Language of document : ECLI:EU:C:2012:397

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

28 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Direttivi 2003/6/KE u 2003/124/KE — Informazzjoni minn ġewwa — Kunċett ta’ ‘informazzjoni ta’ natura preċiża’ — Stadji intermedji ta’ proċess mifrux fuq perijodu ta’ żmien — Riferiment għal sett ta’ ċirkustanzi jew għal avveniment li wieħed jista’ raġonevolment jistenna li ser jeżisti jew li ser iseħħ — Interpretazzjoni tal-kliem ‘jista’ b’mod raġonevoli jiġi mistenni’ — Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-bidla ta’ uffiċjal ta’ kumpannija”

Fil-Kawża C‑19/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2010, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Jannar 2011, fil-proċedura

Markus Geltl

vs

Daimler AG,

fil-preżenza ta’:

Lothar Meier et,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus (Relatur), A. Rosas, A. Ó Caoimh u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Frar 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Geltl, minn R. Lindner, avukat,

–        għal Daimler AG, minn M. Sustmann u R. Schmidt-Bendum, avukati,

–        għal L. Meier, minn H. Schmidt, avukat,

–        għal Endruweit et, minn R. Lindner,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u J.-C. Halleux, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u D. Hadroušek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u F. Matias Santos, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Hathaway, bħala aġent, assistit minn A. Henshaw, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u R. Vasileva, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 367), kif ukoll tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/124/KE, tat-22 ta’ Diċembru 2003, li timplimenta d-Direttiva 2003/6 rigward id-definizzjoni u l-iżvelar pubbliku tat-tagħrif minn ġewwa u d-definizzjoni tal-manipulazzjoni tas-swieq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 348).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Geltl u Daimler AG (iktar ’il quddiem “Daimler”), dwar id-dannu li huwa jsostni li ġarrab minħabba l-pubblikazzjoni allegatament tardiva minn din il-kumpannija tal-informazzjoni dwar it-tluq antiċipat tal-president tal-Bord tad-Diretturi tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2003/6

3        Il-premessi 2, 12, 16 u 24 tad-Direttiva 2003/6 jipprovdu:

“(2)      Suq finanzjarju integrat u effiċjenti jeħtieġ integrità tas-suq. Il-funzjonament bla xkiel ta’ swieq ta’ titoli u kunfidenza pubblika fi swieq huma prerekwiżiti għal tkabbir u ġid ekonomiku. L-abbuż tas-suq jaffettwa ħażin l-integrità ta’ swieq finanzjarji u kunfidenza pubblika f’titoli u derivattivi.

[...]

(12) L-abbuż tas-suq jikkonsisti f’insider dealing u manipulazzjoni tas-suq. Il-mira ta’ leġislazzjoni kontra l-insider dealing hija l-istess bħal dik ta’ leġislazzjoni kontra manipulazzjoni tas-suq: li tiġi assigurata l-integrità ta’ swieq finanzjarji Komunitarji u tissaħħaħ il-kunfidenza ta’ investituri f’dawk is-swieq. [...]

[...]

(16)      Informazzjoni minn ġewwa hija kwalunkwe informazzjoni ta’ natura preċiża li ma saritx pubblika, li tirrelata, direttament jew indirettament, għal wieħed jew iktar responsabbli mill-ħruġ ta’ strumenti finanzjarji jew għal strument finanzjarju wieħed jew iktar. Informazzjoni li jista’ jkollha effett sinifikanti fuq l-evoluzzjoni u l-iffurmar tal-prezzijiet ta’ suq regolat infatti tista’ tiġi kkunsidrata bħala informazzjoni li tirrelata indirettament għal wieħed jew iktar li joħorġu strumenti finanzjarji jew għal strument finanzjarju wieħed jew iktar derivattiv relatat.

[...]

(24)      L-iżvelar malajr u ġust ta’ informazzjoni lill-pubbliku jtejjeb l-integrità tas-suq, filwaqt li żvelar selettiv minn dawk li joħorġuha jista’ jwassal għal telf tal-kunfidenza ta’ l-investitur fl-integrità ta’ swieq finanzjarji. [...]»

4        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “informazzjoni minn ġewwa” bħala “informazzjoni ta’ natura preċiża li ma saritx pubblika, li tirrelata, direttament jew indirettament, għal wieħed jew iktar li joħorġu strumenti finanzjarji jew għal strument finanzjarju wieħed jew iktar u li, li kieku saret pubblika, x’aktarx kien ikollha effett sinifikanti fuq il-prezzijiet ta’ dawk l-istrumenti finanzjarji jew fuq il-prezz ta’ strumenti finanzjarji derivattivi relatati”.

