qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l‑1,2 % volum u li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2207 u 2208, anki fejn dawn il-prodotti jifformaw parti ta’ prodott li jaqa’ taħt Kapitolu ieħor tan-[Nomenklatura Magħquda, li jinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1754 tas‑6 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 285, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 288, p. 16) (iktar ’il quddiem in-‘NM’)]”.

6        L-Artikolu 27(1)(e) u (2)(d) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      “L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti koperti b’din id-Direttiva mis-sisa armonizzata taħt il-kondizzjonijiet li għandhom jistipulaw għall-iskop li tkun assigurata l-aplikazzjoni korretta u ħafifa ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li tkun ipprevenuta xi evażjoni, ħelsien jew abbuż:

[…]

(e)      meta użat għall-produzzjoni ta’ essenzi għall-preparazzjonijiet ta’ l-ikel u tax-xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1,2 % vol.;

[…]

2.      L-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-prodotti koperti b’din id-Direttiva mit-taxxa tas-sisa armonizzata taħt kondizzjonijiet li huma għandhom jistipulaw bl-iskop li jassiguraw l-applikazzjoni korretta u faċli ta’ dawn l-eżenzjonijiet u tal-prevenzjoni ta’ kull evażjoni, ħelsien jew abbuż, meta użati:

[…]

(d)      fi proċess ta’ manifattura sakemm il-prodott finali ma jkollux l-alkoħol”.

 IdDirettiva 92/12/KEE

7        L-Artikolu 24 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 39), kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 807/2003 tal‑14 ta’ April 2003 (ĠU 2003, L 122, p. 36), kien jiddisponi:

“1.      Il-Kummissjoni [Ewropea] għandha tkun assistita minn kumitat imsejjaħ il-‘Kumitat tad-Dazji tas-Sisa’.

[…]

4.      B’żieda mal-miżuri riferiti fil-paragrafu 2, il-Kumitat għandu jeżamina l-materji mqajma mill-president tiegħu, jew fuq l-inizjativa tiegħu nnifsu jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru, li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet Komunitarji dwar id-dazji tas-sisa.

[…]”

 IdDirettiva 2008/118/KE

8        Il-premessa 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12), tistipula:

“Il-kondizzjonijiet għall-ħlas tad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti koperti mid-Direttiva 92/12/KEE, minn hawn ‘il quddiem imsejħa ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’, jeħtieġ li jibqgħu armonizzati sabiex jiġi żgurat it-tħaddim xieraq tas-suq intern.”

9        L-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2008/118 jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ‘il quddiem ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’):

[…]

(b)      alkoħol u xorb alkoħoliku koperti mid-Direttivi [92/83] u 92/84/KEE [tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 213)]”.

10      Skont il-punti 1 u 9 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/118:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva kif ukoll tad-dispożizzjonijiet implimentattivi tagħha, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘magazzinier awtorizzat’, tfisser persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li, fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħha, tipproduċi, tipproċessa, iżżomm, tirċievi jew tibgħat prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju f’maħżen tat-taxxa;

[…]

(9)      ‘destinatarju reġistrat’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħha u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dawk l-awtoritajiet, li tirċievi prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jkunu qegħdin jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa, li joriġinaw minn Stat Membru ieħor”.

11      L-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Id-dazju tas-sisa għandu jsir imponibbli fil-ħin, u fl-Istat Membru, tar-rilaxx għall-konsum.

2.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ir-‘rilaxx għall-konsum’ għandu jfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)      it-tluq ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż it-tluq irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

(b)      iż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa barra minn arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju fejn id-dazju tas-sisa ma jkunx inġabar skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt Komunitarju u l-leġislazzjoni nazzjonali;

(ċ)      il-produzzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluża l-produzzjoni irregolari, barra minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

(d)      l-importazzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż l-importazzjoni irregolari, sakemm il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ma jitqegħdux, immedjatament mal-importazzjoni, taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.”

 InNM

12      Il-Kapitolu 22 tan-NM jinkludi l-intestaturi 2207 u 2208, li huma fformulati kif ġej:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

[…]

[…]

2207

Alkoħol etiliku mhux żnaturat b’saħħa alkoħolika bil-volum ta’ 80 % vol jew aktar; alkoħol etiliku u spirti oħrajn, żnaturati, ta’ kull saħħa

[…]

[…]

2208

Alkoħol etiliku mhux żnaturat b’saħħa alkoħolika bil-volum ta’ inqas minn 80 % vol; spirti, likuri u xorb ieħor spirituż


13      Il-Kapitolu 33 tan-NM jinkludi l-intestatura segwenti:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

[…]

[…]

3302

Taħlit ta’ sustanzi li jfuħu u taħlit (inklużi soluzzjonijiet alkoħoliċi) b’bażi ta’ waħda jew aktar minn dawn is-sustanzi, ta’ tip użati bħala materja prima fl-industrija; preparazzjonijiet oħrajn ibbażati fuq sustanzi li jfuħu, ta’ tip użati għall-manifattura tax-xorb

