Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-22 ta’ Diċembru 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunalul Bucureşti - ir-Rumanija) – Quadrant Amroq Beverages SRL vs Agenţia Naţională de Administrare Fiscală - Direcţia Generală de Administrare a Marilor Contribuabili

(Kawża C-332/21) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Direttiva 92/83/KEE – Armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku – Dazji tas-sisa – Alkoħol etiliku – Eżenzjonijiet – Artikolu 27(1)(e) – Produzzjoni ta’ ħwawar użati fil-preparazzjoni ta’ prodotti tal-ikel u ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il-1.2 % fil-volum – Kamp ta’ applikazzjoni – Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Bucureşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Quadrant Amroq Beverages SRL

Konvenut: Agenţia Naţională de Administrare Fiscală - Direcţia Generală de Administrare a Marilor Contribuabili

Dispożittiv

L-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

kemm l-alkoħol etiliku li jintuża għall-produzzjoni ta’ ħwawar użati min-naħa tagħhom fil-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il-1.2 % fil-volum kif ukoll l-alkoħol etiliku li diġà ntuża għall-produzzjoni ta’ tali ħwawar jaqgħu taħt l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

L-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta l-alkoħol etiliku mqiegħed għall-konsum fi Stat Membru li fih dan ikun eżentat mid-dazji tas-sisa, minħabba li jkun intuża għall-produzzjoni ta’ ħwawar użati fil-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il-1.2 % fil-volum, jiġi sussegwentement ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor, dan tal-aħħar għandu jittratta lil dan l-alkoħol etiliku b’mod identiku fit-territorju tiegħu, sakemm l-ewwel Stat Membru jkun applika b’mod korrett l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni u ma jkun hemm l-ebda indizji ta’ frodi, ta’ evitar jew ta’ abbuż.

L-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-għoti, lil operatur ekonomiku li jikkummerċjalizza fit-territorju tiegħu prodotti mixtrija mingħand bejjiegħ li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li fih ikunu ġew immanifatturati, imqiegħda għall-konsum u eżentati mid-dazji tas-sisa konformement ma’ din id-dispożizzjoni, tal-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni għall-kundizzjonijiet li dan l-operatur ikollu l-kwalità ta’ destinatarju rreġistrat u li dan il-bejjiegħ ikollu dik ta’ magazzinier awtorizzat, sakemm minn elementi konkreti, oġġettivi u verifikabbli ma jirriżultax li dawn il-kundizzjonijiet ikunu meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u diretta ta’ din l-eżenzjoni kif ukoll sabiex jiġu evitati kull frodi, evitar jew abbuż.

____________

1     ĠU C 357, 6.9.2021.