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lil kull persuna msemmija fit-tieni subparagrafu li għandha informazzjoni minn ġewwa milli tuża dik l-informazzjoni billi takkwista jew tiddisponi minn, jew billi tipprova takkwista jew tiddisponi minn, għall-kont proprju jew għall-kont ta’ parti terza, jew direttament jew indirettament, strumenti finanzjarji li tirrelata għalihom l-informazzjoni.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika għal kwalunkwe persuna li tippossjedi dik l-informazzjon:

a)      permezz tas-sħubija tiegħu tal-korpi amministrattivi, ta’ ġestjoni jew ta’ sorveljanza ta’ min joħroġha; jew

b)      permezz ta’ l-assi finanzjarji fil-kapital ta’ min joħroġha; jew

c)      billi jkollha aċċess għall-informazzjoni permezz ta’ l-eżerċizzju ta’ l-impjieg, il-professjoni jew id-dmirijiet tagħha; jew

d)      permezz ta’ l-attivitajiet kriminali tagħha.

2.      Meta l-persuna msemmija fil-paragrafu 1 hija persuna ġuridika, il-projbizzjoni stabbilita f’dak il-paragrafu għandha wkoll tapplika għall-persuni fiżiċi li jieħdu parti fid-deċiżjoni li jwettqu l-operazzjoni għall-kont tal-persuna kkonċernata.

3.      Dan l-Artikolu għandu japplika għal operazzjonijiet kondotti fl-iskarika ta’ obbligu li sar dovut għall-akkwidt jew id-disponiment ta’ strumenti finanzjarji meta dak l-obbligu jirriżulta min ftehim konkluż qabel ma l-persuna kkonċernata kellha informazzjoni minn ġewwa.”

6        L-Artikolu 6(1) u (2) tal-istess direttiva jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li dawk li joħorġu strumenti finanzjarji jinfurmaw lill-pubbliku malli possibbli b’informazzjoni minn ġewwa li tikkonċerna direttament lil dawk li joħorġuhom […].

[...]

2.      Min joħroġ l-informazzjoni jista’ taħt ir-responsabbiltà proprja jittardja l-iżvelar pubbliku ta’ informazzjoni minn ġewwa, kif imsemmi fil-paragrafu 1, sabiex ma jippreġudikax l-interessi leġittimi sakemm din l-ommissjoni ma tiżvijax x’aktarx lill-pubbliku u sakemm dak li joħroġ l-informazzjoni jkun jista jassigura l-konfidenzjalità ta’ dik l-informazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li min joħroġ l-informazzjoni għandu mingħajr dewmien jinforma lill-awtorità kompetenti bid-deċizżjoni li jiġi ttardjat l-iżvelar pubbliku ta' informazzjoni minn ġewwa.”

 Id-Direttiva 2003/124

7        Skont il-premessi 1 u 3 tad-Direttiva 2003/124:

“(1)      L-investituri raġjonevoli isejsu d-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-investiment fuq it-tagħrif diġà disponibbli għalihom, jiġifieri fuq it-tagħrif disponibbli ex ante. Għalhekk, il-kwistjoni jekk, meta jkun qiegħed jieħu deċiżjoni dwar l-investiment, investitur raġjonevoli x’aktarx li jqis biċċa tagħrif partikolari għandhiex tiġi vvalutata fuq il-bażi tat-tagħrif disponibbli ex ante. Din l-istima trid tqis l-impatt antiċipat tat-tagħrif fid-dawl tat-totalità ta’ l-attività relatata ta’ min joħroġ it-titoli, rigward kemm ikun ta’ min joqgħod fuqu s-sors tat-tagħrif u kull varjanti oħra tas-suq li x’aktarx jaffettwaw l-istrument finanzjarju rrelatat jew l-istrunent finanzjarju derivattiv irrelatat miegħu fiċ-ċirkostanzi mogħtija.

[...]

(3)      Iċ-ċertezza legali għall-parteċipanti tas-suq għandha tiġi mtejba permezz ta’ definizzjoni iktar mill-qrib ta’ tnejn mill-elementi essenzjali għad-definizzjoni ta’ tagħrif minn ġewwa, jiġifieri n-natura preċiża ta’ dan it-tagħrif u s-sinifikat ta’ l-effett potenzjali tiegħu fuq il-prezzijiet ta’ l-istrumenti finanzjarji jew l-istrumenti finanzjarji derivattivi rrelatati.”

8        L-Artikolu 1 tal-istess direttiva, intitolat “It-Tagħrif minn ġewwa” jipprovdi:

“1.      Għall-għanijiet sabiex jiġi applikat il-punt 1 ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/6/KE, it-tagħrif għandu jitqies li jkun ta’ natura preċiża jekk jindika sett ta’ ċirkostanzi li jeżisti jew li jista’ b’mod raġjonevoli jiġi mistenni li jiġi fl-eżistenza jew okkażjoni [avveniment] li tkun ġrat jew tiġi mistennija b’mod raġjonevoli li tiġri u jekk ikunu speċifiċi biżżejjed sabiex jgħinu li tinħareġ konklużjoni dwar l-effett possibbli ta’ dan is-sett ta’ ċirkostanzi jew ta l-okkażjoni fuq il-prezzijiet ta’ l-istrumenti finanzjarji jew l-istrumenti finanzjarji derivattivi rrelatati.