[…]

[…]

 IlLinji gwida adottati fillaqgħa tat12, tat13 u tal14 ta’ Novembru 2003

14      Skont il-punt 1 tad-dokument tal-Kumitat dwar id-Dazji tas-Sisa intitolat “Linji gwida adottati fil-laqgħa tat‑12, tat‑13, u tal‑14 ta’ Novembru 2003” (Dokument CED Nru 458 tad‑19 ta’ Novembru 2003), “[i]d-delegazzjonijiet jaċċettaw kważi b’mod unanimu li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva [92/83] tapplika sa mill-produzzjoni jew mill-importazzjoni tal-essenzi aromatiċi tal-Kodiċijiet NM 1302 1930, 2106 9020 u 3302, hekk kif fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ [dawn] il-linj[i] gwida” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Iddritt Rumen

15      L-Artikolu 20658(1)(e) tal-Legea nr. 571/2003 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 571/2003 dwar il-Kodiċi Fiskali) tat‑22 ta’ Diċembru 2003 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 927 tat‑23 ta’ Diċembru 2003, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Fiskali tal‑2003”), fis-seħħ sal‑31 ta’ Diċembru 2015, kien jiddisponi:

“L-alkoħol etiliku u l-prodotti alkoħoliċi l-oħra msemmija fl-Artikolu 2062(a) huma eżentati mid-dazju tas-sisa meta dawn ikunu:

[…]

(e)      użati għall-produzzjoni ta’ ħwawar tal-ikel maħsuba għall-preparazzjoni ta’ ikel jew ta’ xorb mhux alkoħoliku b’kontenut alkoħoliku li ma jaqbiżx il‑1.2 % fil-volum”.

16      Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ġiet riprodotta fl-Artikolu 397(1) tal-Legea nr. 227/2015 privind codul fiscal (il-Liġi Nru 227/2015 dwar il-Kodiċi Fiskali) tat‑8 ta’ Settembru 2015 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 688 tal‑10 ta’ Settembru 2015, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Fiskali tal‑2015”), li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2016.

17      Ir-regoli metodoloġiċi applikabbli għall-Artikolu 20658 tal-Kodiċi Fiskali tal‑2003 kienu jipprovdu:

“[…]

13.      Fil-każijiet kollha msemmija fl-Artikolu 20658(1) tal-Kodiċi Fiskali [tal‑2003], l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa tingħata biss lill-utent, bil-kundizzjoni li l-kunsinna ssir direttament minn maħżen tat-taxxa.

14.      Meta utent jagħmel xiri intra-Komunitarju ta’ alkoħol etiliku sabiex jużah għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 20658(1)(b) sa (i) tal-Kodiċi Fiskali [tal‑2003], dan l-utent għandu wkoll ikun destinatarju rreġistrat.

[…]

16.      Eżenzjoni għandha tingħata direttament:

(a)      fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20658(1)(d), (f), (g) u (h) tal-Kodiċi Fiskali [tal‑2003];

(b)      fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20658(1)(a), (b), (c) u (e) tal-Kodiċi Fiskali [tal‑2003], għall-magazziniera awtorizzati li joperaw fi ħdan sistema integrata. ‘Sistema integrata’ tfisser l-użu tal-alkoħol etiliku u prodotti alkoħoliċi oħra minn magazziniera għall-produzzjoni ta’ prodotti lesti maħsuba għall-konsum bħala tali, mingħajr ma jkunu suġġetti għal iktar bidliet.

[…]

17.      Fil-każijiet kollha li jinvolvu eżenzjoni diretta, l-eżenzjoni għandha tingħata fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni tal-utenti finali. Din l-awtorizzazzjoni għandha tingħata lill-utenti kollha li jixtru prodotti eżentati mid-dazju tas-sisa.

[…]

34.      Fil-każijiet kollha ta’ eżenzjoni diretta, il-prezzijiet għall-kunsinna tal-prodotti ma għandhomx jinkludu d-dazju tas-sisa u ċ-ċirkulazzjoni tagħhom għandha tkun akkumpanjata minn kopja stampata tad-dokument amministrattiv elettroniku msemmi fil-punt 91.

[…]

37.      Fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20658(1)(a), (b), (c), (e) u (i) tal-Kodiċi Fiskali [tal‑2003], għandha tingħata eżenzjoni indirettament. Il-prezzijiet tal-kunsinna tal-prodotti għandhom jinkludu d-dazju tas-sisa, u li wara ssir il-kunsinna l-operaturi ekonomiċi li huma utenti jistgħu jitolbu kumpens jew rimbors tad-dazju tas-sisa skont id-dispożizzjonijiet tal-Codul de procedură fiscală [(il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali)].

