Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2023 minn Centre d’étude et de valorisation des algues SA (CEVA) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fis-6 ta’ Settembru 2023 fil-Kawża T-748/20, Il-Kummissjoni vs CEVA et

(Kawża C-686/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Centre d’étude et de valorisation des algues SA (CEVA) (rappreżentant: A. Raccah, avocat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, SELARL AJIRE, SELARL TCA

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2023 fil-Kawża T-748/20, Il-Kummissjoni Ewropea vs CEVA et;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea tħallas lil CEVA s-somma ta’ EUR 30 000 għall-ispejjeż legali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellant jinvoka żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni ta’ kreditu. B’mod konkret, il-Qorti Ġenerali allegatament ikkonstatat li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni kien jikkorrispondi għall-mument meta nħarġu n-noti ta’ debitu u għaldaqstant il-bidu tad-dekorrenza kien jikkorrispondi għad-data tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża ruħha fuq interruzzjoni tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni u, konsegwentement, il-kreditu kontenzjuż kien preskritt.

It-tieni aggravju bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja inkwantu l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha biss fuq il-qari żbaljat tal-provi, b’mod partikolari tar-rapport tal-OLAF. Fin-nuqqas ta’ klassifikazzjoni preċiża fir-rapport tal-OLAF, l-appellant iqis li la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma setgħu jirrikonoxxu li huwa kien wettaq irregolaritajiet finanzjarji fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt SEAPURA.

Barra minn hekk, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx iġiegħlu jirrimborsa s-sussidji rċevuti fl-assenza ta’ kundanna ġudizzjarja fil-konfront tiegħu. Huwa jikkritika l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tinvoka quddiem il-qrati tal-Unjoni proċeduri mibdija minn Franza, abbażi tad-dritt Franċiż, sa fejn il-kuntratt inkwistjoni huwa bbażat biss fuq id-dritt Belġjan u jagħti ġurisdizzjoni esklużiva lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

____________