2.      Għall-għanijiet sabiex jiġi applikat il-punt 1 ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/6/KE, il-frażi ‘it-tagħrif li, li kieku jintgħamel pubbliku, x’aktarx li jkollu effett sinifikattiv fuq il-prezzijiet ta’ l-istrumenti finanzjarji jew l-istrumenti finanzjarji derivattivi rrelatati’ għandha tfisser it-tagħrif li investitur raġjonevoli x’aktarx li juża bħala parti mill-bażi tad-deċiżjonijiet tiegħu ta’ l-investiment.”

9        L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jinkludi lista mhux eżawrjenti ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jirrigwardaw l-interessi leġittimi ta’ persuna li toħroġ it-titoli, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/6, jiġifieri negozjati pendenti, jew elementi relatati, meta l-fatt li dawn jiġu żvelati lill-pubbliku x’aktarx jaffettwa l-eżitu jew l-andament normali ta’ dawn in-negozjati, kif ukoll deċiżjonijiet meħuda jew kuntratti mogħtija mill-bord tad-diretturi ta’ persuna li toħroġ it-titoli, li jeħtieġu l-approvazzjoni ta’ korp ieħor tal-persuna li toħroġ it-titoli sabiex jidħlu fis-seħħ, meta l-istruttura ta’ din tal-aħħar tkun teħtieġ separazzjoni bejn iż-żewġ korpi.

 Id-dritt Ġermaniż

10      L-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar il-kummerċ ta’ titoli trasferibbbli (Gesetz über den Wertpapierhandel), fil-verżjoni tagħha tad-9 ta’ Settembru 1998 (BGBl. 1998 I, p. 2708), kif emendata bil-Liġi dwar it-Titjib fil-Protezzjoni tal-Investituri (Gesetz zur Verbesserung des Anlegerschutzes), tat-28 ta’ Ottubru 2004 (BGBl. 2004 I, p. 2630, iktar ’il quddiem il-“WpHG”), jistabbilixxi:

“Informazzjoni minn ġewwa hija informazzjoni konkreta fuq ċirkustanzi mhux magħrufa mill-pubbliku, li huma marbuta ma’ persuna jew persuni li joħorġu titoli dwar insider dealing jew ma’ titoli stess dwar insider dealing u li jistgħu, li kieku kienu magħrufa mill-pubbliku, jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv il-valur fil-borża jew il-prezz ta’ dawn it-titoli. Titqies li jista’ jkollha tali influwenza l-informazzjoni li investitur raġonevoli jieħu inkunsiderazzjoni meta jieħu d-deċiżjoni tiegħu dwar l-investiment. Iċ-ċirkustanzi li wieħed jista’ jippreżumi li bi probabbiltà suffiċjenti ser iseħħu fil-futur huma wkoll meqjusa bħala ċirkustanzi fis-sens tal-ewwel sentenza [...]”.

11      L-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2003/6 ġie traspost fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż permezz tal-Artikolu 15(1) u (3) tal-WpHG. Fuq il-bażi tal-paragrafu 6 ta’ dan l-aħħar artikolu, persuna li toħroġ it-titoli li tikser l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-paragrafi 1 sa 4 tal-istess artikolu għandha tikkumpensa d-dannu mġarrab minn oħrajn minħabba dan il-fatt, u dan skont il-kundizzjonijiet imsemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 37b tal-WpHG.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, wara l-laqgħa ġenerali ta’ Daimler tas-6 ta’ April 2005, J. E. Schrempp, President tal-Bord tad-Diretturi ta’ din tal-aħħar, kien ippjana li jxolji l-mandat tiegħu li kien validu sal-2008. Fis-17 ta’ Mejju 2005, huwa ddikjara l-intenzjoni tiegħu mal-President tal-Bord ta’ Sorveljanza ta’ din il-kumpannija, M. Kopper. Bejn l-1 ta’ Ġunju u s-27 ta’ Lulju 2005, membri oħra tal-Bord ta’ Sorveljanza u tal-Bord tad-Diretturi ġew ukoll informati bil-pjan ta’ tluq ta’ J. E. Schrempp.

13      Mill-10 ta’ Lulju 2005, Daimler ħejjiet stqarrija għall-istampa, dikjarazzjoni esterna kif ukoll ittra indirizzata lill-kollaboraturi tagħha.

14      Fit-13 ta’ Lulju 2005, il-Kumitat tal-Presidenza tal-Bord ta’ Sorveljanza ta’ Daimler (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tal-Presidenza”) kif ukoll il-Bord ta’ Sorveljanza ġew imsejħa għal laqgħa, rispettivament, għas-27 u għat-28 ta’ Lulju 2005, mingħajr ebda indikazzjoni fis-sejħa għal laqgħa dwar il-bidla eventwali tal-president tal-Bord tad-Diretturi.

15      Fit-18 ta’ Lulju 2005, J. E. Schrempp u M. Kopper qablu li jipproponu, matul il-laqgħa tal-Bord tas-Sorveljanza tat-28 ta’ Lulju 2005, it-tluq antiċipat ta’ J. E. Schrempp kif ukoll il-ħatra tas-suċċessur tiegħu, D. Zetsche.