38.      Għar-rimbors tad-dazju tas-sisa, l-utenti għandhom jippreżentaw lill-awtorità fiskali territorjali, fuq bażi mensili, mhux iktar tard mill-ħamsa u għoxrin jum tax-xahar ta’ wara dak li għalih ikun intalab ir-rimbors, talba għal rimbors tad-dazju tas-sisa, flimkien ma’:

(a)      kopja tal-fattura għax-xiri ta’ alkoħol etiliku u/jew ta’ prodott alkoħoliku ieħor, fejn id-dazju tas-sisa huwa enfasizzat separatament;

(b)      il-prova tal-ħlas tad-dazju tas-sisa lill-fornitur, jiġifieri dokument ta’ ħlas ikkonfermat mill-bank li l-utent fetaħ kont miegħu;

(c)      prova tal-kwantità użata għall-għan li għalih ingħatat l-eżenzjoni, jiġifieri sommarju tal-kwantitajiet attwalment użati u d-dokumenti relatati.”

18      Ir-regoli metodoloġiċi applikabbli għall-Artikolu 397 tal-Kodiċi Fiskali tal‑2015 jipprevedu:

“[…]

81.      1.      F’sitwazzjonijiet li jinvolvu eżenzjoni diretta, għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 397(1) tal-Kodiċi Fiskali [tal‑2015], l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għandha tingħata biss lill-utent, bil-kundizzjoni li l-kunsinna ssir direttament minn maħżen tat-taxxa, mix-xiri intra-Komunitarju tal-utent innifsu jew mit-tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni tal-utent innifsu.

2.      F’sitwazzjonijiet li jinvolvu eżenzjoni indiretta, għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 397(1) tal-Kodiċi Fiskali [tal‑2015], l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għandha tingħata biss lill-utent, bil-kundizzjoni li l-kunsinna ssir direttament minn maħżen tat-taxxa, minn destinatarju rreġistrat jew mit-tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni tal-utent innifsu. Destinatarju rreġistrat li jikkunsinna prodotti maħsuba sabiex jintużaw għal għan eżentat mid-dazju tas-sisa għandu jenfasizza, fil-fattura, il-valur ekwivalenti għad-dazju tas-sisa mħallas għall-baġit tal-Istat.

3.      Meta utent jagħmel xiri intra-Komunitarju ta’ alkoħol etiliku sabiex jintuża għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 397(1)(b) sa (i) tal-Kodiċi Fiskali [tal‑2015], dan l-utent għandu wkoll ikun destinatarju rreġistrat.

4.      Meta l-alkoħol etiliku jiġi importat minn pajjiż terz sabiex jintuża għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 397(1)(b) sa (i) tal-Kodiċi Fiskali [tal‑2015], l-importatur għandu wkoll ikun utent tal-materja prima.

82.      1.      Eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għandha tingħata direttament:

(a)      fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 397(1)(d) u (f) tal-Kodiċi Fiskali [tal‑2015];

(b)      fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 397(1)(b) tal-Kodiċi Fiskali [tal‑2015], għall-produzzjoni ta’ alkoħol sanitarju biss;

(c)      fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 397(1)(a), (c) u (e) tal-Kodiċi Fiskali [tal‑2015].

2.      Huma biss il-magazziniera awtorizzati li joperaw fi ħdan sistema integrata li għandhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni diretta msemmija fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1. ‘Sistema integrata’ tfisser l-użu ta’ alkoħol etiliku u prodotti oħra alkoħoliċi, fil-maħżen tat-taxxa li fih ġew prodotti dawn il-prodotti, għall-produzzjoni ta’ prodotti lesti li għandhom jiġu kkunsmati bħala tali, mingħajr ma jiġu suġġetti għal ebda tibdil ulterjuri.

3.      Fis-sitwazzjonijiet kollha li jinvolvu eżenzjoni diretta, l-eżenzjoni għandha tingħata fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni tal-utent finali.”

 Iddritt Irlandiż

19      L-Artikolu 77(a)(iii) tal-Finance Act 2003 (il-Liġi dwar il-Finanzi tal‑2003) jittrasponi l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 fl-ordinament ġuridiku Irlandiż. Huwa jiddisponi dan li ġej:

“Bla ħsara għal kull tnaqqis ieħor mid-dazju tas-sisa li jista’ japplika, u taħt il-kundizzjonijiet li l-Kummissarji [(l-Amministrazzjoni Fiskali, l-Irlanda)] jistgħu jippreskrivu jew jimponu b’xi mod ieħor, għandu jingħata tnaqqis mit-taxxa fuq il-prodotti alkoħoliċi għall-prodotti alkoħoliċi kollha li jintwerew għas-sodisfazzjon tal-Kummissarji [(l-Amministrazzjoni Fiskali)]:

(a)      li huma maħsuba għall-użu jew ikunu ntużaw għall-produzzjoni ta’ –

[…]

(iii)      ħwawar għall-preparazzjoni ta’ ikel jew ta’ xorb li ma jeċċedix il‑1.2 % fil-vol.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

20      Concentrate Manufacturing Company Ireland Ltd (iktar ’il quddiem “CMCI”) hija sussidjarja Irlandiża ta’ PepsiCo, kumpannija multinazzjonali li tipproduċi ikel u xorb. CMCI tuża 100 % alkoħol etiliku mhux żnaturat, li jaqa’ taħt l-intestatura 2207 tan-NM, sabiex tipproduċi l-ħwawar, li jaqgħu taħt l-intestatura 3302 tan-NM. Dawn il-ħwawar għandhom qawwa alkoħolika effettiva skont il-volum li teċċedi l‑1.2 % u huma użati fil-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku.

