Language of document : ECLI:EU:T:2024:363

Kawżi magħquda T530/22 sa T533/22

Magistrats européens pour la démocratie et les libertés (Medel)

International Association of Judges

Association of European Administrative Judges

Stichting Rechters voor Rechters

vs

IlKunsill talUnjoni Ewropea

 Digriet talQorti Ġenerali (Awla Manja) tal4 ta’ Ġunju 2024

“Rikors għal annullament – Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2022 dwar l-approvazzjoni tal-evalwazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà”

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni – Ammissibbiltà – Kriterji

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punt 40)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Rikors ta’ assoċjazzjoni professjonali mwaqqfa sabiex tħares u tirrappreżenta l-membri tagħha – Inċidenza diretta – Kriterji – Assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-membri tagħhom li jkollhom, huma nnifishom, locus standi – Assenza ta’ rabta diretta bejn l-att ikkontestat u l-effetti tiegħu fuq is-suġġetti rrappreżentati mill-assoċjazzjonijiet rikorrenti – Inammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 62 sa 89, 93 u 109)

3.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza diretta – Kriterji – Possibbiltà li jiġu kkontestati l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà billi jiġi invokat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Assenza – Possibbiltà li jsiru iktar flessibbli l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà bil-għan li jiġu rrimedjati kemm jista’ jkun malajr in-nuqqasijiet ta’ Stat Membru fir-rigward tal-kriżi tal-Istat tad-dritt – Assenza

(Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 u l-Artikolu 266 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

(ara l-punti 113 sa 115, 117 u 118)

Sunt

Il-Qorti Ġenerali, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, ċaħdet bħala inammissibbli rikorsi ppreżentati minn erba’ assoċjazzjonijiet ta’ mħallfin (1) intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tar-Repubblika tal-Polonja (2).

Ir-rikorrenti huma assoċjazzjonijiet rappreżentattivi ta’ mħallfin fil-livell internazzjonali li l-membri tagħhom huma, bħala regola ġenerali, assoċjazzjonijiet professjonali nazzjonali, inkluż assoċjazzjonijiet Pollakki tal-imħallfin.

Fit‑12 ta’ Frar 2021, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw ir-Regolament 2021/241 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (iktar ’il quddiem il-“Faċilità”) (3). Taħt il-Faċilità, jistgħu jingħataw fondi lill-Istati Membri fil-forma ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, li tikkonsisti jew f’għajnuna finanzjarja li ma tistax titħallas lura jew fil-forma ta’ self.

Permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill approva l-evalwazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tar-Repubblika tal-Polonja u speċifika, fl-anness, it-tragwardi u l-miri li kellhom jintlaħqu minn dan l-Istat Membru sabiex il-kontribuzzjoni finanzjarja mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu fid-Deċiżjoni kkontestata setgħet tiġi żborsata. L-ewwel taqsima ta’ dan l-anness tinkludi fiha, b’mod partikolari, il-miżuri dwar ir-riforma tal-ġustizzja fil-Polonja li huma ppreċiżati fit-tragwardi F1G, F2G u F3G (4). Ir-rikorrenti kkontestaw id-Deċiżjoni kkontesta inkwantu t-tragwardi ma kinux kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

Permezz tad-digriet tagħha, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, u, għaldaqstant, ċaħdet ir-rikorsi tar-rikorrenti.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali osservat li, sa fejn id-Deċiżjoni kkontestata kienet indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja, l-ammissibbiltà tar-rikorsi kellha tiġi eżaminata fid-dawl tat-tieni u tat-tielet parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li fihom hija prevista l-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta (5).

Il-Qorti Ġenerali analizzat, qabelxejn, l-ammissibbiltà tar-rikorsi tar-rikorrenti li jaġixxu f’isimhom stess.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ebda dispożizzjoni legali dwar il-Faċilità ma tagħtihom din is-setgħa proċedurali. Bl-istess mod, il-fatt li huma jintervjenu bħala interlokuturi regolari tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fuq il-kwistjoni tal-indipendenza ġudizzjarja ma jistabbilixxix il-locus standi tagħhom.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ammissibbiltà tar-rikorsi tar-rikorrenti li jaġixxu f’isem il-membri tagħhom li l-interessi tagħhom huma mħarsa mir-rikorrenti.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ddistingwew bejn tliet gruppi ta’ mħallfin, fosthom, b’mod partikolari, l-imħallfin Pollakki kkonċernati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari u direttament affettwati mill-proċedura ta’ eżami mill-ġdid prevista fit-tragwardi F2G u F3G, l-imħallfin Pollakki kollha direttament affettwati minn din il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid u mit-tragward F1G, kif ukoll l-imħallfin Ewropej l-oħra kollha wkoll direttament affettwati minn dawn it-tragwardi.

Fir-rigward tal-imħallfin tal-ewwel grupp, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fl-ewwel lok, is-sustanza tad-Deċiżjoni kkontestata, evalwata fid-dawl tal-kontenut tagħha kif ukoll tal-kuntest tagħha.

Hija kkonstatat li d-Deċiżjoni kkontestata kienet issuġġettat il-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza evalwati mill-Kummissjoni Ewropea u approvati mill-Kunsill, inkluż l-ilħiq ta’ tragwardi u ta’ miri, li huma lkoll miżuri ta’ progress ikkompletati fit-twettiq ta’ riforma. Peress li għandhom in-natura ta’ kundizzjonalità baġitarja, inkwantu t-twettiq tagħhom jikkundizzjona finanzjament mogħti taħt il-Faċilità, it-tragwardi F1G, F2G u F3G jirriflettu r-rabta bejn l-osservanza tal-valur tal-Istat tad-dritt, minn naħa, u l-implimentazzjoni tajba tal-baġit tal-Unjoni, konformement mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, min-naħa l-oħra.