16      Matul il-laqgħa tagħha li bdiet fil-ħamsa ta’ waranofsinhar tas-27 ta’ Lulju 2005, il-Kumitat tal-Presidenza ddeċieda li jipproponi lill-Bord ta’ Sorveljanza, li kellu jiltaqa’ l-għada, l-approvazzjoni ta’ dan it-tluq u ta’ din il-ħatra.

17      Fit-28 ta’ Lulju 2005, għall-ħabta tad-disgħa u ħamsin minuta ta’ filgħodu, il-Bord ta’ Sorveljanza ta’ Daimler iddeċieda li J. E. Schrempp kien ser iħalli postu fl-aħħar tas-sena u li kien ser jiġi ssostitwit minn D. Zetsche.

18      Din id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata lid-direttorati tal-Borża u lill-Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht (Uffiċċju Federali għall-kontroll tas-servizzi finanzjarji) u ġiet ippubblikata fid-database tad-Deutsche Gesellschaft für Ad-hoc-Publizität (kumpannija Ġermaniża ta’ pubblikazzjoni ad hoc).

19      Wara din il-pubblikazzjoni, il-prezz tal-azzjoni ta’ Daimler, li kien diġà tjieb wara l-pubblikazzjoni, f’dik l-istess għodwa, tar-riżultati tat-tieni trimestru tas-sena 2005, ħa qabża kbira ’l fuq.

20      M. Geltl u bosta investituri oħra kienu biegħu azzjonijiet ta’ Daimler qabel il-pubblikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Huma lmentaw kontra din il-kumpannija quddiem il-Landgericht Stuttgart u talbu danni, billi invokaw in-natura tardiva ta’ din il-pubblikazzjoni. Din il-qorti talbet lill-Oberlandesgericht Stuttgart sabiex tiddeċiedi dwar diversi kwistjonijiet li jikkonċernaw dawn il-kawżi fil-kuntest ta’ kawża pilota (“Musterverfahren”).

21      Fid-deċiżjoni pilota tagħha tat-22 ta’ April 2009, l-Oberlandesgericht Stuttgart qieset li ma setax jiġi stabbilit li, fis-17 ta’ Mejju 2005 jew f’data sussegwenti, kien hemm informazzjoni minn ġewwa li tipprovdi li J. E. Schrempp kien ser iħalli unilateralment l-inkarigu tiegħu, u dan irrispettivament mill-approvazzjoni tal-Bord ta’ Sorveljanza ta’ Daimler. Skont din il-qorti, il-fatt determinanti li seta’ kellu effett fuq il-prezz tal-azzjoni ta’ din il-kumpannija huwa d-deċiżjoni tal-Bord ta’ Sorveljanza tat-28 ta’ Lulju 2005. Din id-deċiżjoni kienet saret suffiċjentement probabbli wara li l-Kumitat tal-Presidenza kien iddeċieda, fis-27 ta’ Lulju 2005, wara l-ħamsa ta’ waranofsinhar, li jipproponi lill-Bord ta’ Sorveljanza l-adozzjoni tagħha. Għaldaqstant, kien hemm informazzjoni minn ġewwa minn din l-aħħar data biss. L-Oberlandesgericht Stuttgart ammettiet li r-rekwiżiti għall-posponiment tal-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni, kif previst fl-Artikolu 15(3) tal-WpHG, ma kinux ġew totalment issodisfatti, iżda ddeċidiet li d-dannu invokat mill-persuni li jilmentaw kien iseħħ anki li kieku dawn ir-rekwiżiti kienu ġew issodisfatti.

22      Adita b’appell, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Oberlandesgericht Stuttgart ma eżaminatx jekk il-fażijiet individwali tal-proċess li wassal għad-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2005 kinux ta’ natura li jinfluwenzaw il-prezz tal-azzjonijiet ta’ Daimler. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ multa dwar l-istess ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main qieset li t-teħid flimkien ta’ diversi ċirkustanzi indipendenti f’deċiżjoni globali waħda jikser kliem l-Artikolu 13(1) tal-WpHG kif ukoll id-Direttivi 2003/6 u 2003/124 u li, għalhekk, kien hemm l-obbligu ta’ pubblikazzjoni mill-mument li l-proċess intern wassal għal deċiżjoni u mill-mument li din tal-aħħar kienet ġiet ikkomunikata lil uffiċjal tal-impriża kkonċernata.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fir-rigward ta’ proċess mifrux fuq perijodu ta’ żmien intiż sabiex tiġi realizzata ċirkustanza partikolari jew sabiex jiġi pprovokat avveniment partikolari f’diversi fażijiet, l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/6 u tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124, għandha tkun ibbażata biss fuq il-kwistjoni ta’ jekk din iċ-ċirkustanza futura jew dan l-avveniment futur għandhomx jiġu kkunsidrati bħala tagħrif ta’ natura preċiża fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-direttivi u jekk, konsegwentement, għandux jiġi eżaminat jekk jistax jitqies b’mod raġjonevoli li din iċ-ċirkustanza futura jew avveniment futur humiex ser jipproduċu ruħhom, jew inkella li, fir-rigward ta’ tali proċess mifrux fuq perijodu ta’ żmien, xi fażijiet intermedjarji, li jeżistu diġà jew li diġà ġew prodotti u li huma marbuta mar-realizzazzjoni taċ-ċirkustanza futura jew tal-avveniment futur jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati bħala tagħrif ta’ natura preċiża fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-direttivi?