21      CMCI tipproduċi l-imsemmija ħwawar fl-Irlanda u tbigħhom lil sussidjarja Irlandiża oħra ta’ PepsiCo, Pepsi Cola International Cork (iktar ’il quddiem “Pepsi Ireland”). Din l-aħħar kumpannija biegħet il-ħwawar lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li tużahom sabiex tipproduċi xarbiet rinfreskanti fir-Rumanija. Il-ħwawar inkwistjoni huma direttament ikkunsinnati minn CMCI lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

22      Din tal-aħħar ma għandhiex il-kwalità ta’ destinatarju rreġistrat u Pepsi l-Irlanda ma għandhiex dik ta’ magazzinier awtorizzat. Għall-kuntrarju, CMCI hija magazziniera awtorizzata.

23      Bejn l‑2011 u l‑2014 kif ukoll bejn Jannar u Awwissu 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħallset 3 702 961 leu (RON) (madwar EUR 752 787) bħala dazju tas-sisa fuq il-ħwawar inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fix-xahar ta’ Settembru 2016, hija talbet ir-rimbors ta’ din is-somma.

24      L-awtorità fiskali kompetenti ċaħdet din it-talba għar-raġuni li l-Artikolu 58 tal-Kodiċi Fiskali tal‑2003, li sar l-Artikolu 397 tal-Kodiċi Fiskali tal‑2015, jipprevedi l-eżenzjoni tad-dazju tas-sisa biss għall-alkoħol etiliku u għall-prodotti alkoħoliċi l-oħra użati għall-produzzjoni ta’ ħwawar tal-ikel użati fil-preparazzjoni ta’ prodotti tal-ikel jew ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum. Din l-awtorità tqis li, sa fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tipproduċi xorb mhux alkoħoliku abbażi ta’ ħwawar tal-ikel li fihom l-alkoħol, din l-eżenzjoni ma hijiex applikabbli.

25      Barra minn hekk, skont l-imsemmija awtorità, l-imsemmija eżenzjoni ma tistax tingħata peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma għandhiex il-kwalità ta’ destinatarju rreġistrat u Pepsi Ireland ma għandhiex dik ta’ magazzinier awtorizzat.

26      Skont il-leġiżlazzjoni fiskali Irlandiża, l-alkoħol użat għall-produzzjoni ta’ ħwawar użati fil-preparazzjoni ta’ prodotti tal-ikel jew ta’ xorb li ma jeċċedix l‑1.2 % fil-volum jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 77(a)(iii) tal-Liġi dwar il-Finanzi tal‑2003, li tittrasponi l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 fl-ordinament ġuridiku Irlandiż. Din l-eżenzjoni tapplika għall-alkoħol etiliku użat mhux biss waqt il-produzzjoni ta’ dawn il-ħwawar, iżda wkoll waqt kull bejgħ sussegwenti.

27      Madankollu, l-awtorità fiskali kompetenti tqis li l-imsemmija ħwawar għandhom ikunu suġġetti għad-dazju tas-sisa.

28      Wara li, permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2017, l-awtorità fiskali kompetenti ċaħdet ilment fiskali tat‑28 ta’ Diċembru 2016 imressaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din tal-aħħar ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija). Din il-qorti tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(1)(e) u (2)(d) tad-Direttiva 92/83.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva [92/83] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jaqgħu taħt l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa dawk il-prodotti tat-tip tal-alkoħol etiliku biss li huma użati għall-produzzjoni ta’ ħwawar li huma min-naħa tagħhom użati fil-produzzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum, jew għandhom jiġu interpretati fis-sens li jibbenefikaw mill-imsemmija eżenzjoni anki l-prodotti tat-tip tal-alkoħol etiliku li diġà ntużaw għall-produzzjoni ta’ tali ħwawar li kienu jew li ser jintużaw għall-produzzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum?

2)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83, fil-kuntest tal-għanijiet u tal-iskema ġenerali tad-Direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, ladarba prodotti tat-tip tal-alkoħol etiliku maħsuba għall-bejgħ fi Stat Membru ieħor diġà tqiegħdu għall-konsum fl-ewwel Stat Membru, peress li huma kkunsidrati eżenti mid-dazji tas-sisa, minħabba li jintużaw għall-manifattura ta’ ħwawar użati fil-produzzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum, l-Istat Membru tad-destinazzjoni għandu jittrattahom bl-istess mod fit-territorju tiegħu?