Madankollu, huwa u jistabbilixxi l-imsemmija tragwardi, il-Kunsill ma riedx jissostitwixxi r-regoli dwar il-valur tal-Istat tad-dritt jew dwar il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif iċċarati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan ifisser li l-Kunsill, billi stabbilixxa l-imsemmija tragwardi, ma kellux l-intenzjoni jawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja ma toqgħodx għal sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonstataw in-nuqqas ta’ osservanza, minn din tal-aħħar, tal-valur tal-Istat tad-dritt jew tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Fid-dawl ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fit-tieni lok, l-inċidenza diretta tad-Deċiżjoni kkontestata għall-imħallfin tal-ewwel grupp fir-rigward tat-tragward F2G. Hija rrilevat li, sabiex l-imħallfin ikkonċernati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari jkunu direttament affettwati, kellu jkun hemm rabta diretta bejn id-Deċiżjoni kkontestata u l-effetti tagħha fuq dawn l-imħallfin.

F’dan ir-rigward, it-tragward F2G kien sempliċement jimponi kundizzjoni li kellha tiġi ssodisfatta mir-Repubblika tal-Polonja sabiex tkun tista’ tibbenefika minn finanzjament. Id-Deċiżjoni kkontestata la kellha l-effett li tissuġġetta lill-imħallfin affettwati minn deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari għall-kundizzjonijiet previsti minnha, u lanqas ma għamlet direttament applikabbli regola speċifika fir-rigward tagħhom. Għalhekk, billi pprevediet it-tragward F2G, id-Deċiżjoni kkontestata ma imponietx, b’mod definittiv, obbligi speċifiċi fir-relazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja mal-imħallfin affettwati minn deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari u l-eżistenza ta’ rabta diretta kienet nieqsa.

Konsegwentement, anki wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, is-sitwazzjoni tal-imħallfin affettwati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari baqgħet irregolata mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Pollakk applikabbli għall-imsemmija sitwazzjoni, kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma t-tragward F2G speċifikat f’din id-deċiżjoni kellu impatt billi bidel direttament is-sitwazzjoni legali ta’ dawn l-imħallfin, fis-sens meħtieġ mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Fir-rigward tal-imħallfin tat-tieni grupp, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrenti ma wrewx l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib biżżejjed bejn is-sitwazzjoni tal-imħallfin Pollakki kollha u t-tragward F1G. Fir-rigward tal-imħallfin fit-tielet grupp, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argument tar-rikorrenti li t-tragwardi F1G, F2G u F3G kienu jaffettwaw direttament l-Imħallfin Ewropej l-oħra kollha.

B’hekk, peress li l-imħallfin li l-interessi tagħhom huma mħarsa mir-rikorrenti ma kellhomx, huma nnifishom, locus standi, ir-rikorrenti lanqas ma ssodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex ir-rikorsi tagħhom ikunu ammissibbli.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà jsiru iktar flessibbli. Fil-fatt, tali llaxkar imur kontra kemm ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. In-nuqqasijiet sistemiċi tas-sistema ġudizzjarja fil-Polonja, li jallegaw ir-rikorrenti, ma setgħux, fi kwalunkwe każ, jiġġustifikaw li l-Qorti Ġenerali tidderoga mill-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta li tapplika għar-rikorsi ppreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

Il-Qorti Ġenerali saħqet li din il-konstatazzjoni hija bla ħsara għall-obbligu tar-Repubblika tal-Polonja, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 266 TFUE, li tirrimedja malajr kemm jista’ jkun in-nuqqasijiet ikkonstatati mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kriżi tal-Istat tad-dritt. Bl-istess mod, din id-deċiżjoni la kellha effett fuq il-possibbiltà għall-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jippreżentaw rikors kontra d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti, u lanqas fuq l-azzjonijiet tal-Kummissjoni bil-għan li tgħin sabiex tkun żgurata l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-Istat tad-dritt.


1      Magistrats européens pour la démocratie et les libertés (Medel) fil-Kawża T‑530/22, International Association of Judges (IAJ) fil-Kawża T‑531/22, Association of European Administrative Judges (AEAJ) fil-Kawża T‑532/22 u Stichting rechters voor rechters fil-Kawża T‑533/22.


2      Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tar-Repubblika tal-Polonja, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat‑8 ta’ Diċembru 2023 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”).


3      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU 2021, L 57, p. 17, rettifika fil-ĠU 2023, L 137, p. 70).


4      It-tragwardi indikati, li huma lkoll miżuri ta’ progress lejn it-twettiq ta’ riforma, jeżiġu li jissaħħu l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin Pollakki (it-tragward F1G), li jiġi żgurat li l-imħallfin ikkonċernati mid-deċiżjonijiet tal-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”) ikollhom aċċess għal proċedura li tippermetti eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tal-imsemmija awla li jaffettwawhom (it-tragward F2G) u li jiġi żgurat li l-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid imsemmija fit-tragward F2G kellhom, fil-prinċipju u skont l-iskeda indikattiva, jingħalqu matul ir-raba’ trimestru tal‑2023 (it-tragward F3G).


5      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu, tippreżenta appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.