2)      L-espressjoni ‘jista’ b’mod raġjonevoli jiġi mistenni’, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124 tirrekjedi li l-probabbiltà titqies bħala predominanti jew ogħlja, jew inkella li l-kunċetti ta’ ċirkustanzi fejn jista’ b’mod raġjonevoli jiġi mistenni li ser jeżistu jew ta’ avveniment li jista’ b’mod raġjonevoli jiġi mistenni li ser jipproduċi ruħu għandhom jinftiehmu bħala li jimplikaw li l-grad ta’ probabbiltà jiddependi fuq il-portata tal-konsegwenzi għal min jipprovdi t-tagħrif u li, fejn il-probabbiltà li tiġi influwenzata l-kwotazzjoni fil-borża tkun għolja, huwa suffiċjenti li r-realizzazzjoni taċ-ċirkustanza futura jew tal-avveniment futur ma tkunx ċerta iżda lanqas ma tkun impossibbli?”

 Fuq id-domandi preliminari

24      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, bil-għan li tiżgura l-integrità tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u li tissaħħaħ il-fiduċja tal-investituri f’dawn is-swieq, id-Direttiva 2003/6 tipprojbixxi l-insider dealing taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tagħha u, skont l-Artikolu 6(1) tagħha, timponi fuq il-persuni li joħorġu t-titoli l-obbligu li jrendu pubblika, malli jkun possibbli, l-informazzjoni minn ġewwa li tirrigwardahom direttament. Abbażi tal-paragrafu 2 ta’ dan l-aħħar artikolu, il-pubblikazzjoni ta’ tali informazzjoni tista’ tiġi posposta, taħt ċerti kundizzjonijiet, sabiex ma tippreġudikax l-interessi leġittimi tal-persuna li toħroġ it-titoli.

25      Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “informazzjoni minn ġewwa” li tirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva tinvolvi erba’ elementi essenzjali. L-ewwel nett, din tirrigwarda informazzjoni ta’ natura preċiża. It-tieni nett, din l-informazzjoni ma ngħatatx lill-pubbliku. It-tielet nett, hija tirrigwarda, direttament jew indirettament, strument jew strumenti finanzjarji jew lill-persuni li joħorġuhom. Ir-raba’ nett, din tista’, li kieku kellha tiġi żvelata pubblikament, tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati jew il-prezz tal-istrumenti finanzjarji derivati li magħhom dawn huma marbuta. L-ewwel u r-raba’ elementi huma ddefiniti b’mod iktar preċiż rispettivament fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/124.

26      Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma intiżi sabiex jiksbu kjarifiki dwar l-ewwel mill-imsemmija elementi, jiġifieri n-natura preċiża ta’ informazzjoni.

 Fuq l-ewwel domanda

27      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/6 u l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fir-rigward ta’ proċess mifrux fuq perijodu ta’ żmien intiż li titwettaq ċirkustanza partikolari jew li jseħħ avveniment partikolari, jistgħu jikkostitwixxu informazzjoni ta’ natura preċiża fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mhux biss din iċ-ċirkustanza jew dan l-avveniment, iżda wkoll l-istadji intermedji ta’ dan il-proċess li diġà jeżistu jew li diġà seħħew u li huma marbuta mat-twettiq ta’ dawn tal-aħħar.

28      Mill-premessa 3 tad-Direttiva 2003/124 jirriżulta li din tal-aħħar hija intiża li tagħti definizzjoni iktar iddettaljata tal-kunċett ta’ “informazzjoni ta’ natura preċiża” użat fid-Direttiva 2003/6 sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali għall-parteċipanti fis-suq ikkonċernat.

29      Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124, informazzjoni titqies li għandha natura preċiża jekk jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Min-naħa, l-informazzjoni għandha ssemmi sett ta’ ċirkustanzi li jeżisti jew li wieħed jista’ raġonevolment jistenna li ser jeżisti jew avveniment li seħħ jew li wieħed jista’ raġonevolment jistenna li ser iseħħ. Min-naħa l-oħra, din għandha tkun biżżejjed preċiża sabiex minnha wieħed ikun jista’ jislet konklużjoni dwar l-effett possibbli ta’ dan is-sett ta’ ċirkustanzi jew ta’ dan l-avveniment fuq il-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati jew tal-istrumenti finanzjarji derivati li huma marbuta magħhom.