3)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1)(e) u (2)(d) tad-Direttiva 92/83 u l-[prinċipji] ta’ effettività u ta’ [proporzjonalità] għandhom jiġu interpretati bħala li jippermettu lil Stat Membru jimponi kundizzjonijiet proċedurali, li jagħmlu l-applikazzjoni għall-eżenzjoni suġġetta għall-pussess tal-kwalità ta’ destinatarju rreġistrat mill-utent u tal-kwalità ta’ magazzinier awtorizzat tal-bejjiegħ ta’ prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa, anki jekk l-Istat Membru li minnu jinxtraw dawn il-prodotti ma jeħtieġx li l-operatur ekonomiku li jqiegħdhom fis-suq ikollu l-istatus ta’ maħżen tat-taxxa?

4)      Il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività, b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83, fil-kuntest tal-għanijiet u tal-iskema ġenerali tad-Direttiva, jipprekludu ċ-ċaħda tal-eżenzjoni prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet sakemm il-persuna taxxabbli mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni li rċieva prodotti tat-tip tal-alkoħol etiliku u li bbaża ruħu fuq il-fatt li dawn il-prodotti ġew ikkunsidrati eżenti abbażi tal-interpretazzjoni uffiċjali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva mill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru ta’ oriġini, li kienet kostanti fuq perijodu twil ta’ żmien, trasposta f’liġi nazzjonali u applikata fil-prattika, iżda li sussegwentement irriżultat żbaljata, meta l-eżistenza ta’ frodi jew l-evitar tad-dazji tas-sisa hija eskluża wara li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi tal-każ?”

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

30      Il-Gvern Rumen jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li l-qorti tar-rinviju ma pprovdietx lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

31      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (sentenzi tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Impacto Azul, C‑186/12, EU:C:2013:412, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi. Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, BalevBio, C‑76/20, EU:C:2021:441, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha, barra minn hekk, tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali titlob l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tqis neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Roma Multiservizi u Rekeep, C‑332/20, EU:C:2022:610, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, minkejja li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi ċerti lakuni, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-qorti tar-rinviju esponiet b’mod suffiċjentement ċar ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet u ta’ ċerti prinċipji tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju ppermettiet lill-Gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati l-oħra jippreżentaw osservazzjonijiet.

35      Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

36      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li kemm l-alkoħol etiliku li jintuża għall-produzzjoni ta’ ħwawar użati min-naħa tagħhom fil-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum kif ukoll l-alkoħol etiliku li diġà ntuża għall-produzzjoni ta’ tali ħwawar jaqgħu taħt l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

37      Id-Direttiva 92/83, li tarmonizza l-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, tipprevedi, fl-Artikolu 27(1)(e) tagħha, li l-Istati Membri jeżentaw il-prodotti koperti minn din id-direttiva mid-dazju tas-sisa armonizzat taħt il-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u diretta ta’ dawn l-eżenzjonijiet u sabiex jiġu evitati kull frodi, evitar jew abbuż, meta dawn jintużaw għall-produzzjoni ta’ ħwawar użati fil-preparazzjoni ta’ prodotti tal-ikel u ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum.

38      Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva, il-kunċett ta’ “alkoħol etiliku” jkopri, b’mod partikolari, “il-prodotti kollha b’qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l‑1,2 % [fil-volum] u li jaqgħu taħt [l-intestaturi] 2207 u 2208 [tan-NM], anki fejn dawn il-prodotti jifformaw parti ta’ prodott li jaqa’ taħt Kapitolu ieħor tan-[NM]”.

39      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 92/83 jirriżulta li huma biss il-prodotti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva li jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni taħt dan l-Artikolu 27. Għall-kuntrarju, ma huwiex rilevanti li dawn il-prodotti jagħmlu parti minn merkanzija li, bħala tali, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Y GmbH (Oleoreżina tal-vanilla), C‑668/20, EU:C:2022:270, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Minn dan jirriżulta li kull prodott li jaqa’ taħt l-intestaturi 2207 u 2208 tan-NM u li għandu qawwa alkoħolika effettiva li teċċedi l‑1.2 % fil-volum huwa kopert mill-kunċett ta’ “alkoħol etiliku”, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83, anki jekk jagħmel parti minn taħwira li taqa’ taħt l-intestatura 3302 tan-NM. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva, tali prodott għandu, bħala prinċipju, jiġi suġġett għad-dazju tas-sisa armonizzat previst mill-imsemmija direttiva, bla ħsara, madankollu, għall-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 27(1) tal-istess direttiva.

41      F’dan ir-rigward, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-formulazzjoni tal-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 madankollu ma hijiex nieqsa minn ambigwità.

42      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, Ministerstvo životního prostředí (Pappagalli Makawi Blu), C‑659/20, EU:C:2022:642, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat il-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 kif ukoll l-għanijiet imfittxija minn din tal-aħħar.

44      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-element li jiddetermina l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni huwa l-użu finali li jsir mill-alkoħol etiliku (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire, C‑163/09, EU:C:2010:752, punt 49).

45      F’dan il-każ, dan l-użu finali jikkonsisti, minn naħa, fil-produzzjoni ta’ ħwawar li huma stess fihom l-alkoħol etiliku u, min-naħa l-oħra, fil-produzzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix l‑1.2 % fil-volum.