30      Peress li l-kunċetti ta’ “sett ta’ cirkostanzi” u ta’ “okkażjoni [avveniment]” ma humiex iddefiniti mill-imsemmija direttiva, hemm bżonn li jsir riferiment għas-sens komuni tagħhom.

31      Għandu jiġi kkonstatat li fażi intermedja f’proċess mifrux fuq perijodu ta’ żmien tista’ hija stess tikkostitwixxi sett ta’ ċirkustanzi jew avveniment skont is-sens normalment mogħti lil dawn il-kliem.

32      Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/124 li jistabbilixxi, bħala eżempju ta’ informazzjoni minn ġewwa li l-pubblikazzjoni tagħha tista’ tiġi posposta skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/6, sitwazzjonijiet li jikkostitwixxu każijiet tipiċi ta’ stadji intermedji ta’ proċess gradwali, jiġifieri negozjati pendenti kif ukoll deċiżjonijiet meħuda jew kuntratti mogħtija mill-bord tad-diretturi ta’ persuna li toħroġ it-titoli li jeħtieġu l-approvazzjoni ta’ bord ieħor ta’ din il-persuna li toħroġ it-titoli biex jidħlu fis-seħħ.

33      Barra minn hekk, l-għan tad-Direttiva 2003/6, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 2 u 12 tagħha, huwa li tiġi żgurata l-integrità tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni u li tissaħħaħ il-fiduċja tal-investituri f’dawn is-swieq. Din il-fiduċja hija b’mod partikolari bbażata fuq il-fatt li l-investituri jitqiegħdu fuq bażi ugwali u jkunu protetti b’mod partikolari kontra l-użu illegali ta’ informazzjoni minn ġewwa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck, C‑45/08, Ġabra p. I‑12073, punt 47, kif ukoll tas-7 Lulju 2011, IMC Securities, C‑445/09, Ġabra p. I‑5917, punt 27).

34      F’dan ir-rigward, l-ewwel sentenza tal-premessa 24 tal-imsemmija direttiva tispeċifika li l-komunikazzjoni veloċi u ġusta ta’ informazzjoni lill-pubbliku ssaħħaħ l-integrità tas-suq, filwaqt li l-komunikazzjoni selettiva mill-persuni li joħorġu t-titoli tista’ twassal għal telf ta’ kunfidenza tal-investituri fl-integrità ta’ swieq finanzjarji.

35      Interpretazzjoni tal-kliem “sett ta’ ċirkostanzi” u “okkażjoni [avveniment]” li tinjora l-fażijiet intermedji f’proċess mifrux fuq perijodu ta’ żmien tista’ toħloq riskju ta’ preġudizzju għall-għanijiet hekk kif imfakkra fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, li jiġi eskluż li informazzjoni dwar tali fażi ta’ proċess mifrux fuq perijodu ta’ żmien tista’ titqies ta’ natura preċiża, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/6, ixejjen l-obbligu, previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din tal-aħħar, li din l-informazzjoni tiġi ppubblikata, u dan minkejja li hija jkollha natura totalment speċifika u li saħansitra l-elementi l-oħra li jikkostitwixxu informazzjoni minn ġewwa, kif elenkati fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, huma wkoll preżenti.

36      F’tali sitwazzjoni, ċerti persuni li jkollhom din l-informazzjoni jistgħu jsibu ruħhom f’pożizzjoni vantaġġjuża meta mqabbla mal-investituri oħrajn u jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jnisslu profitt minnha għad-detriment ta’ ħaddieħor li ma jafx biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spector Photo Group u Van Raemdonck, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

37      Ir-riskju li tali sitwazzjoni sseħħ huwa ferm ikbar għaliex huwa possibbli, taħt ċerti ċirkustanzi, li l-eżitu ta’ proċess partikolari jitqies bħala stadju intermedju minn proċess ieħor li min-naħa tiegħu jkun iktar vast.

38      Għaldaqstant, informazzjoni dwar stadju intermedju li tidħol f’proċess mifrux fuq perijodu ta’ żmien tista’ tikkostitwixxi informazzjoni ta’ natura preċiża. Għandu jiġi ppreċiżat li din l-interpretazzjoni ma tapplikax biss għall-istadji li diġà jeżistu jew li diġà seħħew, iżda tikkonċerna wkoll, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124, l-istadji li wieħed jista’ raġonevolment jistenna li ser jeżistu jew li ser iseħħu.

39      Kif jirriżulta mill-punt 29 ta’ din is-sentenza, il-klassifikazzjoni ta’ informazzjoni bħala li hija ta’ natura preċiża hija barra minn hekk suġġetta għall-issodisfar tat-tieni rekwiżit imsemmi fl-imsemmija dispożizzjoni, jiġifieri li l-informazzjoni għandha tkun biżżejjed preċiża sabiex minnha wieħed ikun jista’ jislet konklużjoni dwar l-effett possibbli tas-sett ta’ ċirkustanzi jew tal-avveniment inkwistjoni fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati.