46      F’dan il‑kuntest, għandu jitfakkar ukoll li l‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà ddeċidiet li, minn naħa, l‑eżenzjoni tal‑prodotti msemmija mill‑Artikolu 27(1) tad‑Direttiva 92/83 tikkostitwixxi l‑prinċipju, u r‑rifjut ta’ tali eżenzjoni huwa l‑eċċezzjoni, u, min‑naħa l‑oħra, il‑possibbiltà mogħtija lill‑Istati Membri minn din id-dispożizzjoni li jistabbilixxu l‑kundizzjonijiet li għandhom bħala għan “li tkun assigurata l-aplikazzjoni korretta u ħafifa ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li tkun ipprevenuta xi evażjoni, ħelsien jew abbuż” ma tistax tqiegħed inkwistjoni n‑natura inkundizzjonata tal‑obbligu ta’ eżenzjoni previst fl‑imsemmija dispożizzjoni (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire, C‑163/09, EU:C:2010:752, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      L-għan li għandu jintlaħaq mill-eżenzjonijiet previsti mid-Direttiva 92/83 huwa, b’mod partikolari, li jiġi nnewtralizzat l-impatt tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol bħala prodott intermedjarju li jagħmel parti mill-kompożizzjoni ta’ prodotti oħra kummerċjali jew industrijali (sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire, C‑163/09, EU:C:2010:752, punt 48, u tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Biovet, C‑306/14, EU:C:2015:689, punt 21).

48      F’dan is-sens, il-punt 1 tad-dokument tal-Kumitat dwar id-Dazji tas-Sisa, intitolat “Linji gwida adottati fil-laqgħa tat‑12, tat‑13, u tal‑14 ta’ Novembru 2003”, jindika barra minn hekk li d-delegazzjonijiet tal-Istati Membri jaċċettaw kważi b’mod unanimu li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 tapplika sa mill-produzzjoni jew mill-importazzjoni tal-ħwawar li jaqgħu, b’mod partikolari, taħt l-intestatura 3302 tan-NM.

49      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk l-interpretazzjoni sostnuta mill-awtorità fiskali kompetenti, miġbura fil-qosor fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, kellha tipprevali, dan ikun ifisser li l-alkoħol etiliku użat fil-produzzjoni ta’ tali ħwawar ikun eżentat mid-dazji tas-sisa, filwaqt li l-alkoħol etiliku diġà inkorporat f’dawn il-ħwawar ma jkunx. Hija tagħti lok għar-riżultat inkoerenti li ladarba l-alkoħol etiliku, li kien eżentat mid-dazji tas-sisa fil-fażi li dan intuża fil-produzzjoni tal-ħwawar, ikun intuża fil-produzzjoni ta’ dawn l-istess ħwawar, dan jerġa’ jsir suġġett għalihom. Riżultat bħal dan ma jippermettix li jintlaħaq l-għan li jinnewtralizza l-impatt tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol użat għall-produzzjoni ta’ ħwawar użati fil-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li kemm l-alkoħol etiliku li jintuża għall-produzzjoni ta’ ħwawar użati min-naħa tagħhom fil-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum kif ukoll l-alkoħol etiliku li diġà ntuża għall-produzzjoni ta’ tali ħwawar jaqgħu taħt l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

 Fuq ittieni domanda

51      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-alkoħol etiliku mqiegħed għall-konsum fi Stat Membru li fih dan ikun eżentat mid-dazji tas-sisa, minħabba li jkun intuża għall-produzzjoni ta’ ħwawar użati fil-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum, jiġi sussegwentement ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor, dan tal-aħħar għandu jittratta lil dan l-alkoħol etiliku b’mod identiku.

52      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l‑applikazzjoni uniformi tad‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 92/83 timplika li l‑issuġġettar jew le ta’ prodott għad-dazju tas‑sisa jew l‑eżenzjoni ta’ prodott fi Stat Membru għandu, bħala prinċipju, jiġi rrikonoxxut mill‑Istati Membri l‑oħra (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire, C‑163/09, EU:C:2010:752, punt 41).

53      Interpretazzjoni kuntrarja tikkomprometti li jintlaħaq l‑għan imfittex minn din id‑direttiva u tista’ tostakola l‑moviment liberu tal‑merkanzija (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire, C‑163/09, EU:C:2010:752, punt 42).

54      Madankollu, Stat Membru ma jistax jiċċaħħad mill-possibbiltà, irrikonoxxuta mit-tnejn u għoxrin premessa u mill-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva, li jadotta miżuri intiżi sabiex jiġu evitati kull frodi, evitar jew abbuż possibbli fil-qasam tal-eżenzjonijiet kif ukoll sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u diretta ta’ dawn tal-aħħar (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire, C‑163/09, EU:C:2010:752, punt 43).

55      Għaldaqstant, l-adozzjoni ta’ tali miżuri għandha tkun ibbażata fuq elementi konkreti, oġġettivi u verifikabbli (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire, C‑163/09, EU:C:2010:752, punt 44).

56      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sa fejn, kif jirriżulta mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħwawar inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew imqiegħda għall-konsum, fis-sens tad-Direttiva 2008/118, fl-Istat Membru tal-produzzjoni tagħhom, jiġifieri l-Irlanda, u sa fejn dan l-Istat Membru applika għal dawn il-ħwawar l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 77(a)(iii) tal-Liġi dwar il-Finanzi tal‑2003, li tittrasponi l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83, l-Istat Membru ta’ destinazzjoni tal-imsemmija ħwawar kellu jittrattahom b’mod identiku malli jaslu fit-territorju tiegħu, sakemm ma kienx hemm raġunijiet li jiġġustifikaw il-konstatazzjoni ta’ applikazzjoni żbaljata ta’ din l-eżenzjoni jew l-eżistenza possibbli ta’ frodi, ta’ evitar jew ta’ abbuż.

57      Issa, minn naħa, mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li l-applikazzjoni, mill-Irlanda, tal-imsemmija eżenzjoni għall-ħwawar inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet korretta. Min-naħa l-oħra, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li r-rifjut tal-awtorità fiskali kompetenti li tapplika l-istess eżenzjoni għal dawn il-ħwawar kien iġġustifikat mill-eżistenza ta’ indizji ta’ frodi, ta’ evitar jew ta’ abbuż.

58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li meta l-alkoħol etiliku mqiegħed għall-konsum fi Stat Membru li fih dan ikun eżentat mid-dazji tas-sisa, minħabba li jkun intuża għall-produzzjoni ta’ ħwawar użati fil-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum, jiġi sussegwentement ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor, dan tal-aħħar għandu jittratta lil dan l-alkoħol etiliku b’mod identiku fit-territorju tiegħu, sakemm l-ewwel Stat Membru jkun applika b’mod korrett l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni u ma jkun hemm l-ebda indizji ta’ frodi, ta’ evitar jew ta’ abbuż.

 Fuq ittielet domanda

59      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-qorti tar-rinviju rreferiet, fit-tielet domanda, għall-Artikolu 27(2)(d) tad-Direttiva 92/83, hija ma għamlitx riferiment, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, la għal leġiżlazzjoni nazzjonali potenzjali li timplimenta din id-dispożizzjoni u lanqas għal ċirkustanzi potenzjali li jistgħu jiġġustifikaw ir-rilevanza tal-imsemmija dispożizzjoni għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-għoti, lil operatur ekonomiku li jikkummerċjalizza fit-territorju tiegħu prodotti mixtrija mingħand bejjiegħ li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li fih ikunu ġew immanifatturati, imqiegħda għall-konsum u eżentati mid-dazji tas-sisa konformement ma’ din id-dispożizzjoni, tal-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni għall-kundizzjonijiet li dan l-operatur ikollu l-kwalità ta’ destinatarju rreġistrat u li dan il-bejjiegħ ikollu dik ta’ magazzinier awtorizzat.

61      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 27(1) tad‑Direttiva 92/83 jipprevedi li l‑Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jiżguraw l‑applikazzjoni korretta u diretta tal‑eżenzjonijiet previsti f’din id‑dispożizzjoni kif ukoll sabiex jiġu evitati kull frodi, evażjoni jew abbuż. Issa, kif tfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din il-possibbiltà rrikonoxxuta lill-Istati Membri ma tistax tqiegħed inkwistjoni n‑natura inkundizzjonata tal‑obbligu ta’ eżenzjoni previst fl-imsemmija dispożizzjoni (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire, C‑163/09, EU:C:2010:752, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Minn dan jirriżulta li, fil‑kuntest tal‑eżerċizzju ta’ din il‑possibbiltà, huwa l‑Istat Membru kkonċernat li għandu jinvoka l‑elementi konkreti, oġġettivi u verifikabbli li jsostnu l‑eżistenza ta’ riskju serju ta’ frodi, ta’ evitar jew ta’ abbuż u li l‑kundizzjonijiet stabbiliti minn dan l‑Istat Membru abbażi tal‑possibbiltà rrikonoxxuta b’hekk lilu ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l‑imsemmi għan (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire, C‑163/09, EU:C:2010:752, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Konsegwentement, l-Istati Membri ma jistgħux jissuġġettaw l-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet fejn ma ġiex stabbilit, abbażi ta’ elementi konkreti, oġġettivi u verifikabbli, li huma neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u diretta ta’ din l-eżenzjoni kif ukoll sabiex jiġu evitati l-frodi, l-evitar jew l-abbużi (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire, C‑163/09, EU:C:2010:752, punt 53).

64      Issa, mill-elementi li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżulta li l-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri li l-operatur ekonomiku li jikkummerċjalizza, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, prodotti mixtrija mingħand bejjiegħ li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ikollu l-kwalità ta’ destinatarju rreġistrat u li dan il-bejjiegħ ikollu dik ta’ magazzinier awtorizzat, la huma neċessarji sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u diretta tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 u lanqas sabiex jiġu evitati l-frodi, l-evitar jew l-abbużi.