40      Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/6 u l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fir-rigward ta’ proċess mifrux fuq perijodu ta’ żmien intiż li titwettaq ċirkustanza partikolari jew li jseħħ avveniment partikolari, jistgħu jikkostitwixxu informazzjoni ta’ natura preċiża fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mhux biss din iċ-ċirkustanza jew dan l-avveniment, iżda wkoll l-istadji intermedji ta’ dan il-proċess li huma marbuta mat-twettiq tagħhom.

 Fuq it-tieni domanda

41      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “sett ta’ ċirkostanzi [...] li jista’ b’mod raġjonevoli jiġi mistenni li jiġi fl-eżistenza jew okkażjoni [avveniment] li [...] tiġi mistennija b’mod raġjonevoli li tiġri” jirrigwarda biss iċ-ċirkustanzi jew l-avvenimenti li l-probabbiltà tagħhom li jseħħu tista’ titqies bħala preponderanti jew għolja jew jekk dan il-kunċett jimplikax li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-portata tal-effett ta’ dan is-sett ta’ ċirkustanzi jew ta’ dan l-avveniment fuq il-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati.

42      Hemm ċerta diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, uħud minn dawn il-verżjonijiet, b’mod partikolari bil-lingwa Franċiża, Taljana u Olandiża, jużaw il-kliem “wieħed jista’ raġonevolment jaħseb”, filwaqt li verżonijiet oħra, b’mod partikolari bil-lingwa Daniża, Griega, Ingliża u Svediża, jużaw il-kliem “jista’ raġonevolment jiġi mistenni”. Il-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola u Portugiża jirreferu rispettivament għal “sett ta’ ċirkustanzi li jista’ raġonevolment jeżisti” u għal “sett ta’ ċirkustanzi jew avveniment li huma raġonevolment previdibbli”. Fl-aħħar nett, il-kliem użat fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża huwa “bi probabbiltà suffiċjenti” (“mit hinreichender Wahrscheinlichkeit”).

43      Skont ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, il-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew jingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Min-naħa l-oħra, id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi u, għalhekk, f’każ ta’ diverġenzi bejn dawn il-verżjonijiet, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata abbażi tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (ara s-sentenza tat-28 Lulju 2011, Pacific World u FDD International, C‑215/10, Ġabra p. I‑7255, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Issa, bl-eċċezzjoni tal-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża, il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124 li kien hemm meta din tal-aħħar ġiet adottata jużaw l-avverb “b’mod raġonevoli”. Permezz tal-użu ta’ din il-kelma, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa kriterju bbażat fuq ir-regoli mnissla mill-esperjenza komuni sabiex jiġi ddeterminat jekk ċirkustanzi jew avvenimenti futuri jaqgħux jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

45      Sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex raġonevoli li wieħed jaħseb li sett ta’ ċirkustanzi ser jeżisti jew li avveniment ser iseħħ, hemm bżonn li l-elementi diġà disponibbli jiġu evalwati b’mod globali għal kull każ individwali.

46      Għaldaqstant, meta l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124 juża l-kliem “jista’ b’mod raġjonevoli jiġi mistenni”, dan ma għandux jiġi interpretat bħala li qed jirrikjedi t-turija ta’ probabbiltà għolja taċ-ċirkustanzi jew tal-avvenimenti msemmija.

47      Li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/6 u tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124, fir-rigward taċ-ċirkustanzi u tal-okkażjonijiet futuri, jiġi ristrett sa tali punt ta’ probabbiltà joħloq preġudizzju għall-għanijiet imfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, jiġifieri li tiġi żgurata l-integrità tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni u li tissaħħaħ il-fiduċja tal-investituri f’dawn is-swieq. Fil-fatt, f’każ simili, il-persuni ta’ ġewwa jistgħu saħansitra jnisslu benefiċċju indebitu minn ċerta informazzjoni kkunsidrata, minħabba tali interpretazzjoni ristretta, bħala li ma hijiex ta’ natura preċiża, u dan għad-detriment ta’ terzi li ma kinux jafu dwar din l-informazzjoni.

48      Madankollu, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-parteċipanti fis-suq, imsemmija fil-premessa 3 tad-Direttiva 2003/124, li fosthom hemm il-persuni li joħorġu t-titoli, ma tistax titqies bħala ta’ natura preċiża l-informazzjoni dwar ċirkustanzi jew avvenimenti li l-probabbiltà li jseħħu ma tkunx reali. Fil-fatt, f’każ kuntrarju, il-persuni li joħorġu t-titoli jistgħu jqisu li għandhom l-obbligu li jippubblikaw informazzjoni nieqsa minn kull natura konkreta jew li ma tistax tinfluwenza l-prezz tal-istrumenti finanzjarji tagħhom.

49      Minn dan jirriżulta li, permezz tal-użu tal-kliem “jista’ b’mod raġjonevoli jiġi mistenni”, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124 jikkonċerna ċ-ċirkustanzi u l-avvenimenti futuri li minnhom jidher, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni globali tal-elementi diġà disponibbli, li hemm possibbiltà reali li ser jeżistu jew li ser iseħħu.