65      Ċertament, il-Gvern Rumen sostna, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, jekk il-ħwawar inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu awtorizzati jiċċirkulaw barra minn sistema ta’ sospensjoni tad-dazju, ikun hemm riskju li dawn jiġu pproċessati f’xorb alkoħoliku intiż għall-konsum li fuqu ma jitħallsux id-dazji tas-sisa.

66      Madankollu, għandu jitfakkar, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, kif jirriżulta mid-dokument CED Nru 364 rev 1 tat‑22 ta’ Jannar 2003, il-Kumitat dwar id-Dazji tas-Sisa qies li l-ħwawar huma prinċipalment użati bħala konċentrati għall-preparazzjoni ta’ xarbiet rinfreskanti, li dawn huma relattivament għaljin, peress li jiswew iktar mill-alkoħol l-iktar irħis fis-suq fil-parti l-kbira tal-Istati Membri u, fl-aħħar nett, li huwa għali li l-ħwawar jiġu ddistillati sabiex jiġi estratt l-alkoħol etiliku minnhom. Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, il-Kumitat dwar id-Dazji tas-Sisa kkonkluda li l-għoti tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 fil-mument tal-produzzjoni tal-ħwawar ma jistax joħloq riskju ta’ frodi fiskali.

67      Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jqajmu dubju serju dwar l-eżistenza tar-riskju ta’ trasformazzjoni tal-ħwawar f’xorb alkoħoliku intiż għall-konsum, invokat mill-Gvern Rumen, kif ukoll fuq in-neċessità tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u diretta ta’ din l-eżenzjoni kif ukoll sabiex jiġu evitati l-frodi, l-evitar jew l-abbużi.

68      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, li quddiemha tressqet il-kawża prinċipali u li għandha tieħu r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tivverifika, abbażi ta’ elementi konkreti, oġġettivi u verifikabbli li hija għandha quddiemha, jekk il-kundizzjonijiet li għalihom il-leġiżlazzjoni Rumena tissuġġetta l-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 humiex neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u diretta ta’ din l-eżenzjoni kif ukoll sabiex jiġu evitati l-frodi, l-evitar jew l-abbużi.

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-għoti, lil operatur ekonomiku li jikkummerċjalizza fit-territorju tiegħu prodotti mixtrija mingħand bejjiegħ li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li fih ikunu ġew immanifatturati, imqiegħda għall-konsum u eżentati mid-dazji tas-sisa konformement ma’ din id-dispożizzjoni, tal-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni għall-kundizzjonijiet li dan l-operatur ikollu l-kwalità ta’ destinatarju rreġistrat u li dan il-bejjiegħ ikollu dik ta’ magazzinier awtorizzat, sakemm minn elementi konkreti, oġġettivi u verifikabbli ma jirriżultax li dawn il-kundizzjonijiet ikunu meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u diretta ta’ din l-eżenzjoni kif ukoll sabiex jiġu evitati kull frodi, evitar jew abbuż.

 Fuq irraba’ domanda

70      Ir-raba’ domanda tirrigwarda l-ipoteżi li Stat Membru applika b’mod żbaljat l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83.

71      Issa, mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda jirriżulta li, f’dan il-każ, l-Irlanda applikat b’mod korrett din l-eżenzjoni għall-ħwawar inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

 Fuq lispejjeż

72      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

kemm l-alkoħol etiliku li jintuża għall-produzzjoni ta’ ħwawar użati min-naħa tagħhom fil-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il1.2 % fil-volum kif ukoll l-alkoħol etiliku li diġà ntuża għall-produzzjoni ta’ tali ħwawar jaqgħu taħt l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

2)      L-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta l-alkoħol etiliku mqiegħed għall-konsum fi Stat Membru li fih dan ikun eżentat mid-dazji tas-sisa, minħabba li jkun intuża għall-produzzjoni ta’ ħwawar użati fil-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il1.2 % fil-volum, jiġi sussegwentement ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor, dan tal-aħħar għandu jittratta lil dan l-alkoħol etiliku b’mod identiku fit-territorju tiegħu, sakemm l-ewwel Stat Membru jkun applika b’mod korrett l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni u ma jkun hemm l-ebda indizji ta’ frodi, ta’ evitar jew ta’ abbuż.

3)      L-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-għoti, lil operatur ekonomiku li jikkummerċjalizza fit-territorju tiegħu prodotti mixtrija mingħand bejjiegħ li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li fih ikunu ġew immanifatturati, imqiegħda għall-konsum u eżentati mid-dazji tas-sisa konformement ma’ din id-dispożizzjoni, tal-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni għall-kundizzjonijiet li dan l-operatur ikollu l-kwalità ta’ destinatarju rreġistrat u li dan il-bejjiegħ ikollu dik ta’ magazzinier awtorizzat, sakemm minn elementi konkreti, oġġettivi u verifikabbli ma jirriżultax li dawn il-kundizzjonijiet ikunu meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u diretta ta’ din l-eżenzjoni kif ukoll sabiex jiġu evitati kull frodi, evitar jew abbuż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.