50      It-tweġiba għall-kwistjoni dwar jekk il-probabbiltà meħtieġa għas-seħħ ta’ sett ta’ ċirkustanzi jew ta’ avveniment tistax tvarja skont il-portata tal-effett tagħhom fuq il-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati għandha tkun fin-negattiv.

51      Fl-ewwel lok, tali interpretazzjoni tas-sens tal-kliem “jista’ b’mod raġjonevoli jiġi mistenni” ma tirriżulta minn ebda verżjoni lingwistika ċċitata fil-punt 42 ta’ din is-sentenza.

52      Fit-tieni lok, interpretazzjoni li iktar ma l-portata tal-effett possibbli ta’ avveniment futur fuq il-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati tkun sinjifikattiva, inqas ma l-grad ta’ probabbiltà meħtieġa jkun għoli sabiex l-informazzjoni marbuta magħhom titqies bħala li hija ta’ natura preċiża, timplika li kull wieħed miż-żewġ elementi li jikkostitwixxi informazzjoni minn ġewwa stabbiliti, rispettivament, fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/124, jiġifieri n-natura preċiża ta’ informazzjoni u l-kapaċità tagħha li tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati, jiddependi mill-element l-ieħor.

53      Il-kriterji speċifikati f’dawn iż-żewġ paragrafi jikkostitwixxu rekwiżiti minimi li kull wieħed minnhom irid jintlaħaq sabiex informazzjoni tkun tista’ titqies “minn ġewwa” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/6.

54      Hekk kif il-Gvern tar-Renju Unit irrileva fl-osservazzjonijiet tiegħu sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi eskluż li informazzjoni dwar avveniment li l-probabbiltà li jseħħ hija żgħira tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-prezz tat-titoli tal-persuna li toħroġ it-titoli sa fejn il-konsegwenzi għal din tal-aħħar ta’ dan l-avveniment jistgħu jkunu partikolarment sinjifikattivi. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi raġonevolment dedott li l-imsemmi avveniment ser iseħħ.

55      Ċertament, kif jirriżulta mill-premessa 1 tad-Direttiva 2003/124, l-investituri raġonevoli jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-investiment fuq l-informazzjoni kollha disponibbli ex ante. Għalhekk, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss “l-impatt antiċipat” ta’ avveniment fuq il-persuna li toħroġ it-titoli, iżda wkoll il-grad ta’ probabbiltà li dan l-avveniment iseħħ. Madankollu, tali kunsiderazzjonijiet huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk informazzjoni tistax tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-prezz tal-istrumenti finanzjarji tal-persuna li toħroġ it-titoli.

56      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “sett ta’ ċirkostanzi [...] li jista’ b’mod raġjonevoli jiġi mistenni li jiġi fl-eżistenza jew okkażjoni [avveniment] li [...] tiġi mistennija b’mod raġjonevoli li tiġri” jirrigwarda ċ-ċirkustanzi jew l-avvenimenti futuri li minnhom jidher, abbażi tal-evalwazzjoni globali tal-elementi diġà disponibbli, li hemm possibbiltà reali li dawn ser jeżistu jew li ser iseħħu. Madankollu, dan il-kunċett ma għandux jiġi interpretat fis-sens li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-portata tal-effett ta’ dan is-sett ta’ ċirkustanzi jew ta’ dan l-avveniment fuq il-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) u l-Artikolu 1(1) tad‑Direttiva tal-Kummissjoni 2003/124/KE, tat-22 ta’ Diċembru 2003, li timplimenta d-Direttiva 2003/6 rigward id-definizzjoni u l-iżvelar pubbliku tat-tagħrif minn ġewwa u d-definizzjoni tal-manipulazzjoni tas-swieq, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fir-rigward ta’ proċess mifrux fuq perijodu ta’ żmien intiż li titwettaq ċirkustanza partikolari jew li jseħħ avveniment partikolari, jistgħu jikkostitwixxu informazzjoni ta’ natura preċiża fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mhux biss din iċ-ċirkustanza jew dan l-avveniment, iżda wkoll l-istadji intermedji ta’ dan il-proċess li huma marbuta mat-twettiq tagħhom.

2)      L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “sett ta’ ċirkostanzi [...] li jista’ b’mod raġjonevoli jiġi mistenni li jiġi fl-eżistenza jew okkażjoni [avveniment] li [...] tiġi mistennija b’mod raġjonevoli li tiġri” jirrigwarda ċ-ċirkustanzi jew l-avvenimenti futuri li minnhom jidher, abbażi ta’ evalwazzjoni globali tal-elementi diġà disponibbli, li hemm possibbiltà reali li dawn ser jeżistu jew li ser iseħħu. Madankollu, dan il-kunċett ma għandux jiġi interpretat fis-sens li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-portata tal-effett ta’ dan is-sett ta’ ċirkustanzi jew ta’ dan l-avveniment fuq il-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.